Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0453

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/453 tal-5 ta’ Frar 2024 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tal-pollam fl-Italja

C/2024/576

ĠU L, 2024/453, 6.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/453/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/453/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/453

6.2.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/453

tal-5 ta’ Frar 2024

dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tal-pollam fl-Italja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 220(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,

Billi:

(1)

Bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u t-30 ta’ April 2022, l-Italja kkonfermat u bagħtet tinnotifika li kien hemm 23 tifqigħa tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5. L-ispeċijiet affettwati huma t-tiġieġ Gallus domesticus, it-tiġieġ tal-bajd, id-dundjani, il-papri u l-farawni.

(2)

L-Italja minnufih, u b’mod effiċjenti, ħadet il-miżuri veterinarji u tas-saħħa tal-annimali kollha meħtieġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (3).

(3)

B’mod partikolari, l-Italja ħadet miżuri ta’ kontroll, ta’ monitoraġġ u ta’ prevenzjoni u stabbiliet żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza (“iż-żoni rregolati”) skont id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/53 (4), (UE) 2022/106 (5), (UE) 2022/145 (6), (UE) 2022/198 (7), (UE) 2022/257 (8), (UE) 2022/349 (9), (UE) 2022/417 (10), (UE) 2022/454 (11), (UE) 2022/522 (12), (UE) 2022/623 (13) u (UE) 2022/690 (14).

(4)

L-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li l-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u dawk veterinarji meħtieġa li kienu ġew applikati biex jitrażżan u jitwaqqaf għalkollox it-tixrid tal-marda kienu laqtu għadd kbir ħafna ta’ operaturi u li dawk l-operaturi kienu ġarrbu telf ta’ introjtu li ma kienx eliġibbli għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(5)

Fis-27 ta’ Frar 2023, il-Kummissjoni rċeviet talba formali mingħand l-Italja għall-finanzjament parzjali ta’ ċerti miżuri eċċezzjonali skont l-Artikolu 220(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għat-tifqigħat ikkonfermati fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u t-30 ta’ April 2022. Fl-14 ta’ Marzu 2023, fis-17 ta’ Mejju 2023, fis-6 ta’ Diċembru 2023 u fit-12 ta’ Jannar 2024, l-awtoritajiet Taljani ċċaraw it-talba tagħhom u bagħtu d-dokumenti marbutin magħha.

(6)

Minħabba l-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji msemmijin fil-premessa 3, ittawlu l-perjodi ta’ mistrieħ sanitarju, ġiet ipprojbita l-introduzzjoni tat-tjur u ġew ristretti l-movimenti tat-tipi kollha ta’ pollam fl-azjendi fiż-żoni rregolati. Dan wassal għal telf fil-produzzjoni tal-bajd għat-tifqis, tal-bajd għall-konsum, tal-annimali ħajjin u tal-laħam tal-pollam f’dawn l-azjendi, iżda wkoll għat-telf minħabba l-bajd u l-laħam meqrudin u diklassifikati.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-finanzjament parzjali mill-Unjoni jrid ikun ekwivalenti għal 50 % tan-nefqa mġarrba mill-Italja għall-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffissa l-kwantitajiet massimi eliġibbli għall-finanzjament għal kull miżura eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq wara li tiskrutinizza t-talba li rċeviet mingħand l-Italja b’rabta mat-tifqigħat ikkonfermati fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u t-30 ta’ April 2022.

(8)

Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kumpens żejjed, jenħtieġ li l-ammont tal-finanzjament parzjali b’rata fissa jkun ibbażat fuq studji tekniċi u ekonomiċi jew fuq dokumenti tal-kontabbiltà u li dan jiġi ffissat f’livell xieraq għal kull annimal u għal kull prodott skont il-kategorija tagħhom.

(9)

Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ finanzjament doppju, jenħtieġ li t-telf li ġġarrab ma jkunx ġie kkumpensat b’għajnuna mill-Istat jew b’assigurazzjoni u jenħtieġ li l-finanzjament parzjali mill-Unjoni skont dan ir-Regolament ikun limitat għall-annimali u għall-prodotti eliġibbli li għalihom ma tkun ingħatat l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690.

(10)

Jenħtieġ li l-livell u t-tul ta’ żmien tal-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq previsti f’dan ir-Regolament ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi appoġġjat is-suq. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq japplikaw biss għall-produzzjoni tal-bajd u tal-pollam fl-azjendi li jinsabu fiż-żoni rregolati u għat-tul ta’ żmien li matulu kienu fis-seħħ il-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u fil-leġiżlazzjoni tal-Italja rilevanti għat-23 tifqigħa tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja kkonfermati fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u t-30 ta’ April 2022.

(11)

Sabiex tkun żgurata l-flessibbiltà f’każ li l-għadd ta’ bajd jew ta’ annimali eliġibbli għall-kumpens ikun ivarja mill-ammonti massimi stabbiliti f’dan ir-Regolament, li huma bbażati fuq stimi, il-kumpens jista’ jiġi aġġustat b’ċerti limiti, dejjem jekk jitħares l-ammont massimu tan-nefqa ffinanzjata b’mod parzjali mill-Unjoni.

(12)

Għal raġunijiet baġitarji, jenħtieġ li dawk il-pagamenti li jsiru mill-Italja lill-benefiċjarji sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2024 biss ikunu eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni. Jenħtieġ li ma jkunx japplika l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (16), li mill-1 ta’ Jannar 2023 ġie sostitwit bl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (17).

(13)

Sabiex jiġu żgurati l-eliġibbiltà u l-korrettezza tal-pagamenti, jenħtieġ li l-Italja twettaq il-verifiki ex ante.

(14)

Sabiex ikun żgurat li l-Italja timplimenta l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament minnufih, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tipprovdi finanzjament parzjali li jkun ekwivalenti għal 50 % tan-nefqa li ġarrbet l-Italja biex tappoġġja s-suq tal-bajd u tal-laħam tal-pollam li ntlaqat ħażin ħafna mit-23 tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 li sabet l-Italja u li bagħtet in-notifiki dwarhom fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u t-30 ta’ April 2022.

Artikolu 2

1.   In-nefqa li ġarrbet l-Italja għandha tkun eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni unikament:

(a)

għall-perjodu li matulu kienu applikati l-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u l-miżuri veterinarji msemmijin fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni mniżżlin fl-Anness u marbutin mal-perjodu stabbilit fl-Artikolu 1; u

(b)

għal dawk l-azjendi tal-pollam li jkunu ġew soġġetti għall-miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali u għall-miżuri veterinarji u li jinsabu fiż-żoni msemmijin fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mniżżlin fl-Anness (“iż-żoni rregolati”); u

(c)

jekk l-Italja tkun ħallsitha lill-benefiċjarji sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2024; u

(d)

jekk, għall-perjodu msemmi fil-punt (a), l-annimal jew il-prodott ma jkun ibbenefika minn ebda kumpens permezz tal-għajnuna mill-Istat jew tal-assigurazzjoni u għalih ma tkun ingħatat l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/690.

2.   L-ebda nefqa li tħallas l-Italja wara t-30 ta’ Settembru 2024 ma għandha tkun eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni, irrispettivament mis-sehem tan-nefqa li tirrappreżenta.

Artikolu 3

1.   L-ammont massimu tal-finanzjament parzjali mill-Unjoni għandu jkun ta’ EUR 46 670 790, kif ġej:

(a)

għat-telf marbut mal-perjodi ta’ mistrieħ sanitarju mtawla fiż-żoni rregolati, għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin:

(i)

EUR 0,020 fil-ġimgħa għal kull għattuqa li tidħol fil-kodiċi NM 0105 11 11, sa għadd massimu ta’ 1 712 326 annimal;

(ii)

EUR 0,062 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa tal-bajd imrobbija fil-gaġġa li tidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 2 640 927 annimal;

(iii)

EUR 0,070 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa tal-bajd imrobbija fil-maqjel li tidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 2 403 234 annimal;

(iv)

EUR 0,062 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa tal-bajd imrobbija fil-beraħ li tidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 61 052 annimal;

(v)

EUR 0,092 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa tal-bajd organika li tidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 96 222 annimal;

(vi)

EUR 0,046 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa tas-simna li tidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 51 416 397 annimal;

(vii)

EUR 0,054 fil-ġimgħa għal kull ħasi li jidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 149 980 annimal;

(viii)

EUR 0,077 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa Golden li tidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 63 948 annimal;

(ix)

EUR 0,092 fil-ġimgħa għal kull dundjana li tidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, sa għadd massimu ta’ 3 747 578 annimal;

(x)

EUR 0,152 fil-ġimgħa għal kull dundjan li jidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, sa għadd massimu ta’ 5 025 869 annimal;

(xi)

EUR 0,122 fil-ġimgħa għal kull dundjan u dundjana mħalltin li jidħlu fil-kodiċi NM 0105 99 30, sa għadd massimu ta’ 11 280 annimal;

(xii)

EUR 0,473 fil-ġimgħa għal kull dundjan tat-tnissil li jidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, sa għadd massimu ta’ 20 263 annimal;

(xiii)

EUR 0,111 fil-ġimgħa għal kull papra li tidħol fil-kodiċi NM 0105 99 10, sa għadd massimu ta’ 89 600 annimal;

(xiv)

EUR 0,055 fil-ġimgħa għal kull farawna li tidħol fil-kodiċi NM 0105 99 50, sa għadd massimu ta’ 307 904 annimali;

(xv)

EUR 0,299 fil-ġimgħa għal kull farawna tat-tnissil li tidħol fil-kodiċi NM 0105 99 50, sa għadd massimu ta’ 118 000 annimal;

(b)

għat-telf marbut mat-tqassir taċ-ċiklu tal-produzzjoni (tbiċċir bikri tal-annimali) fiż-żoni rregolati, għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin:

(i)

EUR 0,059 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa tat-tnissil li tidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 97 480 annimal;

(ii)

EUR 0,473 fil-ġimgħa għal kull dundjan tat-tnissil li jidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, sa għadd massimu ta’ 42 066 annimal;

(iii)

EUR 0,037 fil-ġimgħa għal kull għattuqa jew tiġieġa tal-azjendi rurali li tidħol fil-kodiċi NM 0105 11 11, diklassifikati, sa għadd massimu ta’ 12 198 annimal;

(iv)

EUR 0,103 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa tas-simna jew ħasi li jidħlu fil-kodiċi NM 0105 94 00, diklassifikati, sa għadd massimu ta’ 16 451 130 annimal;

(v)

EUR 0,132 fil-ġimgħa għal kull dundjana li tidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, diklassifikata, sa għadd massimu ta’ 374 957 annimal;

(vi)

EUR 0,224 fil-ġimgħa għal kull dundjan li jidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, diklassifikat, sa għadd massimu ta’ 730 944 annimal;

(c)

għat-telf marbut mal-perjodi mtawla tat-trobbija u tas-simna fiż-żoni rregolati, għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin:

(i)

EUR 0,066 fil-ġimgħa għal kull għattuqa standard li tidħol fil-kodiċi NM 0105 11 11, sa għadd massimu ta’ 872 739 annimal;

(ii)

EUR 0,070 fil-ġimgħa għal kull għattuqa mrobbija fil-maqjel li tidħol fil-kodiċi NM 0105 11 11, sa għadd massimu ta’ 666 082 annimal;

(iii)

EUR 0,139 fil-ġimgħa għal kull għattuqa organika li tidħol fil-kodiċi NM 0105 11 11, sa għadd massimu ta’ 36 596 annimal;

(iv)

EUR 0,081 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa tas-simna li tidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 24 140 annimal;

(v)

EUR 0,066 fil-ġimgħa għal kull tiġieġa tal-azjendi rurali li tidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 1 716-il annimal;

(vi)

EUR 0,189 fil-ġimgħa għal kull dundjana li tidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, sa għadd massimu ta’ 513 948 annimal;

(vii)

EUR 0,302 fil-ġimgħa għal kull dundjan li jidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, sa għadd massimu ta’ 378 384 annimal;

(d)

għat-telf fil-valur tal-annimali u fil-prodotti fiż-żoni rregolati għandhom japplikaw ir-rati fissi li ġejjin:

(i)

EUR 0,132 għal kull bajda għat-tifqis tat-tiġieġ li tidħol fil-kodiċi NM 0407 11 00, meqruda, sa għadd massimu ta’ 1 164 942 bajda;

(ii)

EUR 0,525 għal kull bajda għat-tifqis tad-dundjan li tidħol fil-kodiċi NM 0407 19 11, meqruda, sa għadd massimu ta’ 552 137 bajda;

(iii)

EUR 0,132 għal kull bajda għat-tifqis tal-farawn li tidħol fil-kodiċi NM 0407 19 11, meqruda, sa għadd massimu ta’ 416 986 bajda;

(iv)

EUR 0,228 għal kull fellus tat-tiġieġ tas-simna li jidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, maqtul, sa għadd massimu ta’ 8 733 309 annimali;

(v)

EUR 0,340 għal kull fellus tat-tiġieġ tal-azjendi rurali li jidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, sa għadd massimu ta’ 87 750 annimal;

(vi)

EUR 0,550 għal kull fellus tad-dundjana li jidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, maqtul, sa għadd massimu ta’ 271 790 annimal;

(vii)

EUR 1,000 għal kull fellus tad-dundjan li jidħol fil-kodiċi NM 0105 99 30, maqtul, sa għadd massimu ta’ 396 850 annimal;

(viii)

EUR 0,225 għal kull fellus tal-farawn li jidħol fil-kodiċi NM 0105 94 00, maqtul, sa għadd massimu ta’ 44 193 annimal;

(ix)

EUR 0,096 għal kull bajda għat-tifqis li tidħol fil-kodiċi NM 0407 11 00, ipproċessata fi prodotti tal-bajd, sa għadd massimu ta’ 10 294 920 bajda;

(x)

EUR 0,022 għal kull bajda tat-tiġieġ imrobbi fil-gaġeġ li tidħol fil-kodiċi NM 0407 21 00, ipproċessata fi prodotti tal-bajd, sa għadd massimu ta’ 8 414 970 bajda;

(xi)

EUR 0,029 għal kull bajda tat-tiġieġ imrobbi fil-maqjel li tidħol fil-kodiċi NM 0407 21 00, ipproċessata fi prodotti tal-bajd, sa għadd massimu ta’ 449 280 bajda;

(xii)

EUR 0,028 għal kull bajda tat-tiġieġ organiku li tidħol fil-kodiċi NM 0407 21 00, ipproċessata fi prodotti tal-bajd, sa għadd massimu ta’ 1 188 000 bajda.

2.   Meta l-għadd ta’ bajd jew annimali jew l-ammont ta’ laħam eliġibbli għall-kumpens ikun jaqbeż l-għadd massimu ta’ bajd jew ta’ annimali jew ta’ kilogrammi ta’ laħam għal kull oġġett stabbilit fil-paragrafu 1, in-nefqa eliġibbli għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni tista’ tiġi aġġustata għal kull oġġett u taqbeż l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-għadd massimu għal kull oġġett, dejjem jekk l-għadd totali tal-aġġustamenti ma jkunx jaqbeż l-20 % tal-ammont massimu tan-nefqa ffinanzjata b’mod parzjali mill-Unjoni li huwa msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

L-Italja għandha twettaq verifiki amministrattivi u fiżiċi f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

B’mod partikolari, l-Italja għandha tivverifika:

(a)

l-eliġibbiltà tal-applikant li jkun bagħat it-talba għall-appoġġ;

(b)

għal kull applikant eliġibbli: l-eliġibbiltà, il-kwantità u l-valur tat-telf reali ta’ produzzjoni;

(c)

li kull applikant eliġibbli ma jkunx irċieva finanzjament minn sorsi oħrajn bħala kumpens għat-telf imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Għall-applikanti eliġibbli li jkunu sarulhom il-verifiki amministrattivi, l-għajnuna tista’ tingħata mingħajr ma wieħed joqgħod jistenna li jsiru l-verifiki kollha, b’mod partikolari dawk fuq l-applikanti li jkunu ntgħażlu għall-verifiki fuq il-post. Madankollu, il-verifiki kollha fuq il-post għandhom isiru mhux aktar tard minn 6 xhur wara l-pagamenti.

F’każijiet meta l-eliġibbiltà ta’ applikant ma tkunx ġiet ikkonfermata, l-għajnuna għandha tiġi rkuprata u għandhom jiġu applikati sanzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj?locale=mt.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj?locale=mt).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj?locale=mt).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/53 tal-11 ta’ Jannar 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 9, 14.1.2022, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/53/oj?locale=mt).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/106 tal-21 ta’ Jannar 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 18, 27.1.2022, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/106/oj?locale=mt).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/145 tal-31 ta’ Jannar 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 24, 3.2.2022, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/145/oj?locale=mt).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/198 tad-9 ta’ Frar 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 31, 14.2.2022, p. 56, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/198/oj?locale=mt).

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/257 tal-21 ta’ Frar 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 42, 23.2.2022, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/257/oj?locale=mt).

(9)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/349 tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 64, 2.3.2022, p. 60, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/349/oj?locale=mt).

(10)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/417 tat-8 ta’ Marzu 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 85, 14.3.2022, p. 42, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/417/oj?locale=mt).

(11)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/454 tas-16 ta’ Marzu 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 92, 21.3.2022, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/454/oj?locale=mt).

(12)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/522 tad-29 ta’ Marzu 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 104, 1.4.2022, p. 74, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/522/oj?locale=mt).

(13)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/623 tal-11 ta’ April 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 90, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/623/oj?locale=mt).

(14)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/690 tas-26 ta’ April 2022 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/641 li tikkonċerna miżuri ta’ emerġenza marbuta ma’ tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur b’livell patoġeniku għoli f’ċerti Stati Membri (ĠU L 128, 2.5.2022, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/690/oj?locale=mt).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014, u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/690/oj?locale=mt).

(16)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/907/oj?locale=mt).

(17)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj?locale=mt).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj?locale=mt).


ANNESS

Lista tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li telenka ż-żoni rregolati u l-perjodi kif imsemmi fl-Artikolu 2

Il-partijiet tal-Italja u l-perjodi stabbiliti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429, issupplimentat bir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u ddefiniti f’dawn li ġejjin:

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/53;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/106;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/145;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/198;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/257;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/349;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/417;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/454;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/522;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/623;

id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/690.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/453/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top