EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R1033

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1033 tal-4 ta’ April 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

ST/7045/2024/INIT

ĠU L, 2024/1033, 5.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1033/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1033/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1033

5.4.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1033

tal-4 ta’ April 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK (2), il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha jenħtieġ li jiġġeddu sat-13 ta’ April 2025.

(3)

Il-Kunsill ikkonkluda li l-entrata li tikkonċerna entità waħda mniżżla fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jenħtieġ li titneħħa u li l-entrati li jikkonċernaw 17-il persuna jenħtieġ li jiġu aġġornati.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L 100, 14.4.2011, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 359/2011 (“Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)”) huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-lista intitolata “Entitajiet”, l-entrata 11 (dwar Arvan Cloud (magħrufa wkoll bħala Abr Arvan; Noyan Abr Arvan Co.; Arwan Company; ArvanCloud)) titħassar;

(2)

fil-lista intitolata “Persuni”, l-entrati għas-17-il persuna li ġejjin huma sostitwiti b’dan li ġej:

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“4.

FAZLI Ali

علی فضلی

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Grad: Brigadier Ġeneral

Pożizzjoni: Kmandant tal-Università Imam Hossein (magħruf ukoll bħala Imam Hussein University)

Minn Mejju 2017 ’l hawn, Kmandant tal-Università Imam Hossein b’ordni tal-Kap Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC). Eks Kap tal-Kulleġġ tal-Kadetti Imam Hossein (2018–Ġunju 2020). Eks Viċi Kmandant tal-Basij (2009–2018). Eks Kap tal-Korp Seyyed al-Shohada tal-IRGC, provinċja ta’ Tehran (sa Frar 2010). Il-Korp Seyyed al-Shohada huwa inkarigat mis-sigurtà fil-provinċja ta’ Tehran u kellu rwol prinċipali fir-repressjoni brutali ta’ dimostranti fl-2009.

12.4.2011

8.

MOTLAGH Bahram Hosseini

بهرام حسینی مطلق

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Grad: Brigadier Ġeneral

Pożizzjoni: Membru tal-persunal li jgħallem fl-Università Imam Hossein (Gwardjani tar-Rivoluzzjoni) (magħruf ukoll bħala Imam Hussein University) u Kap tad-dipartiment tal-ippjanar u l-operazzjonijiet tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati

Membru tal-persunal li jgħallem fl-Università Imam Hossein (Gwardjani tar-Rivoluzzjoni) u Kap tad-dipartiment tal-ippjanar u l-operazzjonijiet tal-Persunal Ġenerali tal-Forzi Armati. Eks Kap tal-Kmand tal-Armata u tal-Kulleġġ tal-Persunal Ġenerali (DAFOOS). Eks Kap tal-Korp Seyyed al-Shohada tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, provinċja ta’ Tehran. Il-Korp Seyyed al-Shohada kellu rwol prinċipali fl-organizzazzjoni tar-repressjoni tal-protesti fl-2009.

12.4.2011

10.

RADAN Ahmad-Reza

احمدرضا رادان

Post tat-twelid: Isfahan (Iran)

Data tat-twelid: 1963

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Pożizzjoni: Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran

Minn Jannar 2023 ’l hawn, Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran, imsejħa wkoll il-pulizija nazzjonali Iranjana. Eks Kap taċ-Ċentru għall-Istudji Strateġiċi tal-LEF Iranjani, korp marbut mal-LEF. Viċi Kap tal-LEF mill-2008 sa Ġunju 2014. F’dik il-pożizzjoni, Radan kien responsabbli għal swat, qtil u arresti u detenzjonijiet arbitrarji ta’ dimostranti, imwettqa mill-forzi tal-pulizija. Bħala eks Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika, huwa kien responsabbli mit-taħriġ ta’ forzi Iraqini għal ‘kontra t-terroriżmu’.

12.4.2011

13.

TAEB Hossein

حسین طائب

Post tat-twelid: Tehran (Iran)

Data tat-twelid: 1963

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Pożizzjoni: konsulent għall-Kap Kmandat tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC)

Mill-2022 ’l hawn, konsulent tal-Kap Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), Hossein Salami. Eks Kap tal-organizzazzjoni tal-intelligence tal-IRGC (minn Ottubru 2009 sa Ġunju 2022). Ir-responsabbiltajiet tiegħu żdiedu f’Mejju 2019 bil-fużjoni tal-Uffiċċju tal-Viċi tal-Intelligence Strateġika tal-IRGC u l-Organizzazzjoni tal-Intelligence tal-IRGC. Kmandant tal-Basij sa Ottubru 2009. Forzi taħt il-kmand tiegħu ħadu sehem fi swat tal-massa, qtil, detenzjonijiet u torturi ta’ dimostranti paċifiċi.

12.4.2011

45.

JOKAR Mohammad Saleh

محمد صالح جوکار

Post tat-twelid: Yazd (Iran)

Data tat-twelid: 1957

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Pożizzjoni: Membru tal-Parlament għall-provinċja ta’ Yazd u President tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Interni u l-Kunsilli Parlamentari

Membru tal-Parlament għall-provinċja ta’ Yazd u President tal-Kummissjoni għall-Affarijiet Interni u l-Kunsilli Parlamentari. Ġeneral tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) u eks Deputat għall-Affarijiet Parlamentari tal-IRGC. Mill-2011 sal-2016, Membru tal-Parlament għall-provinċja ta’ Yazd u Membru tal-Kumitat Parlamentari għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Politika Barranija. Eks Kmandant tal-Forzi tal-Istudenti ta’ Basij. F’dan ir-rwol huwa kien involut b’mod attiv fit-trażżin tal-protesti u l-indottrinazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ bil-ħsieb li jkompli bit-trażżin tal-libertà tal-espressjoni u ta’ min ma jaqbilx. Bħala Membru tal-Kumitat Parlamentari għas-Sigurtà Nazzjonali u l-Politika Barranija, huwa appoġġa pubblikament it-trażżin tal-oppożizzjoni għall-gvern u l-politiki repressivi tiegħu. Wara l-mewt ta’ Mahsa Amini fl-2022, huwa kellu rwol ċentrali fil-proposta ta’ emendi għal-liġi elettorali parlamentari mfassla biex jagħtu s-setgħa lill-estremisti fl-elezzjonijiet parlamentari u biex iwaqqfu t-talbiet tad-dimostranti.

10.10.2011

51.

SALARKIA Mahmoud

محمود سالار کیا

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Mahmoud Salarkia bħalissa qed jaħdem bħala avukat u jkompli jrażżan id-drittijiet individwali taċ-ċittadini Iranjani fid-difiża tal-politiki repressivi tar-reġim. Huwa jidher fil-lista ta’ avukati kompetenti skont l-Artikolu 48 tal-kodiċi tal-proċedura kriminali tal-Iran, li abbażi tiegħu l-akkużati ta’ xi reati politiċi u ta’ sigurtà jiġu miċħuda l-għażla ta’ avukat matul l-istadji ta’ interrogazzjoni u investigazzjoni mill-uffiċċju tal-prosekutur. Eks Kap tal-Kummissjoni tal-Petrol u tat-Trasport tal-Belt ta’ Tehran. Viċi Prosekutur Ġenerali ta’ Tehran għall-Affarijiet tal-Ħabs matul ir-repressjoni tal-2009.

F’dik il-pożizzjoni, huwa kien direttament responsabbli għal ħafna mill-mandati għall-arrest kontra dimostranti u attivisti innoċenti u paċifiċi. Ħafna rapporti minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem juru li kważi dawk kollha arrestati kienu, fuq struzzjonijiet ta’ Salarkia, miżmuma f’iżolament mingħajr aċċess għall-avukat jew il-familji tagħhom, u mingħajr akkuża, għal tul ta’ żmien li jvarja, spiss f’kundizzjonijiet li jammontaw għal għajbien sfurzat. Ħafna drabi, il-familji tal-arrestati ma ġewx avżati bl-arrest.

10.10.2011

83.

JAFARI Asadollah

اسدالله جعفری

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Pożizzjoni: Kap tal-Amministrazzjoni Ġudizzjarja f’Isfahan u Kap tal-Kwartieri Ġenerali tal-Ekonomija tar-Reżistenza

Kap tal-Amministrazzjoni Ġudizzjarja f’Isfahan u Kap tal-Kwartieri Ġenerali tal-Ekonomija tar-Reżistenza. Eks Avukat Ġenerali f’Isfahan. F’dik il-pożizzjoni, ordna reazzjonijiet vjolenti kontra d-dimostranti li ħarġu fit-toroq f’Novembru 2021 biex jipprotestaw kontra l-iskarsezzi tal-ilma. Skont xi rapporti, Asadollah Jafari ħabbar il-formazzjoni ta’ uffiċċju speċjali biex jinvestiga d-dimostranti arrestati u ordna l-kundanna ta’ xi dimostranti involuti fil-protesti tal-2022.

Mill-2017 sal-2021, huwa okkupa l-pożizzjoni ta’ Avukat Ġenerali fil-provinċja ta’ Khorasan tat-Tramuntana.

Bħala eks Prosekutur tal-provinċja ta’ Mazandaran (2006-2017), Jafari rrakkomanda l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt f’kawżi mmexxija minnu, li rriżulta f’ħafna eżekuzzjonijiet fosthom eżekuzzjonijiet pubbliċi, u f’ċirkostanzi fejn l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt tmur kontra d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, fosthom billi kien sproporzjonat u l-kastig eċċessiv. Jafari kien ukoll responsabbli għall-arresti illegali u l-ksur tad-drittijiet tad-detenuti ta’ Baha’i mill-arrest inizjali saż-żamma tagħhom f’iżolament fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni tal-Intelligence.

12.3.2013

86.

MUSAVI-TABAR Seyyed Reza

سیدرضا موسوی تبار

Post tat-twelid: Jahrom (Iran)

Data tat-twelid: 1964

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Pożizzjoni: Rappreżentant tal-Prosekutur Dixxiplinari għall-Imħallfin f’Shiraz

Seyyed Reza Musavi-Tabar ilu rappreżentant tal-Prosekutur Dixxiplinari għall-Imħallfin f’Shiraz mill-2014 ’l hawn. Eks Kap tal-Prosekuzzjoni Rivoluzzjonarja ta’ Shiraz. Responsabbli mill-arresti illegali u t-trattament ħażin ta’ attivisti politiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, persuni Baha’i u priġunieri tat-twemmin, li ġew molestati, ittorturati, interrogati u rrifjutati aċċess għal avukati u proċess korrett. Musavi-Tabar iffirma ordnijiet ġudizzjarji fil-famuż Ċentru ta’ Detenzjoni Nru 100 (ħabs għall-irġiel), inkluż ordni biex il-priġuniera mara Baha’i Raha Sabet tinżamm għal tliet snin f’iżolament.

12.3.2013

93.

ZIAEI Gholamreza

غلامرضا ضیایی

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Pożizzjoni: Eks Direttur tal-Ħabs ta’ Evin; eks Direttur ta’ ċentri ta’ detenzjoni oħrajn

Bejn Lulju 2019 u Ġunju 2020, Gholamreza Ziaei kien id-Direttur tal-Ħabs ta’ Evin f’Tehran. Matul il-mandat tiegħu, il-kundizzjonijiet diġà ħorox għad-detenuti komplew jiddeterjoraw, inkluż għal Narguess Mohammadi. Priġunieri nisa kienu mċaħħda mill-kuntatt telefoniku ma’ wliedhom. Il-priġunieri politiċi kienu mċaħħda miż-żjarat ta’ kull ġimgħa minn qraba, li kienu permessi biss kull xahrejn. Matul il-protesti tal-2009, Ziaei kien responsabbli għaċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Kahrizak fejn mill-inqas ħames detenuti, li kienu ġew arrestati b’konnessjoni mal-protesti tal-massa fit-toroq ta’ Tehran tal-2009, mietu wara li ġew ittorturati. Mill-2017 sal-2019, qabel ma ħa l-inkarigu tal-Ħabs ta’ Evin, Ziaei kien id-Direttur tal-Ħabs Rajaee Shahr f’Karaj, fil-Punent ta’ Tehran, fejn kien hemm bosta protesti minn priġunieri politiċi kontra l-abbuż u l-kundizzjonijiet tal-għajxien inumani.

12.4.2021

94.

SHAHVARPOUR Hassan

حسن شاهوارپور

Post tat-twelid: Safi Abad, fin-nofsinhar ta’ Dezful, Khuzestan (Iran)

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Numru tal-passaport: 2001624001 (numru tal-ID nazzjonali)

Pożizzjoni: Kmandant tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) tal-provinċja ta’ Khuzestan -(Korp Vali Asr)

Grad: Brigadier Ġeneral

Il-Brigadier Ġeneral Hassan Shahvarpour ilu l-Kmandant tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta’ Khuzestan (Korp Vali Asr) mill-2009 ’l hawn. Fl-2023, il-Korp Vali Asr ingħata ċertifikat mill-Kap Kmandant tal-IRGC talli kien l-aktar Korp li kiseb suċċess fl-immaniġġar taċ-ċiberspazju. Hassan Shahvarpour huwa responsabbli għall-kmand tal-forzi, li użaw mitraljatriċijiet kontra dimostranti u persuni ċivili oħra fil-belt ta’ Mahshahr matul il-protesti ta’ Novembru 2019. Taħt il-kmand tiegħu, 148 persuna nqatlu mill-IRGC permezz ta’ mitraljatriċijiet tqal minn vetturi blindati li dawru dimostranti li kienu qed jaħarbu, mistoħbija fi bwar fil-qrib.

12.4.2021

117.

KOCHZAEI Ebrahim (magħruf ukoll bħala KOCHZAI Ebrahim, KOUCHAKZAEI Ebrahim)

ابراهیم کوچزایی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Kurunell

Kariga: eks Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran fil-belt ta’ Chabahar fil-provinċja ta’ Sistan u Baluchestan

Il-Kurunell Ebrahim Kochzaei kien il-Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi (LEF) tal-Iran fil-belt ta’ Chabahar fil-provinċja ta’ Sistan u Baluchestan sat-3 ta’ Diċembru 2022.

Il-forzi tas-sigurtà fil-provinċja ta’ Sistan u Baluchestan, inkluż f’Chabahar, użaw vjolenza brutali kontra dimostranti paċifiċi fil-protesti fil-ħarifa tal-2022, inkluż kontra t-tfal.

Kochzaei huwa wkoll imsemmi bħala l-awtur tal-istupru ta’ tifla ta’ 15-il sena f’Settembru 2022, li nżammet taħt detenzjoni mill-pulizija f’Chabahar.

Ebrahim Kochzaei għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

14.11.2022

118.

TAHERI Ahmad

احمد طاهرى

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: konsulent għall-Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi Iranjani (LEF); eks kap tal- LEF Iranjani fil-provinċja ta’ Sistan u Baluchestan

Il-Brigadier Ġenerali Ahmed Taheri ilu l-konsulent tal-Kap tal-Forzi tal-Infurzar tal-Liġi Iranjani (LEF) (il-Brigadier Ġeneral Radan elenkat mill-UE), mill-ħarifa tal-2023. Kien il-Kap tal-LEF Iranjani fil-provinċja ta’ Sistan u Baluchestan matul il-protesti tal-2022/2023.

Il-forzi tas-sigurtà fil-provinċja ta’ Sistan u Baluchestan użaw vjolenza brutali kontra dimostranti paċifiċi fil- protesti fil-ħarifa tal-2022, inkluż kontra t-tfal.

Għalhekk, bħala l-Kap tal-LEF Iranjani fis-Sistan u l-provinċja ta’ Baluchestan, Ahmed Taheri jġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

14.11.2022

144.

SOURI Majid

مجید سورى

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: It-Tieni Brigadier Ġeneral

Kariga: Kap tal-Organizzazzjoni tar-Rahian-e Noor u tat-Turiżmu; eks Viċi Kmandant tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta’ Lorestan

Majid Souri huwa Tieni Brigadier Ġenerali tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC). Kien il-Viċi Kmandant tal-Korp tal-(IRGC fil-provinċja ta’ Lorestan. Minn Diċembru 2022 ’l hawn, huwa Kap tal-Organizzazzjoni tar-Rahian-e Noor u tat-Turiżmu, affiljata mal-IRGC u l-Basij.

Huwa responsabbli mir-repressjoni vjolenti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà tal-protesti fl-2022, speċjalment fil-belt ta’ Khorramabad fejn inġabru l-persuni biex jibku l-mewt ta’ Nika Shakrami, żagħżugħa Iranjana li għebet ftit wara l-mewt ta’ Mahsa Amini.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

145.

KARIMI Mohsen

محصن کریمی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta’ Markazi

Il-Brigadier Ġeneral Mohsen Karimi huwa l-Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), magħruf ukoll bħala l-Korp Ruhollah, fil-provinċja ta’ Markazi. Il-Korp Ruhollah huwa unità militari tal-IRGC bil-kwartieri ġenerali tiegħu jinsabu f’Arak u huwa responsabbli għall-kmand u l-kontroll tal-unitajiet kollha tal-IRGC u l-Basij li jinsabu fil-provinċja ta’ Markazi.

Huwa responsabbli mir-repressjoni vjolenti min-naħa tal-forzi tas-sigurtà tal-protesti fl-2022 li wasslet għall-mewt taż-żagħżugħ ta’ 19-il sena Mehrshad Shahidi f’ċentru ta’ detenzjoni tal-IRGC f’Arak.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

146.

HEYDARNIA Alireza

علیرضا حیدرنیا

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Kariga: Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) fil-provinċja ta’ Alborz

Il-Brigadier Ġeneral Alireza Heydarnia huwa Kmandant tal-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC), magħruf ukoll bħala l-Korp Imam Hassan Mojtaba, fil-provinċja ta’ Alborz.

L-IRGC huwa responsabbli għar-repressjoni vjolenti tad-dimostranti, b’mod partikolari fil-belt ta’ Karaj, f’Alborz fl-2022. F’dik il-belt, il-forzi tas-sigurtà rażżnu d-dimostranti fl-okkażjoni ta’ manifestazzjonijiet f’ġieħ il-vittmi tal-protesti fl-okkażjoni tal-40 jum mill-mewt tagħhom. Fis-17 ta’ Ottubru 2022, il-forzi tas-sigurtà f’Karaj ħatfu mill-isptar u stupraw ripetutament lil Armita Abbasi, tfajla ta’ 20 sena.

Għalhekk Alireza Heydearnia jġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

156.

SAJJADI Seyed Hamid Hazaveh

سید حمید هزاوه سجادى

Data tat-twelid: 21.3.1969

Post tat-twelid: l-Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Kariga: Membru tal-Kunsill Superjuri għall-Isport; eks Ministru Iranjan għall-Isport u ż-Żgħażagħ

Hamid Sajjadi ilu membru tal-Kunsill Superjuri għall-Isport mit-22 ta’ Awwissu 2023 ’l hawn. Huwa kien il-Ministru għall-Isport u ż-Żgħażagħ tal-Iran bejn il-15 ta’ Awwissu 2021 u Awwissu 2023.

Huwa responsabbli talli tefa’ pressjoni fuq atleti tal-Iran biex jibqgħu siekta u talli żammhom milli jsemmgħu leħinhom fuq livell internazzjonali kontra r-repressjoni fl-Iran. Huwa kien personalment involut fil-każ ta’ Elnaz Rekabi, atleta Iranjana fit-tixbit li kkompetiet mingħajr il-ħiġab fil-kompetizzjoni f’Seoul tat-tixbit mal-blat fil-Kampjonat Asjatiku fil-ħarifa tal-2022. Wara l-kompetizzjoni tagħha, Rekabi ġiet ingannata biex tidħol fil-bini tal-ambaxxata Iranjana f’Seoul, fejn il-passaport u l-mobile tagħha ġew ikkonfiskati fuq l-ordnijiet tal-awtoritajiet f’Teheran. Mal-wasla tagħha f’Teheran, li x’aktarx kienet furzata, ġiet interrogata minn żewġ istituzzjonijiet politiċi u sportivi tal-Iran u ltaqgħet ma’ Sajjadi. F’dik il-laqgħa ġiet imġiegħla tagħmel dikjarazzjoni li fiha skużat ruħha talli kkompetiet mingħajr ħiġab u ġiet mhedda bil-konfiska tal-art tal-familja. F’Diċembru 2022, kien ċar li d-dar tal-familja ta’ Elnaz Rekabi f’Zanjan kienet twaqqgħet.

Għalhekk, Hamid Sajjadi jġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

23.1.2023

224.

NIKVARZ Mohsen

محسن نیک ورز

Post tat-twelid: l-Iran

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Kariga: Prosekutur Pubbliku ta’ Sirjan

Bħala l-Prosekutur Pubbliku ta’ Sirjan, Mohsen Nikvarz kien responsabbli għal diversi arresti arbitrarji ta’ avukati u pieni tal-mewt f’Sirjan matul il-protesti tal-2019. Fl-2023, ġie promoss għal Kap taċ-Ċentru għall-Protezzjoni u l-Intelligence tal-Ġudikatura tal-provinċja ta’ Kerman.

Fil-kuntest tal-protesti li faqqgħu f’Settembru 2022, Nikvarz kien involut ukoll mal-każ ta’ Maryam Arvin, fejn ħarrikha għall-attivitajiet tagħha bħala avukat tad-difiża għad-dimostranti. Wara l-arrest tagħha, li Nikvarz iġorr responsabbiltà personali għalih, Maryam Arvin ġiet ittorturata brutalment fil-ħabs.

Għalhekk, Mohsen Nikvarz iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

22.5.2023”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1033/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top