This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025R0390
Council Regulation (EU) 2025/390 of 24 February 2025 amending Regulation (EU) No 269/2014 concerning restrictive measures in respect of actions undermining or threatening the territorial integrity, sovereignty and independence of Ukraine
Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/390 tal-24 ta’ Frar 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/390 tal-24 ta’ Frar 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
ST/5508/2025/INIT
ĠU L, 2025/390, 24.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/390/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2025/390 |
24.2.2025 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/390
tal-24 ta’ Frar 2025
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1),
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lill-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK. |
(2) |
Fl-24 ta’ Frar 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/388 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK. |
(3) |
Id-Deċiżjoni (PESK) 2025/388 tintroduċi wkoll żewġ kriterji oħra għall-elenkar ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom u għall-projbizzjoni fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi. L-ewwel kriterju japplika għal persuni, entitajiet jew korpi li jippossjedu, jikkontrollaw, jamministraw jew joperaw bastimenti involuti f’ċerti attivitajiet jew li b’xi mod ieħor jipprovdu appoġġ materjali, tekniku jew finanzjarju għall-operazzjonijiet ta’ tali bastimenti. It-tieni kriterju japplika għal persuni, entitajiet jew korpi li huma parti mill-kumpless militari u industrijali tar-Russja, jew jappoġġawh, materjalment jew finanzjarjament, jew jibbenefikaw minnu. Id-Deċiżjoni (PESK) 2025/388 ukoll testendi deroga eżistenti mid-diżinvestiment għal tliet individwi elenkati addizzjonali, tinkludi deroga għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi speċifiċi meħtieġa għas-sistema tal-metro ta’ Budapest u testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ żewġ derogi eżistenti b’rabta ma’ ċerti trasferimenti ta’ fondi u pagamenti. |
(4) |
Id-dħul Russu mill-esportazzjonijiet taż-żejt li jinġarr bil-baħar jammonta għal parti sinifikanti mill-baġit tar-Russja u għalhekk jixpruna l-gwerra illegali ta’ aggressjoni tiegħu kontra l-Ukrajna. Għall-finijiet ta’ dawk l-esportazzjonijiet taż-żejt, ir-Russja qed tiddependi dejjem aktar fuq flotta ta’ bastimenti involuta fi prattiki ta’ tbaħħir ta’ standard inferjuri u ta’ riskju għoli bħal li topera b’assigurazzjoni inadegwata jew ineżistenti (“flotta mistura”). Dawk il-bastimenti joħolqu riskji sinifikanti għas-sikurezza marittima u għall-ambjent għall-Unjoni, għall-Istati Membri kostali tagħha u għall-istati kostali terzi. Dawk ir-riskji ġew identifikati b’mod partikolari mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali fir-riżoluzzjoni A.1192(33) tal-Assemblea Ġenerali tagħha adottata fis-6 ta’ Diċembru 2023, li appellat lill-Istati Membri tagħha u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex jiżviluppaw kapaċitajiet u prattiki ta’ diliġenza dovuta għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rapportar tal-operat ta’ bastimenti tal-flotot mistura u attivitajiet illegali ffaċilitati minn tali bastimenti. L-iskoraġġiment ta’ persuni u entitajiet milli jwettqu u jiffaċilitaw prattiki ta’ tbaħħir b’riskju għoli meta jittrasportaw żejt ta’ oriġini Russa u t-tfixkil ta’ operazzjonijiet tal-flotta mistura għaldaqstant jikkontribwixxu biex tiddgħajjef il-ġenerazzjoni tad-dħul għall-isforzi tal-gwerra Russa filwaqt li fl-istess ħin jappoġġaw miżuri internazzjonali biex tiġi ppreservata u mtejba l-kwalità tal-ambjent. Tali sforzi biex jiġu indirizzati l-attivitajiet tal-flotot mistura jenħtieġ li jiġu implimentati b’mod immirat, filwaqt li jitqies il-livell ta’ responsabbiltà tal-operaturi rilevanti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fl-operazzjonijiet. Barra minn hekk, jenħtieġ li s-servizzi ta’ pilotaġġ meħtieġa għal raġunijiet ta’ sikurezza marittima ma jiġux imfixkla. |
(5) |
Fejn meħtieġ biex tiġi miġġielda ċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 269/2014, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tiskambja informazzjoni dwar kummerċ, tranżazzjonijiet u operaturi ta’ pajjiżi terzi mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi sħab kif imsemmi fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 (4) li japplikaw miżuri restrittivi simili. |
(6) |
Skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ċertu tip ta’ entitajiet, prinċipalment, entitajiet marbutin b’obbligu kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) tagħha, huma meħtieġa jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) tal-Istati Membri. Skont id-Direttiva (UE) 2024/1226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni żdied mal-lista ta’ reati predikati stabbilita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). B’riżultat ta’ dik iż-żieda, u skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva (UE) 2015/849 minn Mejju 2025, l-entitajiet marbutin b’obbligu se jkunu meħtieġa jirrapportaw lill-UIF it-tranżazzjonijiet suspettużi kollha relatati ma’ attività kriminali suspettata marbuta mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jirrikjedi li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu residenti jew fejn jinsabu fi żmien ġimagħtejn minn meta jiksbu dik l-informazzjoni u jikkooperaw ma’ dik l-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta’ tali informazzjoni. Sabiex jiġi evitat rapportar doppju, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dawk il-persuni, l-entitajiet u l-korpi mhumiex meħtieġa li jirrapportaw l-istess informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti għajr l-UIF. |
(7) |
Huwa xieraq li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż billi jissaħħaħ ir-rwol tal-UIF fl-iskambju ta’ informazzjoni li hija rilevanti għall-finijiet tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri restrittivi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 269/2014. |
(8) |
Minħabba li l-konformità tal-operaturi tal-Unjoni hija essenzjali għall-effettività tal-miżuri restrittivi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdilhom assistenza biex tiffaċilita l-konformità tagħhom, speċjalment fejn tali konformità tkun teħtieġ riżorsi sinifikanti u fejn appoġġ ċentralizzat jista’ jtejjeb l-effiċjenza. Dak huwa partikolarment il-każ fir-rigward tad-diliġenza dovuta meħtieġa mill-operaturi tal-Unjoni fir-rigward tas-sħab kummerċjali potenzjali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproċessa d-data personali meħtieġa għal dak l-għan. |
(9) |
Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni korretta tal-miżuri restrittivi u l-protezzjoni adegwata tal-operaturi tal-Unjoni, huwa xieraq li, skont l-Artikolu 11a tar-Regolament (UE) Nru 269/2014, l-operaturi tal-Unjoni jkunu intitolati li jfittxu, fi proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-qrati kompetenti ta’ Stat Membru, kumpens fir-rigward ta’ ċerti danni diretti jew indiretti mġarrba b’riżultat ta’ talbiet ippreżentati mill-entitajiet jew mill-persuni msemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (a) jew (b), ta’ dak ir-Regolament, inkluż danni mġarrba minn persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li dawk l-operaturi tal-Unjoni huma sidien tagħhom jew li jikkontrollaw, soġġett għar-regoli nazzjonali dwar il-projbizzjoni tal-irkupru doppju. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-operaturi tal-Unjoni jkunu jistgħu jfittxu danni minn persuni, entitajiet jew korpi li huma s-sidien jew li jikkontrollaw l-entitajiet jew il-korpi msemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (a) jew (b), tar-Regolament (UE) Nru 269/2014. F’sitwazzjonijiet fejn ir-Russja jew pajjiż terz ieħor jieħdu miżuri biex ixekklu l-konformità mar-Regolament (UE) Nru 269/2014, l-operaturi tal-Unjoni jistgħu jitqiesu bħala li huma de facto mċaħħda milli jkollhom aċċess effettiv għar-rimedji f’dawk il-ġuriżdizzjonijiet domestiċi. |
(10) |
Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi u jiġu rimedjati sitwazzjonijiet possibbli ta’ ċaħda ta’ ġustizzja, huwa xieraq li jiġi previst forum necessitatis biex jippermetti lil qorti ta’ Stat Membru, fuq bażi eċċezzjonali, tiddeċiedi dwar talba għad-danni mressqa skont l-Artikolu 11a tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 meta l-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru ma tistabbilixxix il-ġuriżdizzjoni tal-qorti ta’ kwalunkwe Stat Membru partikolari. Madankollu, il-ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-forum necessitatis jenħtieġ li tiġi eżerċitata biss meta kawża tkun konnessa biżżejjed mal-Istat Membru tal-qorti invokata, pereżempju meta r-rikorrent ikun domiċiljat fi, jew inkorporat taħt il-liġi ta’, dak l-Istat Membru. |
(11) |
Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 japplika biss fil-limiti ġuriżdizzjonali definiti fl-Artikolu 17 tiegħu. Fl-istess ħin, jekk l-operaturi tal-Unjoni jkunu jistgħu u jasserixxu b’mod effettiv influwenza deċiżiva fuq it-tmexxija ta’ persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra mill-Unjoni, dawn jistgħu jkunu responsabbli għall-azzjonijiet ta’ dik il-persuna fiżika, l-entità jew il-korp li jfixklu l-miżuri restrittivi u jenħtieġ li jużaw l-influwenza tagħhom biex jipprevjenu dawk l-azzjonijiet milli jseħħu. |
(12) |
Tali influwenza tista’ tirriżulta mis-sjieda jew mill-kontroll fuq il-persuna ġuridika, l-entità jew il-korp. Sjieda tfisser il-pussess ta’ 50 % jew aktar tad-drittijiet proprjetarji tal-persuna ġuridika, l-entità jew il-korp, jew interess maġġoritarju fihom. L-elementi li jindikaw kontroll jinkludu: id-dritt jew is-setgħa li tinħatar jew titneħħa maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju; id-dritt li jintużaw l-assi kollha tal-persuna ġuridika, l-entità jew il-korp, jew parti minnhom; il-ġestjoni tan-negozju tal-persuna ġuridika, l-entità jew il-korp fuq bażi unifikata, filwaqt li jiġu ppubblikati kontijiet konsolidati; jew id-dritt li tiġi eżerċitata influwenza dominanti fuq il-persuna ġuridika, l-entità jew il-korp. |
(13) |
Huwa xieraq li l-operaturi tal-Unjoni jkunu meħtieġa jagħmlu mill-aħjar tagħhom biex jiżguraw li l-persuni ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi stabbiliti barra mill-Unjoni li jkollhom fis-sjieda jew li jikkontrollaw ma jipparteċipawx f’attivitajiet li jfixklu l-miżuri restrittivi previsti fir-Regolament (UE) Nru 269/2014. Tali attivitajiet huma dawk li jirriżultaw f’effett li dawk il-miżuri restrittivi jfittxu li jipprevjenu, pereżempju, li fondi jew riżorsi ekonomiċi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ persuna elenkata fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014. |
(14) |
Jenħtieġ li l-aħjar sforzi jinftiehmu li jkunu l-azzjonijiet kollha xierqa u meħtieġa għall-kisba tar-riżultat li jkun il-prevenzjoni tat-tfixkil tal-miżuri restrittivi fir-Regolament (UE) Nru 269/2014. Dawk l-azzjonijiet jistgħu jinkludu, pereżempju, l-implimentazzjoni ta’ politiki, kontrolli u proċeduri xierqa għall-mitigazzjoni u l-immaniġġar effettivi tar-riskju, waqt li jitqiesu fatturi bħall-pajjiż terz tal-istabbiliment, is-settur ta’ negozju u t-tip ta’ attività tal-persuna ġuridika, entità jew korp proprjetà tal-operatur tal-Unjoni jew taħt il-kontroll tiegħu. Fl-istess ħin, l-aħjar sforzi jenħtieġ li jinftiehmu bħala li jinkludu biss azzjonijiet li huma fattibbli għall-operatur tal-Unjoni minħabba n-natura tiegħu, id-daqs tiegħu u ċ-ċirkostanzi fattwali rilevanti, b’mod partikolari l-grad ta’ kontroll effettiv fuq il-persuna ġuridika, l-entità jew il-korp stabbiliti barra mill-Unjoni. Tali ċirkostanzi jinkludu s-sitwazzjoni fejn l-operatur tal-Unjoni, minħabba raġunijiet li ma kkawżax huwa stess, bħal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz, ma jkunx jista’ jeżerċita kontroll fuq persuna ġuridika, entità jew korp li huwa s-sid tagħhom. |
(15) |
Huwa xieraq li jsiru għadd ta’ emendi tekniċi sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 269/2014, inklużi dawk li jikkonċernaw dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-ipproċessar ta’ data personali. |
(16) |
Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni. |
(17) |
Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 3(1), jiżdiedu l-punti li ġejjin:
; |
(2) |
l-Artikolu 6a huwa emendat kif ġej:
|
(3) |
l-Artikolu 6b huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:
|
(5) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 8a 1. Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-data personali sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament fir-rigward tal-kontribut tagħha għall-implimentazzjoni, l-infurzar u l-prevenzjoni korretti taċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri imposti skont dan ir-Regolament. 2. Il-Kummissjoni għandha tipproċessa data personali, inklużi kategoriji speċjali ta’ data personali u data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati kif definit fl-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li jkunu soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti f’dan ir-Regolament, sabiex tassisti lill-persuni msemmija fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament fil-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament.” |
(6) |
l-Artikolu 11a huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 11a Kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 17, il-punt (c) jew (d) għandha tkun intitolata tirkupra, fil-proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-qrati kompetenti ta’ Stat Membru, kwalunkwe dannu dirett jew indirett, inklużi spejjeż legali, imġarrba minn dik il-persuna, jew minn persuna ġuridika, entità jew korp li l-persuna msemmija fl-Artikolu 17, il-punt (d), tkun proprjetarja tagħha jew li tikkontrolla, b’konsegwenza ta’ pretensjonijiet ippreżentati quddiem il-qrati f’pajjiżi terzi minn persuni, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 11(1), il-punti (a) jew (b), b’rabta ma’ kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom ikun ġie affettwat, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, bil-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, dment li dik il-persuna kkonċernata ma jkollhiex aċċess effettiv għar-rimedji taħt il-ġuriżdizzjoni rilevanti. Tali danni jistgħu jiġu rkuprati mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (a) jew (b), li ppreżentaw il-pretensjonijiet fil-qrati fil-pajjiż terz, jew minn persuni, entitajiet jew korpi fir-Russja li huma sidien ta’ jew jikkontrollaw dawk l-entitajiet jew korpi.” |
(7) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 11b Meta l-ebda qorti ta’ Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta’ Stat Membru, qorti ta’ Stat Membru tista’, fuq bażi eċċezzjonali, tisma’ talba għad-danni mressqa skont l-Artikolu 11a, dment li l-każ ikollu konnessjoni suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti invokata.” |
(8) |
fl-Artikolu 12(1), jiżdied il-punt li ġej:
; |
(9) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 15a Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jiżguraw li kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra mill-Unjoni li huma sidien tagħhom jew li jikkontrollaw, ma jipparteċipawx f’attivitajiet li jfixklu l-miżuri restrittivi previsti f’dan ir-Regolament.” |
(10) |
fl-Artikolu 16a, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej: “2. Kwalunkwe dokument miżmum mill-Kunsill, il-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-‘Rappreżentant Għoli’) għall-fini li jiġi żgurat l-infurzar tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew tal-prevenzjoni tal-ksur jew iċ-ċirkumvenzjoni tiegħu, għandu jkun soġġett għas-segretezza professjonali u għandu jgawdi mill-protezzjoni mogħtija mir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dik il-protezzjoni għandha tapplika wkoll għall-proposti konġunti mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni għall-emendar ta’ dan ir-Regolament u għal kwalunkwe dokument ta’ tħejjija marbut magħhom. Għandu jiġi preżunt li d-divulgazzjoni ta’ kwalunkwe dokument jew proposta msemmija fl-ewwel subparagrafu tagħmel ħsara lis-sigurtà tal-Unjoni jew lis-sigurtà ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tagħha jew lit-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom.”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brusseell, l-24 ta’ Frar 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/145(1)/oj.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/269/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/388 tal-24 ta’ Frar 2025 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2025/388, 24.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/388/oj).
(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/833/oj).
(5) Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/849/oj).
(6) Id-Direttiva (UE) 2024/1226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ penali għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva (UE) 2018/1673 (ĠU L, 2024/1226, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1226/oj).
(7) Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/1673/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/390/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)