This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024L0790
Directive (EU) 2024/790 of the European Parliament and of the Council of 28 February 2024 amending Directive 2014/65/EU on markets in financial instruments (Text with EEA relevance)
Direttiva (UE) 2024/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Direttiva (UE) 2024/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/62/2023/REV/1
ĠU L, 2024/790, 8.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/790/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/790 |
8.3.2024 |
DIRETTIVA (UE) 2024/790 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-28 ta’ Frar 2024
li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkonsultaw lill-Bank Ċentrali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),
Billi:
(1) |
Fil-komunikazzjoni tagħha tal-24 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta’ azzjoni ġdid” (“Pjan ta’ Azzjoni għas-CMU), il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tressaq proposta leġiżlattiva sabiex toħloq fluss kontinwu ta’ data elettronika diretta, li kien maħsub sabiex jipprovdi stampa komprensiva tal-prezzijiet u tal-volum tal-istrumenti finanzjarji ta’ ekwità u tal-istrumenti finanzjarji simili għal ekwità nnegozjati fl-Unjoni kollha fiċ-ċentri ta’ negozjar (“tape konsolidat”). Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-2 ta’ Diċembru 2020, dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għas-CMU tal-Kummissjoni, il-Kunsill ħeġġeġ lill-Kummissjoni tistimola aktar attività ta’ investiment fl-Unjoni bil-għan li ssaħħaħ id-disponibbiltà u t-trasparenza tad-data billi tkompli tivvaluta l-mod kif għandhom jiġu indirizzati l-ostakli għall-istabbiliment ta’ tape konsolidat fl-Unjoni. |
(2) |
Fil-komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Jannar 2021 bit-titolu “Is-sistema ekonomika u finanzjarja Ewropea: it-trawwim tal-ftuħ, tas-saħħa u tar-reżiljenza”, il-Kummissjoni kkonfermat l-intenzjoni tagħha li ttejjeb, tissimplifika u tarmonizza aktar il-qafas tat-trasparenza tas-swieq tat-titoli, bħala parti mir-rieżami tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Bħala parti mill-isforzi sabiex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, il-Kummissjoni ħabbret ukoll li tali riforma tkun tinkludi t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ tape konsolidat, b’mod partikolari għall-ħruġ ta’ bonds korporattivi sabiex jiżdied in-negozjar sekondarju fi strumenti ta’ dejn denominati f’euro. |
(3) |
B’mod parallel mar-rieżami tad-Direttiva 2014/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 huwa emendat bir-Regolament (UE) 2024/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jneħħi l-ostakli prinċipali li impedew il-ħolqien ta’ tape konsolidat. Dak ir-Regolament jintroduċi kontributi obbligatorji tad-data lill-fornitur tat-tape konsolidat u jtejjeb il-kwalità tad-data billi, fost l-oħrajn, jarmonizza s-sinkronizzazzjoni tal-arloġġi tan-negozju. Apparti dan, huwa jintroduċi titjib fl-obbligi tan-negozjar u l-projbizzjoni tal-prattika li jiġi riċevut pagamenti biex jiġu eżegwiti ordnijiet minn ċerti klijenti f’post tat-twettiq partikolari jew biex jiġu trażmessi ordnijiet ta’ dawk il-klijenti lil kwalunkwe parti terza għall-eżekuzzjoni tagħhom f’post tat-twettiq partikolari (“pagament għall-fluss tal-ordnijiet”). Peress li d-Direttiva 2014/65/UE fiha wkoll dispożizzjonijiet relatati mat-tape konsolidat u mat-trasparenza, l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jenħtieġ li jiġu riflessi fid-Direttiva 2014/65/UE. |
(4) |
L-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2014/65/UE jirrikjedi li s-sistemi u l-faċilitajiet, li fihom, diversi interessi kummerċjali ta’ xiri u bejgħ ta’ partijiet terzi fi strumenti finanzjarji jkunu jistgħu jinteraġixxu (“sistemi multilaterali”), joperaw f’konformità mar-rekwiżiti li jikkonċernaw swieq regolati, faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTFs) jew faċilitajiet organizzati tan-negozjar (OTFs). Madankollu, il-prattika tas-suq, kif murija mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fir-rapport finali tagħha tat-23 ta’ Marzu 2021 dwar il-funzjonament tal-faċilitajiet organizzati tan-negozjar, uriet li l-prinċipju ta’ attività multilaterali tan-negozjar li teħtieġ awtorizzazzjoni ma ġiex irrispettat fl-Unjoni, li wassal għal kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn is-sistemi multilaterali li huma awtorizzati bħala suq regolat, MTF jew OTF u sistemi multilaterali li mhumiex awtorizzati bħala tali. Barra minn hekk, dik is-sitwazzjoni ħolqot inċertezza legali għal ċerti parteċipanti fis-suq fir-rigward tal-aspettattivi regolatorji għal sistemi multilaterali bħal dawn. Sabiex il-parteċipanti fis-suq jingħataw ċarezza, jiġu salvagwardjati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-rekwiżit li s-sistemi ibridi jwettqu biss attivitajiet multilaterali tan-negozjar fejn ikunu awtorizzati bħala suq regolat, MTF jew OTF, il-kontenut tal-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2014/65/UE jenħtieġ li jiġi ttrasferit mid-Direttiva 2014/65/UE għar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Minħabba t-tneħħija ta’ sistemi multilaterali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(7) tad-Direttiva 2014/65/UE u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, huwa wkoll xieraq li d-definizzjoni ta’ “sistema multilaterali” titqiegħed f’dak ir-Regolament. |
(5) |
L-Artikolu 2(1), il-punt (d)(ii), tad-Direttiva 2014/65/UE, jeżenta lill-persuni li jinnegozjaw f’isimhom stess mir-rekwiżit li jiġu awtorizzati bħala ditta tal-investiment jew istituzzjoni ta’ kreditu, sakemm dawk il-persuni ma jkunux membri ta’ suq irregolat jew MTF, jew parteċipanti fihom, jew ma jkollhomx aċċess elettroniku dirett għal ċentru ta’ negozjar. Entitajiet mhux finanzjarji li huma membri ta’suq regolat jew MTF, jew parteċipanti fihom, għall-fini tal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet fir-rigward tal-ġestjoni tal-likwidità jew għall-fini li jitnaqqsu r-riskji direttament relatati mal-attività kummerċjali jew l-attività ta’ finanzjament tat-teżor jenħtieġ li ma jkollhomx l-obbligu li jkunu awtorizzati bħala ditta tal-investiment, peress li tali rekwiżit ikun sproporzjonat. Fir-rigward tal-aċċess elettroniku dirett għal ċentru ta’ negozjar, l-Artikolu 17(5) u l-Artikolu 48(7) tad-Direttiva 2014/65/UE jirrikjedu li l-fornituri tal-aċċess elettroniku dirett ikunu ditti tal-investiment jew istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati. Id-ditti tal-investiment jew l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu aċċess elettroniku dirett huma responsabbli sabiex jiżguraw li l-klijenti tagħhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17(5) u l-Artikolu 48(7) tad-Direttiva 2014/65/UE. Din il-funzjoni ta’ gwardjan hija effettiva u permezz tagħha l-klijenti tal-fornituri ta’ aċċess elettroniku dirett, inklużi persuni li jinnegozjaw f’isimhom stess, ma jkunux meħtieġa li jsiru soġġetti għad-Direttiva 2014/65/UE. Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ dan ir-rekwiżit tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn, minn naħa, persuni stabbiliti fl-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, persuni stabbiliti f’pajjiż terz li jaċċessaw iċ-ċentri tal-Unjoni permezz ta’ aċċess elettroniku dirett, li għalihom id-Direttiva 2014/65/UE ma tirrikjedix awtorizzazzjoni. |
(6) |
L-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2014/65/UE jirrikjedi li l-MTFs u l-OTFs ikollhom mill-inqas tliet membri jew utenti materjalment attivi. Dak ir-rekwiżit jenħtieġ li japplika għas-sistemi multilaterali kollha. Għalhekk, dak ir-rekwiżit jenħtieġ li jiġi estiż għas-swieq regolati. |
(7) |
Id-Direttiva 2014/65/UE tipprevedi li ditta tal-investiment għandha tiġi kkunsidrata li tkun internalizzatur sistematiku biss meta titqies li tkun wettqet l-attivitajiet tagħha fuq bażi organizzata, frekwenti, sistematika u sostanzjali jew meta tagħżel li tieħu sehem fir-reġim ta’ internalizzatur sistematiku. Bażi frekwenti, sistematika u sostanzjali hija determinata minn kriterji kwantitattivi. Dan wassal għal piż eċċessiv għad-ditti tal-investiment li huma meħtieġa jwettqu l-valutazzjoni, u għall-ESMA, li hija meħtieġa tippubblika data għall-finijiet tal-valutazzjoni. Il-valutazzjoni abbażi ta’ dawk il-kriterji jenħtieġ li għalhekk tiġi sostitwita b’valutazzjoni kwalitattiva. Filwaqt li jitqies li r-Regolament (UE) Nru 600/2014 huwa emendat biex jeskludi l-internalizzaturi sistematiċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel in-negozjar għal strumenti mhux ta’ ekwità, il-valutazzjoni kwalitattiva tal-internalizzaturi sistematiċi jenħtieġ li tapplika biss għal strumenti ta’ ekwità. Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli għal ditta tal-investiment li tagħżel li ssir internalizzatur sistematiku għal strumenti mhux ta’ ekwità. |
(8) |
L-Artikolu 27(3) u (6) tad-Direttiva 2014/65/UE fih ir-rekwiżit sabiex iċ-ċentri ta’ eżekuzzjoni jippubblikaw rapporti b’lista ta’ dettalji relatati mal-obbligu li jeżegwixxu ordnijiet fl-aktar termini favorevoli għall-klijent (“l-aħjar eżekuzzjoni”). Evidenza u feedback mill-partijiet ikkonċernati wrew li dawk ir-rapporti rari jinqraw u ma jippermettux lill-investituri u lil utent oħrajn ta’ dawk ir-rapporti jagħmlu tqabbil sinifikanti abbażi tal-informazzjoni pprovduta fihom. B’konsegwenza ta’ dan, id-Direttiva (UE) 2021/338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) issospendiet ir-rekwiżit ta’ rapportar skont l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2014/65/UE għal sentejn sabiex dak ir-rekwiżit jiġi rieżaminat. Ir-Regolament (UE) 2024/791 emenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 sabiex jitneħħew l-ostakli li impedew il-ħolqien ta’ tape konsolidat. Id-data li t-tape konsolidat huwa mistenni li jiddissemina hija l-aħjar talba u offerta fil-livell Ewropew, informazzjoni ta’ qabel in-negozjar rigward it-tranżazzjonijiet fl-ishma u l-fondi negozjati fil-borża (ETFs) u informazzjoni ta’ wara n-negozjar rigward it-tranżazzjonijiet f’bonds u derivattivi ta’ barra l-borża (OTC). Dik l-informazzjoni tista’ tintuża sabiex tingħata prova tal-aħjar eżekuzzjoni. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ rapportar stabbilit fl-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2014/65/UE mhux se jibqa’ rilevanti u għalhekk jenħtieġ li jitneħħa. |
(9) |
L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/65/UE fih ukoll dispożizzjonijiet aktar ġenerali relatati mal-aħjar eżekuzzjoni. Madankollu, interpretazzjonijiet differenti ta’ dak l-Artikolu mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali wasslu għal approċċi diverġenti biex jiġu applikati r-rekwiżiti tal-aħjar eżekuzzjoni u għas-superviżjoni tal-prattika tas-swieq. Dik id-diverġenza hija partikolarment evidenti fil-modi differenti li bihom huma rregolati madwar l-Unjoni l-prattiki relatati mar-riċeviment ta’ pagament għall-fluss tal-ordnijiet. Ir-Regolament (UE) 2024/791 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 jipprojbixxi lid-ditti tal-investiment milli jirċievu tali pagamenti madwar l-Unjoni. Madankollu, il-feedback mir-regolaturi u mill-partijiet ikkonċernati wera li r-rekwiżiti tal-aħjar eżekuzzjoni għall-klijenti professjonali jistgħu jibbenefikaw ukoll minn kjarifika ulterjuri. Għalhekk, jenħtieġ li l-ESMA tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji li jridu jiġu kkunsidrati għall-fini li tiġi stabbilita u vvalutata l-effikaċja tal-politika tat-twettiq tal-ordnijiet skont l-Artikolu 27(5) u (7) tad-Direttiva 2014/65/UE,, u tqis id-differenza bejn il-klijenti mhux professjonali u dawk professjonali. |
(10) |
Il-funzjonament korrett ta’ tape konsolidat jiddependi fuq il-kwalità tad-data li jirċievi l-fornitur tat-tape konsolidat. Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kwalità tad-data li l-kontributuri għat-tape konsolidat jenħtieġ li jaderixxu magħhom. Sabiex jiġi żgurat li d-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq li joperaw MTF jew OTF, u swieq regolati, jissodisfaw b’mod effettiv dawk ir-rekwiżiti, l-Istati Membri jenħtieġ li jirrikjedu li tali ditti tal-investiment, operaturi tas-suq u swieq regolati jkollhom l-arranġamenti meħtieġa fis-seħħ sabiex jagħmlu dan. |
(11) |
Ir-riċevuta ta’ data ta’ kwalità għolja hija tal-akbar importanza għall-funzjonament tat-tape konsolidat u tas-suq intern u tirrikjedi li l-kontributuri kollha tad-data u l-fornitur tat-tape konsolidat jagħtu kronogramma lid-data tagħhom b’mod sinkronizzat u b’hekk jissinkronizzaw l-arloġġi tan-negozju tagħhom. Ir-Regolament (UE) 2024/791 għalhekk jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 sabiex jestendi dak ir-rekwiżit, li skont id-Direttiva 2014/65/UE japplika biss għaċ-ċentri ta’ negozjar u għall-membri, il-parteċipanti jew l-utenti tagħhom, għall-internalizzaturi sistematiċi, għall-entitajiet tal-pubblikazzjoni deżinjati, għall-arranġamenti tal-pubblikazzjoni approvati u għall-fornituri tat-tape konsolidat. Peress li dak ir-rekwiżit issa huwa stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 600/2014, jista’ jitneħħa mid-Direttiva 2014/65/UE. |
(12) |
Fi ħdan il-qafas li jirregola s-swieq tal-Unjoni fl-istrumenti finanzjarji, ħafna rekwiżiti sostantivi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 huma sorveljati, u s-sanzjonijiet u l-miżuri huma imposti, fil-livell nazzjonali, f’konformità mal-Artikoli 69 u 70 tad-Direttiva 2014/65/UE. Ir-Regolament (UE) 2024/791 jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 sabiex jinkludi regoli ġodda dwar il-mekkaniżmu tal-limitu massimu tal-volum, dwar il-kontribuzzjonijiet obbligatorji tad-data għall-fornitur tat-tape konsolidat, dwar l-istandards tal-kwalità tad-data li għalihom huma soġġetti il-kontributuri u dwar il-projbizzjoni li jiġi riċevut pagament għall-fluss tal-ordnijiet. Peress li l-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli mis-superviżjoni tal-entitajiet rilevanti, dawk ir-rekwiżiti sostantivi l-ġodda jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista fid-Direttiva 2014/65/UE tad-dispożizzjonijiet li għalihom l-Istati Membri għandhom jipprevedu sanzjonijiet fil-livell nazzjonali. |
(13) |
Id-Direttiva 2014/65/UE fiha regoli li jirrikjedu li ċ-ċentri ta’ negozjar jimplimentaw mekkaniżmi mfassla biex jillimitaw il-volatilità eċċessiva fis-swieq, b’mod partikolari waqfien fin-negozjar u parametri tal-prezzijiet. Madankollu, iċ-ċirkostanzi estremi li għaddew minnhom is-swieq għad-derivattivi tal-enerġija u għad-derivattivi ta’ komoditajiet matul il-kriżi tal-enerġija tal-2022 wasslu għal skrutinju ulterjuri ta’ dawk il-mekkaniżmi u wrew li hemm nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-attivazzjoni ta’ dawk il-mekkaniżmi miċ-ċentri ta’ negozjar rilevanti fl-Unjoni, kif enfasizzat fit-tweġiba tal-ESMA tat-22 ta’ Settembru 2022 għas-sejħa tal-Kummissjoni għal parir biex tiġi indirizzata l-volatilità eċċessiva fis-swieq għad-derivattivi tal-enerġija. Il-parteċipanti fis-suq jibbenefikaw minn aktar informazzjoni u aktar trasparenza dwar iċ-ċirkostanzi li jwasslu biex jitwaqqaf jew jiġi ristrett in-negozjar u dwar il-prinċipji li s-swieq regolati għandhom jikkunsidraw biex jiġu stabbiliti l-parametri tekniċi ewlenin biex jitwaqqaf jew jiġi ristrett in-negozjar. L-ESMA jenħtieġ li tistabbilixxi, permezz ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, il-prinċipji li s-swieq regolati għandhom jikkunsidraw biex jiġu stabbiliti l-parametri tekniċi ewlenin biex jitwaqqaf jew jiġi ristrett in-negozjar. Minħabba l-importanza li jiġi żgurat negozjar ordinat, is-swieq regolati jenħtieġ li jżommu diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward ta’ liema mekkaniżmi jużaw u liema parametri jistabbilixxu għal dawk il-mekkaniżmi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimmonitorjaw bir-reqqa l-użu ta’ dawk il-mekkaniżmi miċ-ċentri ta’ negozjar u jagħmlu użu mis-setgħat superviżorji tagħhom fejn xieraq. |
(14) |
Wara l-kriżi tal-enerġija tal-2022 u l-appelli għall-marġni u l-volatilità estrema ogħla u aktar frekwenti li rriżultaw, hija ġġustifikata valutazzjoni komprensiva tal-adegwatezza tal-qafas globali għas-swieq għad-derivattivi ta’ komoditajiet, għas-swieq għall-kwoti tal-emissjonijiet u għas-swieq għad-derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Tali valutazzjoni jenħtieġ li jkollha fokus strateġiku u tqis il-likwidità u l-funzjonament xieraq tas-swieq għad-derivattivi ta’ komoditajiet, għall-kwoti tal-emissjonijiet u għad-derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-Unjoni biex jiġi żgurat li l-qafas li jirregola dawk is-swieq ikun adattat għall-iskop tiegħu sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tal-enerġija u jiġu żgurati s-sigurtà tal-ikel u l-kapaċità tas-swieq li jifilħu għal xokkijiet esterni. Fit-twettiq tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ukoll il-fatt li s-swieq għad-derivattivi ta’ komoditajiet għandhom rwol importanti biex jiżguraw li l-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jiġġestixxu b’mod xieraq ir-riskji li joħorġu mill-attivitajiet ta’ negozju tagħhom,, u li huwa verament importanti li jiġu stabbiliti l-parametri t-tajba sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha swieq għad-derivattivi ta’ komoditajiet likwidi kompetittivi li jiżguraw l-awtonomija strateġika miftuħa tal-Unjoni u t-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Meta tqis dawk l-objettivi, il-Kummissjoni jenħtieġ li, l-ewwel, tivvaluta jekk ir-reġimi għal-limiti ta’ pożizzjoni u l-kontrolli tal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet wasslux għall-prevenzjoni tal-abbuż tas-suq u l-appoġġ għal kundizzjonijiet ordinati ta’ pprezzar u saldu. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tistabbilixxi wkoll sa liema punt is-swieq għad-derivattivi tal-enerġija li għadhom jibdew setgħu jiżviluppaw fl-Unjoni. It-tieni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-kriterji biex jiġi stabbilit meta attività għandha titqies bħala anċillari għan-negozju ewlieni fil-livell ta’ grupp, filwaqt li tqis il-likwidità globali fis-swieq għad-derivattivi ta’ komoditajiet, għall-kwoti tal-emissjonijiet u għad-derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet, u tqis il-funzjonament ordinat tagħhom. Il-kumpaniji tal-enerġija qed jassumu dejjem aktar ir-rwol ta’ ġeneraturi tas-suq fis-swieq għad-derivattivi tal-enerġija. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-impatt globali tal-eżenzjoni tal-attività anċillari billi tħares mhux biss lejn l-awtorizzazzjoni iżda wkoll lejn l-impatt tar-rekwiżiti prudenzjali kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u l-obbligi tal-ikklerjar, tal-proviżjonament ta’ marġni u tal-kollateralizzazzjoni kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). It-tielet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta sa liema punt id-data ta’ tranżazzjonijiet fis-swieq għad-derivattivi ta’ komoditajiet jew għad-derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet tista’ tinġabar f’entità tal-ġbir unika u armonizzata mar-Regolamenti (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-għadd ta’ oqsma tad-data, il-format, it-teknoloġiji tas-sottomissjoni, il-proċessi ta’ rikonoxximent tekniku u r-riċevituri tad-data. L-entità tal-ġbir unika tista’ tkun il-fornitur ta’ tape konsolidat għad-derivattivi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta liema data tat-tranżazzjonijiet tkun rilevanti għall-pubbliku u kif dik id-data tat-tranżazzjonijiet tiġi disseminata bl-aħjar mod. |
(15) |
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji żviluppat mill-ESMA fir-rigward ta’: il-kriterji li għandhom jitqiesu fl-istabbiliment u l-valutazzjoni tal-effikaċja tal-politika tat-twettiq tal-ordnijiet; il-prinċipji li s-swieq regolati għandhom jikkunsidraw meta jistabbilixxu l-mekkaniżmi tagħhom biex iwaqqfu jew jirrestrinġu l-kummerċ; u l-informazzjoni li s-swieq regolati għandhom jiżvelaw dwar iċ-ċirkostanzi li jwasslu biex in-negozjar jitwaqqaf jew jiġi ristrett, inklużi l-parametri għat-twaqqif tan-negozjar li s-swieq regolati għandhom jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. |
(16) |
Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li ttejjeb it-trasparenza tas-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li ssaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tas-swieq kapitali tal-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(17) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2014/65/UE tiġi emendata kif xieraq, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE
Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:
(1) |
fl-Artikolu 1, il-paragrafu 7 huwa mħassar. |
(2) |
fl-Artikolu 2(1), il-punt (d), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
(3) |
fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
|
(4) |
L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:
|
(5) |
fl-Artikolu 31(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej: “L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li ditti tal-investiment u operaturi tas-suq li joperaw MTF jew OTF ikollhom arranġamenti fis-seħħ sabiex jiżguraw li jissodisfaw l-istandards tal-kwalità tad-data kif stabbilit fl-Artikolu 22b tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.”; |
(6) |
fl-Artikolu 47(1), jiżdiedu l-punti li ġejjin:
|
(7) |
L-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:
|
(8) |
fl-Artikolu 49(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej: “Fir-rigward ta’ ishma b’Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN) maħruġ barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), jew ishma li jkollhom ISIN taż-ŻEE u li huma nnegozjati f’ċentru ta’ pajjiż terz fil-munita lokali jew f’munita mhux taż-ŻEE, kif imsemmi fl-Artikolu 23(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li għalihom iċ-ċentru li huwa l-aktar suq rilevanti f’termini ta’ likwidità jkun f’pajjiż terz, swieq regolati jistgħu jipprevedu l-istess fluttwazzjoni minima fil-prezzijiet li tkun tapplika f’dak iċ-ċentru.”; |
(9) |
L-Artikolu 50 huwa mħassar. |
(10) |
l-Artikolu 57 huwa emendat kif ġej:
|
(11) |
l-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej:
|
(12) |
l-Artikolu 70(3) huwa emendat kif ġej:
|
(13) |
fl-Artikolu 90, jiżdied il-paragrafu li ġej: “5. Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-ESMA, lill-EBA u lill-ACER, tissottometti rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jkun fihom valutazzjoni komprensiva tas-swieq għad-derivattivi ta’ komoditajiet, għall-kwoti tal-emissjonijiet u għad-derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Dawk ir-rapporti għandhom jivvalutaw mill-anqas għal kull wieħed mill-elementi li ġejjin il-kontribut tagħhom għal-likwidità u l-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-Unjoni għad-derivattivi ta’ komoditajiet, għall-kwoti tal-emissjonijiet jew għad-derivattivi ta’ kwoti tal-emissjonijiet:
(*1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1833 tal-14 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika l-kriterji biex jiġi stabbilit meta attività għandha titqies bħala anċillari għan-negozju ewlieni fil-livell ta’ grupp (ĠU L 372, 20.10.2021, p. 1).”." |
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sad-29 ta’ Settembru 2025. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew jinkludu referenza għalija meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, it-28 ta’ Frar 2024.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
R. METSOLA
Għall-Kunsill
Il-President
M. MICHEL
(1) Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2024.
(2) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(4) Ir-Regolament (UE) 2024/791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 600/2014 fir-rigward tat-tisħiħ tat-trasparenza tad-data, it-tneħħija tal-ostakli għall-ħolqien ta’ tapes konsolidati, l-ottimizzazzjoni tal-obbligi tan-negozjar u l-projbizzjoni li jiġi riċevut pagament għall-fluss tal-ordnijiet tal-klijenti (ĠU L, 2024/791, 8.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/791/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84)
(6) Id-Direttiva (UE) 2021/338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2021 li temenda d-Direttiva 2014/65/UE fir-rigward ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni, governanza tal-prodotti u limiti ta’ pożizzjoni, u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/878 fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għad-ditti tal-investiment, għas-sostenn tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 68, 26.2.2021, p. 14).
(7) Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/790/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)