Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025R0292

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/292 tas-26 ta’ Settembru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu mudell ta’ dokument għal arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi

C/2024/6649

ĠU L, 2025/292, 13.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/292/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/292/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/292

13.2.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/292

tas-26 ta’ Settembru 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu mudell ta’ dokument għal arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 107(3), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 107(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jirrikjedi li, fejn meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jikkonkludu arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi dwar l-iskambju ta’ informazzjoni u l-infurzar tal-obbligi li jirriżultaw skont dak ir-Regolament f’pajjiżi terzi.

(2)

Fil-finalizzazzjoni ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni ġodda u tal-aġġornament ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni eżistenti mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, fejn possibbli, jużaw il-mudell ta’ dokument stabbilit f’dan ir-Regolament.

(3)

Kwalunkwe trasferiment ta’ data personali ta’ pajjiżi terzi lill-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jitwettaq f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Salvagwardji xierqa għall-iskambju ta’ data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiġu previsti, fost affarijiet oħra, permezz ta’ arranġamenti amministrattivi msemmija fl-Artikolu 46(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679, li jinkludu drittijiet infurzabbli u effettivi tas-suġġett tad-data.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority), f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea u ppreżentat lill-Kummissjoni.

(5)

L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-introduzzjoni ta’ tali standards, peress li kieku għamlet dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt ta’ dawk l-istandards, filwaqt li jitqies il-fatt li d-destinatarji tal-istandards ikunu biss l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq.

(6)

L-ESMA talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(7)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta l-opinjoni tiegħu fis-27 ta’ Mejju 2024,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Arranġamenti ta’ kooperazzjoni

Il-mudell ta’ dokument li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, fejn possibbli għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 107(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114 huwa stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Trasferimenti ta’ data personali

Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddependu fuq arranġament amministrattiv skont l-Artikolu 46(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2016/679 għat-trasferiment ta’ data personali lill-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi, dak l-arranġament għandu jiġi anness mal-arranġament ta’ kooperazzjoni finalizzat f’konformità mal-Artikolu 107(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2016/679/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ANNESS

Mudell ta’ dokument għall-arranġamenti ta’ kooperazzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji f’pajjiżi terzi u l-infurzar tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament (UE) 2023/1114 f’pajjiżi terzi

1.   Introduzzjoni

Deskrizzjoni tal-bażi legali ta’ kull awtorità firmatarja għall-iskambju ta’ informazzjoni sabiex tkun tista’ twettaq id-dmirijiet tagħha f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tagħha relatati mas-swieq fil-kriptoassi.

Dikjarazzjoni li skont il-liġijiet u r-regolamenti li jikkostitwixxu l-bażi legali għall-iskambju ta’ informazzjoni, l-awtoritajiet firmatarji għandhom jipprovdu lil xulxin assistenza mutwa u reċiproka f’konformità mal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni.

Dikjarazzjoni li d-dispożizzjonijiet tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni mhumiex maħsuba biex joħolqu obbligi legalment vinkolanti jew jieħdu post il-liġi domestika.

2.   Definizzjonijiet

Lista xierqa ta’ definizzjonijiet li jkopru t-termini użati fl-arranġamenti ta’ kooperazzjoni.

3.   Tip ta’ assistenza li għandha tingħata

Deskrizzjoni tat-tip ta’ assistenza li għandha tingħata f’konformità mal-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) 2023/1114 bħal:

(a)

il-kisba ta’ informazzjoni miżmuma fil-fajls tal-awtorità li ssirilha t-talba;

(b)

il-kisba ta’ dikjarazzjonijiet jew informazzjoni minn kwalunkwe persuna;

(c)

il-kisba ta’ dokumenti minn persuni jew entitajiet inkluż permezz tat-twettiq ta’ spezzjonijiet fuq il-post;

(d)

il-kisba ta’ rekords tad-data dwar it-traffiku, sa fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali u, fejn applikabbli, bl-assistenza tal-awtorità ġudizzjarja xierqa skont l-implimentazzjoni tal-Artikolu 94(3), punt (e), tar-Regolament (UE) 2023/1114 jew kwalunkwe setgħa ekwivalenti skont il-liġijiet tal-pajjiż terz rilevanti;

(e)

il-kisba jew l-assistenza fil-kisba tal-iffriżar jew is-sekwestru ta’ assi f’konformità mal-Artikolu 94(3), punt (f), tar-Regolament (UE) 2023/1114 jew kwalunkwe setgħa ekwivalenti skont il-liġijiet tal-pajjiż terz rilevanti;

(f)

il-kisba jew l-assistenza fil-kisba ta’ waqfien temporanju ta’ kwalunkwe prattika jew kondotta li titqies li tmur kontra l-liġijiet u r-regolamenti relatati mas-swieq fil-kriptoassi f’konformità mal-Artikolu 94(1), punt (v), tar-Regolament (UE) 2023/1114 jew kwalunkwe setgħa ekwivalenti skont il-liġijiet tal-pajjiż terz rilevanti;

4.   Dispożizzjonijiet ġenerali - ċaħda ta’ assistenza

Lista ta’ każijiet li fihom it-talbiet għal kooperazzjoni jistgħu jiġu miċħuda mill-awtoritajiet kompetenti għandha tinkludi:

(a)

it-talba ma ssirx f’konformità mal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni;

(b)

it-talba tkun teħtieġ li l-awtorità li ssirilha t-talba taġixxi b’mod li tikser il-liġi domestika;

(c)

il-komunikazzjoni tal-informazzjoni rilevanti tista’ taffettwa ħażin is-sigurtà tal-ġuriżdizzjoni indirizzata, b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-terroriżmu jew reati serji oħra;

(d)

il-konformità mat-talba tista’ taffettwa ħażin l-investigazzjoni proprja, bħal investigazzjoni kriminali, mill-awtorità li ssirilha t-talba jew mill-attivitajiet ta’ infurzar tagħha

(e)

il-proċedimenti ġudizzjarji jkunu diġà nbdew fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet rilevanti tal-ġuriżdizzjoni indirizzata;

(f)

tkun diġà ngħatat sentenza finali fir-rigward tal-istess persuni għall-istess azzjonijiet fil-ġuriżdizzjoni indirizzata, sakemm l-awtorità rikjedenti ma tkunx tista’ turi li l-għajnuna jew is-sanzjonijiet mitluba fi kwalunkwe proċediment mibdi mill-awtorità rikjedenti ma jkunux tal-istess natura jew jikkostitwixxu dupplikazzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna jew sanzjoni miksuba fil-ġuriżdizzjoni tal-awtorità li ssirilha t-talba.

L-assistenza ma għandhiex tiġi miċħuda għar-raġuni li t-tip ta’ kondotta taħt investigazzjoni ma tikkostitwixxix ksur tal-liġijiet u r-regolamenti relatati mas-swieq fil-kriptoassi tal-ġuriżdizzjoni tal-awtorità li tirċievi t-talba.

5.   Kif jintbagħtu u jiġu pproċessati t-talbiet għall-assistenza

Deskrizzjoni tal-proċedura biex jintbagħtu u jiġu pproċessati t-talbiet għall-assistenza.

6.   Użu permessibbli tal-informazzjoni

Deskrizzjoni tar-regoli dwar l-użu permissibbli tal-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 107(5) tar-Regolament (UE) 2023/1114 u li l-informazzjoni pprovduta għandha tkun intiża għat-twettiq tal-kompiti tal-awtorità rikjedenti biex tiżgura l-konformità u l-infurzar tal-liġijiet u r-regolamenti relatati mas-swieq fil-kriptoassi. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-finijiet stabbiliti fit-talba għall-assistenza.

Jekk awtorità rikjedenti jkollha l-intenzjoni li tuża l-informazzjoni pprovduta skont l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni għal kwalunkwe għan ieħor għajr dak iddikjarat f’din it-taqsima, hija għandha tikseb il-kunsens minn qabel tal-awtorità li ssirilha t-talba.

7.   Ipproċessar ta’ data personali

Indikazzjoni li l-ipproċessar ta’ data personali għandu jitwettaq f’konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/679.

8.   Restrizzjonijiet tal-kunfidenzjalità

Deskrizzjoni tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe informazzjoni żvelata, riċevuta, skambjata jew trażmessa. Id-deskrizzjoni għandha tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni kollha skambjata bejn l-awtoritajiet firmatarji skont l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni li tikkonċerna n-negozji jew il-kundizzjonijiet operazzjonali jew affarijiet ekonomiċi jew personali oħra għandha titqies bħala kunfidenzjali u għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali, għajr fejn l-awtorità li ssirilha t-talba tiddikjara, fil-ħin tat-trażmissjoni tal-informazzjoni, li tista’ tiġi żvelata l-informazzjoni, jew fejn tali żvelar ikun meħtieġ għal proċedimenti legali;

(b)

l-obbligu tas-segretezza professjonali japplika għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet firmatarji. l-informazzjoni koperta mis-segretezza professjonali ma tistax tiġi żvelata lil xi persuna fiżika jew ġuridika jew lil xi awtorità oħra għajr bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, jew bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-liġijiet tal-pajjiż terz rilevanti tal-anqas ekwivalenti għal tali dispożizzjonijiet.

L-informazzjoni skambjata ma għandhiex tiġi żvelata lil xi awtorità jew entità oħra għajr bil-qbil minn qabel tal-awtorità firmatarja li ipprovdietha.

9.   Dispożizzjonijiet ġenerali — identifikazzjoni ta’ punt ta’ kuntatt

Biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni skont l-arranġamenti, id-deżinjazzjoni ta’ punti ta’ kuntatt mill-awtoritajiet firmatarji.

10.   Dispożizzjonijiet ġenerali — klawsola ta’ reviżjoni

Reviżjoni perjodika mill-awtoritajiet firmatarji tal-funzjonament u l-effettività tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni bil-ħsieb li jitwessa’ jew jinbidel il-kamp ta’ applikazzjoni jew it-tħaddim tal-arranġamenti, fejn meħtieġ.

11.   Dispożizzjonijiet oħra — Mixellanji


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/292/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top