Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0455

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/455 tat-2 ta’ Frar 2024 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/287 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala

ST/5326/2024/INIT

ĠU L, 2024/455, 2.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/455/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/455/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/455

2.2.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/455

tat-2 ta’ Frar 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/287 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/287 tat-12 ta’ Jannar 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Gwatemala (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/287.

(2)

Il-Kunsill huwa mħasseb ħafna dwar l-azzjonijiet li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala, inkluż tentattivi biex jiġi annullat l-eżitu leġittimu tal-elezzjonijiet tal-Gwatemala tal-2023bi ksur tal-kostituzzjoni tal-pajjiż, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-demokrazija.

(3)

F’dan il-kuntest, il-Kunsill iqis li ħames persuni jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/287.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/287 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/287 huwa emendat f’konformitá mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L, 2024/287, 15.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/287/oj.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/287:

“A.   Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista

Data tal-elenkar

1.

María Consuelo PORRAS ARGUETA DE PORRES

Pożizzjoni(jiet): Avukat Ġenerali tal-Gwatemala, Kap tal-Ministeru Pubbliku – (Ministerio Público) tal-Gwatemala

Data tat-twelid: 23.8.1953

Nazzjonalità: Gwatemaljana

Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 242159605 (passaport)

Sess: mara

Fil-pożizzjoni tagħha bħala Avukat Ġenerali tal-Gwatemala, l-ogħla impjegat taċ-ċivil fil-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala, (ekwivalenti għall-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew Kap (Prosekutur), María Consuelo Porras Argueta De Porres (magħrufa ukoll bħala “Porras”) hija involuta fi sforzi biex jiġu annullati r-riżultati tal-ewwel u t-tieni ċiklu ta’ elezzjonijiet li saru f’Ġunju u Awwissu 2023, inkluż permezz ta’ investigazzjonijiet kriminali foloz immirati lejn it-Tribunal Elettorali Suprem, il-partit politiku Movimiento Semilla u l-President Arévalo. Barra minn hekk, taħt it-tmexxija tagħha l-Ministeru Pubbliku fetaħ proċedimenti arbitrarji kontra ġurnalisti indipendenti, prosekuturi, imħallfin, u attivisti tas-soċjetà ċivili inkluż mexxejja indiġeni u studenti. Għalhekk hija responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala.

2.2.2024

2.

Ángel Arnoldo PINEDA ÁVILA

Pożizzjoni(jiet): Segretarju Ġenerali tal-Ministeru Pubbliku – (Ministerio Público) tal-Gwatemala

Data tat-twelid: 10.5.1975

Nazzjonalità: Gwatemaljana

Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 238937186 (passaport)

Sess: raġel

Ángel Arnoldo Pineda Ávila huwa s-Segretarju Ġenerali tal-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala, (ekwivalenti għall-Uffiċċju tal- Prosekutur Pubbliku). Huwa t-tieni fil-kmand fil-Ministeru Pubbliku wara l-Avukat Ġenerali, u l-Kap tas-Segretarjat Ġenerali ta’ dik l-istituzzjoni. F’dik il-pożizzjoni, Ángel Arnoldo Pineda Ávila huwa involut fi sforzi biex jiġu annullati r-riżultati tal-ewwel u t-tieni ċiklu ta’ elezzjonijiet li saru f’Ġunju u f’Awwissu 2023, inkluż permezz ta’ investigazzjonijiet kriminali foloz immirati lejn it-Tribunal Elettorali Suprem, il-partit politiku Movimiento Semilla u l-President Arévalo. F’Diċembru 2023, huwa pparteċipa f’konferenza stampa fejn il-Ministeru Pubbliku ppreżenta pretensjonijiet li l-eżitu tal-ewwel ċiklu ta’ elezzjonijiet f’Ġunju 2023 ma kienx validu. Għalhekk huwa responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala.

2.2.2024

3.

José Rafael CURRUCHICHE CUCUL

Pożizzjoni(jiet): Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali Kontra l-Impunità, Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala

Data tat-twelid: 28.7.1970

Nazzjonalità: Gwatemaljana

Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 229488307 (passaport)

Sess: raġel

José Rafael Curruchiche Cucul huwa l-Kap tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali Kontra l-Impunità (FECI), li jopera taħt il-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala (ekwivalenti għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-FECI mexxa l-investigazzjoni li għaddejja dwar il-ħolqien tal-partit politiku Movimiento Semilla tal-President Arévalo. Huwa pparteċipa personalment fir-raid mill-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-bini tat-Tribunal Elettorali Suprem li kien jinvolvi l-ftuħ ta’ kaxxi tal-voti ssiġillati. Barra minn hekk, huwa kien involut fit-talba għas-sospensjoni tal-personalità ġuridika ta’ Movimiento Semilla f’Lulju 2023. Minbarra dan, f’Diċembru 2023, huwa pparteċipa f’konferenza stampa fejn il-Ministeru Pubbliku ppreżenta pretensjonijiet li l-eżitu tal-ewwel ċiklu ta’ elezzjonijiet f’Ġunju 2023 ma kienx validu. Permezz ta’ dawk l-azzjonijiet, José Rafael Curruchiche Cucul huwa involut fi sforzi biex jiġu annullati r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2023 fil-Gwatemala. Għalhekk huwa responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala.

2.2.2024

4.

Leonor Eugenia MORALES LAZO DE SÁNCHEZ

Pożizzjoni(jiet): Prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali Kontra l-Impunità, Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala

Data tat-twelid: 19.9.1979

Nazzjonalità: Gwatemaljana

Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 2227901800101

Sess: mara

Leonor Eugenia Morales Lazo De Sánchez hija prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali Kontra l-Impunità (FECI), li jopera taħt il-Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala (ekwivalenti għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku). Hija involuta direttament fl-investigazzjoni li għaddejja dwar il-ħolqien tal-partit politiku Movimiento Semilla tal-President Arévalo. Wara t-tieni ċiklu tal-elezzjonijiet Presidenzjali f’Awwissu 2023, hija pparteċipat fir-raid mill-Ministeru Pubbliku fil-bini tat-Tribunal Elettorali Suprem li kien jinvolvi l-ftuħ ta’ kaxxi tal-voti ssiġillati. Hija pparteċipat f’konferenza stampa f’Diċembru 2023 fejn il-Ministeru Pubbliku ppreżenta pretensjonijiet li l-eżitu tal-ewwel ċiklu ta’ elezzjonijiet f’Ġunju 2023 ma kienx validu. Permezz ta’ dawk l-azzjonijiet, Leonor Eugenia Morales Lazo De Sánchez hija involuta fi sforzi biex jiġu annullati r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2023 fil-Gwatemala. Għalhekk hija responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala.

2.2.2024

5.

Fredy Raúl ORELLANA LETONA

Pożizzjoni(jiet): Imħallef tas-Seba’ Qorti Kriminali tal-Ewwel Istanza

Data tat-twelid: 4.11.1982

Nazzjonalità: Gwatemaljana

Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali: 253127548 (passaport)

Sess: raġel

Bħala Mħallef tas-Seba’ Qorti tal-Ewwel Istanza Kriminali, Fredy Raúl Orellana Letona huwa responsabbli għas-superviżjoni u l-awtorizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali Kontra l-Impunità (FECI), li jopera taħt Ministeru Pubbliku (Ministerio Público) tal-Gwatemala (ekwivalenti għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku), li jinvestiga allegati irregolaritajiet fil-ħolqien tal-partit politiku Movimiento Semilla, li l-kandidat tiegħu rebaħ it-tieni ċiklu tal-elezzjonijiet presidenzjali fil-Gwatemala f’Awwissu 2023. Bħala imħallef superviżur, Fredy Raúl Orellana Letona awtorizza raids fil-kwartieri ġenerali tal-Movimiento Semilla f’Lulju 2023 u fil-bini tat-Tribunal Elettorali Suprem f’Lulju u f’Settembru 2023. Huwa ordna wkoll is-sospensjoni proviżorja tal-personalità ġuridika ta’ Movimiento Semilla u ċaħad l-aċċess għall-fajl tal-każ għad-difiża. Huwa ffaċilita l-azzjonijiet tal-FECI li jħarrku lill-awtoritajiet eletti u lill-maġistrati tat-Tribunal Elettorali Suprem. Permezz ta’ dawk l-azzjonijiet, Fredy Raúl Orellana Letona huwa involut fi sforzi biex jiġu annullati r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2023 fil-Gwatemala. Għalhekk huwa responsabbli għad-dgħajfien tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u t-trasferiment paċifiku tal-poter fil-Gwatemala.

2.2.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/455/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top