EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D1175

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1175 tad-19 ta’ April 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

ST/7943/2024/INIT

ĠU L, 2024/1175, 19.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1175/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1175/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1175

19.4.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1175

tad-19 ta’ April 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1999 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-ksur u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

(2)

Fit-8 ta’ Diċembru 2020, fid-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), f’isem l-Unjoni Ewropea, dwar ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha affermaw mill-ġdid l-impenn qawwi tagħhom lejn il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem jenfasizza d-determinazzjoni tal-Unjoni li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fl-indirizzar ta’ ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Il-kisba tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd hija għan strateġiku tal-Unjoni. Ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem huwa valur fundamentali tal-Unjoni u tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha.

(3)

Fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2023, ir-Rappreżentant Għoli enfasizza t-tħassib tal-Unjoni dwar iż-żieda fil-vjolenza kontra l-Palestinjani minn abitanti ta’ insedjamenti estremisti fix-Xatt tal-Punent okkupat, li laħaq livelli mingħajr preċedent. L-Unjoni kompliet ittenni l-kundanna qawwija tagħha tal-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti u appellat għar-responsabbiltà. L-Unjoni appellat ukoll lil Iżrael biex jipprevjeni l-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti u biex jiżgura li l-awturi tar-reati jinżammu responsabbli. Mill-attakki terroristiċi tal-Ħamas kontra Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti żdiedet drastikament.

(4)

F’dak il-kuntest, jenħtieġ li erba’ persuni u żewġ entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ April 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L 410 I, 7.12.2020, p. 13.


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1999 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura A “Persuni fiżiċi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“106

Neria BEN PAZI

magħruf ukoll bħala Naria BEN FAZI

 

Data tat-twelid: 28.11.1993

Nazzjonalità: Iżraeljana

Sess: raġel

Numru tal-ID: 311509004

Neria Ben Pazi stabbilixxa erbgħa mill-aktar ċentri mbiegħda vjolenti fix-Xatt tal-Punent fl-2019.

Huwa wieħed mill-awturi ewlenin tal-ispostament furzat tal-komunità Bedwina ta’ Wadi Seeq viċin Ramallah. Neria Ben Pazi ilu akkużat mill-2021 li attakka ripetutament il-Palestinjani f’Wadi Seeq u f’Deir Jarir u l-azzjonijiet tiegħu ġew imqabbla mat-tortura.

Fit-12 ta’ Ottubru 2023, huwa pparteċipa f’attakk vjolenti f’Wadi Seeq, fejn Palestinjani ġew imsawta b’mod sever, manettati u fotografati bil-ħwejjeġ ta’ taħt. L-abitanti tal-insedjamenti għaddew l-urina fuqhom u tfew is-sigaretti fuqhom.

Għalhekk, huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-Palestinjani, inkluż it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

19.4.2024

107

Yinon LEVI

 

Data tat-twelid: 12.12.1992

Nazzjonalità: Iżraeljana

Sess: raġel

Numru tal-ID: 203807276

Yinon Levi ħa sehem f’diversi atti vjolenti kontra villaġġi ġirien mir-residenza tiegħu fl-insedjament illegali tal-isfruttament agrikolu ta’ Mitarim.

Dan jinkludi b’mod partikolari li kien jidħol għal għarrieda u jagħmel il-ħsara fi djar tal-familji Palestinjani, inkluż fil-preżenza tan-nisa u t-tfal, kif ukoll li kien jitlaq il-klieb fuq rgħajja Palestinjani biex jattakkawhom fiżikament filwaqt li jħalli l-merħla tiegħu tirgħa fuq l-artijiet privati tagħhom.

Għalhekk, huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem immirati lejn id-dritt għall-integrità fiżika u mentali, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja tal-Palestinjani, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

19.4.2024

108.

Meir Mordechai ETTINGER

מאיר אטינגר

(Ortografija bil-Lhudi)

Pożizzjoni(jiet): membru ta’ Hilltop Youth

Data tat-twelid: 4.10.1991

Post tat-twelid: Kiryat Moshe, Jerusalem, Israel

Nazzjonalità: Iżraeljana

Sess: raġel

Entità assoċjata: Hilltop Youth

Meir Ettinger huwa meqjus bħala figura ewlenija ta’ Hilltop Youth, grupp radikali taż-żgħażagħ li jikkonsisti minn membri magħrufa għal atti vjolenti kontra l-Palestinjani u l-villaġġi tagħhom fix-Xatt tal-Punent.

Hilltop Youth jinsab fuq l-għoljiet fix-Xatt tal-Punent u jinvolvi ruħu fi vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti permezz tal-hekk imsejħa ‘price tag attacks’. Il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti, inkluż il-fastidju fiżiku u psikosoċjali, is-swat, il-qtil u t-twaqqigħ tal-proprjetà, kontra l-Palestinjani hija ta’ natura sistematika.

Meir Ettinger jinkoraġġixxi u jinċita attakki u jipparteċipa f’intimidazzjoni biex iġiegħel lill-Palestinjani jitilqu minn arthom. Huwa kkontribwixxa għall-istabbiliment ta’ insedjamenti u ċentri illegali fuq artijiet Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, billi uża u skuża tattiċi ta’ intimidazzjoni, fastidju u vjolenza..

Meta kien diġà meqjus bħala parti minn Hilltop Youth, fl-2015 huwa kien involut f’attakk ta’ ħruq doluż fatali fuq dar tax-Xatt tal-Punent Palestinjan li qatel żewġ ġenituri u binhom ta’ 18-il xahar.

Għalhekk, Meir Ettinger huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, kif ukoll ksur jew abbużi tad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u għall-appoġġ u l-inkoraġġiment ta’ tali atti. Dawk l-abbużi u l-ksur huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

19.4.2024

109.

Elisha YERED

אלישע ירד

(Ortografija bil-Lhudi)

Pożizzjoni(jiet): membru ta’ Hilltop Youth

Data tat-twelid: 2001

Nazzjonalità: Iżraeljana

Sess: raġel

Entità assoċjata: Hilltop Youth

Elisha Yered huwa attivista Iżraeljan tal-abitanti tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent u magħruf bħala affiljat ma’ Hilltop Youth, grupp radikali taż-żgħażagħ li jinvolvi ruħu f’atti vjolenti kontra l-Palestinjani u l-villaġġi tagħhom fix-Xatt tal-Punent.

Hilltop Youth jinvolvi ruħu fi vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti permezz tal-hekk imsejħa ‘price tag attacks’. Din il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti, inkluż il-fastidju fiżiku u psikosoċjali, is-swat, il-qtil u t-twaqqigħ tal-proprjetà, kontra l-Palestinjani hija ta’ natura sistematika.

Elisha Yered jinkoraġġixxi atti bħal dawn u jipparteċipa fihom. Huwa jinċita regolarment il-vjolenza kontra l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent inkluż billi jqassam messaġġi biex, pereżempju, ‘jiġi eliminat’ villaġġ Palestinjan.

Huwa personalment ta fastidju lil familja Palestinjana, bl-użu ta’ lingwaġġ intimidanti u ta’ theddid biex jimpedixxi l-libertà ta’ moviment tagħhom fuq l-art tagħhom stess u huwa involut fil-qerda tal-proprjetà tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent.

Elisha Yered kien parti minn grupp ta’ abitanti ta’ insedjamenti armati li fl-4 ta’ Awwissu 2023 imxew ’il quddiem mid-direzzjoni taċ-ċentru illegali ta’ Oz Zion għall-villaġġ Palestinjan ta’ Burqa viċin Ramallah. L-abitanti ta’ insedjamenti sparaw balal lejn il-Palestinjani, li wasslu għall-mewt ta’ Palestinjan ta’ 19-il sena, Qusai Jammal Mi’tan u darbu għadd ta’ Palestinjani oħra.

Għalhekk, Elisha Yered huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, kif ukoll ksur jew abbużi tad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent u għall-appoġġ u l-inkoraġġiment ta’ tali atti, u huwa responsabbli għall-promozzjoni ta’ mibegħda nazzjonali, razzjali jew reliġjuża li tikkostitwixxi inċitament għad-diskriminazzjoni, l-ostilità jew il-vjolenza. Dak il-ksur jew l-abbużi huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

19.4.2024”

(2)

l-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi taħt l-intestatura B “Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi”:

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“27.

Lehava

magħruf ukoll bħala Prevention of Assimilation in the Holy Land

להב“ה

(Ortografija bil-Lhudi)

Telefown: 079-9130000

Email: o.leava@gmail.com

Sit web:

www.lehava-us.com;

vod.leava.co.il

Lehava huwa grupp supremist Lhudi radikali tal-lemin immexxi mill-fundatur tiegħu Ben-Zion ‘Bentzi’ Gopstein.

Lehava juża l-vjolenza u jinċita l-vjolenza kontra l-Palestinjani, l-Insara u l-Lhud Messianiċi, pereżempju,. membri ta’ Lehava kantaw b’mod ripetut il-‘mewt għall-Għarab’ u appellaw biex jiġbru l-armi waqt il-manifestazzjonijiet. Lehava jorganizza protesti vjolenti kontra t-tiġijiet bejn il-Lhud u l-Musulmani u l-komunità LGBTQI. Il-membri ta’ Lehava jagħtu fastidju u jattakkaw koppji mħallta ta’ Għarab u Lhud.

Għalhekk, Lehava huwa responsabbli għal ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-promozzjoni sistematika ta’ mibegħda nazzjonali, razzjali jew reliġjuża li tikkostitwixxi inċitament għal diskriminazzjoni, ostilità jew vjolenza li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

19.4.2024

28.

Hilltop Youth

magħruf ukoll bħala No’ar HaGva’ot

נוער הגבעות

(Ortografija bil-Lhudi)

Individwi assoċjati:

Meir Mordechai ETTINGER; Elisha YERED

Hilltop Youth huwa grupp radikali taż-żgħażagħ li jikkonsisti minn membri magħrufa għal atti vjolenti kontra l-Palestinjani u l-villaġġi tagħhom fix-Xatt tal-Punent.

Il-grupp jinsab fuq l-għoljiet fix-Xatt tal-Punent u jinvolvi ruħu fi vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti permezz tal-hekk imsejħa ‘price tag attacks’. Din il-vjolenza tal-abitanti tal-insedjamenti, inkluż il-fastidju fiżiku u psikosoċjali, is-swat, il-qtil u t-twaqqigħ tal-proprjetà, kontra l-Palestinjani u l-villaġġi tagħhom hija ta’ natura sistematika.

Għalhekk, Hilltop Youth huwa responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fosthom it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, kif ukoll ksur jew abbużi serji tad-dritt għall-proprjetà u d-dritt għall-ħajja tal-familja u dik privata tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent, li huma wkoll ta’ tħassib serju fir-rigward tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

19.4.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1175/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top