Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025L0516

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2025/516 tal-11 ta’ Marzu 2025 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali

ST/15342/2024/INIT

ĠU L, 2025/516, 25.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/516/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 25/03/2025

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/516/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/516

25.3.2025

DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2025/516

tal-11 ta’ Marzu 2025

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT għall-era diġitali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Iż-żieda fl-ekonomija diġitali kellha impatt sinifikanti fuq it-tħaddim tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) tal-Unjoni, peress li mhijiex adattata għall-mudelli kummerċjali diġitali l-ġodda u ma tippermettix l-użu sħiħ tad-data ġġenerata mid-diġitalizzazzjoni. Jenħtieġ li d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3) tiġi emendata biex tqis dik l-evoluzzjoni.

(2)

L-obbligi ta’ rapportar tal-VAT jenħtieġ li jiġu adattati biex jindirizzaw l-isfidi tal-ekonomija tal-pjattaformi u biex titnaqqas il-ħtieġa għal reġistrazzjonijiet multipli tal-VAT fl-Unjoni.

(3)

Id-“diskrepanza tal-VAT” hija d-differenza totali bejn id-dħul tal-VAT mistenni ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-VAT u regolamenti anċillari u l-ammont effettivament miġbur. Fl-2020, id-diskrepanza tal-VAT kienet stmata EUR 93 biljun fl-Unjoni. Parti sinifikanti tad-diskrepanza tal-VAT tikkonsisti fi frodi, b’mod partikolari frodi intra-Komunitarja b’negozjant nieqes, stmata bejn EUR 40-60 biljun. Fir-rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li ġie ppublikat f’Mejju 2022, iċ-ċittadini appellaw għal miżuri biex jiġu armonizzati u kkoordinati l-politiki tat-taxxa fl-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, kif ukoll miżuri biex tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-kumpaniji kollha fl-Unjoni jħallsu s-sehem ġust tagħhom ta’ taxxi. L-inizjattiva tal-VAT fl-Era Diġitali hija konsistenti ma’ dawk l-għanijiet.

(4)

Sabiex jiżdied il-ġbir tat-taxxa fuq tranżazzjonijiet transfruntieri u biex tintemm il-frammentazzjoni eżistenti li tirriżulta mill-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ sistemi ta’ rapportar diverġenti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali tal-Unjoni. Tali regoli jenħtieġ li jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa fuq bażi ta’ kull tranżazzjoni, sabiex jippermettu t-tqabbil reċiproku tad-data, iżidu l-kapaċitajiet ta’ kontroll tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u joħolqu effett ta’ deterrent fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità, filwaqt li jitnaqqsu l-kostijiet ta’ konformità għan-negozji li joperaw fi Stati Membri differenti u jiġu eliminati l-ostakli fis-suq intern.

(5)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-awtomatizzazzjoni tal-proċess ta’ rapportar kemm għall-persuni taxxabbli kif ukoll għad-dipartimenti tat-taxxa, it-tranżazzjonijiet li għandhom jiġu rrapportati lid-dipartimenti tat-taxxa jenħtieġ li jiġu ddokumentati b’mod elettroniku. L-użu tal-fatturazzjoni elettronika jenħtieġ li jsir is-sistema prestabbilita għall-ħruġ tal-fatturi. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jawtorizzaw fatturi oħra għall-provvisti domestiċi.

(6)

Sabiex tiġi massimizzata l-interoperabbiltà, jenħtieġ li l-fatturi elettroniċi fil-prinċipju jikkonformaw mal-istandard Ewropew stabbilit fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1870 (4) (“l-istandard Ewropew”), li jissodisfa t-talba magħmula mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) biex jinħoloq standard Ewropew għall-mudell tad-data semantika tal-elementi ewlenin ta’ fattura elettronika. Madankollu, l-Istati Membri xorta jenħtieġ li ikunu jistgħu jippermettu standards oħra għall-provvisti domestiċi.

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri kompetenti biex jistabbilixxu r-regoli dwar il-fatturazzjoni jieħdu miżuri li jistgħu jinkludu skemi ta’ akkreditazzjoni, biex jiżguraw li l-fatturi elettroniċi maħruġa minn persuni taxxabbli jikkonformaw mas-sintassi teknika u mas-semantika tal-istandards permessi u jkun fihom id-data kollha meħtieġa ddeterminata minn dawk l-istandards. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jittieħdu fir-rigward ta’ persuni taxxabbli li jkunu meħtieġa joħorġu l-fattura jew fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi terzi, jew fir-rigward tat-tnejn. Il-persuni fil-mira ta’ tali miżuri ser ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li dawk il-miżuri ma jipprevjenux lill-persuni taxxabbli milli jagħżlu l-mezzi biex joħorġu u jibagħtu l-fatturi tagħhom lill-klijent tagħhom, jiġifieri jew direttament waħedhom, jew bl-intermedjazzjoni ta’ partijiet terzi, jew, jekk ikun disponibbli, permezz ta’ portal pubbliku.

(8)

L-effettività tas-sistemi ta’ rapportar diġitali nazzjonali jistgħu jkunu kompromessi jekk il-persuni taxxabbli ma jikkonformawx mal-obbligu li joħorġu fatturi elettroniċi fir-rigward tat-tranżazzjonijiet soġġetti għal obbligu ta’ rapportar. Fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet u tal-iskambji ekonomiċi, u tal-objettivi ta’ din id-Direttiva għad-diġitalizzazzjoni tal-VAT, inkluż bil-ħsieb li tiġi żgurata ġlieda aktar effettiva kontra l-frodi, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jipprevedu li l-pussess ta’ fattura elettronika maħruġa f’konformità mal-istandard meħtieġ stabbilit fid-Direttiva 2006/112/KE hija kundizzjoni sostantiva għall-intitolament li wieħed inaqqas jew jitlob lura l-VAT dovuta jew imħallsa.

(9)

Id-definizzjoni ta’ “fattura elettronika” jenħtieġ li tiġi allinjata ma’ dik użata fid-Direttiva 2014/55/UE, sabiex tinkiseb standardizzazzjoni fil-qasam tar-rapportar tal-VAT. B’riżultat ta’ dan, id-definizzjoni ta’ “fattura elettronika” jenħtieġ li tkopri biss fatturi elettroniċi li jinħarġu, jiġu trażmessi u riċevuta f’format elettroniku strutturat li jippermetti l-ipproċessar awtomatizzat u elettroniku tagħhom. Jenħtieġ li l-obbligu li jintuża format strutturat ikopri, mill-inqas, id-data li għandha tiġi rrapportata. Għalhekk, jenħtieġ li l-fatturi ibridi li jikkombinaw id-data inkorporata f’format strutturat u d-data inkorporata f’format mhux strutturat u li jista’ jinqara mill-bniedem ikunu koperti mid-definizzjoni jekk tali fatturi jinkludu d-data kollha li għandha tiġi rrapportata f’format strutturat.

(10)

Sabiex is-sistema ta’ rapportar tal-VAT tiġi implimentata b’mod effiċjenti, huwa meħtieġ li l-informazzjoni tasal għand id-dipartiment tat-taxxa mingħajr dewmien. Għalhekk, l-iskadenza għall-ħruġ ta’ fattura għal tranżazzjonijiet transfruntieri jenħtieġ li tiġi stabbilita għal 10 ijiem wara li jkun seħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas.

(11)

Jenħtieġ li l-fattura elettronika tiffaċilita t-trażmissjoni awtomatizzata lid-dipartiment tat-taxxa tad-data meħtieġa għall-finijiet ta’ kontroll. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-fattura elettronika jkun fiha d-data kollha li trid tiġi trażmessa lid-dipartiment tat-taxxa skont ir-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali f’format strutturat.

(12)

L-implimentazzjoni tal-fattura elettronika bħala l-metodu prestabbilit għad-dokumentazzjoni tat-tranżazzjonijiet għall-finijiet tal-VAT ma tkunx possibbli jekk l-użu tal-fattura elettronika jibqa’ soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur, b’mod partikolari f’kuntest minn negozju għal negozju (“business-to-business”Għalhekk, għall-fatturi maħruġa lil persuni taxxabbli u lil persuni ġuridiċi mhux taxxabbli, jenħtieġ li tali aċċettazzjoni ma tibqax meħtieġa għall-ħruġ ta’ fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew, sakemm Stat Membru ma jkunx għamel użu mill-għażla li jippermetti fatturi stampati jew fatturi f’formati elettroniċi għajr il-fatturi elettroniċi. F’każijiet fejn Stat Membru jippermetti l-użu ta’ standards oħra għal provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fit-territorju tiegħu, dak l-Istat Membru jenġtieġ li jkun jista’ jipprevedi li l-aċċettazzjoni mir-riċevitur ta’ fatturi maħruġa f’konformità ma’ dawk l-istandards ma tkunx meħtieġa. Meta jinħarġu fatturi elettroniċi lil persuni oħra, jenħtieġ li jkun possibbli għalihom li jibqgħu soġġetti għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur.

(13)

Il-Kummissjoni kkonformat mal-obbligu tagħha li tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-impatt tar-regoli dwar il-fatturazzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2013 u b’mod partikolari dwar kemm dawn effettivament wasslu għal tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi għan-negozji, kif meħtieġ mill-Artikolu 237 tad-Direttiva 2006/112/KE. Peress li dak l-obbligu diġà ġie sodisfatt, jenħtieġ li jitneħħa minn dik id-Direttiva.

(14)

L-obbligu li jiġu ppreżentati dikjarazzjonijiet rikapitolattivi għar-rapportar ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji jenħtieġ li jitneħħa, peress li dawk it-tranżazzjonijiet ser jiġu koperti taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali għall-provvisti transfruntieri ta’ merkanzija u servizzi, iżda b’informazzjoni aktar dettaljata u aktar fil-ħin.

(15)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-trażmissjoni tad-data tal-lill-amministrazzjoni tat-taxxa minn persuni taxxabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-persuni taxxabbli l-mezzi meħtieġa għal tali trażmissjoni. Dawk il-mezzi jenħtieġ li jippermettu d-data tintbagħat mill-persuni taxxabbli direttament jew minn partijiet terzi f’isimhom, jew permezz ta’ portal pubbliku, jekk ikun disponibbli.

(16)

Filwaqt li l-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa permezz tar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali għall-provvisti transfruntieri ta’ merkanzija u servizzi jenħtieġ li tkun simili għal dik li tkun ġiet trażmessa permezz tad-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi, huwa neċessarju li l-persuni taxxabbli jjiġi meħtieġa li jipprovdu data addizzjonali, inkluż id-dettalji bankarji, sabiex l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkunu jistgħu jsegwu mhux biss il-merkanzija iżda wkoll il-flussi finanzjarji.

(17)

Jenħtieġ li jiġi evitat it-tqegħid ta’ piż amministrattiv bla bżonn fuq il-persuni taxxabbli li joperaw fi Stati Membri differenti. Għalhekk, jenħtieġ li tali persuni taxxabbli jkunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lid-dipartimenti tat-taxxa tagħhom bl-użu tal-istandard Ewropew. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jipprevedu formati addizzjonali ta’ rappurtar tad-data sabiex jagħmluha aktar faċli biex ċerti persuni taxxabbli jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa.

(18)

Sabiex tinkiseb l-armonizzazzjoni meħtieġa fir-rapportar ta’ data dwar il-provvisti transfruntieri ta’ merkanzija u servizzi, jenħtieġ li d-data li għandha tiġi rrapportata tkun l-istess fl-Istati Membri kollha, mingħajr il-possibbiltà li l-Istati Membri jitolbu data addizzjonali.

(19)

Huwa importanti li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-data meħtieġa dwar it-tranżazzjonijiet kollha soġġetti għal obbligu ta’ rapportar. Biex tiġi assigurata l-kisba ta’ dak l-objettiv, jidher prudenti li l-klijent ikun meħtieġ li jirrapporta t-tranżazzjoni. Dan jippermetti l-kontroverifika tad-data ma’ dik li tingħata mill-fornitur u jaċċerta li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jkollhom id-data meħtieġa f’każijiet fejn il-fornitur ma jkunx ikkonforma mal-obbligu ta’ rapportar. Madankollu, huwa possibbli li l-miżuri adottati mill-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta’ fatturi u r-rapportar jagħtu biżżejjed garanziji li l-fornitur ser jipprovdi d-data lid-dipartiment tat-taxxa kull meta tinħareġ fattura. F’dawk iċ-ċirkostanzi, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jagħżlu li ma jipparteċipawx f’dik ir-regola u jeskludu l-akkwirent tal-merkanzija u r-riċevitur tas-servizzi mill-obbligu li jirrapportaw id-data dwar dawk it-tranżazzjonijiet.

(20)

Diversi Stati Membri daħħlu fis-seħħ rekwiżiti ta’ rapportar diverġenti għat-tranżazzjonijiet fit-territorji tagħhom, li wasslu għal piżijiet amministrattivi sinifikanti għal persuni taxxabbli li joperaw fi Stati Membri differenti, peress li dawn jeħtieġ li jadattaw is-sistemi kontabilistiċi tagħhom biex jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti. Sabiex jiġu evitati l-kostijiet li jirriżultaw minn tali diverġenza, is-sistemi implimentati fl-Istati Membri biex jirrapportaw il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi bi ħlas bejn persuni taxxabbli fit-territorju tagħhom jenħtieġ li jikkonformaw mal-karatteristiċi tas-sistema implimentata għal provvisti transfruntieri ta’ merkanzija u servizzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu l-mezzi elettroniċi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni u, kif inhu l-każ għall-provvisti transfruntieri ta’ merkanzija u servizzi, jenħtieġ li jkun possibbli għall-persuna taxxabbli li tissottometti d-data f’konformità mal-istandard Ewropew, minkejja li l-Istat Membru rilevanti jista’ jipprevedi standards addizzjonali biex tiġi trażmessa d-data. Jenħtieġ li l-Istati Membri jħallu li d-data tintbagħat jew mill-persuna taxxabbli direttament jew minn parti terza f’isem dik il-persuna taxxabbli, u jistgħu jippermettu l-użu ta’ portal pubbliku, jekk ikun disponibbli.

(21)

Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jimplimentaw rekwiżit ta’ rapportar diġitali f’ħin reali bbażat fuq it-tranżazzjonijiet għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi bi ħlas fit-territorju tagħhom, għajr dawk soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar għall-provvisti transfruntieri ta’ merkanzija u servizzi. Madankollu, jekk jimplimentaw tali rekwiżit fil-futur, jenħtieġ li jagħmlu dan f’konformità mar-regoli l-ġodda dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali għal provvisti proprji u provvisti magħmula bejn persuni taxxabbli ta’ merkaniija u servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru li l-liġijiet u r-regolamenti tiegħu jkun allinjati mar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali għall-provvisti transfruntieri ta’ merkanzija u servizzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri li diġà għandhom sistema ta’ rapportar għal dawn it-tranżazzjonijiet fis-seħħ jadattaw tali sistemi biex jiżguraw li d-data tiġi rrapportata f’konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali għal provvisti proprji u provvisti magħmula bejn persuni taxxabbli ta’ merkaniija u servizzi fit-territorju ta’ Stat Membru.

(22)

Sabiex tiġi evalwata l-effettività tar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tħejji rapport ta’ valutazzjoni li jevalwa l-impatt tal-fatturazzjoni elettronika u kemm ir-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali intra-Kommunitarji kif ukoll dawk domestiċi fuq l-effettività tal-ġbir tal-VAT u t-tnaqqis tad-diskrepanza tal-VAT u fuq il-kostijiet ta’ implimentazzjoni u konformità għall-persuni taxxabbli u għad-dipartimenti tat-taxxa, sabiex jiġi vverifikat jekk is-sistema laħqitx l-objettivi tagħha jew teħtieġx aktar aġġustamenti.

(23)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jkomplu jimplimentaw miżuri oħra biex jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT u biex jipprevjenu l-evażjoni. Madankollu, jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jimponu obbligi ta’ rapportar ġenerali addizzjonali bbażati fuq it-tranżazzjonijiet fuq it-tranżazzjonijiet li jkunu koperti mir-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali, sakemm dan ma jkunx meħtieġ fil-livell nazzjonali sabiex titħejja u tiġi ppreżentata denunzja tal-VAT jew għal finijiet ta’ awditjar. Dan ifisser li jenħtieġ li l-Istati Membri jistgħu jitħallew iżommu, flimkien mal-obbligi ta’ rapportar f’ħin reali stabbiliti f’din id-Direttiva, l-għodod ta’ rapportar domestiċi tagħhom ibbażati, pereżempju, fuq sistema SAF-T, kif ukoll obbligi ta’ rapportar li mhumiex ġenerali, bħal dawk li jikkonċernaw il-cash registers. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-possibbiltà li l-Istati Membri jitolbu informazzjoni minn persuni taxxabbli waqt l-awditi ma jkunx limitat, peress li tali informazzjoni tinkiseb biss fuq talba mill-Istat Membru u mhijiex riżultat ta’ rapportar attiv mill-persuni taxxabbli.

(24)

Sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa, diversi Stati Membri stabbilew, b’awtorizzazzjoni preċedenti abbażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112/KE fejn meħtieġ, obbligu ta’ rapportar diġitali domestiku bbażat fuq it-tranżazzjonijiet f’ħin reali. Dawk l-Istati Membri u l-persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorji tagħhom reċentement għamlu investimenti sinifikanti biex jaċċertaw il-funzjonament ta’ dawk is-sistemi u l-kisba ta’ dawk l-objettivi. Għalhekk, jenħtieġ li dawk l-Istati Membri jadattaw is-sistemi tagħhom fuq bażi eċċezzjonali biex jiżguraw li d-data tiġi rrapportata f’konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali għal provvisti proprji u provvisti magħmula bejn persuni taxxabbli ta’ merkaniija u servizzi fit-territorju tagħhom biss sal-2035, sakemm ir-rapport ta’ valutazzjoni mill-Kummissjoni ma jiżvelax nuqqasijiet fil-funzjonament tas-sistema ta’ rapportar diġitali transfruntiera. Tali nuqqasijiet jistgħu jwasslu għal estensjoni ulterjuri tal-iskadenza għall-allinjament tas-sistemi ta’ rapportar domestiku tagħhom, jekk ikun meħtieġ.

(25)

L-ekonomija tal-pjattaformi ħolqot ċerti diffikultajiet għall-applikazzjoni tar-regoli tal-VAT, b’mod partikolari rigward l-istabbiliment tal-istatus taxxabbli tal-fornitur tas-servizz u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u negozji oħra.

(26)

L-ekonomija tal-pjattaformi wasslet għal distorsjoni mhux ġustifikata tal-kompetizzjoni bejn il-provvisti mwettqa permezz ta’ pjattaformi online li jevitaw it-tassazzjoni tal-VAT, u l-provvisti mwettqa fl-ekonomija tradizzjonali li huma soġġetti għall-VAT. Id-distorsjoni kienet l-aktar akuta fl-akbar żewġ setturi tal-ekonomija tal-pjattaformi wara l-kummerċ elettroniku, jiġifieri s-settur tal-kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u s-settur tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq. Madankollu, huwa magħruf li dik id-disparità tista’ tkun aktar evidenti f’xi Stati Membri milli f’oħrajn.

(27)

Sabiex tiġi indirizzata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-setturi tal-kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir u fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli biex jinbidel ir-rwol li l-pjattaformi għandhom fil-ġbir tal-VAT, li jsiru l-“fornitur preżunt”. Skont il-mudell tal-fornitur preżunt, li huwa finzjoni ġuridika li ma għandha l-ebda impatt fuq ir-regoli minbarra il-leġiżlazzjoni tal-VAT, jenħtieġ li l-pjattaformi jkunu meħtieġa jimponu l-VAT meta l-fornituri sottostanti ma jimponux il-VAT minħabba li jkunu, pereżempju, persuni mhux taxxabbli jew persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar.

(28)

Biex tiġi ppreservata n-newtralità tal-VAT, jenħtieġ li l-pjattaformi ma jitqisux bħala “fornitur preżunt”, u għalhekk jenħtieġ li ma jimponux il-VAT meta l-fornituri sottostanti jipprovdu numru ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT u jiddikjaraw li ser jimponu l-VAT li normalment tiġi imposta mill-fornitur preżunt.

(29)

Madankollu, meta l-Istati Membri jqisu li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni bħal din fit-territorju tagħhom, huwa xieraq li dawn jingħataw il-possibbiltà li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik ir-regola lill-persuni taxxabbli li jagħmlu użu mill-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar fit-territorju tagħhom, li normalment tkun taqa’ b’mod sistematiku taħt ir-regola tal-“fornitur preżunt”. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li skonthom tiġi eżerċitata dik l-għażla. Meta jeżerċitaw dik l-għażla, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikawha b’mod li ma jikkawża l-ebda piż amministrattiv sproporzjonat fuq il-persuna li tipprovdi servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bit-triq, jew fuq il-persuna taxxabbli li tiffaċilita tali provvista. F’dak ir-rigward, il-ħtieġa ta’ informazzjoni meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk il-fornitur sottostanti jagħmilx użu mill-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar ma għandhiex titqies bħala sproporzjonata. Madankollu, meta Stat Membru jagħmel użu minn tali għażla, dan huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ġenerali tal-pjattaformi li jikkonformaw mar-regola tal-fornitur preżunt.

(30)

Sabiex jiġi żgurat grad minimu ta’ konsistenza bejn sistemi nazzjonali differenti tal-VAT fir-rigward tat-trattament tal-forniment ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, jenħtieġ li tali servizz ta’ kiri jitqies li għandu funzjoni simili għas-settur tal-lukandi jekk ma jkunx interrott, jingħata lill-istess persuna u jingħata għal massimu ta’ 30 lejl. Madankollu, biex jadattaw għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali differenti tas-settur, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu s-servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir soġġett għal ċerti kriterji, kundizzjonijiet u limitazzjonijiet f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom.

(31)

L-Istati Membri jinterpretaw il-post tal-provvista tas-servizz ta’ faċilitazzjoni pprovdut mill-pjattaformi lill-persuni mhux taxxabbli b’mod differenti. Huwa għalhekk meħtieġ li dik ir-regola tiġi ċċarata u li jiġi żgurat kriterju komuni.

(32)

Sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom il-pjattaformi jiġu inklużi fl-iskema speċjali għall-aġenti tal-ivvjaġġar b’rispett għal tanżazzjonijiet li fihom jitqiesu bħala l-“fornitur preżunt”, jenħtieġ li jiġi ċċarat li dawk it-tranżazzjonijiet ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-iskema speċjali. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-aġenti tal-ivvjaġġar ma jiġux inklużi fir-regola tal-fornitur preżunt.

(33)

B’kont meħud tal-prattiki diverġenti eżistenti fis-seħħ fl-Istati Membri rigward l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli, huwa xieraq li tiġi prevista perjodu ta’ tranżizzjoni itwal għad-dħul fis-seħħ tar-regola tal-fornitur preżunt sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn ir-regola l-ġdida.

(34)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti minn atti legali oħrajn tal-Unjoni b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li jirregola aspetti oħra tal-forniment ta’ servizzi minn pjattaformi online, bħall-obbligi applikabbli għall-fornituri ta’ pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod man-negozjanti.

(35)

Id-Direttivi tal-Kunsill (UE) 2017/2455 (7) u (UE) 2019/1995 (8) emendaw id-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tar-regoli tal-VAT li jirregolaw it-tassazzjoni ta’ attività transfruntiera tal-kummerċ elettroniku min-negozju għall-konsumatur fl-Unjoni. Dawk id-Direttivi emendatorji naqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, tejbu l-kooperazzjoni amministrattiva u introduċew għadd ta’ simplifikazzjonijiet. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-emendi introdotti minn dawk id-Direttivi, li ilhom li applikaw mill-1 ta’ Lulju 2021, kienu ta’ suċċess, hemm ħtieġa għal ċertu titjib.

(36)

Jenħtieġ li jiġu ċċarati ċerti regoli eżistenti. Dan jinkludi r-regola dwar il-kalkolu tal-limitu ta’ EUR 10 000 għal sena kalendarja stabbilita fl-Artikolu 59c tad-Direttiva 2006/112/KE, li taħtu provvisti ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, xandir u servizzi elettroniċi (TBE) u bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta’ merkanzija, fornuti minn fornitur stabbilit fl-Unjoni stabbilit fi Stat Membru wieħed biss, jistgħu jibqgħu soġġetti għall-VAT fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita dik il-persuna taxxabbli li tipprovdi dawk is-servizzi ta’ TBE, jew fejn dik il-merkanzija tkun tinsab fil-mument li fih tibda tintbagħat jew tiġi ttrasportata. L-Artikolu 59c tad-Direttiva 2006/112/KE jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju biss ta’ merkanzija li tiġi fornuta mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna taxxabbli jiġi inkluż fil-kalkolu tal-limitu ta’ EUR 10 000, iżda mhux bejgħ mill-bogħod magħmul minn stokk ta’ merkanzija fi Stat Membru ieħor. Huma meħtieġa emendi żgħar oħra sabiex jiġu ċċarati ċerti aspetti prattiċi bħall-forniment ta’ indirizz ta’ sit web.

(37)

Id-Direttiva 2006/112/KE jenħtieġ li tiġi emendata wkoll biex jiġi ċċarat li l-provvisti kollha ta’ servizzi min-negozju għall-konsumatur, fornuti fl-Unjoni minn persuni taxxabbli stabbiliti barra l-Unjoni, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema speċjali għal servizzi fornuti minn persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Unjoni, jiġifieri l-iskema tal-punt uniku ta’ servizz (OSS) mhux tal-Unjoni (“l OSS mhux tal-Unjoni”), u mhux biss il-provvisti ta’ servizzi lil klijenti stabbiliti fl-Unjoni. Wara l-introduzzjoni tar-regoli l-ġodda dwar ir-rati tal-VAT permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/542 (9) u sabiex jiġu koperti l-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 151 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, fost l-oħrajn, taħt arranġamenti diplomatiċi u konsulari u lil ċerti korpi internazzjonali oħra, huwa meħtieġ ukoll li l-iskemi tal- OSS jitwessgħu skont it-Titolu XII, il-Kapitolu 6, tad-Direttiva 2006/112/KE billi jiġi żgurat li l-provvisti b’rati żero u eżentati mill-VAT bi dritt għal tnaqqis jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-iskemi. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata biex jiġi ċċarat iż-żmien sa meta jistgħu jsiru emendi mill-persuna taxxabbli li tkun qed tagħmel użu mill-iskemi speċjali għad-denunzji rilevanti tal-VAT fit-tliet skemi ta’ simplifikazzjoni eżistenti: l-OSS mhux tal-Unjoni, l-OSS tal-Unjoni u l-OSS għall-importazzjonijiet (“IOSS”). Dik il-kjarifika għandha tippermetti lill-persuni taxxabbli rreġistrati għall-iskemi jagħmlu emendi fid-denunzji rilevanti tal-VAT sal-iskadenza tas-sottomissjoni ta’ dawk id-denunzji. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-emendi fid-denunzji preċedenti tal-VAT jistgħu jsiru biss fid-denunzji tal-VAT għal perjodi tat-taxxa sussegwenti. Fl-aħħar nett, iż-żmien tal-avveniment li jagħti lok għal ħlas fir-rigward tal-provvisti taħt l-iskemi ta’ simplifikazzjoni tal-OSS tal-Unjoni u mhux tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi stabbilit b’mod ċar sabiex jiġu evitati differenzi fl-applikazzjoni tar-regoli fost l-Istati Membri.

(38)

B’mod ġenerali, l-identifikazzjoni tal-VAT hija meħtieġa f’kull Stat Membru fejn isiru tranżazzjonijiet taxxabbli. Madankollu, biex jitnaqqsu l-każijiet li fihom huma meħtieġa reġistrazzjonijiet multipli tal-VAT, id-Direttiva (UE) 2017/2455 introduċiet fid-Direttiva 2006/112/KE għadd ta’ miżuri biex tiġi mminimizzata l-ħtieġa għal reġistrazzjonijiet multipli tal-VAT. Sabiex tkompli titnaqqas il-ħtieġa għal reġistrazzjonijiet multipli tal-VAT, ġew identifikati għadd ta’ miżuri ta’ estensjoni biex jiġi appoġġat l-objettiv ta’ reġistrazzjoni unika tal-VAT fl-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jipprevedu dawk il-miżuri ta’ estensjoni.

(39)

Fost miżuri oħra, id-Direttiva (UE) 2017/2455 estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-OSS Żgħir biex isir OSS usa’, li jkopri l-provvisti transfruntieri kollha ta’ servizzi lil persuni mhux taxxabbli li jseħħu fl-Unjoni u l-bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju kollu ta’ merkanzija. B’mod eċċezzjonali, l-interfaċċi elettroniċi, bħall-postijiet tas-suq u l-pjattaformi, li jsiru fornituri preżunti għal ċerti provvisti ta’ merkanzija fl-Unjoni jistgħu jiddikjaraw ukoll ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija fl-iskema tal-OSS tal-Unjoni. Biex jiġi appoġġat l-objettiv ta’ reġistrazzjoni unika tal-VAT fl-Unjoni, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema tal-OSS tal-Unjoni jiġi estiż aktar biex ikopri provvisti oħra ta’ merkanzija, inkluż provvisti domestiċi ta’ merkanzija min-negozju għall-konsumatur fl-Unjoni minn persuni taxxabbli li ma jkunux stabbiliti fl-Istat Membru tal-konsum, filwaqt li jiġi żgurat li n-negozji ma jkollhomx għalfejn jirreġistraw għall-VAT f’kull Stat Membru fejn iseħħu tali provvisti ta’ merkanzija lill-konsumaturi.

(40)

Il-VAT normalment tiġi imposta u kkunsidrata mill-fornitur tal-merkanzija jew tas-servizzi. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, taħt il-mekkaniżmu tar-reverse charge, ir-riċevitur tal-provvista, u mhux il-fornitur, ikun obbligat li jikkunsidra l-VAT dovuta. Sabiex jiġi appoġġat aktar l-objettiv ta’ reġistrazzjoni unika tal-VAT fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għall-applikazzjoni obbligatorja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge f’sitwazzjonijiet fejn il-fornituri ma jkunux stabbiliti u ma jkunux identifikati għall-finijiet tal-VAT fl-Istat Membru li fih tkun dovuta l-VAT. Meta jfornu merkanzija jew servizzi lil persuna li tkun identifikata għall-finijiet tal-VAT fl-Istat Membru fejn il-provvista tkun taxxabbli, jenħtieġ li dawk il-fornituri japplikaw ir-reverse charge. Għall-finijiet ta’ kontroll, jenħtieġ li tali provvisti jiġu rrapportati fid-dikjarazzjoni rikapitolattiva. Minbarra l-użu obbligatorju, jenħtieġ li l-Istati Membri jistgħu jkunu japplikaw ukoll il-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti minn negozjanti mhux stabbiliti li jipprovdu merkanzija jew servizzi lil klijent, irrispettivament mill-istatus ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, jenħtieġ li l-provvisti li huma soġġetti għall-iskema ta’ marġni kif stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 4, tad-Direttiva 2006/112/KE jiġu esklużi mill-mekkaniżmu tar-reverse charge.

(41)

Id-Direttiva (UE) 2017/2455 introduċiet fid-Direttiva 2006/112/KE simplifikazzjoni speċifika, jiġifieri l-IOSS, li kien tfassal biex inaqqas il-piż regolatorju tal-VAT assoċjat mal-importazzjoni ta’ ċerta merkanzija ta’ valur baxx lill-konsumaturi fl-Unjoni. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tiżgura aħjar l-użu korrett u l-proċess ta’ verifika tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-IOSS għall-finijiet tal-eżenzjoni prevista f’dik id-Direttiva. Jenħtieġ li dak l-għoti tas-setgħa jippermetti lill-Kummissjoni tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tintroduċi miżuri speċjali għall-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. Tali miżuri speċjali jinkludu, fost l-oħrajn, ir-rabta tan-numru uniku tal-kunsinna man-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-IOSS. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(42)

Ir-reġistrazzjoni tal-VAT ta’ fornitur hija meħtieġa meta dak il-fornitur ma jiġix identifikat għall-finijiet tal-VAT fl-Istat Membru fejn tkun dovuta l-VAT. B’mod partikolari, it-trasferiment tal-merkanzija proprja ta’ persuna taxxabbli lejn Stat Membru ieħor, fost l-oħrajn għall-finijiet tal-attività relatata mal-kummerċ elettroniku ta’ dik il-persuna jiskatta l-ħtieġa li jiġi rreġistrat fl-Istati Membri minn fejn tiġi trasferita l-merkanzija proprja u lejn fejn tiġi trasferita. F’konformità mal-objettiv ta’ reġistrazzjoni unika tal-VAT fl-Unjoni, jenħtieġ li l-każijiet li fihom huma meħtieġa reġistrazzjonijiet multipli tal-VAT jitnaqqsu aktar billi tiġi prevista l-applikazzjoni ta’ skema ġdida fil-qafas tal-iskemi tal-OSS. Tali skema ġdida għandha tkun imfassla speċifikament biex tissimplifika l-obbligi ta’ konformità mal-VAT assoċjati ma’ ċerti trasferimenti ta’ merkanzija proprja. Barra minn hekk, meta trasferiment ta’ merkanzija proprja jitwettaq minn persuna taxxabbli f’isem persuna taxxabbli oħra, u sakemm it-trasferiment ma jsirx fuq talba espliċita ta’ din tal-aħħar, dik tal-ewwel għandha tkun obbligata tikkomunika ċerta informazzjoni dwar it-trasferiment lis-sid ta’ dik il-merkanzija.

(43)

Id-Direttiva 2006/112/KE tipprevedi t-trattament simplifikat tal-VAT tal-merkanzija ttrasferita skont arranġamenti ta’ stokks b’kuntratt ta’ ħżin fejn jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Peress li l-iskema ta’ simplifikazzjoni tal-OSS għat-trasferimenti ta’ merkanzija proprja hija komprensiva u tinkludi movimenti transfruntieri ta’ merkanzija li bħalissa huma koperti minn arranġamenti ta’ stokks b’kuntratt ta’ ħżin skont l-Artikolu 17a tad-Direttiva 2006/112/KE, jeħtieġ li dawk l-arranġamenti jitneħħew gradwalment billi tiġi inkluża data tat-tmiem qabel it-tneħħija sħiħa tad-dispożizzjonijiet dwar l-istokks b’kuntratt ta’ ħżin f’dik id-Direttiva. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi stabbilita d-data tat-tmiem tat-30 ta’ Ġunju 2028 li warajha ma jkunx aktar possibbli li jsir arranġament ġdid ta’ stokks b’kuntratt ta’ ħżin. Għall-arranġamenti ta’ stokks b’kuntratt ta’ ħżin li jibdew fit-30 ta’ Ġunju 2028 jew qabel, jenħtieġ li jkomplu japplikaw il-kundizzjonijiet rilevanti, inkluż il-limitu ta’ żmien ta’ 12-il xahar għat-trasferiment tas-sjieda ta’ dik il-merkanzija lix-xerrej maħsub. B’mod parallel mal-inklużjoni tad-data tat-tmiem il-ġdida, jenħtieġ li jiġi previst li dawk l-arranġamenti ma jibqgħux japplikaw fit-30 ta’ Ġunju 2029, peress li mhux ser jibqgħu meħtieġa wara dik id-data.

(44)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (11), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata b’dokument wieħed jew iktar, fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.

(45)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li s-sistema tal-VAT tiddaħħal fl-era diġitali, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda minflok jistgħu, minħabba l-ħtieġa li jiġi armonizzat u mħeġġeġ l-użu tar-rekwiżiti ta’ rapportar diġitali, biex itejbu t-trattament tal-VAT tal-pjattaformi, u jnaqqsu l-każijiet li fihom negozju jkun meħtieġ jirreġistra fi Stati Membri oħra, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(46)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 143, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Għall-finijiet tal-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1, il-punt (ca) ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tintroduċi miżuri speċjali sabiex tipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa billi, fost l-oħrajn, torbot in-numru uniku tal-kunsinna man-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali korrispondenti kif imsemmi fl-Artikolu 369q ta’ din id-Direttiva. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita bil-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Amministrattiva stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010 (*2). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*1)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj)."

(*2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas- 7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/904/oj).”;"

(2)

fl-Artikolu 218, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-kundizzjonijiet li jistabbilixxu, jeħtieġu persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom li joħorġu fatturi elettroniċi għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi fit-territorju tagħhom, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 262.”

;

(3)

fl-Artikolu 232, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri li jeżerċitaw l-għażla imsemmija fl-Artikolu 218, it-tieni paragrafu, jistgħu jipprevedu li l-użu ta’ fatturi elettroniċi maħruġa minn persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom m’għandux ikun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur stabbilit fit-territorju tagħhom.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2027

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 14a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14a

1.   Fejn persuna taxxabbli tiffaċilita, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili, il-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi f’kunsinni ta’ valur intrinsiku li ma jaqbiżx EUR 150, dik il-persuna taxxabbli għandha titqies li rċeviet u forniet dawk l-oġġetti hi stess.

2.   Fejn persuna taxxabbli tiffaċilita, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili, il-provvista ta’ merkanzija fil-Komunità minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità lil persuna taxxabbli, jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1) jew lil kwalunkwe persuna mhux taxxabbli oħra, il-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista għandha titqies li rċeviet u forniet dik il-merkanzija hi stess.

Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta’ Lulju 2027, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, abbażi tal-informazzjoni miksuba mill-Istati Membri, rapport ta’ valutazzjoni dwar il-funzjonament tar-regola tal-fornitur preżunt stabbilit fl-ewwel subaragrafu u, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva għall-estensjoni ulterjuri tagħha.”

;

(2)

l-Artikolu 17a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata minn persuna taxxabbli, jew minn parti terza f’isimha, fit-30 ta’ Ġunju 2028 jew qabel, lejn Stat Membru ieħor bil-ħsieb li dik il-merkanzija tiġi fornuta hemmhekk, fi stadju aktar tard u wara l-wasla, lil persuna taxxabbli oħra li hija intitolata għas-sjieda ta’ dik il-merkanzija f’konformità ma’ ftehim eżistenti bejn iż-żewġ persuni taxxabbli;”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Dan l-Artikolu ma għandux jibqa’ japplika fit-30 ta’ Ġunju 2029.”

;

(3)

fit-Titolu V, il-Kapitolu 3a, l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“KAPITOLU 3a

Livell limitu għall-persuni taxxabbli li jagħmlu ċerti provvisti ta’ merkanzija koperti bl-Artikolu 33, il-punt (a), u ċerti provvisti ta’ servizzi koperti bl-Artikolu 58

;

(4)

l-Artikolu 59c huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

is-servizzi jiġu fornuti lil persuna mhux taxxabbli li tkun stabbilita, ikollha indirizz permanenti jew normalment tirrisjedi fi kwalunkwe Stat Membru għajr l-Istat Membru msemmi fil-punt (a), jew il-merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata mill-Istat Membru msemmi fil-punt (a) lejn Stat Membru ieħor; u”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istat Membru msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (a) ta’ dan l-Artikolu, għandu jagħti d-dritt lill-persuni taxxabbli li jwettqu provvisti eliġibbli skont dak il-paragrafu li jagħżlu l-post tal-provvista li għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 33, il-punt (a), u l-Artikolu 58, li għandu, fi kwalunkwe każ, ikopri sentejn kalendarji.

L-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu titqies li ġiet eżerċitata minn persuni taxxabbli rreġistrati fl-iskema speċjali prevista fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 3.”

;

(5)

l-Artikolu 66 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 66

1.   B’deroga mill-Artikoli 63, 64 u 65, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-VAT għandha tiġi imposta fir-rigward ta’ ċerti tranżazzjonijiet jew ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli, f’wieħed miż-żminijiet li ġejjin:

(a)

mhux iktar tard miż-żmien minn meta tinħareġ il-fattura;

(b)

mhux iktar tard miż-żmien minn meta jiġi riċevut il-ħlas;

(c)

meta fattura ma tinħariġx, jew tinħareġ tard, fi żmien speċifikat mhux aktar tard mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għall-ħruġ tal-fatturi impost mill-Istati Membri skont l-Artikolu 222, it-tieni paragrafu, jew meta ma jkun ġie impost l-ebda limitu ta’ żmien bħal dan mill-Istat Membru, f’perjodu speċifikat mid-data tal-avveniment li jagħti lok għal ħlas.

2.   Id-deroga prevista fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għall-provvisti li ġejjin:

(a)

provvisti ta’ servizzi koperti mill-iskema speċjali kif stabbilit fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 2 fejn dawk il-provvisti jitwettqu minn persuna taxxabbli li titħalla tuża dik l-iskema speċjali f’konformità mal-Artikolu 359;

(b)

provvisti koperti mill-iskema speċjali kif stabbilit fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 3, fejn dawk il-provvisti jitwettqu minn persuna taxxabbli li titħalla tuża dik l-iskema speċjali f’konformità mal-Artikolu 369b;

(c)

provvisti ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom il-VAT hija pagabbli mill-klijent skont l-Artikolu 196;

(d)

provvisti jew trasferimenti ta’ merkanzija msemmija fl-Artikolu 67, l-ewwel paragrafu.”

;

(6)

fl-Artikolu 167a, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fi skema fakultattiva, li d-dritt għal tnaqqis ta’ persuna taxxabbli li l-VAT tagħha tiġi imposta biss f’konformità mal-Artikolu 66(1), il-punt (b), jiġi pospost sakemm il-VAT fuq il-merkanzija jew is-servizzi fornuti lil dik il-persuna taxxabbli tkun tħallset lill-fornitur.”

;

(7)

fl-Artikolu 226, il-punt (7a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(7a)

meta l-VAT tiġi imposta fiż-żmien meta jiġi riċevut il-ħlas f’konformità mal-Artikolu 66(1), il-punt (b), u d-dritt għal tnaqqis jirriżulta fiż-żmien meta t-taxxa deduċibbli tiġi imposta, ir-referenza ‘Kontabbiltà abbażi tal-ħlasijiet’;”

;

(8)

l-Artikolu 237 jitħassar;

(9)

l-Artikolu 359 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 359

L-Istati Membri għandhom jippermettu lil kwalunkwe persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità li tipprovdi servizzi lil persuna mhux taxxabbli biex tuża din l-iskema speċjali. Din l-iskema speċjali għandha tapplika għal dawk is-servizzi kollha fornuti fil-Komunità.”

;

(10)

fl-Artikolu 361(1), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

indirizz elettroniku inkluż, fejn disponibbli, siti web;”

;

(11)

l-Artikolu 368 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 368

Il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fil-Komunità li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali ma tistax, fir-rigward tas-servizzi koperti minn din l-iskema speċjali, tnaqqas il-VAT imposta fl-Istati Membri tal-konsum skont l-Artikolu 168 ta’ din id-Direttiva. Minkejja l-Artikolu 1, il-punt (1), tad-Direttiva 86/560/KEE, il-persuna taxxabbli inkwistjoni għandha tiġi rimborżata f’konformità ma’ dik id-Direttiva. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 86/560/KEE ma għandhomx japplikaw għal rifużjonijiet li jirrigwardaw merkanzija jew servizzi użati għall-finijiet tal-provvisti ta’ servizzi koperti minn din l-iskema speċjali.

Jekk il-persuna taxxabbli li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali tkun meħtieġa li tkun reġistrata fi Stat Membru għal attivitajiet mhux koperti minn din l-iskema speċjali, hija għandha tnaqqas il-VAT imposta f’dak l-Istat Membru, fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli tagħha li huma koperti minn din l-iskema speċjali, fid-denunzja tal-VAT li għandha tiġi sottomessa skont l-Artikolu 250.”

;

(12)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 369aa

Il-provvista ta’ gass permezz ta’ sistema ta’ gass naturali li tinsab fit-territorju tal-Komunità jew kwalunkwe network konness ma’ tali sistema, il-provvista ta’ elettriku jew il-provvista ta’ sħana jew ta’ tkessiħ permezz ta’ networks tat-tisħin jew tat-tkessiħ, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39, fejn dawk il-provvisti jsiru lil persuna taxxabbli, jew persuna ġuridika mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), jew lil kwalunkwe persuna oħra mhux taxxabbli minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru li fih il-merkanzija hija soġġetta għall-VAT, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 369b, titqies bħala bejgħ intra-Komunitarju mill-bogħod ta’ merkanzija sat-30 ta’ Ġunju 2028.”

;

(13)

fl-Artikolu 369j, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-persuna taxxabbli li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali ma tistax, fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti minn din l-iskema speċjali, tnaqqas il-VAT imposta fl-Istati Membri tal-konsum skont l-Artikolu 168 ta’ din id-Direttiva. Minkejja l-Artikolu 1, il-punt (1), tad-Direttiva 86/560/KEE u l-Artikolu 2, il-punt (1), l-Artikolu 3 u l-Artikolu 8(1), il-punt (e), tad-Direttiva 2008/9/KE, il-persuna taxxabbli inkwistjoni għandha tiġi rimborżata f’konformità ma’ dawk id-Direttivi. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 86/560/KEE ma għandhomx japplikaw għal rifużjonijiet li jirrigwardaw merkanzija jew servizzi użati għall-finijiet tal-provvisti ta’ merkanzija koperti minn din l-iskema speċjali.”

;

(14)

fl-Artikolu 369 m, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal persuni taxxabbli soġġetti għall-iskema speċjali prevista fit-Titolu XII, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 2.”

;

(15)

l-Artikolu 369p huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

indirizz elettroniku u, fejn disponibbli, siti web;”

;

(b)

fil-paragrafu 3, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

indirizz elettroniku u, fejn disponibbli, siti web;”

;

(16)

fl-Artikolu 369w, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-persuna taxxabbli li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali ma tistax, fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti minn din l-iskema speċjali, tnaqqas il-VAT imposta fl-Istati Membri tal-konsum skont l-Artikolu 168 ta’ din id-Direttiva. Minkejja l-Artikolu 1, il-punt (1), tad-Direttiva 86/560/KEE, u l-Artikolu 2, il-punt (1), l-Artikolu 3 u l-Artikolu 8(1), il-punt (e), tad-Direttiva 2008/9/KE, il-persuna taxxabbli inkwistjoni għandha tiġi rimborżata f’konformità ma’ dawk id-Direttivi. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 86/560/KEE ma għandhomx japplikaw għal rifużjonijiet li jirrigwardaw merkanzija jew servizzi użati għall-finijiet tal-provvisti ta’ merkanzija koperti minn din l-iskema speċjali.”.

Artikolu 3

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2028

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 28a

1.   Minkejja l-Artikolu 28, persuna taxxabbli li tiffaċilita, permezz tal-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal, jew mezzi simili, il-provvista, fl-Unjoni, ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, jiġifieri l-kiri ta’ akkomodazzjoni mingħajr interruzzjoni lill-istess persuna għal massimu ta’ 30 lejl, jew ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, għandha titqies li tkun irċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess sakemm il-persuna li tipprovdi dawk is-servizzi ma tkunx:

(a)

ipprovdiet lill-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista n-numru ta’ identifikazzjoni tagħha għall-finijiet tal-VAT maħruġ fl-Istati Membri fejn isseħħ il-provvista, jew in-numru ta’ identifikazzjoni allokat lilha f’konformità mal-Artikolu 362 jew l-Artikolu 369d; u

(b)

iddikjarat lill-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista li ser timponi xi VAT dovuta fuq dik il-provvista.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, is-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq li jitwettqu fl-Unjoni għandhom ifissru t-taqsima tas-servizz li jitwettaq bejn żewġ punti tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal provvisti magħmula taħt l-iskema speċjali prevista fit-Titolu XII, il-Kapitolu 3.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista msemmija fil-paragrafu 1 japprova n-numru ta’ identifikazzjoni għall-finijiet tal-VAT imsemmi fil-punt (a) ta’ dak il-paragrafu, billi tuża l-mezzi xierqa stabbiliti f’konformità mal-liġi nazzjonali.

5.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-paragrafu provvisti ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, jew servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, jew it-tnejn li huma, magħmula fit-territorju tagħhom skont l-iskema speċjali prevista fit-Titolu XII, il-Kapitolu 1, it-Taqsima 2.

6.   Fejn Stat Membru jkun eżerċita l-għażla stabbilita fil-paragrafu 5, huwa għandu jinforma lill-Kumitat tal-VAT b’dan. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista komprensiva tal-Istati Membri li eżerċitaw dik l-għażla.

7.   Sal-1 ta’ Lulju 2033, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill rapport li jevalwa l-operat ta’ dan l-Artikolu u l-applikazzjoni tar-regoli tal-VAT dwar is-servizzi ta’ faċilitazzjoni, inkluż l-impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, u l-effettività tal-ġbir tal-VAT.Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta leġiżlattiva xierqa, jekk jitqies meħtieġ.”

;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 46a

Il-post tal-provvista tas-servizz ta’ faċilitazzjoni pprovdut lil persuna mhux taxxabbli bl-użu ta’ interfaċċa elettronika, bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili għandu jkun il-post fejn it-tranżazzjoni sottostanti tiġi pprovduta f’konformità ma’ din id-Direttiva.”

;

(3)

l-Artikolu 135(2) huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagarfu:

“Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-punt (a), il-kiri ta’ akkomodazzjoni mingħajr interruzzjoni lill-istess persuna għal massimu ta’ 30 lejl għandu jitqies li jkollu funzjoni simili għas-settur tal-lukandi soġġett għal kriterji, kundizzjonijiet u limitazzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom, qabel l-1 ta’ Lulju 2028, jikkomunikaw lill-Kumitat tal-VAT it-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li fihom jistabbilixxu l-kriterji, il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu.

Sal-31 ta’ Diċembru 2028, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tippubblika lista komprensiva li tindika l-kriterji, il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li l-Istati Membri stabbilixxu fir-rigward tal-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu.”

;

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 136b

Meta persuna taxxabbli titqies li tkun irċeviet u pprovdiet servizzi f’konformità mal-Artikolu 28a, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ dawk is-servizzi lil dik il-persuna taxxabbli.”

;

(5)

l-Artikolu 138 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika għal trasferimenti ddikjarati taħt l-iskema speċjali prevista fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-provvista ta’ merkanzija, li tikkonsisti fi trasferiment lejn Stat Membru ieħor, li kienet tkun intitolata għal eżenzjoni skont il-paragrafu 1 u l-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu li kieku din kienet saret f’isem persuna taxxabbli oħra.”

;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 172a

Meta persuna taxxabbli titqies li tkun irċeviet u pprovdiet servizzi f’konformità mal-Artikolu 28a, dawk il-provvisti ma għandhomx jaffettwaw id-dritt għal tnaqqis ta’ dik il-persuna taxxabbli, irrispettivament minn jekk il-VAT tkunx tista’ titnaqqas fir-rigward ta’ dawk il-provvisti.”

;

(7)

l-Artikolu 194 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 194

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 195 u 196, fejn il-provvista taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi titwettaq minn persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita u ma tkunx identifikata għall-finijiet tal-VAT, permezz ta’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali kif imsemmi fl-Artikolu 214, fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT, il-persuna taxxabbli responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tkun il-persuna li lilha jiġu pprovduti l-merkanzija jew is-servizzi jekk dik il-persuna tkun diġà identifikata għall-finijiet tal-VAT f’dak l-Istat Membru.

Barra minn hekk, fejn il-provvista taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi titwettaq minn persuna taxxabbli li ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT, l-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-kundizzjonijiet li jistabbilixxu, jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT għandha tkun il-persuna li lilha qed jiġu pprovduti l-merkanzija jew is-servizzi.

2.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal provvista ta’ merkanzija mwettqa minn negozjant taxxabbli kif definit fl-Artikolu 311(1), il-punt (5), fejn il-merkanzija tkun soġġetta għall-VAT f’konformità mal-arranġamenti speċjali previsti fit-Titolu XII, il-Kapitolu 4, it-Taqsima 2.”

;

(8)

fl-Artikolu 222, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal provvisti ta’ merkanzija mwettqa f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138 jew għal provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom il-VAT hija pagabbli mill-klijent skont l-Artikoli 194 u 196, għandha tinħareġ fattura mhux aktar tard mill-ħmistax-il jum tax-xahar ta’ wara dak li fih iseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas.”

;

(9)

fl-Artikolu 226, il-punt (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(4)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent, kif imsemmi fl-Artikolu 214, li taħtu l-klijent irċieva provvista ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħha il-klijent huwa obbligat li jħallas il-VAT, jew irċieva provvista ta’ merkanzija kif imsemmi fl-Artikolu 138, ħlief fejn tkun intużat l-iskema speċjali prevista fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5;”

;

(10)

l-Artikolu 242a huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fejn persuna taxxabbli tiffaċilita, bl-użu ta’ interfaċċa elettronika bħal post tas-suq, pjattaforma, portal jew mezzi simili, il-provvista, fl-Unjoni ta’ servizzi ta’ kiri ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir jew ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, u dik il-persuna ma titqiesx li tkun irċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess skont l-Artikolu 28a, il-persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvista għandha tkun obbligata żżomm reġistri ta’ dawk il-provvisti. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri fejn dawk il-provvisti huma taxxabbli biex jivverifikaw li l-VAT tkun ġiet ikkunsidrata b’mod korrett.”

;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-reġistri msemmija fil-paragrafi 1 u 1a għandhom ikunu disponibbli elettronikament fuq talba għall-Istati Membri kkonċernati.

L-Istati Membri jistgħu jkomplu jirrikjedu li r-reġistri msemmija fil-paragrafi 1 u 1a jiġu pprovduti fuq bażi regolari u sistematika sakemm ikun disponibbli aċċess awtomatizzat għal dawk ir-rekords.

Dawk ir-reġistri għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin mill-aħħar tas-sena li matulha tkun twettqet it-tranżazzjoni.”

;

(11)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 242b

Meta persuna taxxabbli tittrasferixxi merkanzija lejn Stat Membru ieħor f’konformità mal-Artikolu 17(1) f’isem persuna taxxabbli oħra, tal-ewwel għandha tinforma lil din tal-aħħar, mhux aktar tard mill-waqt tat-trasport jew id-dispaċċ tal-merkanzija, li l-merkanzija tagħha qed tiġi jew ser tiġi trasferita, jekk it-trasferiment ma jsirx fuq talba espliċita ta’ din tal-aħħar.”

;

(12)

fl-Artikolu 262, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Kull persuna taxxabbli identifikata għall-finijiet tal-VAT għandha tissottometti dikjarazzjoni rikapitolattiva ta’ dan li ġej:

(a)

l-akkwirenti identifikati għall-finijiet tal-VAT li lilhom dik il-persuna taxxabbli identifikata għall-finijiet tal-VAT tkun ipprovdiet merkanzija f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138(1) u l-Artikolu 138(2), il-punt (c), ħlief meta jsir użu mill-iskema speċjali prevista fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5;

(b)

il-persuni identifikati għall-finijiet tal-VAT li lilhom dik il-persuna taxxabbli identifikata għall-finijiet tal-VAT tkun ipprovdiet merkanzija li kienet ipprovdiet lil dik il-persuna taxxabbli permezz tal-akkwist intra-Kommunitarju ta’ merkanzija msemmija fl-Artikolu 42;

(c)

il-persuni taxxabbli, u l-persuni ġuridiċi mhux taxxabbli identifikati għall-finijiet tal-VAT, li lilhom dik il-persuna taxxabbli identifikata għall-finijiet tal-VAT tkun ipprovdiet merkanzija jew servizzi, minbarra merkanzija jew servizzi eżentati mill-VAT fl-Istat Membru fejn it-tranżazzjoni hija taxxabbli, li għalih il-klijent huwa responsabbli li jħallas il-VAT skont l-Artikolu 194 dment li l-klijent ikun identifikat għall-finijiet tal-VAT, jew skont l-Artikolu 196.”

;

(13)

fl-Artikolu 288(l), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-valur ta’ tranżazzjonijiet li huma eżentati skont l-Artikolu 136a, l-Artikolu 136b, l-Artikoli 146 sa 149 u l-Artikoli 151, 152 u 153;”

;

(14)

Fl-Artikolu 306, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-iskema speċjali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tapplika għall-provvisti magħmula skont l-Artikolu 28a.”

;

(15)

fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“KAPITOLU 6

Skemi speċjali għal persuni taxxabbli li jfornu servizzi lil persuni mhux taxxabbli jew li jagħmlu bejgħ mill-bogħod ta’ merkanzija, ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija jew trasferimenti ta’ merkanzija proprja

;

(16)

l-Artikolu 365 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 365

Id-denunzja tal-VAT għandha turi n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali għall-applikazzjoni ta’ din l-iskema speċjali u, għal kull Stat Membru ta’ konsum li fih hija dovuta l-VAT, il-valur totali, mingħajr il-VAT, ta’ provvisti ta’ servizzi koperti minn din l-iskema speċjali li għalihom seħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas matul il-perjodu tat-taxxa u l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti. Fejn rilevanti, ir-rati applikabbli tal-VAT u l-VAT totali dovuta għandhom jiġu indikati wkoll fuq id-denunzja tal-VAT.

Fejn kwalunkwe emenda fid-denunzja tal-VAT tkun meħtieġa sad-data li fiha dik id-denunzja tal-VAT tkun meħtieġa li tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 364, tali emendi għandhom jiġu inklużi f’dik id-denunzja tal-VAT.

Fejn kwalunkwe emenda għad-denunzja tal-VAT ta’ perjodu tat-taxxa preċedenti tkun meħtieġa wara d-data li fiha d-denunzja tal-VAT kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 364, dawn l-emendi għandhom jiġu inklużi f’denunzja tal-VAT ta’ perjodu tat-taxxa sussegwenti fi żmien tliet snin mid-data li fiha kien meħtieġ li tiġi ppreżentata d-denunzja tal-VAT inizjali f’konformità ma’ dak l-Artikolu. Dik id-denunzja tal-VAT sussegwenti għandha tidentifika l-Istat Membru rilevanti tal-konsum, il-perjodu tat-taxxa u l-ammont tal-VAT li għalih tkun meħtieġa kwalunkwe emenda.”

;

(17)

fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 3, l-intestatura 3 hija sostitwita b’dan li ġej:

“TAQSIMA 3

SKEMA SPEĊJALI GĦAL BEJGĦ MILL-BOGĦOD INTRA-KOMUNITARJU TA’ MERKANZIJA, GĦAL ĊERTI PROVVISTI TA’ MERKANZIJA FI STAT MEMBRU MAGĦMULA MINN PERSUNA TAXXABBLI U GĦAL ĊERTI SERVIZZI PPROVDUTI MINN PERSUNI TAXXABBLI STABBILITI FIL-KOMUNITÀ IŻDA MHUX FL-ISTAT MEMBRU TAL-KONSUM”

;

(18)

L-Artikolu 369a huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (2) huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn persuna taxxabbli ma tkunx stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità u lanqas ma jkollha stabbiliment fiss hemmhekk, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija. Fil-każ ta’ provvista ta’ merkanzija, mingħajr dispaċċ jew trasport tal-merkanzija, jew fejn id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija fornuta jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru jew f’konformità mal-Artikolu 37 jew 39, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fih isseħħ il-provvista. Meta jkun hemm aktar minn Stat Membru wieħed li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, jew li fih issir il-provvista, il-persuna taxxabbli għandha tindika liema minn dawk l-Istati Membri għandu jkun l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. Il-persuna taxxabbli għandha tkun marbuta b’dik id-deċiżjoni għas-sena kalendarja kkonċernata u għas-sentejn kalendarji ta’ wara;”

;

(ii)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Minkejja l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi ta’ dan il-punt, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għal din l-iskema speċjali għandu jkun l-istess bħal dak għall-iskema speċjali kif stabbilit tat-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5, fejn il-persuna taxxabbli tkun irreġistrata għal dik l-iskema speċjali.”

;

(b)

il-punt (3) huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

fil-każ tal-provvista ta’ merkanzija fi Stat Membru mingħajr id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, jew fejn id-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija fornuta jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru, fejn dik il-merkanzija tiġi fornuta lil persuna taxxabbli jew persuna ġuridika mhux taxxabbli li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), jew lil kwalunkwe persuna mhux taxxabbli oħra, dak l-Istat Membru;”

;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

fil-każ tal-provvista ta’ merkanzija f’konformità mal-Artikoli 36, 37 u 39, fejn dik il-merkanzija tiġi fornuta lil persuna taxxabbli jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), jew lil kwalunkwe persuna mhux taxxabbli oħra, l-Istat Membru li fih titqies li ssir il-provvista.”

;

(19)

l-Artikolu 369b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 369b

L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli li ġejjin, minbarra dawk li jwettqu biss provvisti eżentati ta’ merkanzija u servizzi li ma jagħtux lok għal tnaqqis, biex jużaw din l-iskema speċjali:

(a)

persuna taxxabbli li twettaq bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta’ oġġetti;

(b)

persuna taxxabbli li tiffaċilita l-provvisti ta’ merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a(2) mingħajr dispaċċ jew trasport jew fejn id-dispaċċ jew it-trasport jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru;

(c)

persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru tal-konsum li tipprovdi servizzi lil persuna mhux taxxabbli;

(d)

persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru li fih il-merkanzija hija soġġetta għall-VAT, li tipprovdi merkanzija f’konformità mal-Artikoli 36, 37 u 39 lil persuna taxxabbli jew persuna ġuridika mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), jew għal kwalunkwe persuna mhux taxxabbli oħra;

(e)

persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru li fih il-merkanzija hija soġġetta għall-VAT, li tipprovdi merkanzija mingħajr dispaċċ jew trasport jew fejn id-dispaċċ jew it-trasport jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru lil persuna taxxabbli, jew persuna ġuridika mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1) jew lil kwalunkwe persuna mhux taxxabbli oħra;

(f)

persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru li lejh tkun ġiet ittrasferita l-merkanzija skont l-iskema speċjali stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5, tat- fejn dik il-merkanzija tkun soġġetta għall-VAT f’konformità mal-Artikoli 16, 18 jew 26 jew fejn ikun meħtieġ aġġustament tat-tnaqqis f’konformità mat-Titolu X, tal-Kapitolu 5.

Din l-iskema speċjali tapplika għall-provvisti eliġibbli kollha fil-Komunità magħmula mill-persuna taxxabbli kkonċernata.”

;

(20)

L-Artikolu 369g huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 369g

1.   Id-denunzja tal-VAT għandha turi n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 369d u, għal kull Stat Membru tal-konsum, il-valur totali mingħajr il-VAT, ir-rati applikabbli tal-VAT u, fejn rilevanti, l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti, u l-VAT totali dovuta fir-rigward tal-provvisti li ġejjin koperti minn din l-iskema speċjali li għalihom seħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas matul il-perjodu tat-taxxa:

(a)

bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta’ merkanzija;

(b)

provvisti ta’ servizzi;

(c)

provvisti ta’ merkanzija f’konformità mal-Artikoli 36, 37 u 39, fejn dik il-merkanzija tiġi pprovduta lil persuna taxxabbli, jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), jew lil kwalunkwe persuna mhux taxxabbli oħra;

(d)

provvisti ta’ merkanzija, inkluż minn persuna taxxabbli li tiffaċilita dawk il-provvisti f’konformità mal-Artikolu 14a(2), mingħajr dispaċċ jew trasport, jew fejn id-dispaċċ jew it-trasport jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru, fejn dik il-merkanzija tiġi pprovduta lil persuna taxxabbli jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), jew lil kwalunkwe persuna mhux taxxabbli oħra;

(e)

provvisti ta’ merkanzija u servizzi f’konformità mal-Artikoli 16, 18 u 26, wara trasferiment ta’ merkanzija proprja taħt l-iskema speċjali kif stabbilit fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5.

Id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi wkoll emendi relatati ma’ perjodi preċedenti tat-taxxa kif previst fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu.

2.   Fejn il-merkanzija tintbagħat mingħajr dispaċċ jew trasport, jew fejn jintbagħtu jew jiġu ttrasportati fi jew minn Stati Membri oħrajn li mhumiex l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi wkoll il-valur totali mingħajr il-VAT u, fejn rilevanti, ir-rati ta’ VAT applikabbli, l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti, u l-VAT totali dovuta, fir-rigward tal-provvisti li ġejjin koperti minn din l-iskema speċjali, għal kull Stat Membru fejn tali merjkanzija hija provduta mingħajr dispaċċ jew trasport jew li fih jew minnu tintbagħat jew tiġi ttrasportata dik il-merkanzija:

(a)

bejgħ mill-bogħod intra-Komunitarju ta’ merkanzija;

(b)

provvisti ta’ merkanzija, inkluż minn persuna taxxabbli li tiffaċilita dawk il-provvisti f’konformità mal-Artikolu 14a(2), mingħajr dispaċċ jew trasport jew fejn id-dispaċċ jew it-trasport jibda u jispiċċa fl-istess Stat Membru, meta dik il-merkanzija tiġi pprovduta lil persuna taxxabbli, jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1), jew lil kwalunkwe persuna mhux taxxabbli oħra;

(c)

provvisti ta’ merkanzija f’konformità mal-Artikoli 36, 37 u 39, fejn dik il-merkanzija tiġi pprovduta lil persuna taxxabbli jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli, li l-akkwisti intra-Komunitarji tagħha ta’ merkanzija mhumiex soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 3(1) jew lil kwalunkwe persuna mhux taxxabbli oħra;

(d)

provvisti ta’ merkanzija u servizzi f’konformità mal-Artikoli 16, 18 u 26, wara trasferiment ta’ merkanzija proprja taħt l-iskema speċjali kif stabbilit fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5.

Fir-rigward tal-provvisti msemmija f’dan il-paragrafu, id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi wkoll in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa allokat minn kull Stat Membru fejn tali merkanzija hija pprovduta mingħajr dispaċċ jew trasport jew fi jew li minnu tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija, jekk disponibbli.

Id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu diżaggregata skont l-Istat Membru ta’ konsum.

3.   Fejn il-persuna taxxabbli li tipprovdi servizzi koperti minn din l-iskema speċjali jkollha stabbiliment fiss wieħed jew aktar, minbarra dak fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, li minnu huma fornuti s-servizzi, id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi wkoll il-valur totali minbarra l-VAT, u fejn rilevanti, ir-rati tal-VAT applikabbli, l-ammont totali għal kull rata tal-VAT korrispondenti u l-VAT totali dovuta għal tali provvisti, għal kull Stat Membru li fih il-persuna taxxabbli għandha stabbiliment, flimkien ma’ numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-individwu jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa ta’ dak l-istabbiliment, diżaggregati skont l-Istat Membru ta’ konsum.

4.   Meta jkun meħtieġ aġġustament tat-tnaqqis għal merkanzija li tkun ġiet ittrasferita skont l-iskema speċjali prevista fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5, id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi l-fatturi rilevanti li wasslu għall-aġġustament u l-VAT dovuta u, għall-oġġetti kapitali, id-data tal-bidu tal-perjodu ta’ aġġustament li jibda wara t-trasferiment.

5.   Fejn kwalunkwe emenda għad-denunzja tal-VAT tkun meħtieġa sad-data li fiha dik id-denunzja tal-VAT tkun meħtieġa li tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 369f, tali emendi għandhom jiġu inklużi f’dik id-denunzja tal-VAT.

Meta kwalunkwe emenda għad-denunzja tal-VAT ta’ perjodu tat-taxxa preċedenti tkun meħtieġa wara d-data li fiha d-denunzja tal-VAT kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 369f, dawn l-emendi għandhom jiġu inklużi f’denunzja tal-VAT ta’ perjodu tat-taxxa sussegwenti fi żmien tliet snin mid-data li fiha d-denunzja inizjali tal-VAT kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata f’konformità ma’ dak l-Artikolu. Dik id-denunzja sussegwenti tal-VAT għandha tidentifika l-Istat Membru ta’ konsum rilevanti, il-perjodu tat-taxxa u l-ammont tal-VAT li għalih l-emendi jkunu meħtieġa.

6.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, id-denunzja tal-VAT ma għandhiex tinkludi provvisti eżentati ta’ merkanzija jew servizzi li ma jagħtux lok għal possibbiltà ta’ tnaqqis.”

;

(21)

L-Artikolu 369p huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

status bħala persuna taxxabbli meqjusa li rċeviet u pprovdiet merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a(1).”

;

(b)

fil-paragrafu 3, jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

status bħala persuna taxxabbli meqjusa li rċeviet u pprovdiet merkanzija f’konformità mal-Artikolu 14a(1).”

;

(22)

l-Artikolu 369t huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 369t

1.   Id-denunzja tal-VAT għandha turi n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fl-Artikolu 369q u, għal kull Stat Membru ta’ konsum fejn hi dovuta l-VAT, il-valur totali, mingħajr VAT, tal-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti importati minn territorji terzi jew pajjiżi terzi li fuqhom tiġi imposta l-VAT matul il-perjodu tat-taxxa u l-ammont totali skont ir-rata tal-VAT korrispondenti. Fejn rilevanti, ir-rati applikabbli tal-VAT u l-VAT totali dovuta għandhom jiġu indikati wkoll fuq id-denunzja tal-VAT.

2.   Fejn kwalunkwe emenda għad-denunzja tal-VAT tkun meħtieġa sad-data li fiha dik id-denunzja tal-VAT tkun meħtieġa li tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 369s, tali emendi għandhom jiġu inklużi f’dik id-denunzja tal-VAT.

Meta kwalunkwe emenda għad-denunzja tal-VAT tkun meħtieġa wara d-data li fiha d-denunzja tal-VAT kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 369s, dawn l-emendi għandhom jiġu inklużi f’denunzja tal-VAT sussegwenti fi żmien tliet snin mid-data li fiha d-denunzja tal-VAT inizjali kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata f’konformità ma’ dak l-Artikolu. Dik id-denunzja tal-VAT sussegwenti għandha tidentifika l-Istat Membru rilevanti tal-konsum, il-perjodu tat-taxxa u l-ammont tal-VAT li għalih tkun meħtieġa kwalunkwe emenda.”

;

(23)

fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, tiżdied it-taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 5

SKEMA SPEĊJALI GĦAT-TRASFERIMENTI TA’ MERKANZIJA PROPRJA

Artikolu 369xa

1.   Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘trasferiment ta’ merkanzija proprja’ tfisser it-trasferiment ta’ merkanzija lejn Stat Membru ieħor f’konformità mal-Artikolu 17(1), u ma tinkludix trasferimenti ta’ merkanzija li fir-rigward tagħhom ma hemm l-ebda dritt sħiħ ta’ tnaqqis f’dak l-Istat Membru;

(b)

‘Stat Membru ta’ identifikazzjoni’ tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-persuna taxxabbli tkun stabbiliet in-negozju tagħha jew, jekk dik il-persuna taxxabbli ma tkunx stabbiliet in-negozju tagħha fil-Komunità, fejn dik il-persuna taxxabbli jkollha stabbiliment fiss.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b), fejn persuna taxxabbli ma stabbilietx in-negozju tagħha fil-Komunità, iżda għandha iktar minn stabbiliment fiss wieħed hemmhekk, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment fiss fejn dik il-persuna taxxabbli tindika li ser tagħmel użu minn din l-iskema speċjali. Il-persuna taxxabbli għandha tkun marbuta b’dik id-deċiżjoni għas-sena kalendarja kkonċernata u għas-sentejn kalendarji ta’ wara.

Fejn persuna taxxabbli ma stabbilietx in-negozju tagħha fil-Komunità u lanqas ma għandha stabbiliment fiss hemmhekk, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jkun l-Istat Membru li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija. Meta jkun hemm aktar minn Stat Membru wieħed li fih jibda d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija, il-persuna taxxabbli għandha tindika liema minn dawk l-Istati Membri għandu jkun l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni. Il-persuna taxxabbli għandha tkun marbuta b’dik id-deċiżjoni għas-sena kalendarja kkonċernata u għas-sentejn kalendarji ta’ wara.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, il-punt (b), u l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għal din l-iskema speċjali għandu jkun l-istess bħal dak għall-iskema speċjali stabbilit fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 3, fejn il-persuna taxxabbli tkun irreġistrata għal dik l-iskema speċjali.”;

Artikolu 369xb

L-Istati Membri għandhom jippermettu lil kwalunkwe persuna taxxabbli li tagħmel trasferimenti ta’ merkanzija proprja li tuża din l-iskema speċjali.

Din l-iskema speċjali għandha tapplika għat-trasferimenti kollha ta’ merkanzija proprja mwettqa minn persuna taxxabbli rreġistrata għal din l-iskema speċjali.

Artikolu 369xc

Persuna taxxabbli għandha tinforma lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni meta dik il-persuna taxxabbli tibda u twaqqaf l-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti minn din l-iskema speċjali, jew tbiddel dawk l-attivitajiet b’tali mod li dik il-persuna taxxabbli ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta’ din l-iskema speċjali. Dik il-persuna taxxabbli għandha tikkomunika dik l-informazzjoni b’mod elettroniku.

Artikolu 369xd

Persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali għandha, għat-tranżazzjonijiet taxxabbli mwettqa taħt din l-iskema speċjali, tiġi identifikata għall-finijiet tal-VAT fl-Istat Membru ta’ identifikazzjoni biss. Għal dak l-għan, l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu juża n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali diġà allokat lill-persuna taxxabbli fir-rigward tal-obbligi ta’ dik il-persuna taxxabbli skont is-sistema interna.

Artikolu 369xe

L-Istat Membru ta’ identifikazzjoni għandu jeskludi persuna taxxabbli minn din l-iskema speċjali fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

jekk dik il-persuna taxxabbli tinnotifika lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni li ma għadhiex twettaq trasferimenti ta’ merkanzija proprja koperti minn din l-iskema speċjali;

(b)

jekk inkella jista’ jiġi preżunt li l-attivitajiet taxxabbli ta’ dik il-persuna taxxabbli koperti minn din l-iskema speċjali jkunu waqfu;

(c)

jekk dik il-persuna taxxabbli ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-użu ta’ din l-iskema speċjali;

(d)

jekk dik il-persuna taxxabbli tonqos b’mod persistenti milli tikkonforma mar-regoli relatati ma’ din l-iskema speċjali.

Artikolu 369xf

Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali għandha tissottometti b’mezzi elettroniċi lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, denunzja tal-VAT għal kull xahar, irrispettivament jekk ikunu saru t-trasferimenti ta’ merkanzija koperti minn din l-iskema speċjali. Id-denunzja tal-VAT għandha tiġi ppreżentata sal-aħħar tax-xahar wara t-tmiem tal-perjodu tat-taxxa kopert mid-denunzja tal-VAT.

Artikolu 369xg

1.   Id-denunzja tal-VAT għandha turi n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali msemmi fl-Artikolu 369xd u, għal kull Stat Membru li minnu jew li lilu tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija, il-valur totali mingħajr il-VAT tat-trasferimenti koperti minn din l-iskema speċjali li għalihom seħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas matul il-perjodu tat-taxxa.

Id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi wkoll emendi kif previst fil-paragrafu 3.

2.   Meta l-merkanzija tintbagħat jew tiġi ttrasportata minn Stati Membri għajr l-Istat Membru ta’ identifikazzjoni, id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi l-valur totali mingħajr il-VAT tat-trasferimenti koperti minn din l-iskema speċjali, għal kull Stat Membru li minnu jew li lilu tintbagħat jew tiġi ttrasportata tali merkanzija.

Id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi wkoll in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT individwali jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa allokat minn kull Stat Membru li minnu tintbagħat jew tiġi ttrasportata il-merkanzija msemmija fl-ewwel subparagrafu, jekk disponibbli. Id-denunzja tal-VAT għandha tinkludi l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu diżaggregata skont l-Istat Membru li lilu tintbagħat jew tiġi ttrasportata tali merkanzija.

3.   Fejn tkun meħtieġa kwalunkwe emenda għad-denunzja tal-VAT sad-data li fiha dik id-denunzja tal-VAT tkun trid tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 369xf, tali emendi għandhom jiġu inklużi f’dik id-denunzja tal-VAT.

Meta tkun meħtieġa kwalunkwe emenda għad-denunzja tal-VAT wara d-data li fiha d-denunzja tal-VAT kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 369xf, dawn l-emendi għandhom jiġu inklużi f’denunzja tal-VAT sussegwenti fi żmien tliet snin mid-data li fiha d-denunzja tal-VAT inizjali kienet meħtieġa li tiġi ppreżentata skont dak l-Artikolu. Dik id-denunzja tal-VAT sussegwenti għandha tidentifika l-Istat Membru rilevanti li minnu jew li lilu tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija, il-perjodu tat-taxxa u l-ammont taxxabbli li għalih tkun meħtieġa kwalunkwe emenda.

Artikolu 369xh

1.   Id-denunzja tal-VAT għandha ssir bil-euro.

Stati Membri li ma adottawx il-euro jistgħu jeħtieġu li d-denunzja tal-VAT issir fil-munita nazzjonali tagħhom.

Jekk muniti oħra jkunu ġew użati għall-provvisti, il-persuna taxxabbli li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali għandha, għall-finijiet ta’ tlestija tad-denunzja tal-VAT, tuża r-rata tal-kambju li tapplika fl-aħħar data tal-perjodu tat-taxxa.

2.   Il-kambju għandu jsir billi jiġu applikati r-rati tal-kambju ppubblikati mill-Bank Ċentrali Ewropew għal dik il-ġurnata, jew, jekk ma kien hemm l-ebda pubblikazzjoni f’dik il-ġurnata, fil-ġurnata ta’ pubblikazzjoni li jmiss.

Artikolu 369xi

Għall-finijiet ta’ din l-iskema speċjali, l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija fl-Istat Membru li lilu tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija, huwa eżentat.

Minkejja l-Artikolu 214(1), l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija msemmi fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu ma għandux jgħati lok għal obbligu ta’ reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 214(1)..

Għall-finijiet tal-Artikoli 16, 18, 26, 185 sa 189 u 192, l-eżenzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu titqies bħala l-eżerċizzju ta’ dritt sħiħ ta’ tnaqqis tal-VAT li jkun dovut kieku dik l-eżenzjoni ma kinitx applikabbli.

Artikolu 369xj

Il-persuna taxxabbli li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali ma tistax, fir-rigward tal-attivitajiet taxxabbli tagħha koperti minn din l-iskema speċjali, tiddikjara fid-denunzja tal-VAT ta’ din l-iskema speċjali, il-VAT deduċibbli skont l-Artikolu 168 fl-Istati Membri li minnhom jew li lilhom tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija.

Minkejja l-Artikolu 1, il-punt (1), tad-Direttiva 86/560/KEE, u l-Artikolu 2, il-punt (1), l-Artikolu 3 u l-Artikolu 8(1), il-punt (e), tad-Direttiva 2008/9/KE, il-persuna taxxabbli inkwistjoni għandha tiġi rifuża f’konformità ma’ dawk id-Direttivi. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 86/560/KEE ma għandhomx japplikaw għal rifużjonijiet li jirrigwardaw merkanzija jew servizzi użati għall-finijiet tat-trasferimenti ta’ merkanzija proprja koperta b’din l-iskema speċjali.

Jekk il-persuna taxxabbli li tagħmel użu minn din l-iskema speċjali tkun meħtieġa li tiġi rreġistrata fi Stat Membru għal attivitajiet mhux koperti minn din l-iskema speċjali, hija għandha tnaqqas il-VAT imġarrba f’dak l-Istat Membru fir-rigward ta’ merkanzija jew servizzi fornuti lilha f’dak l-Istat Membru fid-denunzja tal-VAT li għandha tiġi ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 250.

Artikolu 369xk

1.   Il-persuna taxxabbli li tuża din l-iskema speċjali għandha żżomm reġistri tat-trasferimenti tal-merkanzija proprja koperti minn din l-iskema speċjali. Dawk ir-reġistri għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri li minnhom jew li lilhom tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija biex jivverifikaw li d-denunzja tal-VAT hija korretta.

2.   Ir-reġistri imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru disponibbli b’mod elettroniku fuq talba lill-Istat Membru li minnu jew li lilu tintbagħat jew tiġi ttrasportata l-merkanzija u lill-Istat Membru ta’ identifikazzjoni.

Dawk ir-reġistri għandhom jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin mill-31 ta’ Diċembru tas-sena li matulha jkun twettaq it-trasferiment tal-merkanzija proprja.”.

Artikolu 4

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2029

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 243, jitħassar il-paragrafu 3;

(2)

fl-Artikolu 262, jitħassar il-paragrafu 2.

Artikolu 5

Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2030

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 42, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-persuna li takkwista l-merkanzija tkun ikkonformat mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 262(1), il-punt (c), fir-rigward tal-provvista li għaliha tkun pagabbli it-taxxa mill-konsumatur f’konformità mal-Artikolu 197.”

;

(2)

fl-Artikolu 138, il-paragrafu 1a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1a.   L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tapplika meta l-fornitur ma jkunx ikkonforma mal-obbligu previst fl-Artikoli 262 u 263 biex jikkomunika d-data dwar tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, jew fejn id-data trażmessa ma fihiex l-informazzjoni korretta dwar il-provvista kif meħtieġ skont l-Artikolu 264, sakemm il-fornitur ma jkunx jista’ jiġġustifika kif xieraq kwalunkwe nuqqas għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet kompetenti.”

;

(3)

fl-Artikolu 168, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Meta t-tranżazzjoni tkun soġġetta għar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti fl-Artikolu 271a(1), l-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-kundizzjonijiet li jistabbilixxu, jipprevedu li l-klijent għandu jkun intitolat biss li jnaqqas jew jitlob lura l-VAT dovuta jew imħallsa biss jekk dak il-klijent jkollu fattura elettronika maħruġa f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 218(3).”

;

(4)

l-Artikolu 217 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 217

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘fattura elettronika’ tfisser fattura li fiha l-informazzjoni meħtieġa minn din id-Direttiva, u li, għall-inqas fir-rigward tad-data msemmija fl-Artikoli 262 u 271b, tkun inħarġet, ġiet trażmessa u riċevuta f’format elettroniku strutturat li jippermetti l-ipproċessar awtomatiku u elettroniku tagħha.”

;

(5)

l-Artikolu 218 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 218

1.   Fatturi u dokumenti jew messaġġi elettroniċi fuq karta jew f’formati elettroniċi għajr fatturi elettroniċi għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu biex jiġu aċċettati bħala fatturi.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-fatturi għandhom jinħarġu bħala fatturi elettroniċi. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw dokumenti jew messaġġi fuq karta jew f’formati elettroniċi għajr fatturi elettroniċi għal tranżazzjonijiet mhux soġġetti għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fil-Kapitolu 6.

3.   Il-fatturi elettroniċi għandhom jikkonformaw mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassijiet tagħha skont id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3). L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu ta’ standards oħra għal fatturi elettroniċi relatati mal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi fit-territorju tagħhom, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 262 ta’ din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fatturi elettroniċi maħruġa minn persuni taxxabbli:

(a)

jinkludu l-informazzjoni meħtieġa minn din id-Direttiva; u

(b)

jikkonformaw mal-istandards tekniċi meħtieġa dwar il-fatturazzjoni elettronika msemmija fil-paragrafu 3.

5.   L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-persuna taxxabbli li toħroġ il-fattura jew parti terza li taġixxi f’isem u għall-kont ta’ dik il-persuna taxxabbli tikkonforma mal-miżuri stabbiliti fil-paragrafu 4.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll l-użu ta’ portal pubbliku, jekk dan ikun disponibbli.

(*3)  Id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/55/oj).”;"

(6)

fl-Artikolu 222, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal provvisti ta’ merkanzija mwettqa f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138 jew għal provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom il-VAT hija pagabbli mill-klijent skont l-Artikoli 194 sa 197, fattura għandha tinħareġ mhux aktar tard minn 10 ijiem wara l-avveniment li jagħti lok għal ħlas.

Fil-każ ta’ ħlas ta’ akkont qabel ma jitwettqu l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom il-VAT trid titħallas mill-klijent skont l-Artikoli 194 sa 197, għandha tinħareġ fattura mhux aktar tard minn 10 ijiem wara r-riċevuta tal-ħlas ta’ akkont.”

;

(7)

l-Artikolu 223 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 223

L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-persuni taxxabbli biex joħorġu fatturi fil-qosor li jiddettaljaw diversi provvisti separati ta’ merkanzija jew servizzi dment li l-VAT fuq il-provvisti msemmija fil-fattura fil-qosor issir dovuta matul l-istess xahar kalendarju.

Għal provvisti ta’ merkanzija jew servizzi msemmija fl-Artikolu 222, fatturi fil-qosor għandhom jinħarġu mhux aktar tard minn 10 ijiem wara t-tmiem tax-xahar kalendarju li għalih tirreferi l-fattura fil-qosor.

L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-possibbiltà li jinħarġu fatturi fil-qosor f’ċerti setturi sensittivi għall-frodi. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kumitat tal-VAT dwar l-esklużjonijiet li jkunu implimentaw.”

;

(8)

l-Artikolu 226 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (11a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(11a)

fejn il-klijent huwa responsabbli għall-ħlas tal-VAT, ir-referenza ‘Reverse charge’, u fil-każ ta’ provvista ta’ merkanzija li għaliha l-klijent huwa responsabbli li jħallas il-VAT skont l-Artikolu 197, minbarra minn hekk ir-referenza ‘tranżazzjoni trijangolari’;”

;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“(16)

fil-każ ta’ fattura korrettiva, kif imsemmija fl-Artikolu 219, in-numru sekwenzjali li jidentifika l-fattura kkoreġuta, kif imsemmi fil-punt (2) ta’ dan il-paragrafu;

(17)

in-numri tal-kontijiet tal-bank jew in-numri tal-kontijiet virtwali tal-fornitur jew kwalunkwe identifikatur/i ieħor/oħra li jidentifikaw mingħajr ambigwità l-kontijiet tal-fornitur li fih ir-riċevituri tal-fattura jistgħu jħallsu dik il-fattura.”

;

(9)

l-Artikolu 232 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 232

Il-ħruġ, lil persuna taxxabbli jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli, ta’ fattura elettronika li tikkonforma mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassijiet tagħha skont id-Direttiva 2014/55/UE ma għandux ikun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw fatturi konformi ma’ dak l-istandard għal aċċettazzjoni mir-riċevitur għal tranżazzjonijiet mhux soġġetti għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fil-Kapitolu 6 ta’ dan it-Titolu meta dak l-Istat Membru jkun għamel użu mill-għażla stabbilita fl-Artikolu 218(2) ta’ din id-Direttiva.

Il-ħruġ, lil persuna taxxabbli jew lil persuna ġuridika mhux taxxabbli, ta’ fattura elettronika li tikkonforma ma’ standard ieħor jew ta’ fatturi f’formati elettroniċi għajr fatturi elettroniċi, għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur. Madankollu, l-Istati Membri li għamlu użu mill-għażla stabbilita fl-Artikolu 218(3) jistgħu jipprevedu li fatturi elettroniċi li jużaw standards oħra ma għandhomx ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni mir-riċevitur stabbilit fit-territorju tagħhom.

L-Istati Membri li jkunu għamlu użu mill-għażla stabbilita fl-Artikolu 221(1), jistgħu jissoġġettaw il-ħruġ ta’ fatturi elettroniċi jew ta’ fatturi f’formati elettroniċi għajr fatturi elettroniċi għall-aċċettazzjoni tar-riċevitur.”

;

(10)

Fl-Artikolu 233(2), il-formulazzjoni introduttorja hija emendata kif ġej:

“Apparti permezz tat-tip ta’ kontrolli tan-negozju deskritti fil-paragrafu 1, dawn li ġejjin huma eżempji tat-teknoloġiji li jiżguraw l-awtentiċità tal-oriġini u l-integrità tal-kontenut ta’ fattura elettronika jew ta’ dokumenti jew messaġġi f’formati elettroniċi minbarra fatturi elettroniċi:”

;

(11)

l-Artikolu 235 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 235

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet speċifiċi għal fatturi elettroniċi jew dokumenti jew messaġġi f’formati elettroniċi minbarra fatturi elettroniċi maħruġa b’mezzi elettroniċi fir-rigward ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti fit-territorju tagħhom minn pajjiż li miegħu ma jeżisti l-ebda strument legali relatat ma’ għajnuna reċiproka simili fl-ambitu għal dak previst fid-Direttiva 2010/24/UE u fir-Regolament (UE) Nru 904/2010.”

;

(12)

l-Artikolu 236 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 236

Fejn lottijiet li jkun fihom diversi fatturi jew dokumenti jew messaġġi f’formati elettroniċi minbarra fatturi elettroniċi jintbagħtu jew isiru disponibbli għall-istess riċevitur, id-dettalji li jkunu komuni għall-fatturi individwali jistgħu jkunu msemmija darba biss fejn, għal kull fattura, l-informazzjoni kollha tkun aċċessibbli.”

;

(13)

fit-Titolu XI, il-Kapitolu 6, l-intestatura hija sostitwita b’dan li ġej:

“KAPITOLU 6

Rekwiżiti ta’ rapportar diġitali

;

(14)

fit-Titolu XI, il-Kapitolu 6, tiddaħħal l-intestatura li ġejja tat-Taqsima wara l-intestatura ta’ dak il-Kapitolu:

“TAQSIMA 1

IR-REKWIŻITI TA’ RAPPORTAR DIĠITALI GĦALL-PROVVISTI TRANSFRUNTIERI TA’ MERKANZIJA U SERVIZZI FIL-KOMUNITÀ BI ĦLAS MAGĦMULA BEJN PERSUNI TAXXABBLI”

;

(15)

l-Artikolu 262 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 262

1.   Kull persuna taxxabbli identifikata għall-finijiet tal-VAT għandha tippreżenta d-data msemmija fl-Artikolu 264 fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li ġejjin:

(a)

provvisti u trasferimenti ta’ merkanzija mwettqa f’konformità mal-Artikolu 138(1) u l-Artikolu 138(2), il-punt (c);

(b)

akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija, imwettqa skont l-Artikolu 20 u tranżazzjonijiet trattati bħala tali skont l-Artikolu 21 jew 22;

(c)

provvisti ta’ merkanzija u servizzi, minbarra merkanzija jew servizzi li huma eżentati mill-VAT fl-Istat Membru fejn it-tranżazzjoni hija taxxabbli, li għalihom il-klijent huwa responsabbli li jħallas il-VAT skont l-Artikoli 194, sa fejn il-klijent huwa identifikat għall-finijiet tal-VAT, jew skont l-Artikoli 195, 196 jew 197; u

(d)

l-akkwist ta’ merkanzija u servizzi, għajr merkanzija jew servizzi li huma eżentati mill-VAT fl-Istat Membru fejn it-tranżazzjoni hija taxxabbli, li għalih il-klijent huwa responsabbli li jħallas it-taxxa skont l-Artikolu 194, sa fejn il-klijent ikun identifikat għall-finijiet tal-VAT, jew skont l-Artikoli 195, 196, 197 jew 204.

2.   Id-data msemmija fl-Artikolu 264 fir-rigward tat-tranżazzjonijiet elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi ppreżentata lill-Istat Membru li jkun ħareġ lill-persuna taxxabbli n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT użat minn dik il-persuna taxxabbli għat-tranżazzjoni li għaliha tirreferi d-data.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu, il-persuni taxxabbli rreġistrati taħt l-iskema speċjali stabbilita fit-Titolu XII, il-Kapitolu 6, it-Taqsima 5 ma għandhomx jissottomettu data dwar it-trasferimenti ta’ merkanzija proprja jew dwar it-tranżazzjonijiet ittrattati bħala akkwisti intra-Komunitarji skont l-Artikolu 21 jew 22 relatati mal-istess merkanzija.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuni taxxabbli identifikati għall-finijiet tal-VAT ma għandhomx jippreżentaw id-data msemmija fl-Artikolu 264 fir-rigward tat-tranżazzjonijiet elenkati fl-ewwel subparagrafu, il-punti (b) u (d), ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri li jeżerċitaw dik l-għażla għandhom jinnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan li ġej:

(a)

l-adozzjoni tal-miżura, qabel ma tidħol fis-seħħ; u

(b)

id-data li minnha dik il-miżura ma tibqax tiġi applikata, qabel dik id-data.”

;

(16)

l-Artikolu 263 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 263

1.   Id-data msemmija fl-Artikolu 264 għandha tiġi trażmessa għal kull tranżazzjoni individwali msemmija fl-Artikolu 262(1), il-punti (a) u (c), mill-persuni taxxabbli obbligati li joħorġu fattura relatata mat-tranżazzjonijiet imsemmija f’dawk il-punti, fil-ħin meta tinħareġ jew kellha tinħareġ il-fattura.

Meta l-fattura msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu tinħareġ mill-akkwirent tal-merkanzija jew ir-riċevitur tas-servizzi f’isem il-persuna taxxabbli obbligata li toħroġ fattura, id-data msemmija fl-Artikolu 264 għandha tiġi trażmessa għal kull tranżazzjoni msemmija fl-Artikolu 262(1), il-punti (a) u (c) individwali mhux aktar tard minn 5 ijiem wara li tinħareġ il-fattura jew kellha tinħareġ.

2.   Id-data msemmija fl-Artikolu 264 għandha tiġi trażmessa għal kull tranżazzjoni individwali msemmija fl-Artikolu 262(1), il-punti (b) u (d), mill-persuni taxxabbli li lilhom trid tinħareġ fattura relatata mat-tranżazzjonijiet imsemmija f’dawk il-punti, mhux aktar tard minn 5 ijiem wara li tasal il-fattura. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu t-trażmissjoni ta’ data dwar dawn it-tranżazzjonijiet meta l-persuna li lilha għandha tinħareġ il-fattura ma tkunx irċeviet il-fattura fil-ħin dovut.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, id-data għandha tiġi trażmessa mill-persuna taxxabbli jew minn parti terza f’isem dik il-persuna taxxabbli. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-mezzi elettroniċi għas-sottomissjoni ta’ tali data.

L-Istati Membri għandhom jippermettu t-trażmissjoni ta’ dik id-data li tikkonforma mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassi tagħha skont id-Direttiva 2014/55/UE.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, il-messaġġ elettroniku komuni għall-forniment tad-data għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 58(2) tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.”

;

(17)

l-Artikolu 264 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 264

Id-data li ġejja għandha tiġi trażmessa f’konformità mal-Artikolu 263:

(a)

fir-rigward ta’ provvisti ta’ merkanzija mwettqa f’konformità mal-Artikolu 138(1) u provvisti ta’ merkanzija u servizzi, għajr merkanzija jew servizzi li huma eżentati mill-VAT fl-Istat Membru fejn it-tranżazzjoni hija taxxabbli, li għalihom il-klijent huwa responsabbli li jħallas il-VAT skont l-Artikoli 194 sa 197, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 226, il-punti (1) sa (4), (6), (7), (8), (11), (16), u (17), u (11a)fejn meħtieġ;

(b)

fir-rigward ta’ trasferimenti mwettqa f’konformità mal-Artikolu 138(2), il-punt (c), l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 226, il-punti (1) sa (4), (6), (7), (8), (11) u (16);

(c)

fir-rigward ta’ akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija mwettqa skont l-Artikolu 20 tranżazzjonijiet trattati bħala tali skont l-Artikolu 22, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 226, il-punti (1) sa (4), (6), (7), (8), (9), (10), (11), (16) u (17);

(d)

fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet trattati bħala akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija skont l-Artikolu 21, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 226, il-punti (1) sa (4), (6), (7), (8), (9), (10), (11) u (16);

(e)

fir-rigward tal-akkwist ta’ merkanzija u servizzi, għajr merkanzija jew servizzi li huma eżentati mill-VAT fl-Istat Membru fejn it-tranżazzjoni hija taxxabbli, li għalih il-klijent huwa responsabbli li jħallas il-VAT skont l-Artikoli 194, 195, 196, 197 jew 204, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 226, il-punti (1) sa (4), (6), (7), (8), (9), (10), (16), (17) u (15) fejn rilevanti.”

;

(18)

L-Artikoli 265 sa 271 jitħassru;

(19)

fit-Titolu XI, il-Kapitolu 6, tiżdied it-taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 2

IR-REKWIŻITI TA’ RAPPORTAR DIĠITALI GĦAL PROVVISTI PROPRJI U PROVVISTI TA’ MERKANZIJA U SERVIZZI MAGĦMULA BEJN PERSUNI TAXXABBLI FIT-TERRITORJU TA’ STAT MEMBRU

Artikolu 271a

1.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuni taxxabbli stabbiliti jew identifikati għall-finijiet tal-VAT fit-territorju tagħhom jibagħtu b’mod elettroniku lill-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom data dwar il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 262, magħmula fit-territorju tagħhom lilhom infushom jew lil persuni taxxabbli oħra.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuni taxxabbli stabbiliti jew identifikati għall-finijiet tal-VAT fit-territorju tagħhom jibagħtu b’mod elettroniku lill-awtoritajiet tat-taxxa tagħhom data dwar il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 262, magħmula fit-territorju tagħhom lilhom infushom jew minn persuni taxxabbli oħra.

Artikolu 271b

1.   Fejn Stat Membru jeħtieġ li d-data tintbagħat skont l-Artikolu 271a(1), il-persuna taxxabbli obbligata li toħroġ il-fattura, jew parti terza f’isem dik il-persuna taxxabbli, għandha tittrażmetti tali data dwar kull tranżazzjoni individwali fil-mument meta tinħareġ jew kellha tinħareġ il-fattura.

Meta l-fattura tinħareġ mill-akkwirent tal-merkanzija jew ir-riċevitur tas-servizzi f’isem il-persuna taxxabbli obbligata li toħroġ fattura, id-data msemmija fl-Artikolu 271a(1) għandha tiġi trażmessa għal kull tranżazzjoni individwali mhux aktar tard minn 5 ijiem wara li tinħareġ il-fattura jew kellha tinħareġ.

2.   Fejn Stat Membru jeħtieġ li d-data tintbagħat skont l-Artikolu 271a(2), il-persuna taxxabbli li lilha tkun inħarġet fattura, jew parti terza f’isem dik il-persuna taxxabbli, għandha tittrażmetti tali data dwar kull tranżazzjoni individwali mhux aktar tard minn 5 ijiem wara li tkun waslet il-fattura. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu t-trażmissjoni ta’ data dwar dawk it-tranżazzjonijiet meta l-persuna li lilha għandha tinħareġ il-fattura ma tkunx irċeviet il-fattura fi żmien debitu.

3.   L-Istati Membri għandhom jippermettu t-trażmissjoni ta’ data minn fatturi elettroniċi li jikkonformaw mal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassijiet tagħha skont id-Direttiva 2014/55/UE.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu t-trażmissjoni tad-data minn fatturi elettroniċi bl-użu ta’ formati ta’ data oħra minbarra l-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassijiet tiegħu skont id-Direttiva 2014/55/UE sakemm il-formati l-oħra tad-data jiżguraw l-interoperabbiltà ma’ dak l-istandard Ewropew.

4.   L-Istati Membri li jeħtieġu t-trażmissjoni tad-data skont l-Artikolu 271a jistgħu jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak l-obbligu għal ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli, jew ċerti tipi ta’ tranżazzjoni. Huma għandhom jiddeterminaw ukoll id-data li għandha tiġi trażmessa.

Artikolu 271c

Sal-31 ta’ Marzu 2033, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, tippreżenta lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar il-funzjonament tal-fatturazzjoni elettronika stabbilita fil-Kapitolu 3 u tar-rekwiżiti ta’ rapportar intra-Komunitarju u domestiku stabbiliti f’dan il-Kapitolu. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tivvaluta l-effetti tal-miżuri fuq l-effettività tal-ġbir tal-VAT u dwar it-tnaqqis tad-diskrepanza tal-VAT, fuq l-għadd ta’ kontrolli mwettqa mid-dipartiment tat-taxxa kif ukoll fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u fuq l-iffrankar tal-kostijiet għall-persuni taxxabbli;

(b)

tivvaluta l-effetti tal-għażla offruta lill-Istati Membri fl-Artikolu 262(4) fuq il-frodi tal-VAT fi Stati Membri oħra u fuq il-funzjonament tal-VIES ċentrali;

(c)

tivvaluta l-kwistjonijiet tekniċi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-miżuri, bħal żbalji, dewmien u ommissjonijiet relatati mat-trażmissjoni tal-fatturi u d-data;

(d)

tqis il-miżuri u s-servizzi stabbiliti mill-Istati Membri u magħmula disponibbli għall-kontribwenti biex jittaffa l-piż amministrattiv tagħhom;

(e)

tieħu kont tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda possibbli fl-oqsma tal-fatturazzjoni elettronika u r-rapportar diġitali;

(f)

tivvaluta skont dan il-ħtieġa għal aktar miżuri u, jekk jitqies meħtieġ, tagħmel proposta leġiżlattiva xierqa għal tali miżuri.”

;

(20)

l-Artikolu 273 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 273

L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħra li huma jqisu meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett tal-VAT u biex jipprevjenu l-evażjoni, soġġett għar-rekwiżit ta’ trattament indaqs bejn tranżazzjonijiet domestiċi u tranżazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u dment li dawn l-obbligi, fil-kummerċ bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim tal-fruntieri.

L-għażla skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu ma tistax tiġi invokata sabiex jiġu imposti obbligi ta’ fatturazzjoni addizzjonali minbarra dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3, jew lanqas biex jiġu implimentati obbligi ta’ rapportar ġenerali addizzjonali ġdid ibbażat fuq it-tranżazzjonijiet għall-provvisti jew l-akkwiżizzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi bejn persuni taxxabbli identifikati għall-finijiet tal-VAT fl-Unjoni, minbarra dawk stabbiliti il-Kapitolu 6. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuni taxxabbli jaħżnu data dwar it-tranżazzjonijiet tagħhom għall-fini tar-rapportar tad-data meħtieġa għat-tħejjija u s-sottomissjoni ta’ denunzja tal-VAT jew għal finijiet ta’ awditjar. L-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 2024, kellhom obbligu ta’ rapportar ġenerali bbażat fuq it-tranżazzjonijiet għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 262, jistgħu jżommu dawk l-obbligi ta’ rapportar sakemm jimplimentaw sistema ta’ rapportar diġitali u f’ħin reali ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 6, it-Taqsima 2.

L-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 2024, kellhom obbligu ta’ rapportar ġenerali bbażat fuq it-tranżazzjonijiet għall-akkwiżizzjonijiet ta’ merkanzija u servizzi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 262, jistgħu jżommu dawk l-obbligi ta’ rapportar sakemm jimplimentaw sistema ta’ rapportar diġitali u f’ħin reali ta’ akkwiżizzjonijiet ta’ oġġetti u servizzi li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu 6, it-Taqsima 2.

L-Istati Membri jistgħu jżommu r-rekwiżit li persuni taxxabbli jaħżnu data dwar it-tranżazzjonijiet tagħhom għall-fini ta’ rapportar tad-data meħtieġa għat-tħejjija u s-sottomissjoni ta’ denunzja tal-VAT jew għal finijiet ta’ awditjar.

L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi ta’ rapportar għal tranżazzjonijiet għajr dawk koperti mill-obbligi ta’ rapportar stabbiliti fit-Titolu XI, il-Kapitolu 6.”.

Artikolu 6

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-Artikolu 1, il-punti 1 u 3 mill-14 ta’ April 2025. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

2.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 2. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Jannar 2027.

3.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Ġunju 2028, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 3. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2028.

B’deroga mit-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżura meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 3, il-punt (1), mhux qabel l-1 ta’ Lulju 2028 u mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030.

4.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Ġunju 2029, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 4. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2029.

5.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-30 ta’ Ġunju 2030, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta’ Lulju 2030.

B’deroga mit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri li għandhom obbligu ta’ rapportar domestiku f’ħin reali bbażat fuq it-tranżazzjonijiet diġitali fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024 jew li jkunu ngħataw awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 395 qabel l-1 ta’ Jannar 2024 li tippermettilhom jistabbilixxu tali obbligu, jew fejn tali awtorizzazzjoni ma kinitx neċessarja, wara li jkunu adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali qabel l-1 ta’ Jannar 2024 li tipprevedi l-introduzzjoni ta’ tali obbligu ta’ rapportar diġitali domestiku bbażat fuq it-tranżazzjonijiet f’ħin reali, għandhom japplikaw miżuri rigward l-Artikolu 5 relatati mal-Artikolu 218, u l-miżuri rigward l-Artikolu 5(19), relatati mal-Artikoli 271a u 271b, sal-1 ta’ Jannar 2035, sa fejn huma kkonċernati l-fatturazzjoni u r-rapportar elettroniċi domestiċi. Fejn ir-rapport ta’ evalwazzjoni interim msemmi fl-Artikolu 271c jiżvela l-eżistenza ta’ nuqqasijiet, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa għal aktar miżuri u għandha, jekk ikun meħtieġ, tagħmel proposta xierqa bil-ħsieb li tipposponi dik l-iskadenza sakemm jiġu indirizzati dawk in-nuqqasijiet.

6.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri fil-paragrafu 1 sa 5, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

7.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Opinjoni tat-12 ta’ Frar 2025 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Ufficċjali).

(2)   ĠU C 228, 29.6.2023, p. 149.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1870 tas-16 ta’ Ottubru 2017 dwar il-pubblikazzjoni tar-referenza tal-istandard Ewropew dwar il-fatturazzjoni elettronika u l-lista tas-sintassijiet tiegħu skont id-Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 266, 17.10.2017, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/1870/oj).

(5)  Direttiva 2014/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar il-fatturazzjoni elettronika fl-akkwist pubbliku (ĠU L 133, 6.5.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/55/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/2455/oj).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/1995 tal-21 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija (ĠU L 310, 2.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1995/oj).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/542 tal-5 ta’ April 2022 li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u (UE) 2020/285 fir-rigward tar-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 107, 6.4.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/542/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/182/oj).

(11)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2025/516/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top