This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32024D0415
Commission Decision (EU) 2024/415 of 1 February 2024 on access of the Central Commission for the Navigation of the Rhine to the European Crew Database
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/415 tal-1 ta’ Frar 2024 dwar l-aċċess tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu għall-Bażi tad-Data Ewropea tal-Ekwipaġġ
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/415 tal-1 ta’ Frar 2024 dwar l-aċċess tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu għall-Bażi tad-Data Ewropea tal-Ekwipaġġ
C/2024/542
ĠU L, 2024/415, 2.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/415/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
2024/415 |
2.2.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/415
tal-1 ta’ Frar 2024
dwar l-aċċess tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu għall-Bażi tad-Data Ewropea tal-Ekwipaġġ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni interna u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 91/672/KEE u 96/50/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(4) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 25(2) tad-Direttiva (UE) 2017/2397 jistipula li l-Istati Membri għandhom jirreġistraw b’mod affidabbli u mingħajr dewmien iċ-ċertifikati tal-kwalifiki, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord fil-bażijiet tad-data tal-Kummissjoni. |
(2) |
Il-Kummissjoni stabbiliet il-Bażi tad-Data Ewropea tal-Ekwipaġġ (“ECDB”) għaċ-ċertifikati tal-kwalifiki kif ukoll il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq (“EHDB”) għall-ġurnali ta’ abbord għal dan l-għan u stabbiliet il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ dawk il-bażijiet tad-data fir-Regolament Delegat (UE) 2020/473 (2). |
(3) |
Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1555 (3), l-Iżvizzera ngħatat aċċess għall-ECDB u għall-EHDB f’konformità mal-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397, peress li l-persunal Żvizzeru jinnaviga wkoll fil-passaġġi fuq l-ilma interni tal-Unjoni filwaqt li jaderixxi ma’ rekwiżiti identiċi għal dawk tad-Direttiva (UE) 2017/2397. |
(4) |
Il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) talbet aċċess għall-ECDB permezz tal-ittra tat-13 ta’ Ġunju 2022. Hija organizzazzjoni internazzjonali fil-qasam tan-navigazzjoni interna bbażata fuq il-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu tas-17 ta’ Ottubru 1868. Il-membri tagħha huma l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvizzera. Din titlob aċċess li jinqara biss f’konformità mal-Anness I, Nru 2.2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/473 għall-organizzazzjonijiet internazzjonali, kif iċċarat fit-talba tagħha permezz tal-ittra tas-17 ta’ Ottubru 2022. |
(5) |
Is-CCNR tikkoopera mal-Unjoni abbażi ta’ Ftehim Amministrattiv tal-2003 u Arranġament Amministrattiv ulterjuri tal-2013. Abbażi ta’ dak, is-CCNR tipprovdi assistenza teknika lill-Unjoni fit-twettiq ta’ osservazzjonijiet tas-suq li jinkludu analiżi tas-suq tax-xogħol tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Is-CCNR topera wkoll bħala s-segretarjat tal-“Comité Européen pour l’Élaboration de Standards dans le Domaine de Navigation Intérieure” (“CESNI”) li jistabbilixxi standards għan-navigazzjoni interna. F’dak ir-rwol, is-CCNR tassisti lis-CESNI b’għarfien fattwali, statistika u appoġġ f’termini ta’ kontenut. Għalhekk, l-għoti tal-aċċess tas-CCNR għall-ECDB iservi skopijiet ta’ statistika u fl-istess waqt jiffaċilita l-evalwazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2397 kif stabbilit fl-Artikolu 25(2) ta’ dik id-Direttiva. |
(6) |
Biex twettaq il-kompiti li sservi skopijiet ta’ statistika u l-evalwazzjoni tad-Direttiva (UE) 2017/2397, is-CCNR ma teħtieġx aċċess għad-data personali, iżda biss għad-data statistika aggregata. L-ECDB tipprevedi mod ta’ aċċess li jippermetti biss li wieħed jara d-data statistika aggregata, li jenħtieġ li jintuża għas-CCNR. Fl-ittra tagħha tas-17 ta’ Ottubru 2022, is-CCNR żgurat ukoll li ma għandhiex bażi tad-data korrispondenti li għaliha setgħet tagħti aċċess kif meħtieġ mill-Artikolu 25(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2397. |
(7) |
Wara li vvalutat it-talba tas-CCNR, il-Kummissjoni jidhrilha li jixraq li lis-CCNR jingħatalha aċċess għall-ECDB, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għandu jingħata aċċess lill-Kummissjoni għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu għad-data statistika aggregata fil-Bażi tad-Data Ewropea tal-Ekwipaġġ. L-aċċess ma għandux jinkludi aċċess għad-data personali.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Frar 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 345, 27.12.2017, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/2397/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/473 tal-20 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2017/2397 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards dwar il-bażijiet tad-data għaċ-ċertifikati ta’ kwalifika tal-Unjoni, il-kotba tar-rekords tas-servizz u l-ġurnali ta’ abbord (ĠU L 100, 1.4.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/473/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1555 tal-25 ta’ Lulju 2023 li tagħti aċċess għall-Bażi tad-Data Ewropea tal-Ekwipaġġ u għall-Bażi tad-Data Ewropea dwar il-Buq lill-awtoritajiet tal-Iżvizzera (ĠU L 188, 27.7.2023, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1555/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/415/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)