Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2873

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2873 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    ST/15373/2023/INIT

    ĠU L, 2023/2873, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2873/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2873/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2873

    18.12.2023

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/2873

    tat-18 ta’ Diċembru 2023

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1),

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lill-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

    (2)

    Fit-18 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK. Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 testendi l-kriterji għall-elenkar biex ikopru persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jibbenefikaw mit-trasferiment obbligatorju tas-sjieda ta’, jew tal-kontroll fuq, entitajiet stabbiliti fir-Russja li qabel kienu proprjetà ta’ entitajiet tal-Unjoni jew ikkontrollati minnhom.

    (3)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li fuqhom il-Kunsill jista’ jżomm l-isem ta’ persuna deċeduta fil-lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni li fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, meta jqis li hemm probabbiltà li l-assi kkonċernati nkella jintużaw biex jiffinanzjaw il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jew azzjonijiet oħra li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    (4)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 tintroduċi wkoll deroga li tippermetti r-rilaxx ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati f'każ li Stat Membru jkun iddeċieda fl-interess pubbliku li jċaħħad lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat minn fondi jew riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil tali persuna, entità jew korp, jew huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, u biex fondi u riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli lil tali persuna, entità jew korp sabiex jitħallas kumpens, dment li tali kumpens ikun iffriżat.

    (5)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 introduċi wkoll deroga mill-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli biex jippermettu l-bejgħ jew l-użu ta’ ishma fi, jew assi ta’, entità stabbilita fir-Russja fejn is-sjieda jew il-kontroll minn persuna ġuridika tal-Unjoni ta’ dik l-entità jkunu ġew ittrasferiti b’mod obbligatorju mill-Gvern Russu. Dik id-deroga tippermetti, fost l-oħrajn, il-pagament ta’ kumpens adegwat miftiehem lill-persuni tal-Unjoni.

    (6)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 testendi wkoll l-iskadenza applikabbli għad-deroga eżistenti li tippermetti l-ipproċessar ta' pagamenti mill-Jewish Claims Conference permezz ta' bank elenkat u tintroduċi deroga biex tippermetti ċerti pagamenti bħala indennizz jew benefiċċju għall-materjalizzazzjoni ta' riskju li jinvolvi entità elenkata ġdida.

    (7)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 tintroduċi wkoll deroga temporanja mill-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni fuq id-disponibbiltà ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi biex ikun jista’ jsir l-bejgħ u t-trasferiment ta’ drittijiet proprjetarji li jkunu direttament jew indirettament proprjetà ta’ ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati f’persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fl-Unjoni.

    (8)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 tintroduċi wkoll deroga mill-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi biex tkun permessa t-terminazzjoni ta' kuntratti konklużi ma' entità elenkata ġdida.

    (9)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 testendi wkoll għal kumpanija tal-assigurazzjoni li tkun għadha kemm ġiet elenkata d-deroga eżistenti attwalment applikabbli għal ċerti banek elenkati, li tippermetti x-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta' prodotti agrikoli u tal-ikel.

    (10)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 tagħmel ukoll emendi tekniċi fit-test operattiv, tiddefinixxi l-ambitu ta’ ċerti obbligi ta’ rappurtar u tintroduċi obbligu għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri biex jaħtru f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti li jidentifikaw u jintraċċaw, fejn xieraq, fondi u riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil, jew li huma proprjetà ta', miżmuma jew ikkontrollati minn, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati, bil-ħsieb li jipprevjenu jew jidentifikaw każijiet ta' ksur jew ċirkomvenzjoni, jew tentattivi ta' ksur jew ċirkomvenzjoni, tar-Regolament (UE) Nru 269/2014. Dak l-obbligu biex jaħtru mhux neċessarjament jeħtieġ li l-Istati Membri joħolqu awtorità ġdida.

    (11)

    L-emendi li saru għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK bid-Deċiżjoni (PESK) 2023/2871 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

    (12)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif gej:

    (1)

    l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

    “(j)

    entitajiet stabbiliti fir-Russja, li qabel kienu proprjetà ta’ entitajiet stabbiliti fl-Unjoni jew ikkontrollati minnhom, li s-sjieda jew il-kontroll tagħhom ġew trasferiti b’mod obbligatorju mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa permezz ta’ liġijiet, regolamenti, strumenti leġiżlattivi oħra jew azzjoni oħra ta’ awtorità pubblika Russa, jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li bbenefikaw minn tali trasferiment, u persuni fiżiċi li nħatru fil-korpi governattivi ta’ tali entitajiet fir-Russja mingħajr il-kunsens tal-entitajiet tal-Unjoni li qabel kienu proprjetà tagħhom jew li kienu jikkontrollawhom,”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Jekk persuni fiżiċi elenkati fl-Anness I imutu matul il-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri restrittivi, il-Kunsill jista' jżomm l-ismijiet tal-persuni deċeduti fuq dik il-lista jekk it-tneħħija tagħhom mil-lista toħloq riskju li jiddgħajfu l-objettivi tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni minħabba probabbiltà li l-assi kkonċernati nkella jintużaw biex jiffinanzjaw il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jew azzjonijiet oħra li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.”

    ;

    (2)

    jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 5a

    1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, wara li jkunu ddeterminaw li awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva ta' Stat Membru tkun adottat deċiżjoni, skont il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, li fl-interess pubbliku ċċaħħad lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I minn fondi jew riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil tali persuna, entità jew korp, jew li huma l-proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, dment li l-kumpens imħallas għal tali ċaħda minn fondi jew riżorsi ekonomiċi jiġi ffriżat.

    2   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

    Artikolu 5b

    1.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I skont l-Artikolu 3(1), il-punt (j), jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dawk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li dawk il-fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għall-bejgħ jew l-użu ta’ ishma fi, jew assi ta’, persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi stabbiliti fir-Russja elenkati fl-Anness I skont l-Artikolu 3(1),il-punt (j), sabiex ikun jista’ jsir il-pagament tal-korrispettiv miftiehem mill-partijiet jew għall-kumpens deċiż minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jew stabbilit mil-liġi fil-kuntest tat-trasferiment obbligatorju tas-sjieda jew tal-kontroll mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa. Dan il-paragrafu ma għandux japplika b'rabta ma' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma minn depożitorji ċentrali tat-titoli fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafu 1.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).”;"

    (3)

    l-Artikolu 6b huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2d huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2d.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lill-entitajiet elenkati taħt l-entrati numru 198, 199 u 200 taħt l-intestatura "Entitajiet" fl-Anness I, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għal dawk l-entitajiet, taħt dawk il-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xierqa u wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għat-terminazzjoni sas-26 ta' Awwissu 2023 ta' operazzjonijiet, kuntratti, jew ftehimiet oħra, inkluż relazzjonijiet bankarji korrispondenti, konklużi ma' dawk l-entitajiet qabel il-25 ta' Frar 2023, jew, fir-rigward tal-entità elenkata taħt l-entrata numru 198 taħt l-intestatura "Entitajiet" fl-Anness I, għal tranżazzjonijiet għall-iżborż ta' fondi mill-Jewish Claims Conference lil benefiċċjarji fil-Federazzjoni Russa sal-31 ta' Diċembru 2024, irrispettivament minn meta jkunu ġew konklużi l-operazzjonijiet, il-kuntratti jew il-ftehimiet l-oħra.”

    ;

    (b)

    jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

    “5e.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu għall-entità elenkata fl-entrata numru 270 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness I, skont dawk il-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu xierqa u wara li jkunu ddeterminaw li:

    (a)

    dan huwa meħtieġ biex ikun permess pagament dovut mill-entità elenkata fl-entrata numru 270 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness I li trid issir lil entità stabbilita fl-Unjoni, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, fl-Iżvizzera jew f’pajjiż sieħeb kif elenkat fl-Anness VIII għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 (*2), jew lil ċittadin jew resident ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tal-Iżvizzera jew ta’ pajjiż sieħeb kif elenkat fl-Anness VIII għar-Regolament (UE) Nru 833/2014; u

    (b)

    tali pagament jikkostitwixxi l-indennizz jew il-benefiċċju pprovdut wara l-materjalizzazzjoni ta’ riskju u ma jiksirx l-Artikolu 2(2) ta' dan ir-Regolament.

    5f.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu, skont dawk il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għall-individwi elenkati fl-entrati numru 92, 674, 675, 694, 880, 882, 909 u 920 taħt l-intestatura ‘Persuni’ fl-Anness I u l-entitajiet elenkati fl-entrati numru 38 u 39 taħt l-intestatura ‘Entitajiet’ fl-Anness I, wara li jkunu ddeterminaw li:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għall-bejgħ u t-trasferiment, sat-30 ta’ Ġunju 2024 ta’ drittijiet proprjetarji li jkunu direttament jew indirettament proprjetà ta’ wieħed minn dawk l-individwi jew entitajiet f’persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fl-Unjoni; u

    (b)

    ir-rikavat minn tali bejgħ u trasferiment jiġi ffriżat.

    5g.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu, taħt tali kondizzjonijiet li jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lill-entità elenkata taħt l-entrata numru 333 taħt l-intestatura "Entitajiet" fl-Anness I, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċertu fondi jew riżorsi ekonomiċi lil dik l-entità wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għat-terminazzjoni sal-20 ta’ Ġunju 2024 ta’ kuntratti konklużi ma’ dik l-entità qabel id-19 ta’ Diċembru 2023.

    (*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1). ”;"

    (4)

    fl-Artikolu 6e, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati li jappartjenu lill-entitajiet elenkati taħt l-entrati numru 53, 54, 55, 79, 80, 81, 82, 108, 126, 127, 198, 199, 200, 214, 215 u 270 taħt l-intestatura “Entitajiet” fl-Anness I, jew it-tqegħid ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni ta’ dawk l-entitajiet, skont dawk il-kondizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti jqisu bħala xierqa u wara li jkunu ddeterminaw li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa għax-xiri, l-importazzjoni jew it-trasportazzjoni ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel, fosthom il-qamħ u l-fertilizzanti.”

    ;

    (5)

    l-Artikolu 6f huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6f

    L-Artikolu 2 ma għandux japplika għal fondi jew riżorsi ekonomiċi li huma meħtieġa għall-għoti ta’ servizzi tal-bdoti li huma meħtieġa għal raġunijiet ta’ sikurezza marittima.”;

    (6)

    l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “L-obbligu fl-ewwel subparagrafu għandu japplika soġġett għal regoli nazzjonali jew regoli applikabbli oħra dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom għandha tinkludi l- kunfidenzjalità tal- komunikazzjonijiet relatati ma' parir legali pprovdut minn professjonisti ċċertifikati oħra li huma awtorizzati skont il-liġi nazzjonali biex jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji, sa fejn tali parir legali jingħata b'rabta ma' proċedimenti ġudizzjarji pendenti jew prospettivi.”;

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1d.   L-Istati Membri għandhom jaħtru sal-31 ta’ Ottubru 2024 l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti biex jidentifikaw u jittraċċaw, fejn xieraq, il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati, jew li huma proprjetà tagħhom, miżmuma jew ikkontrollati minnhom, elenkati fl-Anness I u li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, bil-ħsieb li jiġu evitati jew identifikati każijiet ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, jew tentattivi ta’ ksur jew ċirkomvenzjoni, tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

    .

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NAVARRO RÍOS


    (1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/2871 tat-18 ta’ Diċembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2023/2871, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2871/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2873/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top