This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D2010
Council Decision (CFSP) 2024/2010 of 22 July 2024 on an assistance measure under the European Peace Facility to support the Armed Forces of the Republic of Armenia
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2010 tat-22 ta’ Lulju 2024 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2010 tat-22 ta’ Lulju 2024 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja
ST/7998/2024/INIT
ĠU L, 2024/2010, 23.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2010/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2010 |
23.7.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2010
tat-22 ta’ Lulju 2024
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu prevenuti l-kunflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
L-Istrateġija Globali tal-2016 għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi l-objettivi li jikkonsistu fit-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża, fl-investiment fir-reżiljenza tal-Istati u s-soċjetajiet lejn il-Lvant tal-Unjoni, fl-iżvilupp ta’ approċċ integrat għall-konflitti u l-kriżijiet, fil-promozzjoni u fl-appoġġ ta’ ordnijiet reġjonali ta’ kooperazzjoni, u fit-tisħiħ ta’ governanza globali bbażata fuq id-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. |
|
(3) |
Fil-21 ta’ Marzu 2022, l-Unjoni approvat il-Boxxla Strateġika, bl-objettiv li ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, inkluż permezz tal-użu akbar tal-EPF b’appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ difiża tas-sħab. |
|
(4) |
L-Unjoni hija impenjata li ssaħħaħ is-sħubija politika u ekonomika komprensiva u l-kooperazzjoni mar-Repubblika tal-Armenja, abbażi tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Sħubija Msaħħaħ”), u li tippromwovi l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet politiċi mill-qrib. Skont l-Artikolu 5(1) tal-Ftehim ta’ Sħubija Msaħħaħ, l-Unjoni u r-Repubblika tal-Armenja għandhom jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà, inkluż il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK), u għandhom jindirizzaw b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ prevenzjoni tal-kunflitti u l-immaniġġar tal-kriżijiet, it-tnaqqis tar-riskju, iċ-ċibersigurtà, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-istabbiltà reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u l-kontroll tal-esportazzjoni. |
|
(5) |
L-Unjoni tirrikonoxxi l-intenzjoni tar-Repubblika tal-Armenja li tikkontribwixxi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-Unjoni fil-futur u tilqa’ t-talba formali tar-Repubblika tal-Armenja ta Novembru 2023 biex jinbdew negozjati għal ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tagħha f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet. |
|
(6) |
Fit-30 ta’ Jannar 2024, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċieva talba mir-Repubblika tal-Armenja biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja fl-akkwist ta’ tagħmir ewlieni biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-unitajiet ta’ loġistika u tal-unitajiet mediċi militari tagħha. |
|
(7) |
Il-miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari tal-konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat fl-ambitu tal-EPF. |
|
(8) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Twaqqif, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. B’dan hija stabbilita miżura ta’ assistenza għall-benefiċċju tar-Repubblika tal-Armenja (“il-benefiċjarju”) li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-“miżura ta’ assistenza”).
2. L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja sabiex jissaħħu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza nazzjonali fis-settur tad-difiża, f’konformità mal-politika ġenerali tal-Unjoni dwar ir-Repubblika tal-Armenja; |
|
(b) |
li tippermetti l-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja jtejbu l-effettività operazzjonali, jaċċelleraw il-konformità mal-istandards tal-Unjoni u l-interoperabbiltà, u b’hekk jipproteġu aħjar lill-persuni ċivili fi kriżijiet u emerġenzi; |
|
(c) |
li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Armenja fir-rigward tal-parteċipazzjoni futura tagħha f’missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-PSDK tal-Unjoni. |
3. Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja tagħmir ta’ loġistika li mhux maħsub li jwassal forza letali, jiġifieri kapaċità ta’ kamp mobbli fuq il-post għal unità b’daqs ta’ battaljun, inkluż faċilità ta’ trattament mediku role-1.
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, fejn meħtieġ.
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 30 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 10 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità ta’ dan tal-aħħar mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni, bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati tal-Armenja appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
użu xieraq u effiċjenti ta’ kwalunkwe assi fornuti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew fornuti; |
|
(c) |
manutenzjoni suffiċjenti ta’ kwalunkwe assi fornuti taħt il-miżura ta’ assistenza biex tiġi żgurata l-utilizzabbiltà u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li kwalunkwe assi fornuti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilfux, u fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom ma jiġux ittrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq iffinanzjat taħt l-EPF, u mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) ta’ din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza, inkluż permezz ta’ arranġamenti amministrattivi skont l-Artikolu 37 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi għarfien tal-kuntest u r-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati tar-Repubblika tal-Armenja appoġġati skont il-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni ta’ tagħmir u provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rapport, li permezz tiegħu l-benefiċjarju għandu jirrapporta fuq bażi annwali dwar l-attivitajiet li jkunu saru bit-tagħmir, il-provisti u s-servizzi provduti skont il-miżura ta’ assistenza u fuq l-inventarju ta’ oġġetti deżinjati sakemm tali rapportar ma jitqisx aktar meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn malli jintalab dan, il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali malli titlesta l-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk din tkunx ikkontribwiet biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill- KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u l-infiq skont l-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).
(3) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2010/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)