This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32025D0785
Commission Implementing Decision (EU) 2025/785 of 14 April 2025 amending Implementing Decision (EU) 2025/638 concerning certain emergency measures relating to infection with peste des petits ruminants virus in Romania (notified under document C(2025) 2350)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/785 tal-14 ta’ April 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/638 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija (notifikata bid-dokument C(2025) 2350)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/785 tal-14 ta’ April 2025 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/638 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija (notifikata bid-dokument C(2025) 2350)
C/2025/2350
ĠU L, 2025/785, 16.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/785/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/785 |
16.4.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/785
tal-14 ta’ April 2025
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/638 dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija
(notifikata bid-dokument C(2025) 2350)
(It-test Rumen biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
L-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar hija marda infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u tikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi. |
|
(2) |
F’każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-annimali kaprini jew ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra ta’ annimali kaprini jew ovini. |
|
(3) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż l-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta trid tkun tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u, jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2025/638 (4) ġiet adottata abbażi tar-Regolament (UE) 2016/429 u tistabbilixxi ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija b’reazzjoni għal tifqigħa kkonfermata fil-5 ta’ Marzu 2025 fil-kontea ta’ Bihor. B’mod iktar partikolari, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/638 tipprevedi li ż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri li jrid jistabbilixxi dak l-Istat Membru, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, wara t-tifqigħa ta’ dik il-marda, iridu jinkludu mqar iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
(5) |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/638 tistabbilixxi ż-żoni fit-territorju tar-Rumanija fejn iridu jiġu applikati miżuri ulterjuri, bħal dawk applikabbli għaż-żoni ristretti ulterjuri, kif previst fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u fejn il-movimenti tal-annimali ovini u kaprini barra mill-perimetri esterni ta’ dawk iż-żoni, iridu jiġu pprojbiti, għal ċertu perjodu ta’ żmien, wara l-iskadenza tad-dati għall-miżuri previsti fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza. |
|
(6) |
Sa mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/638; ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni li s-sorveljanza tal-mard fil-kontea ta’ Arad ma uriet l-ebda evidenza ta’ ċirkulazzjoni tal-marda f’dik iż-żona, filwaqt li s-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-kumplament tal-pajjiż tibqa’ inċerta u d-data tas-sorveljanza tal-mard disponibbli għadha mhix biżejjed biex issir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar. |
|
(7) |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika favorevoli fil-kontea ta’ Arad, u sabiex jiġi evitat kwalunkwe piż addizzjonali minħabba restrizzjonijiet bla bżonn tal-movimenti tal-annimali ovini u kaprini, minn dik iż-żona lejn il-bqija tar-Rumanija, jeħtieġ li din il-kontea titneħħa miż-żoni fir-Rumanija fejn jenħtieġ li japplikaw miżuri ulterjuri, bħal dawk applikabbli għal żoni ristretti ulterjuri, kif previst fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u minn fejn il-movimenti tal-annimali ovini u kaprini barra mill-perimetri esterni ta’ dawk iż-żoni jenħtieġ li jiġu pprojbiti, għal ċertu perjodu ta’ żmien, wara l-iskadenza tad-dati għall-miżuri li japplikaw fiż-żoni kollha ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2025/638. |
|
(8) |
Barra minn hekk, fid-dawl tan-nuqqas ta’ data ta’ sorveljanza suffiċjenti, l-inċertezza kontinwa u ż-żmien stmat meħtieġ biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-bqija tar-Rumanija, jeħtieġ li l-projbizzjoni tal-movimenti tal-annimali ovini u kaprini mit-territorju kollu tar-Rumanija tiġi estiża lejn Stati Membri oħra, sat-30 ta’ Settembru 2025. |
|
(9) |
Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, u l-ħtieġa li l-marda ma tinxteridx mill-istabbilimenti affettwati fir-Rumanija lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jenħtieġ li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun. |
|
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/638 hija emendata kif ġej:
|
1. |
fl-Artikolu 1, il-punt (c), id-data “id-9 ta’ Ġunju 2025” hija sostitwita bid-data “it-30 ta’ Settembru 2025”; |
|
2. |
L-Anness II huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ April 2025.
Għall-Kummissjoni
Olivér VÁRHELYI
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).
(3) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/638 tal-25 ta’ Marzu 2025 ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/525 (ĠU L, 2025/638, 28.3.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/638/oj).
ANNESS
“ANNESS II
|
Pajjiż |
Żona amministrattiva |
Żoni msemmijin fl-Artikolu 2 |
Data sa meta applikabbli |
|
Ir-Rumanija |
Il-kontea ta’ Bihor |
It-territorju kollu tal-kontea ta’ Bihor |
11.4.2025 - 10.5.2025 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/785/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)