Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32025D0107

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/107 tat-23 ta’ Jannar 2025 li tirrifjuta l-protezzjoni fl-Unjoni lid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Emmentaler irreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Att ta’ Ġinevra

C/2025/84

ĠU L, 2025/107, 24.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/107/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/107/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/107

24.1.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/107

tat-23 ta’ Jannar 2025

li tirrifjuta l-protezzjoni fl-Unjoni lid-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler” irreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Att ta’ Ġinevra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra, l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jirreġistraw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Att ta’ Ġinevra. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom jipproteġu d-denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fis-sistema legali tagħhom stess soġġetti għal ċaħda, rinunzja, invalidazzjoni jew kanċellazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra, fl-14 ta’ Marzu 2024, il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali nnotifika lill-Kummissjoni li l-isem “Emmentaler”, użat mill-Iżvizzera, ġie rreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Att ta’ Ġinevra.

(3)

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) biex tkun tista’ tiġi ppreżentata oppożizzjoni possibbli.

(4)

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1753, il-Kummissjoni vvalutat ir-reġistrazzjoni internazzjonali tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler” mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet diversi oppożizzjonijiet ammissibbli skont l-Artikolu 6(2) f) tar-Regolament (UE) 2019/1753 li jiddikjaraw li l-isem “Emmentaler” huwa storikament u kulturalment marbut ma’ żona ġeografika usa’ mill-Iżvizzera biss.

(6)

Dan huwa kkonfermat mill-fatt li fl-Unjoni Ewropea hemm tliet ismijiet protetti bħala indikazzjonijiet ġeografiċi li fihom l-isem “Emmentaler” jew varjazzjoni lingwistika tiegħu u li jirreferu għal prodotti manifatturati barra mit-territorju tal-Iżvizzera: “Allgäuer Emmentaler” (DOP), prodott fil-Ġermanja, “Emmental français est-central” (IĠP) u “Emmental de Savoie” (IĠP) prodotti fi Franza. F’dawn il-każijiet kollha, il-protezzjoni tingħata lill-isem kompost u mhux lill-isem “Emmentaler” fih innifsu.

(7)

B’mod partikolari, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (3), li rreġistra, fost l-oħrajn, “Emmental français est-central” (IĠP) u “Emmental de Savoie” (IĠP), kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 123/97 (4), li rreġistra, fost l-oħrajn, “Allgäuer Emmentaler” (DOP), jispeċifikaw b’mod espliċitu, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna msemmija għal dawk l-ismijiet, li l-protezzjoni tal-ismijiet “Emmental” u “Emmentaler” mhijiex mitluba.

(8)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-isem “Emmentaler” jitqies bħala terminu ġeneriku fit-territorju tal-Unjoni.

(9)

Għalhekk, jenħtieġ li l-protezzjoni tal-isem “Emmentaler”, irreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini mill-Iżvizzera fir-Reġistru Internazzjonali, tiġi rrifjutata fl-Unjoni.

(10)

Minħabba s-sħubija simultanja tal-UE, ta’ Franza, tal-Ungerija, taċ-Ċekja, tal-Portugall u tas-Slovakkja mal-Att ta’ Ġinevra u meta jitqies in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-protezzjoni nazzjonali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini, jeħtieġ jiġi ċċarat li r-rifjut japplika għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u li, għal raġunijiet ta’ ċarezza u konsistenza, jenħtieġ li dan jiġi nnotifikat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali wkoll f’isem dawk l-Istati Membri bħala membri tal-Att ta’ Ġinevra.

(11)

Għalkemm mhumiex kompetenti biex jadottaw deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni nazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini rreġistrati skont l-Att ta’ Ġinevra, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-protezzjoni ta’ dawk id-Denominazzjonijiet fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri li huma membri tal-ftehim ta’ Lisbona u li għadhom ma aderewx mal-Att ta’ Ġinevra jenħtieġ li jiġu awtorizzati u obbligati jinnotifikaw lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar ir-rifjut tal-protezzjoni tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler”, jekk dawn jaderixxu mal-Att ta’ Ġinevra, fi żmien sena minn dik l-adeżjoni.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għall-prodotti agrikoli, l-inbid u x-xorb spirituż skont ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-protezzjoni tal-isem “Emmentaler”, irreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini mill-Iżvizzera fir-Reġistru Internazzjonali, għandha tiġi rrifjutata fl-Unjoni.

L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tat-tip “Ġobon”.

Artikolu 2

Ir-rifjut tal-protezzjoni msemmi fl-Artikolu 1 japplika għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi nnotifikat lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali wkoll f’isem Franza, l-Ungerija, iċ-Ċekja, il-Portugall u s-Slovakkja bħala membri tal-Att ta’ Ġinevra.

Artikolu 3

Il-Bulgarija u l-Italja għandhom jinnotifikaw lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali bir-rifjut tal-protezzjoni fir-rigward tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Emmentaler” fi żmien sena mill-adeżjoni tagħhom mal-Att ta’ Ġinevra.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tiġi nnotifikata lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1753/oj.

(2)   ĠU C, C/2024/2686, 12.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2686/oj.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta' Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/1107/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 123/97 tat-23 ta' Jannar 1997 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta' l-oriġini skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 22, 24.1.1997, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/123/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/107/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top