Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024L1226

    Direttiva (UE) 2024/1226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ penali għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva (UE) 2018/1673

    PE/95/2023/REV/1

    ĠU L, 2024/1226, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1226/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1226/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/1226

    29.4.2024

    DIRETTIVA (UE) 2024/1226 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-24 ta’ April 2024

    dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ penali għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva (UE) 2018/1673

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332 tat-28 ta’ Novembru 2022 dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u l-integrità tas-suq intern fl-Unjoni, u biex jinkiseb livell għoli ta’ sigurtà fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati u pieni kriminali għall-ksur ta’ dawk il-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    (2)

    Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, bħal miżuri li jikkonċernaw l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi, il-projbizzjonijiet fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi u l-projbizzjonijiet fuq id-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru, jew it-tranżitu minnu, kif ukoll miżuri ekonomiċi u finanzjarji settorjali u embargi fuq l-armi, huma għodda essenzjali għall-promozzjoni tal-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dawk l-objettivi jinkludu s-salvagwardja tal-valuri, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tal-Unjoni, il-konsolidazzjoni u l-appoġġ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-ħarsien tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-għaniijet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (3)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ penali kriminali u mhux kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur ta’ dawk il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, inklużi obbligi, bħal dak tar-rapportar, stabbiliti fihom. Huwa meħtieġ ukoll li dawk il-penali jindirizzaw iċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    (4)

    L-applikazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni teħtieġ regoli minimi komuni dwar id-definizzjonijiet ta’ mġiba kriminali li tikser il-miżuri restrittivi tal-Unjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tali mġiba tikkostitwixxi reat kriminali meta tkun intenzjonata u tikser projbizzjoni jew obbligu li jikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni jew li tkun stabbilita f’dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta miżura restrittiva tal-Unjoni, meta l-implimentazzjoni nazzjonali ta’ dik il-miżura tkun meħtieġa. Ċerta mġiba jenħtieġ li tikkostitwixxi reat kriminali anki jew titwettaq b’negliġenza serja. Fir-rigward tar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva, ijenħtieġ li l-kunċett ta’ “negliġenza serja” jiġi interpretat f’konformità mal-liġi nazzjonali, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni li jinvolvi fondi, riżorsi ekonomiċi, oġġetti, servizzi, tranżazzjonijiet jew attivitajiet ta’ valur inqas minn EUR 10 000 ma jikkostitwix reat kriminali. L-esklużjoni ta’ ċertu ksur mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma taffettwa l-ebda obbligu stabbilit fl-atti li jistabbilixxu l-miżuri restrittivi tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-ksur ikun punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi jew b’penali mhux kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    (5)

    L-atti li jistabbilixxu l-miżuri restrittivi tal-Unjoni jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet mill-projbizzjonijiet stabbiliti fihom fil-forma ta’ eżenzjonijiet jew derogi. Imġiba li jew tkun koperta minn eżenzjoni prevista f’att li jistabbilixxi miżuri restrittivi tal-Unjoni jew inkella tkun awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz ta’ deroga f’konformità mal-atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi tal-Unjoni, ma tistax titqies bħala ksur ta’ miżura restrittiva tal-Unjoni.

    (6)

    B’mod partikolari, l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni teħtieġ regoli minimi komuni għall-ksur ta’ miżuri li jikkonsistu fl-iffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Kunsill rilevanti. Dawk il-miżuri jinkludu l-projbizzjoni fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għal miżuri li jikkonsistu fl-iffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi, kif ukoll l-obbligu li jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-istess persuni, entitajiet jew korpi, li huma proprjetà tagħhom jew li huma miżmuma jew kkontrollati minnhom.

    (7)

    Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni jinkludu restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni (projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar) li jenħtieġ li jkunu koperti minn din id-Direttiva. Tali miżuri, normalment stabbiliti f’Deċiżjoni tal-Kunsill adottata abbażi tal-Artikolu 29 tat-TUE u implimentata permezz tal-liġi nazzjonali, jirrikjedu li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu lill-persuni deżinjati milli jidħlu fiż-żoni kollha tat-territorju ta’ Stat Membru, jew li jittranżitaw minnhom.

    (8)

    L-Istati Membri huma mħeġġa jagħtu attenzjoni partikolari lill-mekkaniżmi għall-għoti tan-nazzjonalità u tar-residenza, sabiex jipprevjenu lill-individwi soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni milli jużaw dawk il-mekkaniżmi biex jiksru tali miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    (9)

    Id-dħul fi jew it-tkomplija ta’ kwalunkwe forma ta’ tranżazzjoni, inklużi tranżazzjonijiet finanzjarji, kif ukoll l-għoti jew l-eżekuzzjoni kontinwa ta’ kwalunkwe kuntratt pubbliku jew ta’ konċessjoni li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2009/81/KE (4) 2014/23/UE (5), 2014/24/UE (6), 2014/25/UE (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ma’ Stat terz, korpi ta’ Stat terz jew entitajiet u korpi li direttament jew indirettament huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn Stat terz jew korpi ta’ Stat terz, jenħtieġ li jikkostitwixxu reat kriminali, meta l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ta’ dik l-imġiba tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni.

    (10)

    Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni jinkludu l-projbizzjoni tal-kummerċ, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, ix-xiri, it-trasferiment, it-tranżitu jew it-trasport ta’ oġġetti jew servizzi. Il-ksur ta’ tali projbizzjonijiet jenħtieġ li jikkostitwixxi reat kriminali, inkluż meta l-oġġetti jiġu importati jew esportati minn jew lejn pajjiż terz sabiex jiġu ttrasferiti lejn destinazzjoni li fir-rigward tagħha l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, ix-xiri, it-trasferiment, it-tranżitu jew it-trasport ta’ dawk l-oġġetti tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni. L-għoti, direttament jew indirettament, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, assigurazzjoni, u kwalunkwe servizz ieħor relatat ma’ dawk l-oġġetti jew servizzi, jenħtieġ li jikkostitwixxi wkoll reat kriminali. Għal dak l-għan, il-kunċett ta’ “oġġetti” jinkludi oġġetti, bħal teknoloġija u tagħmir militari, oġġetti, software u teknoloġija, li huma inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fl-20 ta’ Frar 2023 (8) jew li huma elenkati fl-Annessi I u IV tar-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    (11)

    Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni jinkludu miżuri ekonomiċi u finanzjarji settorjali dwar il-forniment ta’ servizzi finanzjarji jew it-twettiq ta’ attivitajiet finanzjarji. Tali servizzi u attivitajiet finanzjarji jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, il-finanzjament u l-assistenza finanzjarja, il-forniment ta’ investiment u servizzi ta’ investiment, il-ħruġ ta’ titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus, l-aċċettazzjoni ta’ depożiti, il-forniment ta’ servizzi speċjalizzati ta’ messaġġi finanzjarji, in-negozjar ta’ karti tal-flus, il-forniment ta’ servizzi ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, u l-forniment ta’ kriptoassi u kartieri. Il-ksur ta’ dawk il-miżuri ekonomiċi u finanzjarji settorjali jenħtieġ li jikkostitwixxi reat kriminali.

    (12)

    Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni jinkludu miżuri ekonomiċi u finanzjarji settorjali dwar il-forniment ta’ servizzi għajr servizzi finanzjarji. Tali servizzi jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, il-forniment ta’ servizzi ta’ konsulenza legali, servizzi fiduċjarji, servizzi ta’ relazzjonijiet pubbliċi, kontabbiltà, awditjar, żamma tal-kotba u servizzi ta’ konsulenza dwar it-taxxa, konsulenza dwar in-negozju u l-ġestjoni, konsulenza fl-IT, servizzi ta’ xandir, arkitettoniċi u ta’ inġinerija. Il-ksur ta’ dawk il-miżuri ekonomiċi u finanzjarji settorjali jenħtieġ li jikkostitwixxi reat kriminali.

    (13)

    Jenħtieġ li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma tinftiehem bħala li timponi xi obbligu fuq persuni fiżiċi li jkun jippreġudika d-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu u li jibqa’ sieket, kif minqux fl-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), għall-Istati Membri marbuta biha, u fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”).

    (14)

    L-applikazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni teħtieġ regoli minimi komuni dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali li jikkonsistu f’imġiba ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    (15)

    Eżempju ta’ mġiba ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni li qed issir dejjem aktar mifruxa huwa l-prattika minn persuni, entitajiet u korpi deżinjati li jużaw, jittrasferixxu lil parti terza jew iċedu b’xi mod ieħor fondi jew riżorsi ekonomiċi li huma direttament jew indirettament proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn dawk il-persuni, l-entitajiet jew il-korpi deżinjati sabiex jaħbu dawk il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi. Barra minn hekk, il-prattika tal-forniment ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, inkluża informazzjoni inkompleta rilevanti, sabiex jinħeba l-fatt li persuna, entità jew korp deżinjati huma s-sid jew il-benefiċjarju aħħari ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni tikkostitwixxi wkoll ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dik l-imġiba ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni tikkostitwixxi reat kriminali skont din id-Direttiva.

    (16)

    In-nuqqas ta’ konformità ma’ obbligu ta’ rapportar lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti stabbilit minn atti li jistabbilixxu miżuri restrittivi tal-Unjoni jenħtieġ li jikkostitwixxi reat kriminali skont din id-Direttiva.

    (17)

    L-applikazzjoni effettiva tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni teħtieġ regoli minimi komuni dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali li jikkonsistu f’imġiba li tikser jew li tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi skont awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti biex jitwettqu ċerti attivitajiet, li fin-nuqqas ta’ tali awtorizzazzjoni jikkostitwixxu ksur ta’ projbizzjoni jew restrizzjoni li tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni. Kwalunkwe attività mwettqa fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tista’ titqies, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni li jikkonsistu fl-iffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, embargi fuq l-armi jew miżuri ekonomiċi u finanzjarji settorjali oħra.

    (18)

    Il-professjonisti legali, kif definiti mill-Istati Membri, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal din id-Direttiva, inkluż l-obbligu li jirrapportaw il-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni, meta jipprovdu servizzi fil-kuntest ta’ attivitajiet professjonali, bħal servizzi legali, finanzjarji u kummerċjali. Hemm riskju ċar li s-servizzi ta’ dawk il-professjonisti legali jintużaw ħażin għall-fini ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li jkun hemm eżenzjonijiet minn kwalunkwe obbligu ta’ rapportar ta’ informazzjoni li jirċievu minn, jew li tinkiseb dwar, wieħed mill-klijenti tagħhom, waqt l-aċċertament tal-pożizzjoni legali tiegħu jew fit-twettiq tal-kompitu ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza ta’ dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji, jew fir-rigward tagħhom, inkluż l-għoti ta’ parir dwar il-bidu jew l-evitar ta’ tali proċedimenti. Għalhekk, tali parir legali jenħtieġ li jibqa’ soġġett għall-obbligu tas-segretezza professjonali, ħlief meta l-professjonist legali jkun qed jieħu sehem intenzjonalment fil-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, meta l-parir legali jiġi pprovdut għall-finijiet ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, jew meta l-professjonist legali jkun jaf li l-klijent qiegħed ifittex parir legali għall-finijiet ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    (19)

    Il-miżuri restrittivi tal-Unjoni jenħtieġ li ma jirriżultawx f’diskriminazzjoni kontra klijenti ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji jew fl-esklużjoni bla bżonn tagħhom mill-aċċess għas-servizzi finanzjarji.

    (20)

    Din id-Direttiva ma għandhiex l-għan li tikkriminalizza l-assistenza umanitarja għal persuni fil-bżonn jew attivitajiet b’appoġġ għall-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem ipprovduti f’konformità mal-prinċipji tal-imparzjalità, l-umanità, in-newtralità u l-indipendenza u, meta applikabbli, mad-dritt umanitarju internazzjonali.

    (21)

    L-instigar, u l-għajnuna u l-kompliċità biex jitwettaq reat kriminali fl-ambitu ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jiġu kriminalizzati. It-tentattiv ta’ twettiq ta’ ċerti reati kriminali fl-ambitu ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li jiġi kriminalizzat ukoll.

    (22)

    Il-penali għall-persuni fiżiċi għar-reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni kif definiti f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu effettivi, dissważivi u proporzjonati. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti livelli minimi għat-terminu massimu ta’ priġunerija għall-persuni fiżiċi. Penali jew miżuri aċċessorji jenħtieġ li jkunu disponibbli wkoll fi proċedimenti kriminali.

    (23)

    Minħabba li l-persuni ġuridiċi huma wkoll soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni, tali persuni ġuridiċi jenħtieġ li jinżammu responsabbli għal reati relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni kif definit f’din din id-Direttiva. Hawnhekk b’“persuna ġuridika” huwa mifhum kwalunkwe entità ġuridika li jkollha tali status skont il-liġi applikabbli, bl-eċċezzjoni ta’ Stati jew korpi pubbliċi li jeżerċitaw l-awtorità ta’ Stat u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi. Sabiex jilħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri li l-liġi tagħhom tipprevedi r-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi jenħtieġ li jiżguraw li l-liġi tagħhom tipprevedi tipi u livelli ta’ pieni kriminali effettivi, dissważivi u proporzjonati kif stabbilit f’din id-Direttiva. Sabiex jilħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri li l-liġi tagħhom ma tipprevedix ir-responsabbiltà kriminali tal-persuni ġuridiċi jenħtieġ li jiżguraw li l-liġi tagħhom tipprevedi tipi u livelli ta’ penali mhux kriminali effettivi, dissważivi u proporzjonati kif stabbilit f’din id-Direttiva. Il-livelli massimi ta’ multi previsti f’din id-Direttiva għar-reati definiti fiha jenħtieġ li japplikaw mill-anqas għall-aktar forom serji ta’ tali reati. Huwa importanti li l-gravità tal-imġiba, kif ukoll iċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u oħrajn tal-persuni ġuridiċi kkonċernati jiġu kkunsidrati biex jiġu żgurati l-effettività, id-dissważività u l-proporzjonalità tal-penali imposta. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu l-livelli massimi ta’ multi jew bħala perċentwal tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika kkonċernata, jew f’ammonti fissi. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeċiedu liema minn dawk iż-żewġ għażliet ser jużaw meta jkunu qed jittrasponu din id-Direttiva.

    (24)

    Meta l-Istati Membri, biex jiddeterminaw il-multi li jeħtieġ li jiġu imposti fuq il-persuni ġuridiċi, jagħżlu li jimplimentaw il-kriterju tal-fatturat dinji totali ta’ persuna ġuridika, jenħtieġ li jiddeċiedu jekk jikkalkulawx dak il-fatturat abbażi tas-sena finanzjarja ta’ qabel dik li fiha jkun twettaq ir-reat kriminali, jew tas-sena finanzjarja ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa. L-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll li jistabbilixxu regoli għal każijiet meta ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit l-ammont ta’ multa abbażi tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik li fiha twettaq ir-reat kriminali, jew fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisu kriterji oħra, bħall-fatturat dinji totali f’sena finanzjarja differenti. Meta dawk ir-regoli jinkludu l-istabbiliment ta’ ammonti fissi ta’ multi, jenħtieġ li ma jkunx meħtieġ għal-livell massimu ta’dawk l-ammonti biex jilħqu l-livelli stabbiliti f’din id-Direttiva bħala r-rekwiżit minimu għal-livell massimu ta’ multi stabbilit f’ammonti fissi.

    (25)

    Meta l-Istati Membri jagħżlu livell massimu ta’ multi stabbiliti f’ammonti fissi, it-tali livelli jenħtieġ li jiġu stabbiliti fil-liġi nazzjonali. L-ogħla livelli ta’ tali multi jenħtieġ li japplikaw għall-aktar forom gravi ta’ reati kriminali definiti f’din id-Direttiva mwettqa minn persuni ġuridiċi ta’ saħħa finanzjarja. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeterminaw il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawk l-ogħla livelli ta’ multi, inklużi kundizzjonijiet speċifiċi għalihom. L-Istati Membri huma mistiedna biex jirrieżaminaw regolarment il-livelli tal-multi ddeterminati f’ammonti fissi b’kont meħud tar-rati tal-inflazzjoni u fluttwazzjonijiet oħra fil-valur monetarju, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri li ma għandhomx l-euro bħala l-munita tagħhom jenħtieġ li jipprevedu livelli massimi ta’ multi fil-munita tagħhom li jikkorrispondu għal-livelli ddeterminati f’din id-Direttiva f’euro fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Dawk l-Istati Membri huma mistiedna jirrieżaminaw regolarment il-livelli ta’ multi anki fir-rigward tal-iżvilupp tar-rata tal-kambju.

    (26)

    L-istabbiliment tal-livell massimu ta’ multi huwa mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-imħallfin jew tal-qrati fi proċedimenti kriminali li jimponu penali xierqa f’każijiet individwali. Peress li din id-Direttiva ma tistabbilixxi l-ebda livell minimu ta’ multi, l-imħallfin jew il-qrati, fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li jimponu penali xierqa filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u oħrajn tal-persuna ġuridika kkonċernata u l-gravità tal-imġiba.

    (27)

    Il-livelli ta’ penali imposti jenħtieġ li jiġu approssimati aktar u l-effettività ta’ tali livelli jenħtieġ li titrawwem bl-introduzzjoni ta’ ċirkostanzi aggravanti komuni li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, jirriflettu l-gravità tar-reat kriminali mwettaq. Il-kunċett ta’ “ċirkostanzi aggravanti” jenħtieġ li jinftiehem jew bħala fatti li jippermettu lill-imħallef jew lill-qorti nazzjonali jagħtu sentenzi aktar severi għall-istess reat mis-sentenza normalment imposta mingħajr tali fatti, jew bħala l-possibbiltà li jiġu ttrattati diversi reati kriminali b’mod kumulattiv sabiex jiżdied il-livell tal-penali. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li mill-inqas waħda minn dawn li ġejjin tista’ titqies bħala ċirkostanzi aggravanti: meta r-reat ikun twettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI tal-Kunsill (11); meta r-reat ikun involva dokumenti foloz jew iffalsifikati; meta r-reat ikun twettaq minn fornitur ta’ servizz professjonali bi ksur tal-obbligi professjonali ta’ tali fornitur ta’ servizz professjonali; meta r-reat ikun twettaq minn uffiċjal pubbliku fil-qadi ta’ dmirijietu, li jista’ jkun kwalunkwe uffiċjal rilevanti, kemm jekk ikollu kariga formali fl-Unjoni, fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi, jew persuna oħra li twettaq funzjoni pubblika; ir-reat ikun iġġenera jew kien mistenni li jiġġenera benefiċċji finanzjarji sostanzjali, jew evita spejjeż sostanzjali, direttament jew indirettament; meta t-trasgressur ikun qered l-evidenza, jew intimida jew jinfluwenza xhieda jew ilmentaturi; jew meta l-persuna fiżika jew ġuridika tkun preċedentement ġiet ikkundannata b’mod definittiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li tal-anqas waħda minn dawk iċ-ċirkostanzi aggravanti tkun ipprovduta bħala ċirkostanza aggravanti possibbli f’konformità mar-regoli applikabbli fis-sistema legali tagħhom dwar iċ-ċirkostanzi aggravanti. Fi kwalunkwe każ, jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-imħallef jew tal-qorti li jiddeterminaw jekk għandhiex tiżdied is-sentenza, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ individwali.

    (28)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li mill-inqas waħda minn dawn li ġejjin tista’ titqies bħala ċirkostanzi mitiganti: meta t-trasgressur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni li ma setgħux jiksbu mod ieħor, u b’hekk jgħinhom jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja lil trasgressuri oħra; jew meta t-trasgressur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni li ma setgħux jiksbu mod ieħor, u b’hekk jgħinhom isibu l-evidenza. Fil-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi mitiganti, jenħtieġ li jibqa’ fid-diskrezzjoni tal-imħallef jew tal-qorti li jiddeterminaw jekk għandhiex tiżdied is-sentenza, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi f’kull każ individwali. Dawk i`-`irkostanzi jistgħu jinkludu n-natura, it-twaqqit u l-firxa tal-informazzjoni pprovduta u l-livell ta’ kooperazzjoni pprovduta mit-trasgressur.

    (29)

    L-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi impost minn miżuri restrittivi tal-Unjoni huwa ta’ natura amministrattiva. Bħala tali, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejnu u l-miżuri ta’ ffriżar ta’ natura kriminali, kif imsemmi fid-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). L-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu l-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mir-reati msemmijin f’din id-Direttiva. L-Istati Membri marbuta bid-Direttiva 2014/42/UE jenħtieġ li jagħmlu dan f’konformità ma’ dik id-Direttiva. Barra minn hekk, b’mod speċifiku f’sitwazzjonijiet li fihom il-persuna deżinjata, jew ir-rappreżentant ta’ entità jew korp deżinjati, iwettqu jew jipparteċipaw f’ċerti reati li jikkonċernaw iċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżura restrittiva tal-Unjoni, hemm il-ħtieġa li jiġu permessi l-iffriżar u l-konfiska ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni, anki fejn dawn jistgħu ma jikkostitwux mezzi strumentali jew rikavati skont id-Direttiva 2014/42/UE. F’dawk iċ-ċirkostanzi, bħala konsegwenza tal-imġiba ta’ ħabi, il-persuna, l-entità jew il-korp deżinjati jistgħu jkomplu jaċċessaw u jagħmlu użu sħiħ minn, jew iċedu, il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi soġġetti għall-miżuri restrittivi tal-Unjoni li jkunu ġew moħbija. Għalhekk, jenħtieġ li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu soġġetti għall-iffriżar u l-konfiska, f’konformità mad-Direttiva 2014/42/UE. Id-drittijiet ta’ partijiet terzi bona fide jenħtieġ li ma jiġux ippreġudikati.

    (30)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar il-perjodi ta’ preskrizzjoni meħtieġa biex jikkumbattu r-reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali li ma jistabbilux perjodi ta’ preskrizzjoni għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-infurzar. L-Istati Membri huma permessi, skont din id-Direttiva, li jistabbilixxu perjodi ta’ preskrizzjoni iqsar minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, dment li fis-sistemi legali tagħhom ikun possibbli li tali perjodi ta’ preskrizzjoni jiġu sospiżi jew interrotti fil-każ ta’ atti li jistgħu jiġu speċifikati f’konformità mal-liġi nazzjonali.

    (31)

    Minħabba, b’mod partikolari, l-attivitajiet globali tal-awturi ta’ reati, flimkien man-natura transfruntiera tar-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva u l-possibbiltà li jitwettqu investigazzjonijiet transfruntieri, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu ġuriżdizzjoni sabiex jiġġieldu tali reati b’mod effettiv.

    (32)

    Biex jiġi żgurati l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti għodod investigattivi effettivi bħal dawk disponibbli fl-ambitu tal-liġi nazzjonali tagħhom għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew każijiet ta’ reati serji oħra, jekk u sa fejn l-użu ta’ dawk l-għodod ikun xieraq u proporzjonat għan-natura u l-gravità tar-reati kriminali kif previst fil-liġi nazzjonali. Tali għodod jistgħu jinkludu l-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet, is-sorveljanza bil-moħbi, inkluża s-sorveljanza elettronika, il-kunsinni kkontrollati, il-monitoraġġ ta’ kontijiet bankarji u għodod oħra ta’ investigazzjoni finanzjarja. Dawk l-għodod jenħtieġ li jintużaw f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u b’rispett sħiħ tal-Karta. Huwa imperattiv li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jiġi rispettat.

    (33)

    Il-persuni msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) li jirrapportaw informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti dwar ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni li seħħ fil-passat, li jkun għaddej jew li huwa ppjanat, inklużi tentattivi ta’ ċirkomvenzjoni tagħhom, li jkunu kisbu fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol, huma f’riskju li jġarrbu ritaljazzjoni f’dak il-kuntest. Tali rapporti ta’ persuni li jirrapportaw jistgħu jsaħħu l-infurzar tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni billi jipprovdu informazzjoni relatata, pereżempju, ma’ fatti li jikkonċernaw ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, iċ-ċirkostanzi tagħhom u l-individwi, il-kumpaniji u l-pajjiżi terzi involuti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm arranġamenti adegwati fis-seħħ biex tali persuni li jirrapportaw ikunu jistgħu jużaw mezzi kunfidenzjali biex iwissu lill-awtoritajiet kompetenti u jipproteġuhom minn ritaljazzjoni. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġi previst li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tkun applikabbli għar-rapportar ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.

    (34)

    Biex tiġi żgurata sistema ta’ infurzar effettiva, integrata u koerenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jorganizzaw kooperazzjoni u komunikazzjoni interna bejn l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fl-infurzar amministrattiv u kriminali .

    (35)

    Biex jiġu żgurati l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni effettivi ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin permezz tal-Europol, il-Eurojust u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u magħhom, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u f’konformità mal-qafas legali applikabbli. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jikkondividu informazzjoni bejniethom u mal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet prattiċi. Il-Kummissjoni, meta jkun meħtieġ, tista’ tistabbilixxi network ta’ esperti u prattikanti biex jikkondividu l-aħjar prattiki u jipprovdu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tiffaċilita l-investigazzjoni ta’ reati relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Tali assistenza jenħtieġ li ma tinvolvix il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet kriminali individwali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u jenħtieġ li ma tinftiehemx bħala li tinkludi appoġġ finanzjarju jew kwalunkwe impenn baġitarju ieħor mill-Kummissjoni.

    (36)

    Biex jiġu indirizzati b’mod effettiv ir-reati kriminali definiti f’din id-Direttiva, jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jiġbru data statistika eżatta, konsistenti u komparabbli dwar dawk ir-reati. Għalhekk l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema xierqa għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u t-trażmissjoni ta’ data statistika eżistenti dwar ir-reati definiti f’din id-Direttiva. Huwa importanti li dik id-data statistika tintuża mill-Istati Membri biex isservi l-ippjanar strateġiku u operazzjonali tal-attivitajiet ta’ infurzar, biex jiġu analizzati l-iskala u x-xejriet tar-reati relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, kif ukoll biex tingħata informazzjoni liċ-ċittadini. L-Istati Membri jenħtieġ li jittrażmettu lill-Kummissjoni data statistika rilevanti dwar il-proċedimenti relatati mal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni, estratti minn data li diġà teżisti fil-livell ċentralizzat jew deċentralizzat fl-Istat Membru kollu. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta u tippubblika regolarment f’rapport ir-riżultati tal-valutazzjoni tagħha abbażi tad-data statistika trażmessa mill-Istati Membri.

    (37)

    Jenħtieġ li emenda tad-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) tiżgura li l-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jitqies bħala reat predikat għall-ħasil tal-flus f’konformità ma’ dik id-Direttiva.

    (38)

    Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li l-individwi u l-persuni ġuridiċi involuti fil-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jinżammu responsabbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

    (39)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (40)

    F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 2023, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    (41)

    Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu żgurati regoli minimi komuni dwar id-definizzjonijiet ta’ reati relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u d-disponibbiltà ta’ pieni kriminali effettivi, dissważivi u proporzjonati għal reati kriminali relatati mal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri filwaqt li titqies in-natura transfruntiera inerenti tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u l-potenzjal tiegħu li jimmina l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni li jiġu ssalvagwardjati l-paċi u s-sigurtà internazzjonali kif ukoll li jiġu rispettati l-valuri komuni tal-Unjoni, iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex dawk l-objettivi jintlaħqu.

    (42)

    Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali jiġu rispettati. F’dan ir-rigward, l-obbligi skont din id-Direttiva jenħtieġ li ma jaffettwax l-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni dwar drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali, b’mod partikolari d-Direttivi 2010/64/UE (15), 2012/13/UE (16), 2013/48/UE (17), (UE) 2016/343, (UE) 2016/800 (18) u (UE) 2016/1919 (19) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (43)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta inklużi d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà li wieħed imexxi negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża, inkluż id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu u li jibqa’ sieket, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati u l-pieni kriminali, inkluż il-prinċipju ta’ nonretroattività tal-pieni kriminali, kif ukoll il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ ta’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji u trid tiġi implimentata skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ penali fir-rigward tal-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “miżuri restrittivi tal-Unjoni” tfisser miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni abbażi tal-Artikolu 29 tat-TUE jew tal-Artikolu 215 tat-TFUE;

    (2)

    “persuna, entità jew korp deżinjati”, tfisser persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni;

    (3)

    “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kwalunkwe tip, inkluż, iżda mhux limitati għal:

    (a)

    flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta’ pagament;

    (b)

    depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, djun u obbligi ta’ dejn;

    (c)

    titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi l-istokks u l-azzjonijiet, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, bonds mhux garantiti u kuntratti tad-derivattivi;

    (d)

    imgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

    (e)

    kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħrajn;

    (f)

    ittri ta’ kreditu, poloz ta’ kargu, poloz ta’ bejgħ;

    (g)

    dokumenti li jagħtu prova ta’ xi interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

    (h)

    kriptoassi kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (5), tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20);

    (4)

    “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi, kemm dawk tanġibbli kif ukoll dawk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li ma humiex fondi iżda li jistgħu jintużaw sabiex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

    (5)

    “iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni tal-moviment, it-trasferiment, l-alterazzjoni jew l-użu ta’ fondi jew l-aċċess għal fondi, jew negozju ta’ fondi li b’xi mod jirriżulta f’bidla fil-volum tagħhom, fl-ammont tagħhom, fil-post tagħhom, fil-proprjetà tagħhom, fil-pussess tagħhom, fin-natura tagħhom, fid-destinazzjoni tagħhom jew f’bidla li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluża l-ġestjoni ta’ portafolji;

    (6)

    “iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi sabiex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi, inklużi, iżda mhux limitat għal, bil-bejgħ tagħhom, bil-kiri tagħhom jew bil-kostituzzjoni fuqhom ta’ garanziji.

    Artikolu 3

    Ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tkun intenzjonali u tikser projbizzjoni jew obbligu li jikkostitwixxu miżura restrittiva tal-Unjoni jew li tkun stabbilita f’dispożizzjoni nazzjonali li timplimenta miżura restrittiva tal-Unjoni, fejn hija meħtieġa l-implimentazzjoni nazzjonali, l-imġiba li ġejja tikkostitwixxi reat kriminali:

    (a)

    li fondi jew riżorsi ekonomiċi jitpoġġew direttament jew indirettament għad-dispożizzjoni, jew għall-benefiċċju ta’, persuna, entità jew korp deżinjati bi ksur ta’ projbizzjoni li tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni;

    (b)

    in-nuqqas ta’ ffriżar ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil persuna, entità jew korp deżinjati, jew li huma proprjetà tagħhom, miżmuma jew ikkontrollati minnhom bi ksur ta’ obbligu li jikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni;

    (c)

    li jiġi permess id-dħul jew it-tranżitu ta’ persuni fiżiċi deżinjati fit-territorju ta’ Stat Membru, bi ksur ta’ projbizzjoni li tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni;

    (d)

    id-dħul fi tranżazzjonijiet jew it-tkomplija tagħhom ma’ Stat terz, ma’ korpi ta’ Stat terz jew ma’ entitajiet jew korpi li huma proprjetà diretta jew indiretta ta’ Stat terz jew ta’ korpi ta’ Stat terz jew ma’ entitajiet jew korpi li huma kkontrollati direttament jew indirettament minn Stat terz, jew minn korpi ta’ Stat terz, inkluż l-għoti jew it-tkomplija tat-twettiq ta’ kuntratti pubbliċi jew kuntratti ta’ konċessjoni, fejn il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ta’ dik l-imġiba tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni;

    (e)

    in-negozjar, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, ix-xiri, it-trasferiment, it-tranżitu jew it-trasport ta’ oġġetti, kif ukoll il-forniment ta’ servizzi ta’ senserija, assistenza teknika jew servizzi oħra relatati ma’ dawk l-oġġetti, fejn il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ta’ dik l-imġiba tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni;

    (f)

    il-forniment ta’ servizzi finanzjarji jew it-twettiq ta’ attivitajiet finanzjarji, fejn il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ta’ dik l-imġiba tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni;

    (g)

    il-forniment ta’ servizzi għajr dawk imsemmija fil-punt (f), fejn il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ta’ dik l-imġiba tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni;

    (h)

    iċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżura restrittiva tal-Unjoni permezz ta’:

    (i)

    l-użu, it-trasferiment lil parti terza, jew iċ-ċessjoni b’xi mod ieħor, ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi li huma proprjetà diretta jew indiretta ta’ persuna, entità jew korp deżinjati, jew li huma miżmuma jew ikkontrollati direttament jew indirettament minnhom, li għandhom jiġu ffriżati skont miżura restrittiva tal-Unjoni, sabiex jinħbew dawk il-fondi jew riżorsi ekonomiċi;

    (ii)

    il-forniment ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa biex jinħeba l-fatt li persuna, entità jew korp deżinjati huma s-sid jew il-benefiċjarju aħħari ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi li għandhom jiġu ffriżati skont miżura restrittiva tal-Unjoni;

    (iii)

    in-nuqqas ta’ konformità minn persuna fiżika deżinjata, jew minn rappreżentant ta’ entità jew korp deżinjati ma’ obbligu li jikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni sabiex jirrapportaw lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, li jappartjenu lilhom, li huma proprjetà tagħhom, jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom;

    (iv)

    in-nuqqas ta’ konformità ma’ obbligu li jikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni li tingħata lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti informazzjoni dwar fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew informazzjoni miżmuma dwar fondi u riżorsi ekonomiċi fit-territorju tal-Istati Membri, li jappartjenu għal persuni, entitajiet jew korpi deżinjati, jew li huma proprjetà tagħhom jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minnhom u li ma ġewx iffriżati, meta tali niformazzjoni tkun inkisbet fit-twettiq ta’ dmir professjonali;

    (i)

    il-ksur jew in-nuqqas li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet skont awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti biex jitwettqu attivitajiet, li fin-nuqqas ta’ tali awtorizzazzjoni huma ksur ta’ projbizzjoni jew restrizzjoni li tikkostitwixxi miżura restrittiva tal-Unjoni.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-imġiba li ġejja ma tikkostitwix reat kriminali:

    (a)

    l-imġiba elenkata fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (h) ta’ dan l-Artikolu, meta dik l-imġiba tinvolvi fondi jew riżorsi ekonomiċi b’valur ta’ inqas minn EUR 10 000;

    (b)

    l-imġiba elenkata fil-paragrafu 1, il-punti (d) sa (g) u (i) ta’ dan l-Artikolu, meta dik l-imġiba tinvolvi oġġetti, servizzi, tranżazzjonijiet jew attivitajiet b’valur ta’ inqas minn EUR 10 000;

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-limitu ta’ EUR 10 000 jew aktar jista’ jintlaħaq ukoll permezz ta’ sensiela ta’ mġiba elenkata fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b), u (d) sa (i) ta’ dan l-Artikolu, li tkun marbuta u tal-istess tip, meta dik l-imġiba titwettaq mill-istess trasgressur.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imġiba elenkata fil-paragrafu 1, il-punt (e), tikkostitwixxi reat kriminali wkoll jekk titwettaq b’negliġenza serja, tal-inqas fejn dik l-imġiba tkun relatata ma’ oġġetti inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea jew ma’ oġġetti b’użu doppju elenkati fl-Anness I u IV għar-Regolament (UE) 2021/821.

    4.   Xejn fil-paragrafu 1 ma għandu jinftiehem li jimponi obbligu fuq il-professjonisti legali li jirrapportaw informazzjoni li huma jirċievu minn xi wieħed mill-klijenti tagħhom jew li jiksbu dwaru waqt l-aċċertament tal-pożizzjoni legali ta’ dak il-klijent jew fit-twettiq tal-kompitu ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza ta’ dak il-klijent fi proċedimenti ġudizzjarji jew fir-rigward tagħhom, inkluż l-għoti ta’ pariri dwar il-bidu jew l-evitar ta’ tali proċedimenti.

    5.   Xejn fil-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandu jinftiehem li jikkriminalizza l-assistenza umanitarja għal persuni fil-bżonn jew attivitajiet b’appoġġ għall-ħtiġijiet bażiċi tal-bniedem ipprovduti f’konformità mal-prinċipji tal-imparzjalità, l-umanità, in-newtralità u l-indipendenza u, meta applikabbli, mad-dritt umanitarju internazzjonali.

    Artikolu 4

    Instigar, għajnuna u kompliċità, u tentattiv

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-instigar,u l-għajnuna u l-kompliċità fit-twettiq ta’ reat imsemmi fl-Artikolu 3 jkunu punibbli bħala reat kriminali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tentattiv li jitwettqu r-reati msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (a), il-punti (c) sa (g), u l-punt (h)(i) u (ii), ikun punibbli bħala reat kriminali.

    Artikolu 5

    Penali għal persuni fiżiċi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 sa 4 jkunu punibbli b’pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reat kriminali msemmija fl-Artikolu 3 jkunu punibbli b’piena massima ta’ priġunerija.

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

    (a)

    ir-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(1), il-punti (h)(iii) u (iv), ikunu punibbli b’terminu ta’ priġunerijamassimu ta’ mill-inqas sena meta dawk ir-reati kriminali jinvolvu fondi jew riżorsi ekonomiċi ta’ valur ta’ mill-inqas EUR 100 000 fid-data li fiha jitwettaq ir-reat;

    (b)

    ir-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punti (a), (b) u fil-punt (h)(i) u (ii), ikunu punibbli b’terminu ta’ priġunerija massimu ta’ mill-inqas ħames snin meta dawk ir-reati kriminali jinvolvu fondi jew riżorsi ekonomiċi ta’ valur ta’ mill-inqas EUR 100 000 fid-data li fiha jitwettaq ir-reat;

    (c)

    ir-reat kriminali kopert mill-Artikoli 3, il-punt (c), ikun punibbli b’terminu ta’ priġuinerija massimu ta’ mill-inqas tliet snin.

    (d)

    ir-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(1), il-punti (d) sa (g), u l-punt (i), ikunu punibbli b’terminu ta’ priġunerija massimu ta’ mill-inqas ħames snin meta dawk ir-reati kriminali jinvolvu oġġetti, servizzi, tranżazzjonijiet jew attivitajiet ta’ valur ta’ mill-inqas EUR 100 000 fid-data li fiha jitwettaq ir-reat;

    (e)

    meta r-reat kriminali kopert mill-Artikolu 3(1), il-punt (e), jinvolvi oġġetti inklużi fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea jew oġġetti b’użu doppju elenkati fl-Annessi I u IV għar-Regolament (UE) 2021/821, tali reat kriminali jkun punibbli b’terminu ta’ priġunerija massimu ta’ mill-inqas ħames snin irrispettivament mill-valur tal-oġġetti involuti.

    4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-limitu ta’ EUR 100 000 jew aktar jista’ jintlaħaq permezz ta’ serje ta’ reati koperti mill-Artikolu 3(1), il-punti (a), (b) u (d) sa (i), li jkunu marbuta u tal-istess tip, meta dawk ir-reati jitwettqu mill-istess trasgressur.

    5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni fiżiċi li jkunu wettqu r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jistgħu jkunu soġġetti għal pieni jew miżuri kriminali jew mhux kriminali aċċessorji li jistgħu jinkludu dan li ġej:

    (a)

    multi li jkunu proporzjonati għall-gravità tal-imġiba u għaċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u oħrajn tal-persuna fiżika kkonċernata;

    (b)

    l-irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet għall-eżerċitar ta’ attivitajiet li rriżultaw fir-reat kriminali rilevanti;

    (c)

    skwalifika mill-eżerċitar, fi ħdan persuna ġuridika, ta’ pożizzjoni ta’ tmexxija tal-istess tip użat għat-twettiq tar-reat kriminali;

    (d)

    projbizzjonijiet temporanji fuq il-kandidatura għal kariga pubblika;

    (e)

    meta jkun hemm interess pubbliku, wara valutazzjoni għal kull każ speċifiku, il-pubblikazzjoni tat-totalità jew ta’ parti tad-deċiżjoni ġudizzjarja relatata mar-reat kriminali mwettaq u l-pieni jew il-miżuri imposti, li tista’ tinkludi d-data personali tal-persuni kkundannati f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati biss.

    Artikolu 6

    Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 meta tali reati jkunu twettqu għall-benefiċċju ta’ dawk il-persuni ġuridiċi minn kwalunkwe persuna li jew taġixxi individwalment jew bħala parti minn korp ta’ dik il-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta’:

    (a)

    setgħa ta’ rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

    (b)

    awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew

    (c)

    awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għan-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll minn xi persuna msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li tkun ippermettiet it-twettiq minn persuna taħt l-awtorità tagħha ta’ reat kriminali msemmi fl-Artikoli 3 u 4 għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna ġuridika.

    3.   Ir-responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra l-persuni fiżiċi li jikkommettu, jinċitaw jew ikunu aċċessorji fir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4.

    Artikolu 7

    Penali għall-persuni ġuridiċi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 6 tkun punibbli b’pieni jew miżuri kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi jew b’penali jew miżuri mhux kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu pieni jew miżuri oħra kriminali jew penali jew miżuri oħra mhux kriminali, bħal:

    (a)

    l-esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji pubbliċi jew għall-għajnuna pubblika;

    (b)

    l-esklużjoni mill-aċċess għal finanzjament pubbliku, inklużi proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, għotjiet u konċessjonijiet;

    (c)

    l-iskwalifika mill-prattika ta’ attivitajiet ta’ negozju;

    (d)

    l-irtirar ta’ permessi u awtorizzazzjonijiet għall-eżerċitar ta’ attivitajiet li rriżultaw fir-reat kriminali rilevanti;

    (e)

    it-tqegħid taħt is-sorveljanza ġudizzjarja;

    (f)

    l-istralċ ġudizzjarju;

    (g)

    l-għeluq ta’ stabbilimenti li jkunu ntużaw biex jitwettaq ir-reat kriminali;

    (h)

    meta jkun hemm interess pubbliku, il-pubblikazzjoni tat-totalità jew ta’ parti tad-deċiżjoni ġudizzjarja relatata mar-reat kriminali mwettaq u l-pieni jew il-miżuri imposti, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 6 għar-reati kriminali msemmija fl-Artikolu 3(1) tkun punibbli b’multi kriminali jew mhux kriminali, li l-ammont tagħhom għandu jkun proporzjonat mal-gravità tal-imġiba u għaċ-ċirkostanzi individwali, finanzjarji u oħrajn tal-persuna ġuridika kkonċernata. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-livell massimu ta’ tali multi ma jkunx inqas minn:

    (a)

    għar-reati kriminali koperti mill-Artikolu 3(1), il-punti (h)(iii) u (iv):

    (i)

    1 % tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika, jew fis-sena finanzjara ta’ qabel dik li fiha jkun twettaq ir-reat, jew inkella fis-sena finanzjarja ta’ qabel id-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa, jew

    (ii)

    ammont li jikkorrispondi għal EUR 8 000 000;

    (b)

    għar-reati kriminali koperti mill-Artikolu (3)(1), il-punti (a) sa (g), il-punti (h)(i) u (ii), u l-punt (i):

    (i)

    5 % tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika, jew fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik li fiha jkun twettaq ir-reat, jew inkella fis-sena finanzjarja ta’ qabel id-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa, jew

    (ii)

    ammont li jikkorrispondi għal EUR 40 000 000.

    L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli għall-każijiet fejn ma jkunx possibbli li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-fatturat dinji totali tal-persuna ġuridika fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik li fiha jkun twettaq ir-reat, jew fis-sena finanzjarja ta’ qabel id-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa.

    Artikolu 8

    Ċirkostanzi aggravanti

    Sal-punt li ċ-ċirkostanzi li ġejjin ma jkunux jifformaw parti mill-elementi li jikkostitwixxu r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala ċirkostanza aggravanti:

    (a)

    ir-reat ikun twettaq fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI;

    (b)

    ir-reat kien jinvolvi l-użu ta’ dokumenti foloz jew falsifikati min-naħa tat-trasgressur;

    (c)

    ir-reat ikun twettaq minn fornitur ta’ servizz professjonali bi ksur tal-obbligi professjonali ta’ tali fornitur ta’ servizz professjonali;

    (d)

    ir-reat ikun twettaq minn uffiċjal pubbliku waqt it-twettiq ta’ dmirijietu jew minn persuna oħra fit-twettiq ta’ funzjoni pubblika;

    (e)

    ir-reat ikun iġġenera jew kien mistenni li jiġġenera benefiċċji finanzjarji sostanzjali, jew ikun evita spejjeż sostanzjali, direttament jew indirettament, sal-punt li tali benefiċċji jew spejjeż ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

    (f)

    it-trasgressur ikun qered l-evidenza, jew intimida xhieda jew ilmentaturi;

    (g)

    il-persuna fiżika jew ġuridika kienet preċedentement ġiet ikkundannata minn sentenza finali ta’ reati koperti mill-Artikoli 3 u 4.

    Artikolu 9

    Ċirkostanzi mitiganti

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward tar-reati kriminali rilevanti msemmija fl-Artikoli 3 u 4, waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin jistgħu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jitqiesu bħala ċirkostanza mitiganti:

    (a)

    it-trasgressur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni li kieku ma kinux ikunu jistgħu jiksbu b’mod ieħor, u b’hekk jgħinhom jidentifikaw jew iressqu quddiem il-ġustizzja lit-trasgressuri l-oħrajn;

    (b)

    it-trasgressur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti b’informazzjoni li kieku ma kinux ikunu jistgħu jiksbu b’mod ieħor, u b’hekk jgħinhom isibu l-evidenza.

    Artikolu 10

    Iffriżar u konfiska

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-iffriżar u l-konfiska tal-mezzi strumentali u tar-rikavat mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4. L-Istati Membri marbutin bid-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa f’konformità ma’ dik id-Direttiva.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-iffriżar u l-konfiska ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi soġġetti għal miżuri restrittivi tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom il-persuna fiżika deżinjata, jew ir-rappreżentant tal-entità jew tal-korp deżinjati, jikkommettu jew jipparteċipaw f’reat kopert mill-Artikolu 3(1), il-punti (h)(i) jew (ii). L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa f’konformità mad-Direttiva 2014/42/UE.

    Artikolu 11

    Perjodi ta’ preskrizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevedu perjodu ta’ preskrizzjoni li jippermetti l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-proċess tar-reati kriminali u d-deċiżjoni dwarhom imsemmija fl-Artikoli 3 u 4 għal perjodu ta’ żmien suffiċjenti wara li jkunu twettqu dawk ir-reati kriminali, sabiex dawk ir-reati kriminali jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv.

    2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ mill-inqas ħames snin minn meta jkun twettaq reat kriminali punibbli b’terminu ta’ priġunerija massimu ta’ mill-inqas ħames snin.

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ mill-inqas ħames snin mid-data tas-sentenza finali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 li jippermetti l-infurzar tal-pieni li ġejjin imposti wara kundanna:

    (a)

    piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn sena; jew

    (b)

    piena ta’ priġunerija għal reat kriminali punibbli b’terminu ta’ priġunerija massimu ta’ mill-inqas ħames snin.

    4.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu ta’ preskrizzjoni li jkun iqsar minn ħames snin, iżda mhux iqsar minn tliet snin, dment li tali perjodu ta’ preskrizzjoni jkun jista’ jiġi interrott jew sospiż f’każ ta’ atti speċifikati.

    Artikolu 12

    Ġuriżdizzjoni

    1.   Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxi l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq ir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 meta:

    (a)

    ir-reat kriminali jkun twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu;

    (b)

    ir-reat kriminali jkun twettaq abbord vapur jew inġenju tal-ajru rreġistrat fl-Istat Membru kkonċernat jew li jtajjar il-bandiera tiegħu; jew

    (c)

    it-trasgressur ikun wieħed miċ-ċittadini tiegħu.

    2.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni meta jiddeċiedi li jestendi l-ġuriżdizzjoni tiegħu għal wieħed jew aktar mir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 li jkunu twettqu lil hinn mit-territorju tiegħu, meta:

    (a)

    it-trasgressur ikun resident abitwali fit-territorju tiegħu;

    (b)

    it-trasgressur huwa wieħed mill-uffiċjali tiegħu li jaġixxi fil-kariga uffiċjali tiegħu;

    (c)

    ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika li tkun stabbilita fit-territorju tiegħu; jew

    (d)

    ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta’ persuna ġuridika fir-rigward ta’ kwalunkwe negozju li jsir kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu.

    3.   Meta reat kriminali msemmi fl-Artikoli 3 u 4 jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawk l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jiddeterminaw liema Stat Membru għandu jmexxi l-proċedimenti kriminali. Fejn ikun xieraq, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Eurojust f’konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI (21).

    4.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni tagħhom ma jkunx soġġett għall-kundizzjoni li prosekuzzjoni tkun tista’ tinbeda biss wara li ssir denunzja mill-Istat tal-post fejn ikun twettaq ir-reat kriminali.

    Artikolu 13

    Għodod ta’ investigazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li għodod ta’ investigazzjoni effettivi u proporzjonati jkunu disponibbli wkoll għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4. Meta jkun xieraq, dawk l-għodod għandhom jinkludu għodod speċjali ta’ investigazzjoni, bħal dawk użati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jew f’każijiet serji oħra ta’ kriminalità.

    Artikolu 14

    Rapportar ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u l-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-Direttiva (UE) 2019/1937 hija applikabbli għar-rapportar ta’ ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-Direttiva u għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.

    Artikolu 15

    Koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru

    L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw, minn fost l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja, unità jew korp għall-iżgurar tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, fir-rigward tal-attivitajiet kriminali koperti minn din id-Direttiva.

    L-unità jew il-korp imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    l-iżgurar ta’ prijoritajiet komuni u l-fehim tar-relazzjoni bejn l-infurzar kriminali u l-infurzar amministrattiv;

    (b)

    l-iskambju ta’ informazzjoni għal finijiet strateġiċi, fil-limiti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli;

    (c)

    konsultazzjoni f’investigazzjonijiet individwali, fil-limiti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli.

    Artikolu 16

    Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, il-Kummissjoni, il-Europol, il-Eurojust u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

    1.   Meta jkun hemm suspett li r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 jkunu ta’ natura transfruntiera, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkunsidraw li jirreferu l-informazzjoni relatata ma’ dawk ir-reati kriminali lill-korpi kompetenti xierqa.

    Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kooperazzjoni transfruntiera u l-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali, l-Istati Membri, il-Europol, il-Eurojust, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Kummissjoni għandhom, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, jikkooperaw flimkien fil-ġlieda kontra r-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4. Għal dak il-għan, il-Europol u l-Eurojust għandhom, meta jkun xieraq, jipprovdu l-assistenza teknika u operazzjonali meħtieġa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet tagħhom.

    2.   Il-Kummissjoni tista’, meta meħtieġ, tistabbilixxi network ta’ esperti u prattikanti biex jikkondividu l-aħjar prattiki u, fejn xieraq, jipprovdu assistenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tiffaċilita l-investigazzjoni ta’ reati relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Dak in-network, meta xieraq, jista’ jipprovdi wkoll immappjar pubblikament disponibbli u aġġornat regolarment tar-riskji ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni f’żoni ġeografiċi speċifiċi, u fir-rigward ta’ setturi u attivitajiet speċifiċi.

    3.   Fejn il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tinvolvi kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi, dik il-kooperazzjoni għandha sseħħ b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-liġi internazzjonali.

    4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkondividu fuq bażi regolari u frekwenti informazzjoni dwar kwistjonijiet prattiċi, b’mod partikolari, mudelli ta’ ċirkomvenzjoni, bħal strutturi biex jaħbu s-sjieda benefiċjarja u l-kontroll tal-assi, mal-Kummissjoni u ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn.

    Artikolu 17

    Data statistika

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-forniment ta’ data statistika anonimizzata dwar l-istadji ta’ rapportar, investigattivi u ġudizzjarji fir-rigward tar-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4 sabiex tiġi mmonitorjata l-effettività tal-miżuri tagħhom fil-ġlieda kontra il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ rapportar stabbiliti f’atti legali oħra tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom, fuq bażi annwali, jissottomettu lill-Kummissjoni data statistika dwar ir-reati kriminali msemmija fl-Artikoli 3 u 4, li għandha, bħala minimu, tinkludi data eżistenti dwar:

    (a)

    l-għadd ta’ reati kriminali rreġistrati u deċiżi mill-Istati Membri;

    (b)

    l-għadd ta’ kawżi miċħuda fil-qorti, inkluż minħabba l-iskadenza tal-perjodu ta’ preskrizzjoni għar-reat kriminali kkonċernat;

    (c)

    l-għadd ta’ persuni fiżiċi li jkunu ġew:

    (i)

    soġġetti għal proċedimenti,

    (ii)

    ikkundannati;

    (d)

    l-għadd ta’ persuni ġuridiċi:

    (i)

    soġġetti għal proċedimenti,

    (ii)

    li fir-rigward tagħhom tkun ġiet imposta piena jew miżura kriminali jew penali jew miżura mhux kriminali;

    (e)

    it-tipi u l-livelli ta’ penali imposti.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi ppubblikat rieżami kkonsolidat tal-istatistika tagħhom mill-inqas kull tliet snin.

    Artikolu 18

    Emenda għad-Direttiva (UE) 2018/1673

    Fl-Artikolu 2(1), jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “(w)

    ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni.”.

    Artikolu 19

    Evalwazzjoni, rapportar u rieżami

    1.   Il-Kummissjoni, sal-20 ta’ Mejju 2027, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport.

    2.   Il-Kummissjoni, sal-20 ta’ Mejju 2030, għandha twettaq evalwazzjoni tal-impatt u l-effettività ta’ din id-Direttiva, filwaqt li tqis id-data statistika annwali pprovduta mill-Istati Membri, tindirizza l-ħtieġa li tiġi aġġornata l-lista ta’ reati kriminali relatati mal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport. Fejn ikun meħtieġ, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

    Artikolu 20

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-20 ta’ Mejju 2025. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 21

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 22

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ April 2024.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MICHEL


    (1)   ĠU L 308, 29.11.2022, p. 18.

    (2)   ĠU C 184, 25.5.2023, p. 59.

    (3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2024.

    (4)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).

    (5)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

    (6)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

    (7)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

    (8)   ĠU C 72, 28.2.2023, p. 2.

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).

    (10)  Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1).

    (11)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

    (12)  Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39).

    (13)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

    (14)  Id-Direttiva (UE) 2018/1673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 284, 12.11.2018, p. 22).

    (15)  Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1).

    (16)  Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1).

    (17)  Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1).

    (18)  Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1).

    (19)  Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1).

    (20)  Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).

    (21)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1226/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top