This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025R0301
Commission Delegated Regulation (EU) 2025/301 of 23 October 2024 supplementing Regulation (EU) 2022/2554 of the European Parliament and of the Council with regard to regulatory technical standards specifying the content and time limits for the initial notification of, and intermediate and final report on, major ICT-related incidents, and the content of the voluntary notification for significant cyber threats
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/301 tat-23 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut u l-limiti ta’ żmien għan-notifika inizjali ta’ inċidenti kbar relatati mal-ICT, u r-rapport intermedju u dak finali dwarhom, u l-kontenut tan-notifika volontarja għal theddid ċibernetiku sinifikanti
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/301 tat-23 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut u l-limiti ta’ żmien għan-notifika inizjali ta’ inċidenti kbar relatati mal-ICT, u r-rapport intermedju u dak finali dwarhom, u l-kontenut tan-notifika volontarja għal theddid ċibernetiku sinifikanti
C/2024/6901
ĠU L, 2025/301, 20.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/301/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/301 |
20.2.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/301
tat-23 ta’ Ottubru 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut u l-limiti ta’ żmien għan-notifika inizjali ta’ inċidenti kbar relatati mal-ICT, u r-rapport intermedju u dak finali dwarhom, u l-kontenut tan-notifika volontarja għal theddid ċibernetiku sinifikanti
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20, it-tielet subparagrafu tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ notifika u rapportar għal inċidenti kbar relatati mal-ICT imsemmija fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2022/2554, il-limiti ta’ żmien għar-rapportar ta’ inċidenti kbar relatati mal-ICT jenħtieġ li jsegwu approċċ konsistenti għat-tipi kollha ta’ entitajiet finanzjarji. Għal dawn ir-raġunijiet, il-limiti ta’ żmien jenħtieġ li jsegwu wkoll, kemm jista’ jkun, approċċ konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u tal-anqas ikunu ekwivalenti għalihom f’dak li jirrigwarda l-effett. |
|
(2) |
Sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piż mhux dovut ta’ rapportar fuq l-entitajiet finanzjarji fi żmien meta jkunu qed jittrattaw inċident relatat mal-ICT, il-kontenut tan-notifika inizjali jenħtieġ li jkun limitat għall-aktar informazzjoni sinifikanti. Sabiex ikunu jistgħu jieħdu azzjoni superviżorja xierqa, l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jirċievu informazzjoni dwar inċidenti kbar relatati mal-ICT malajr kemm jista’ jkun wara li l-entità finanzjarja tkun ikklassifikat inċident relatat mal-ICT bħala kbir. Konsegwentement, il-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ notifika inizjali kif imsemmi fl-Artikolu 19(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2022/2554 jenħtieġ li jkun qasir kemm jista’ jkun wara li inċident relatat mal-ICT ikun ġie kklassifikat bħala kbir, filwaqt li xorta jippermetti flessibbiltà, speċjalment għal mudelli ta’ negozju tas-servizzi li ż-żmien mhux partikolarment kritiku għalihom, f’każ li l-entitajiet finanzjarji jeħtieġu aktar żmien biex jittrattaw l-inċident relatat mal-ICT wara li jsiru konxji minnu. |
|
(3) |
Wara li jkunu rċevew in-notifika inizjali, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jirċievu informazzjoni aktar dettaljata dwar l-inċident relatat mal-ICT fir-rapport intermedju u l-informazzjoni rilevanti kollha fir-rapport finali. L-informazzjoni f’dawk ir-rapporti jenħtieġ li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw aktar l-inċident relatat mal-ICT u jevalwaw l-azzjonijiet superviżorji li jistgħu jkunu jridu jieħdu. |
|
(4) |
Il-limiti ta’ żmien għar-rapportar imsemmija fl-Artikolu 20, l-ewwel paragrafu, il-punt (a)(ii), tar-Regolament (UE) 2022/2554 jenħtieġ li għalhekk jżommu bilanċ bejn il-ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu l-informazzjoni malajr u l-ħtieġa li l-entitajiet finanzjarji jingħataw biżżejjed żmien biex jiksbu informazzjoni kompluta u preċiża. |
|
(5) |
Filwaqt li jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 20, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2022/2554, l-iskedi ta’ żmien tar-rapportar jenħtieġ li ma joħolqux piż sproporzjonat għall-mikrointrapriżi u għal entitajiet finanzjarji oħra mhux ta’ daqs sinifikanti. Barra minn hekk, biex jiġi evitat piż sproporzjonat fuq l-entitajiet finanzjarji, il-limiti ta’ żmien għar-rapportar jenħtieġ li jqisu tmiem il-ġimgħat u l-vaganzi bankarji. |
|
(6) |
Peress li t-theddid ċibernetiku sinifikanti għandu jiġi nnotifikat fuq bażi volontarja, il-kontenut ta’ tali notifiki jenħtieġ li ma jimponix piż fuq l-entitajiet finanzjarji u jenħtieġ li jkun aktar limitat mill-informazzjoni mitluba għal inċidenti kbar relatati mal-ICT. |
|
(7) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. |
|
(8) |
L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej wettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbu l-parir tal-Gruppi tal-Partijiet Ikkonċernati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 (3), (UE) Nru 1094/2010 (4), u (UE) Nru 1095/2010 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
|
(9) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u ta opinjoni pożittiva fit-22 ta’ Lulju 2024. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mal-prinċipji u mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-protezzjoni tad-data tar-Regolament (UE) 2018/1725, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Informazzjoni ġenerali li għandha tiġi pprovduta fin-notifiki inizjali u fir-rapporti intermedji u finali dwar inċidenti kbar relatati mal-ICT
L-entitajiet finanzjarji għandhom jinkludu fin-notifika inizjali, fir-rapport intermedju u fir-rapport finali, kif msemmi fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2022/2554, din l-informazzjoni ġenerali:
|
(a) |
x’tip ta’ sottomissjoni hija (notifika inizjali, rapport intermedju, jew rapport finali); |
|
(b) |
l-isem tal-entità finanzjarja, il-kodiċi LEI tagħha u t-tip ta’ entità finanzjarja, kif msemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554; |
|
(c) |
l-isem u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-entità li tissottometti n-notifika inizjali, jew ir-rapport intermedju jew finali, għall-entità finanzjarja; |
|
(d) |
fejn applikabbli, l-ismijiet u l-kodiċijiet LEI tal-entitajiet finanzjarji kollha koperti fin-notifika inizjali aggregata jew fir-rapport intermedju jew finali; |
|
(e) |
id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni responsabbli mill-komunikazzjoni mal-awtorità kompetenti dwar l-inċident kbir relatat mal-ICT; |
|
(f) |
fejn applikabbli, l-identifikazzjoni tal-impriża prinċipali tal-grupp li għalih tappartjeni l-entità finanzjarja; |
|
(g) |
fejn ikun hemm impatt monetarju, il-munita li fuqha huma bbażati l-ammonti. |
Artikolu 2
Informazzjoni speċifika li għandha tiġi pprovduta fin-notifiki inizjali
In-notifiki inizjali kif imsemmija fl-Artikolu 19(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2022/2554 għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni speċifika kollha li ġejja:
|
(a) |
il-kodiċi ta’ referenza tal-inċident assenjat mill-entità finanzjarja; |
|
(b) |
id-data tad-detezzjoni, il-ħin tad-detezzjoni, u l-klassifikazzjoni tal-inċident skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1772 (7); |
|
(c) |
deskrizzjoni tal-inċident relatat mal-ICT; |
|
(d) |
il-kriterji, stabbiliti fl-Artikoli minn 1 sa 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1772, li abbażi tagħhom l-entità finanzjarja kklassifikat l-inċident relatat mal-ICT bħala kbir; |
|
(e) |
l-Istati Membri li huma affettwati mill-inċident relatat mal-ICT; |
|
(f) |
informazzjoni dwar kif instab l-inċident relatat mal-ICT; |
|
(g) |
fejn disponibbli, informazzjoni dwar l-oriġini tal-inċident relatat mal-ICT; |
|
(h) |
informazzjoni dwar jekk l-entità finanzjarja tkunx attivat pjan għall-kontinwità tal-operat; |
|
(i) |
fejn applikabbli, informazzjoni dwar ir-riklassifikazzjoni tal-inċident relatat mal-ICT minn kbir għal mhux kbir; |
|
(j) |
fejn disponibbli, kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. |
Artikolu 3
Informazzjoni speċifika li għandha tiġi pprovduta fir-rapporti intermedji
Ir-rapporti intermedji kif imsemmi fl-Artikolu 19(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2022/2554 għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni speċifika kollha li ġejja:
|
(a) |
fejn applikabbli, il-kodiċi ta’ referenza tal-inċident ipprovdut mill-awtorità kompetenti; |
|
(b) |
id-data u l-ħin tal-okkorrenza tal-inċident relatat mal-ICT; |
|
(c) |
fejn applikabbli, id-data u l-ħin meta l-entità finanzjarja tkun irkuprat l-attivitajiet regolari tagħha; |
|
(d) |
informazzjoni dwar kif il-kriterji, stabbiliti fl-Artikoli minn 1 sa 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1772 ġew issodisfati, u li abbażi tagħhom l-entità finanzjarja kklassifikat l-inċident relatat mal-ICT bħala kbir; |
|
(e) |
it-tip ta’ inċident relatat mal-ICT; |
|
(f) |
fejn applikabbli, it-theddidiet u t-tekniki użati mill-attur tat-theddidiet; |
|
(g) |
l-oqsma funzjonali u l-proċessi tan-negozju affettwati; |
|
(h) |
il-komponenti tal-infrastruttura affettwati li jappoġġaw il-proċessi tan-negozju; |
|
(i) |
l-impatt fuq l-interess finanzjarju tal-klijenti; |
|
(j) |
informazzjoni marbuta mar-rappurtar dwar l-inċident relatat mal-ICT lil awtoritajiet oħra; |
|
(k) |
azzjonijiet jew miżuri temporanji meħuda jew ippjanati li jittieħdu mill-entità finanzjarja biex tirkupra mill-inċident relatat mal-ICT; |
|
(l) |
fejn applikabbli, informazzjoni dwar indikaturi ta’ kompromess. |
Artikolu 4
Informazzjoni speċifika dwar l-Artikolu li għandha tiġi pprovduta fir-rapporti finali
Ir-rapporti finali kif imsemmi fl-Artikolu 19(4), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2022/2554 għandu jkun fihom l-informazzjoni speċifika kollha li ġejja:
|
(a) |
informazzjoni dwar il-kawżi ewlenin tal-inċident relatat mal-ICT; |
|
(b) |
id-dati u l-ħinijiet meta ġie solvut l-inċident relatat mal-ICT u l-kawża/i ewlenija/ewlenin indirizzata/i; |
|
(c) |
informazzjoni dwar is-soluzzjoni tal-inċident relatat mal-ICT; |
|
(d) |
fejn applikabbli, informazzjoni rilevanti għall-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni; |
|
(e) |
informazzjoni dwar il-kostijiet u t-telf diretti u indiretti li jirriżultaw mill-inċident relatat mal-ICT u informazzjoni dwar l-irkupri finanzjarji; |
|
(f) |
fejn applikabbli, informazzjoni dwar inċidenti relatati mal-ICT rikorrenti. |
Artikolu 5
Limiti ta’ żmien għan-notifika inizjali, u għar-rapporti intermedji u finali
1. L-entitajiet finanzjarji għandhom jissottomettu n-notifika inizjali u r-rapporti intermedji u finali kif imsemmi fl-Artikolu 19(4), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2022/2554 fil-limiti ta’ żmien li ġejjin:
|
(a) |
għar-rapport inizjali: kmieni kemm jista’ jkun, iżda fi kwalunkwe każ, fi żmien erba’ sigħat mill-klassifikazzjoni tal-inċident relatat mal-ICT bħala inċident kbir relatat mal-ICT u mhux aktar tard minn 24 siegħa mill-mument li l-entità finanzjarja tkun saret konxja tal-inċident relatat mal-ICT; |
|
(b) |
għar-rapport intermedju: mhux aktar tard minn 72 siegħa mis-sottomissjoni tan-notifika inizjali, anki meta l-istatus jew it-trattament tal-inċident ma jkunux inbidlu kif imsemmi fl-Artikolu 19(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2022/2554. L-entitajiet finanzjarji għandhom jissottomettu rapport intermedju aġġornat mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ wara li jkunu ġew irkuprati l-attivitajiet regolari; |
|
(c) |
għar-rapport finali: mhux aktar tard minn xahar wara s-sottomissjoni tar-rapport intermedju, jew, fejn applikabbli, wara l-aħħar rapport intermedju aġġornat. |
2. Meta l-entità finanzjarja ma tkunx ikklassifikat inċident relatat mal-ICT bħala kbir fi żmien 24 siegħa mill-mument li fih l-entità finanzjarja tkun saret taf bl-inċident relatat mal-ICT iżda tikklassifika dak l-inċident relatat mal-ICT bħala kbir fi stadju aktar tard, l-entità finanzjarja għandha tippreżenta n-notifika inizjali fi żmien erba’ sigħat mill-klassifikazzjoni tal-inċident relatat mal-ICT bħala inċident kbir.
3. L-entitajiet finanzjarji li ma jkunux jistgħu jissottomettu n-notifika inizjali, ir-rapport intermedju, jew ir-rapport finali fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti b’dan mingħajr dewmien żejjed, iżda mhux aktar tard mil-limiti ta’ żmien rispettivi għas-sottomissjoni tan-notifika jew tar-rapport, u għandhom jispjegaw ir-raġunijiet għad-dewmien.
4. Meta l-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ notifika inizjali, rapport intermedju, jew rapport finali jaqa’ fi tmiem il-ġimgħa jew festa pubblika fl-Istat Membru tal-entità finanzjarja relatriċi, l-entità finanzjarja tista’ tissottometti n-notifika inizjali, ir-rapporti intermedji jew finali sa nofsinhar tal-jum tax-xogħol li jmiss.
5. Il-paragrafu 4 ma għandux japplika għas-sottomissjoni ta’ notifika inizjali jew rapport intermedju minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, kontropartijiet ċentrali, operaturi ta’ ċentri tan-negozjar, u entitajiet finanzjarji oħra identifikati bħala entitajiet essenzjali jew importanti skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2022/2555.
6. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafu 4 ma għandux japplika għas-sottomissjoni ta’ notifika inizjali jew ta’ rapport intermedju mill-entitajiet finanzjarji, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 5, li huma sinifikanti jew li għandhom karattru sistemiku għas-settur finanzjarju fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom lill-entitajiet finanzjarji identifikati. Id-Deċiżjoni tal-awtorità kompetenti għandha tapplika biss fir-rigward ta’ inċidenti rrapportati wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni mill-awtorità kompetenti lill-entitajiet finanzjarji identifikati.
Artikolu 6
Il-kontenut ta’ notifika volontarja dwar theddid ċibernetiku sinifikanti
Il-kontenut ta’ notifika volontarja dwar theddid ċibernetiku sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) 2022/2554 għandu jkopri dan kollu li ġej:
|
(a) |
informazzjoni ġenerali dwar l-entità finanzjarja notifikanti kif stabbilit fl-Artikolu 1; |
|
(b) |
id-data u l-ħin tad-detezzjoni tat-theddida ċibernetika sinifikanti u kwalunkwe kronogramma rilevanti oħra relatata mat-theddida ċibernetika sinifikanti; |
|
(c) |
deskrizzjoni tat-theddida ċibernetika sinifikanti; |
|
(d) |
informazzjoni dwar l-impatt potenzjali tat-theddida ċibernetika sinifikanti fuq l-entità finanzjarja, il-klijenti tagħha, jew il-kontropartijiet finanzjarji; |
|
(e) |
il-kriterji ta’ klassifikazzjoni, li kienu jiskattaw ir-rapport ta’ inċident kbir, stabbiliti fl-Artikoli minn 1 sa 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2024/1772 li kieku t-theddida ċibernetika seħħet; |
|
(f) |
informazzjoni dwar l-istatus tat-theddida ċibernetika sinifikanti u kwalunkwe bidla fl-attività tat-theddida; |
|
(g) |
fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħuda mill-entità finanzjarja biex tipprevjeni milli jseħħu theddidiet ċibernetiku sinifikanti; |
|
(h) |
informazzjoni dwar kwalunkwe notifika tat-theddida ċibernetika sinifikanti lil entitajiet jew awtoritajiet finanzjarji oħra; |
|
(i) |
fejn applikabbli, informazzjoni dwar indikaturi ta’ kompromess; |
|
(j) |
fejn disponibbli, kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. |
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj.
(2) Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1094/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).
(6) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(7) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/1772 tat-13 ta’ Marzu 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji għall-klassifikazzjoni ta’ inċidenti relatati mal-ICT u theddid ċibernetiku, li jistabbilixxi livelli limitu ta’ materjalità u li jispeċifika d-dettalji tar-rapporti ta’ inċidenti kbar (ĠU L, 2024/1772, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1772/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/301/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)