Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2845

Regolament (UE) 2023/2845 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tad-dixxiplina tas-saldu, il-forniment ta' servizzi transkonfinali, il-kooperazzjoni superviżorja, il-forniment ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju u r-rekwiżiti għal depożitorji ċentrali tat-titoli ta' pajjiżi terzi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/47/2023/REV/1

ĠU L, 2023/2845, 27.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2845/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2845/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2845

27.12.2023

REGOLAMENT (UE) 2023/2845 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Diċembru 2023

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tad-dixxiplina tas-saldu, il-forniment ta' servizzi transkonfinali, il-kooperazzjoni superviżorja, il-forniment ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju u r-rekwiżiti għal depożitorji ċentrali tat-titoli ta' pajjiżi terzi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 236/2012

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistandardizza r-rekwiżiti għas-saldu tal-istrumenti finanzjarji u r-'regoli dwar l-organizzazzjoni u l-kondotta ta depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) sabiex jippromwovi saldu sikur, effiċjenti u bla xkiel. Dak ir-Regolament introduċa perjodi iqsar tas-saldu, miżuri ta' dixxiplina tas-saldu, rekwiżiti stretti organizzazzjonali, tal-kondotta tan-negozju u prudenzjali għas-CSDs, rekwiżiti prudenzjali u superviżorji miżjuda għas-CSDs u għal istituzzjonijiet oħra li jipprovdu servizzi bankarji li jappoġġaw is-saldu tat-titoli, u reġim li jippermetti lis-CSDs awtorizzati jipprovdu s-servizzi tagħhom madwar l-Unjoni.

(2)

Is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti f'ċerti oqsma koperti mir-Regolament (UE) Nru 909/2014, u approċċ aktar proporzjonat għal dawk l-oqsma, jkunu konformi 'mal-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) li jenfasizza l-ħtieġa għat-tnaqqis tal-kostijiet u s-simplifikazzjoni sabiex il-politiki tal-Unjoni jilħqu l-objettivi tagħhom bl-aktar mod effiċjenti u għandu l-għan b'mod partikolari li jnaqqas il-piżijiet regolatorji u amministrattivi.

(3)

Infrastrutturi ta' wara n-negozjar li jkunu effiċjenti u reżiljenti huma elementi essenzjali għal unjoni tas-swieq kapitali li tiffunzjona tajjeb u jżidu l-isforzi biex jappoġġaw l-investiment, it-tkabbir u l-impjiegi f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni. Għal dik ir-raġuni, rieżami tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 huwa waħda mill-azzjonijiet ewlenin tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali spjegat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2020 dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta' azzjoni ġdid.

(4)

Fl-2019, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni mmirata dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll il-kontribut tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Il-feedback li wasal indika li l-partijiet ikkonċernati jappoġġaw u jqisu bħala rilevanti l-objettiv tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jippromwovi saldu sikur, effiċjenti u bla xkiel tal-istrumenti finanzjarji, u li ma kienet meħtieġa l-ebda reviżjoni maġġuri ta’ dak ir-Regolament. Ir-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 909/2014 ġie ppubblikat fl-1 ta' Lulju 2021. Għalkemm id-dispożizzjonijiet kollha ta' dak ir-Regolament għadhom mhumiex kollha kompletament applikabbli, ir-rapport identifika oqsma li għalihom hija meħtieġa azzjoni mmirata biex jiġi żgurat li l-objettiv ta' dak ir-Regolament jintlaħaq b'mod aktar proporzjonat, effiċjenti u effettiv.

(5)

Jenħtieġ li s-CSDs ikunu jistgħu jispeċifikaw, fir-regoli interni tagħhom, liema avvenimenti għajr il-proċedimenti ta' insolvenza jikkostitwixxu l-inadempjenza ta' parteċipant. B'mod ġenerali, avvenimenti bħal dawn jirreferu għal nuqqas ta' twettiq ta' trasferiment ta' fondi jew titoli skont it-termini u l-kundizzjonijiet u r-regoli interni tas-sistema ta' saldu tat-titoli.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 introduċa regoli dwar id-dixxiplina tas-saldu biex jipprevjeni u jindirizza nuqqasijiet fis-saldu ta' tranżazzjonijiet ta' titoli u għalhekk jiżgura s-sikurezza tas-saldu tat-tranżazzjonijiet. Jenħtieġ li jiġu esplorati miżuri u għodod addizzjonali biex tittejjeb l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni, bħat-tiswir tad-daqs tat-tranżazzjonijiet jew is-saldu parzjali. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, tirrieżamina l-aħjar prattiki tal-industrija, kemm fl-Unjoni kif ukoll internazzjonalment, bil-ħsieb li tidentifika l-miżuri rilevanti kollha li jistgħu jiġu implimentati mis-sistemi tas-saldu jew mill-parteċipanti fis-suq, u tiżviluppa abbozz aġġornat ta' standards tekniċi regolatorji dwar miżuri għall-prevenzjoni ta' nuqqasijiet ta' saldu sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-saldu.

(7)

Ir-regoli introdotti mir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jinkludu, b'mod partikolari, r-rekwiżiti ta' rappurtar, reġim ta' penali fi flus kontanti u xiri sfurzat. Bħalissa, japplikaw biss ir-rekwiżiti ta' rappurtar u r-reġim ta' penali fi flus kontanti. L-esperjenza akkumulata fl-applikazzjoni tar-reġim ta' penali fi flus kontanti kif ukoll l-iżvilupp u l-ispeċifikazzjoni tal-qafas tad-dixxiplina tas-saldu, b’mod partikolari fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 (6) ippermettew lill-partijiet ikkonċernati kollha jifhmu aħjar dak il-qafas u l-isfidi li twassal għalihom l-applikazzjoni tiegħu. B'mod partikolari, jenħtieġ li jiġi ċċarat il-kamp ta' applikazzjoni tal-penali fi flus kontanti u tal-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju li jinsab fir-Regolament (UE) Nru 909/2014. Sabiex issir distinzjoni bejn ir-rekwiżiti relatati mal-penali fi flus kontanti u dawk relatati max-xiri sfurzat obbligatorju, jenħtieġ li tali rekwiżiti jiġu stabbiliti f'artikoli separati.

(8)

Jenħtieġ li n-nuqqasijiet ta' saldu li l-kawża sottostanti tagħhom ma tkunx attribwibbli għall-parteċipanti u l-operazzjonijiet li ma jitqisux bħala negozjar ma jkunux soġġetti għal penali fi flus kontanti jew xiri sfurzat obbligatorju, peress li l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri għal tali nuqqasijiet ta’ saldu u operazzjonijiet ma tkunx prattikabbli jew tista' twassal għal konsegwenzi detrimentali għas-suq. Għal xiri sfurzat obbligatorju, dan x'aktarx ikun il-każ għal ċerti tranżazzjonijiet tas-suq primarju, tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli, azzjonijiet korporattivi, riorganizzazzjonijiet jew il-ħolqien u t-tifdija ta' unitajiet ta' fondi, operazzjonijiet ta' riallinjament jew tipi oħra ta' tranżazzjonijiet li jeliminaw il-ħtieġa tal-proċess ta' xiri sfurzat. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-miżuri ta' dixxiplina tas-saldu ma japplikawx għal parteċipanti inadempjenti li kontrihom ikunu nfetħu proċedimenti ta' insolvenza, jew meta l-kontropartijiet ċentrali (CCPs) ikunu l-parteċipanti inadempjenti, ħlief għal tranżazzjonijiet li tidħol għalihom CCP meta ma tindaħalx bejn il-kontropartijiet.

(9)

Jenħtieġ li l-penali fi flus kontanti jiġu kkalkulati għal kull jum ta' negozju sakemm in-nuqqas jippersisti. Jenħtieġ li titqies il-possibbiltà ta' ambjent ta' rata tal-imgħax negattiva meta jiġu ddefiniti l-parametri għall-kalkolu tal-penali fi flus kontanti. Huwa meħtieġ li jiġi eliminat kwalunkwe inċentiv negattiv għall-falliment li jista' jirriżulta f'ambjent ta' rata tal-imgħax baxxa jew negattiva sabiex jiġu evitati effetti mhux intenzjonati fuq il-parteċipant li mhumiex inadempjenti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fuq bażi regolari, tirrieżamina l-parametri użati għall-kalkolu tal-penali fi flus kontanti u, b'riżultat ta' dan, jenħtieġ li tqis bidliet potenzjali fil-metodu użat għall-kalkolu ta' dawk il-penali, bħall-istabbiliment ta' rati progressivi.

(10)

Ix-xiri sfurzat obbligatorju jista' jkollu effetti negattivi, kemm f'kundizzjonijiet tas-suq normali kif ukoll f'kundizzjonijiet ta' stress. Għalhekk, jenħtieġ li x-xiri sfurzat obbligatorju jkun miżura tal-aħħar istanza u jenħtieġ li japplika biss meta jiġu ssodisfati fl-istess ħin iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin: l-ewwel nett, l-applikazzjoni ta' miżuri oħra, bħal penali fi flus kontanti jew is-sospensjoni, mis-CSDs, is-CCPs jew iċ-ċentri tan-negozjar, ta' parteċipanti li jikkawżaw nuqqasijiet ta' saldu b'mod konsistenti u sistematiku, ma rriżultatx fi tnaqqis sostenibbli fit-tul ta' nuqqasijiet ta' saldu fl-Unjoni jew fiż-żamma ta' livell imnaqqas ta' nuqqasijiet ta' saldu fl-Unjoni; u, it-tieni, il-livell ta' nuqqas ta' saldu għandu jew x'aktarx ikollu effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

(11)

Meta tikkunsidra jekk għandhiex tintroduċi xiri sfurzat obbligatorju, jenħtieġ li l-Kummissjoni, minbarra li tikkonsulta lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, titlob lill-ESMA tipprovdi analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji. Abbażi ta' dik l-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tintroduċi xiri sfurzat obbligatorju permezz ta' att ta' implimentazzjoni. Dak l-att ta' implimentazzjoni jenħtieġ li jispeċifika għal liema strumenti finanzjarji jew kategoriji ta' tranżazzjonijiet għandu jiġi applikat x-xiri sfurzat obbligatorju.

(12)

L-applikazzjoni ta' xiri sfurzat għal katina ta' tranżazzjonijiet fuq l-istess strument finanzjarju mwettqa minn kontropartijiet li huma parteċipanti ta' CSD tista' tiskatta kostijiet duplikati bla bżonn u taffettwa l-likwidità tal-istrument finanzjarju. Sabiex jiġu evitati konsegwenzi bħal dawn, mekkaniżmu ta' trasferiment għandu jkun disponibbli għall-parteċipanti f'tali tranżazzjonijiet. Jenħtieġ li kull parteċipant involut fil-katina tat-tranżazzjonijiet jitħalla jittrasferixxi obbligu ta' xiri sfurzat lill-parteċipant li jkun imiss.

(13)

Il-proċessi tax-xiri sfurzat jippermettu l-pagament tad-differenza bejn il-prezz tax-xiri sfurzat ta' strument finanzjarju u l-prezz kummerċjali oriġinali tiegħu li għandu jsir mill-bejjiegħ lix-xerrej biss meta dak il-prezz ta' referenza tax-xiri sfurzat ikun ogħla mill-prezz kummerċjali oriġinali. Dik l-asimmetrija tkun ta' benefiċċju mhux mistħoqq għax-xerrej fil-każ li l-prezz tax-xiri sfurzat ta' referenza jkun aktar baxx mill-prezz kummerċjali oriġinali. Dan jagħmel ukoll il-mekkaniżmu tat-trasferiment impossibbli li jiġi applikat peress li, b’mod partikolari, l-ammonti li għandhom jitħallsu jistgħu jvarjaw bejn kull stadju fil-katina tat-tranżazzjonijiet, skont meta kull intermedjarju jeżegwixxi x-xiri sfurzat. Għalhekk, jenħtieġ li dik l-asimmetrija titneħħa biex jiġi żgurat li l-partijiet kummerċjali jiġu restawrati għat-termini ekonomiċi li kienu japplikaw kieku saret it-tranżazzjoni oriġinali.

(14)

Il-proċeduri ta’ xiri sfurzat obbligatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) ma baqgħux japplikaw fl-1 ta' Frar 2022, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat (UE) 2018/1229. Madankollu, il-proċeduri ta' xiri sfurzat obbligatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 kienu indipendenti mir-reġim skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u kien jenħtieġ li jkompli japplika. Għalhekk, huwa xieraq li fir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tiddaħħal mill-ġdid id-dispożizzjoni li tirregola x-xiri sfurzat obbligatorju. Jenħtieġ li t-tranżazzjonijiet li ser ikunu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-dispożizzjoni ma jkunux soġġetti għal xiri sfurzat obbligatorju skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(15)

It-tranżazzjonijiet li ma jiġux ikklerjati minn CCP jistgħu ma jkunux kollateralizzati u għaldaqstant kull membru taċ-ċentru tan-negozjar jew kull parti għan-negozju jġorru r-riskju tal-kontroparti. Iċ-ċaqliq ta' dak ir-riskju għal fuq entitajiet oħra, bħall-parteċipanti ta' CSD, iġiegħel lill-parteċipanti jkopru l-iskopertura tagħhom għar-riskju tal-kontroparti b'kollateral, li jista' jwassal għal żieda sproporzjonata fil-kostijiet tas-saldu tat-titoli. Il- -membru taċ-ċentru tan-negozjar inadempjenti jew il-parti għan-negozju inadempjenti, skont il-każ, jenħtieġ li għalhekk iġorru r-responsabbiltà għall-ħlas tad-differenza fil-prezz, il-kumpens fi flus kontanti u l-kostijiet tax-xiri sfurzat.

(16)

Fejn japplika x-xiri sfurzat, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tissospendi temporanjament l-applikazzjoni tiegħu f'ċerti sitwazzjonijiet eċċezzjonali. Tali sospensjoni jenħtieġ li tkun possibbli għal kategoriji speċifiċi ta' strumenti finanzjarji fejn meħtieġ biex tiġi evitata jew biex tiġi indirizzata theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Jenħtieġ li tali sospensjoni tkun proporzjonata għal dawk l-għanijiet.

(17)

Jenħtieġ li l-ESMA tiżviluppa abbozz aġġornat ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tqis l-emendi introdotti minn dan ir-Regolament għar-Regolament (UE) Nru 909/2014. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe korrezzjoni jew emenda meħtieġa bil-ħsieb li tiċċara r-rekwiżiti stabbiliti f'tali standards tekniċi regolatorji eżistenti. Jenħtieġ li l-ESMA tiżviluppa wkoll abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex jiġu speċifikati d-dettalji tal-mekkaniżmu tat-trasferiment, liema tipi ta' tranżazzjonijiet jeliminaw il-ħtieġa tal-proċess tax-xiri sfurzat u kif għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur meta jwettaq ix-xiri sfurzat obbligatorju.

(18)

Meta CSD ma jwettaqx attività ta' saldu qabel il-bidu tal-proċess ta' awtorizzazzjoni, jenħtieġ li l-kriterji li jiddeterminaw liema awtoritajiet rilevanti jkunu involuti f'tali proċess ta' awtorizzazzjoni jqisu l-attività ta' saldu antiċipata biex jiżguraw li jitqiesu l-fehmiet tal-awtoritajiet rilevanti kollha potenzjalment interessati fl-attivitajiet ta' dak is-CSD.

(19)

Meta CSD ġdid japplika għal awtorizzazzjoni, iżda l-konformità ma' ċerti rekwiżiti ma tistax tiġi vvalutata minħabba li s-CSD ma jkunx għadu operattiv, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tkun tista' tagħti l-awtorizzazzjoni fejn wieħed ikun jista’ raġonevolment jassumi li dak is-CSD ser jikkonforma mar- Regolament (UE) Nru 909/2014 meta effettivament jibda l-attivitajiet tiegħu. Dik il-valutazzjoni hija partikolarment rilevanti fir-rigward tal-użu tat-teknoloġija ta' reġistru distribwit u l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(20)

Filwaqt li r-Regolament (UE) Nru 909/2014 jirrikjedi li s-superviżuri nazzjonali jikkooperaw mal-awtoritajiet rilevanti u jinvolvuhom, is-superviżuri nazzjonali ma humiex meħtieġa jinfurmaw lil dawk l-awtoritajiet rilevanti jekk jew kif il-fehmiet tagħhom ġew ikkunsidrati fl-eżitu tal-proċess ta' awtorizzazzjoni jew jekk ġewx identifikati kwistjonijiet addizzjonali matul ir-rieżamijiet u l-evalwazzjonijiet regolari. B'hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet rilevanti jkunu jistgħu joħorġu opinjonijiet motivati dwar l-awtorizzazzjoni tas-CSDs u dwar il-proċess ta' rieżami u ta' evalwazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu dawn l-opinjonijiet jew jispjegaw għaliex dawn l-opinjonijiet ma ġewx segwiti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw lill-awtoritajiet rilevanti, kif ukoll lil awtoritajiet oħra kkonsultati, bir-riżultati tal-proċess ta' awtorizzazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw lill-awtoritajiet rilevanti, lill-ESMA u lill-kulleġġ bir-riżultati tal-proċess ta' rieżami u evalwazzjoni.

(21)

Id-dispożizzjonijiet rigward l-iskedi ta' żmien għall-awtorizzazzjoni ta' CSD biex jesternalizza servizzi ewlenin lil parti terza jew biex jestendi l-attivitajiet tiegħu għal ċerti servizzi oħra jenħtieġ li jiġu emendati biex jitneħħew l-inkonsistenzi mhux intenzjonati bejn dawk l-iskedi ta' żmien u l-iskedi ta' żmien tal-proċess ta' awtorizzazzjoni ġenerali.

(22)

Huma meħtieġa rieżamijiet u evalwazzjonijiet regolari tas-CSDs mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi żgurat li s-CSDs jibqa' jkollhom fis-seħħ arranġamenti, strateġiji, proċessi u mekkaniżmi xierqa biex jevalwaw ir-riskji li għalihom is-CSDs huma, jew jistgħu jkunu, esposti jew li jistgħu jikkostitwixxu theddida għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli. Madankollu, l-esperjenza wriet li rieżami u evalwazzjoni annwali huma ta' piż sproporzjonat kemm għas-CSDs kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti u huma ta' valur miżjud limitat. Soġġett għal frekwenza minima ta' darba kull tliet snin, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jistabbilixxu frekwenza aktar xierqa għar-rieżami u l-evalwazzjoni ta’ kull CSD sabiex jittaffa dak il-piż u tiġi evitata duplikazzjoni tal-informazzjoni minn eżerċizzju għal ieħor. Barra minn hekk, fil-valutazzjoni ta' x'ikunu l-frekwenza u l-profondità xierqa tar-rieżami u l-evalwazzjoni, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tikkunsidra x'ikun proporzjonat, filwaqt li tqis id-daqs, l-importanza sistemika, il-profil tar-riskju, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-CSD. Madankollu, il-kapaċitajiet superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti u l-objettiv li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja jenħtieġ li ma jiddgħajfux. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jibqa' jkollhom il-possibbiltà li jwettqu kwalunkwe rieżami u evalwazzjoni addizzjonali. CSDs li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju huma wkoll soġġetti għal rieżami u evalwazzjoni skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(23)

Jenħtieġ li CSD ikun lest li jiffaċċa xenarji li potenzjalment jistgħu jżommuh milli jkun jista' jipprovdi l-operazzjonijiet u s-servizzi kritiċi tiegħu bħala negozju attiv u jenħtieġ li jivvaluta l-effettività ta' firxa sħiħa ta' għażliet għall-irkupru jew għal stralċ ordnat f'dawk ix-xenarji. Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 introduċa rekwiżiti f'dan ir-rigward, billi ppreveda b'mod partikolari li awtorità kompetenti għandha tirrikjedi lis-CSD jippreżenta pjan ta' rkupru adegwat u għandu jiżgura li jiġi stabbilit u miżmum pjan ta' riżoluzzjoni adegwat għal kull CSD. Madankollu, bħalissa ma jeżisti l-ebda reġim ta' riżoluzzjoni armonizzat li fuqu jista' jkun ibbażat pjan ta' riżoluzzjoni. Is-CSDs li huma awtorizzati li joffru servizzi anċillari ta' tip bankarju tapplika għalihom id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Madanakollu, ma teżisti l-ebda dispożizzjoni speċifika għas-CSDs li ma humiex awtorizzati jipprovdu tali servizzi, u b'hekk ma jitqisux bħala istituzzjonijiet ta' kreditu skont id-Direttiva 2014/59/UE bl-obbligu li jkollhom fis-seħħ pjanijiet ta' rkupru u ta' riżoluzzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu introdotti kjarifiki bil-għan li r-rekwiżiti applikabbli għas-CSDs jiġu allinjati aħjar filwaqt li jitqies in-nuqqas ta' qafas tal-Unjoni għall-irkupru u r-riżoluzzjoni għas-CSD kollha. Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tar-rekwiżiti, fejn pjan ta' rkupru u riżoluzzjoni jkun tfassal għal CSD skont id-Direttiva 2014/59/UE, jenħtieġ li dak is-CSD ma jkunx meħtieġ iħejji pjanijiet dwar l-irkupru jew l-istralċ ordnat skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, sa fejn l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f'dawk il-pjanijiet tkun diġà ġiet ipprovduta. Madankollu, jenħtieġ li tali CSDs jipprovdu lill-awtorità kompetenti tagħhom bil-pjanijiet ta' rkupru mfassla skont dik id-Direttiva.

(24)

Il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar il-forniment minn CSD ta' servizzi notarili u ta' manutenzjoni ċentrali fir-rigward ta' strumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru għajr il-liġi tal-Istat Membru fejn is-CSD huwa awtorizzat uriet li hija ta' piż u li xi wħud mir-rekwiżiti tagħha ma humiex ċari. Dik il-proċedura rriżultat fi proċess sproporzjonalment għali u twil għas-CSDs. Għalhekk, jenħtieġ li l-proċedura tiġi ċċarata u ssimplifikata biex jitneħħew aħjar l-ostakli għas-saldu transkonfinali biex tippermetti lis-CSDs awtorizzati jibbenefikaw bis-sħiħ mil-libertà li jipprovdu servizzi fl-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri li s-CSDs jeħtieġ li jieħdu biex jippermettu lill-utenti tagħhom jikkonformaw mal-liġinazzjonali, jenħtieġ li jkun ċar liema huwa l-qafas legali rilevanti għall-valutazzjoni li CSD huwa meħtieġ iwettaq skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward tal-miżuri li biħsiebu jieħu biex l-utenti tiegħu jkunu jistgħu jikkonformaw mal-liġi ta' Stat Membru ieħor u li l-valutazzjoni tkun limitata biss għall-ishma. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tiġi offruta l-possibbiltà li tikkummenta dwar il-valutazzjoni relatata mad-dritt ta' dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li d-deċiżjoni finali titħalla f'idejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

(25)

Sabiex ikun hemm kooperazzjoni aħjar fir-rigward tas-superviżjoni tas-CSDs li jipprovdu servizzi transkonfinali, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tkun tista' tistieden persunal mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u mill-ESMA biex jipparteċipaw fi spezzjonijiet fuq il-post fil-fergħat. Jenħtieġ ukoll li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tibgħat lill-ESMA u lill-kulleġġ is-sejbiet tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-informazzjoni dwar azzjonijiet ta' rimedju jew penali deċiżi minn dik l-awtorità kompetenti.

(26)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jirrikjedi l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet li għandhom interess fl-operazzjonijiet tas-CSDs li joffru servizzi fir-rigward ta' strumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġijiet ta' aktar minn Stat Membru wieħed. Madankollu, l-arranġamenti superviżorji għadhom frammentati u jistgħu jwasslu għal differenzi fl-allokazzjoni u fin-natura tas-setgħat superviżorji skont is-CSD ikkonċernat. Din il-frammentazzjoni toħloq ostakli għall-forniment ta' servizzi transkonfinali tas-CSD fl-Unjoni, tipperpetwa l-ineffiċjenzi li fadal fis-suq tas-saldu tal-Unjoni, u għandha impatti negattivi fuq l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni. Għalkemm ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti kulleġġi, dik l-għażla bilkemm intużat. Sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni effettiva u effiċjenti tas-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li l-istabbiliment ta' kulleġġi jsir obbligatorju taħt ċerti kundizzjonijiet. Jenħtieġ li jiġi stabbilit kulleġġ ta' superviżuri għas-CSDs li l-attivitajiet tagħhom jitqiesu ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f'mill-inqas żewġ Stati Membri ospitanti. Jenħtieġ li kulleġġ stabbilit skont dan ir-Regolament la jipprevjeni u lanqas jissostitwixxi forom oħra ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-ESMA tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-kriterji li abbażi tagħhom jista' jiġi determinat jekk l-attivitajiet humiex ta' importanza sostanzjali. Jenħtieġ li l-membri ta' kulleġġ ikollhom il-possibbiltà li jitolbu l-adozzjoni mill-kulleġġ ta' opinjoni mhux vinkolanti dwar kwistjonijiet identifikati matul ir-rieżami u l-evalwazzjoni ta' CSD, jew matul ir-rieżami u l-evalwazzjoni tal-fornituri ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju, jew kwistjonijiet li huma relatati mal-estensjoni jew l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet u s-servizzi pprovduti mis-CSD, jew li jikkonċernaw kwalunkwe ksur potenzjali tar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jirriżulta mill-forniment ta' servizzi fi Stat Membru ospitanti. Jenħtieġ li l-opinjonijiet mhux vinkolanti jiġu adottati b'vot b'maġġoranza sempliċi.

(27)

L-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti bħalissa għandhom informazzjoni limitata dwar is-servizzi offruti minn CSDs ta' pajjiżi terzi fir-rigward ta' strumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru minħabba diversi fatturi. L-ewwel hija l-applikazzjoni differita, mingħajr data tat-tmiem, tar-rekwiżiti ta' rikonoxximent għal CSDs ta' pajjiżi terzi li diġà pprovdew manutenzjoni ċentrali u servizzi notarili fl-Unjoni qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 skont l-Artikolu 69(4) ta' dak ir-Regolament. It-tieni huwa l-fatt li fejn CSD ta' pajjiż terz jipprovdi biss is-servizz ta' saldu, dan ma huwiex soġġett għal rekwiżiti ta' rikonoxximent. It-tielet huwa l-fatt li r-Regolament (UE) Nru 909/2014 ma jirrikjedix li CSDs ta' pajjiż terz jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni dwar l-attivitajiet tagħhom relatati ma' strumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru. Minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni, la l-emittenti u lanqas l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni jew dak nazzjonali ma setgħu jivvalutaw l-attivitajiet ta' dawk is-CSDs fl-Unjoni meta meħtieġ. Għalhekk, jenħtieġ li s-CSDs ta' pajjiż terz ikunu meħtieġa jinformaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni dwar l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru.

(28)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jirrikjedi li CSD ikollu korp maniġerjali li mill-inqas terz, iżda mhux inqas minn tnejn, mill-membri tiegħu jkunu indipendenti. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni aktar konsistenti tal-kunċett ta' indipendenza, jenħtieġ li dak il-kunċett jiġi ċċarat, f'konformità mad-definizzjoni ta' "membri indipendenti" fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(29)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 ma fihx rekwiżiti speċifiċi li japplikaw fil-każ ta’ akkwiżizzjoni ta' parteċipazzjonijiet kwalifikanti fil-kapital tas-CSDs, jew taż-żieda fihom. Tali rekwiżiti, inkluż fir-rigward tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, jenħtieġ għaldaqstant li jiġu introdotti sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti rigward l-istruttura tal-parteċipazzjoni azzjonarja ta' CSD, simili għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u d-Direttiva 2013/36/UE. Jenħtieġ li l-ESMA tiżviluppa linji gwida dwar il-valutazzjoni tal-idoneità ta' kwalunkwe persuna li ser tmexxi n-negozju tas-CSD, kif ukoll dwar ir-regoli proċedurali u l-kriterji ta' evalwazzjoni għall-valutazzjoni prudenzjali ta' akkwiżizzjonijiet diretti jew indiretti ta' parteċipazzjonijiet fis-CSDs u ż-żidiet fihom.

(30)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-arranġamenti ewlenin li dwarhom il-kumitati tal-utenti għandhom jagħtu pariri lill-korp maniġerjali, jenħtieġ li jiġi ċċarat aktar liema elementi huma inklużi fil-"livell ta' servizz".

(31)

Minħabba r-rwol ċentrali tagħhom fir-rigward tas-sikurezza tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li s-CSDs mhux biss inaqqsu r-riskji assoċjati mas-salvagwardja u s-saldu tat-tranżazzjonijiet fit-titoli, iżda jenħtieġ li jfittxu wkoll li jimminimizzaw dawk ir-riskji.

(32)

Diversi CSDs stabbiliti fl-Unjoni jħaddmu sistemi ta' saldu tat-titoli li japplikaw saldu nett differit. Jenħtieġ li dawk is-CSDs ikejlu, jimmonitorjaw u jimmaniġġaw b'mod adegwat ir-riskji li jirriżultaw mill-użu ta' tali saldu.

(33)

F'ċerti ċirkostanzi, titolu jista' jiġi kkostitwit skont il-liġi korporattiva jew liġi simili ta' żewġ Stati Membri differenti. B'mod partikolari, dak huwa l-każ għal titoli ta' dejn fejn l-emittent ikun inkorporat fi Stat Membru wieħed u t-titoli jinħarġu skont il-liġi ta' Stat Membru ieħor. Huwa importanti li jiġi ċċarat li f'każijiet bħal dawn jenħtieġ li l-liġi korporattiva jew liġi simili taż-żewġ Stati Membri tkompli tapplika. L-għażla tal-liġi applikabbli ma għandhiex tkun irregolata mir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u għalhekk jenħtieġ li tibqa' fid-diskrezzjoni tal-emittenti jew inkella tiġi ddeterminata mil-liġi.

(34)

Sabiex jiġi żgurat li l-emittenti li jagħmlu arranġamenti biex it-titoli tagħhom jiġu rreġistrati f'CSD stabbilit fi Stat Membru ieħor ikunu jistgħu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi korporattiva jew liġi simili ta' dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaġġornaw regolarment il-lista ta' tali dispożizzjonijiet rilevanti ewlenin tal-liġi nazzjonali u jikkomunikawha lill-ESMA għall-finijiet ta' pubblikazzjoni.

(35)

Sabiex jiġu evitati r-riskji tas-saldu minħabba l-insolvenza ta' aġent tas-saldu, CSD jenħtieġ li jsalda, meta dan ikun prattikabbli u disponibbli, il-pagamenti fi flus tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tiegħu permezz ta' kontijiet miftuħa ma' bank ċentrali. Fejn dik l-għażla ma tkunx prattika u disponibbli, bħal meta CSD ma jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jiftaħ kont ma' bank ċentrali għajr dak tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu, jenħtieġ li s-CSD ikun jista' jsalda l-pagamenti fi flus għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli tiegħu kollha jew parti minnhom f'munita differenti mill-pajjiż fejn ikun stabbilit is-CSD permezz ta' kontijiet miftuħa ma' CSDs jew istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati li jipprovdu servizzi bankarji skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(36)

Sabiex jappoġġa aħjar l-effiċjenza tas-suq tas-saldu, japprofondixxi s-swieq kapitali u jtejjeb is-saldu transkonfinali, CSD awtorizzat li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, li r-riskji rilevanti tagħhom huma diġà mmonitorjati, jenħtieġ li jkun jista' joffri servizzi li jappartjenu għas-saldu tal-pagamenti ta' flus kontantilil CSDs li ma jkunux awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE, f'munita differenti minn dik tal-pajjiż fejn ikun stabbilit is-CSD li jfittex li juża dawk is-servizzi, irrispettivament minn jekk humiex parti mill-istess grupp ta' kumpaniji. Jenħtieġ li awtorizzazzjoni biex jinħatru CSDs jew istituzzjonijiet ta' kreditu tintuża biss għas-saldu tal-pagamenti ta' flus kontanti għas-sistema ta' saldu tat-titoli kollha jew parti minnha tas-CSD li tixtieq tuża s-servizzi anċillari ta' tip bankarju. Jenħtieġ li ma tintużax biex jitwettqu attivitajiet oħra. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll għal CSD li jkun biħsiebu jsalda l-pagamenti ta' flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli tiegħu kollha jew parti minnhom permezz tal-kontijiet tiegħu stess jew li altrimenti jkun biħsiebu jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta' tip bankarju li għandu jiġi awtorizzat jagħmel dan skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(37)

Taħt livell limitu xieraq, is-CSDs li mhumiex awtorizzati jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju jenħtieġ li jkunu jistgħu jsaldaw il-pagamenti ta' flus permezz ta' kontijiet miftuħa ma' CSDs awtorizzati biex jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u permezz ta' kontijiet miftuħa ma' kwalunkwe istituzzjoni ta' kreditu, fi kwalunkwe munita. Jenħtieġ li dak il-limitu jikkonsisti f'ammont aggregat massimu għal tali saldu ta' pagamenti ta’ flus kontanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-livell limitu jiġi kkalibrat b'mod li jippromwovi l-effiċjenza tas-saldu u jippermetti lis-CSDs jilħqu livell ta' saldu fi flus kontanti li lil hinn minnu l-ħtieġa ta' awtorizzazzjoni bankarja skont id-Direttiva 2013/36/UE jew il-konnessjoni ma' bank ċentrali tal-ħruġ issir rilevanti, filwaqt li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja u jiġu limitati l-implikazzjonijiet tar-riskju li jirriżultaw mid-derogi applikabbli skont dak il-livell limitu. Jenħtieġ li l-kalibrazzjoni tal-livell limitu tqis il-ħtieġa li CSD ikun jista' jsalda l-pagamenti f'muniti differenti, speċjalment għall-aktar muniti likwidi, filwaqt li jistabbilixxi limitu xieraq li jkun applikabbli għas-CSD kollu kemm hu. Jenħtieġ li l-kalibrazzjoni tal-livell limitu tqis ukoll il-ħtieġa li tiġi evitata bidla mhux intenzjonata lil hinn mis-saldu fi flus tal-bank ċentrali.

(38)

Bħala korp b'kompetenza esperta speċjalizzata fir-rigward ta' kwistjonijiet bankarji u ta' riskju ta' kreditu, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA)stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jenħtieġ li tiġi fdata bl-iżvilupp ta' abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex jiġi stabbilit limitu xieraq u biex tispeċifika kwalunkwe ġestjoni tar-riskju xierqa u rekwiżiti prudenzjali relatati magħhom. Jenħtieġ li l-EBA tikkoopera mill-qrib ukoll mal-membri tas-SEBĊ u mal-ESMA. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta dawk l-istandards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-awtoritajiet kompetenti, li jimmonitorjaw b'mod regolari l-livell limitu, jenħtieġ li jibagħtu s-sejbiet tagħhom flimkien mad-data sottostanti lill-ESMA u lill-EBA u s-sejbiet tagħhom lill-membri tas-SEBĊ, b'mod partikolari sabiex jikkontribwixxu għal rapport regolari li jenħtieġ li jitħejja mill-EBA, f'kooperazzjoni mal-membri tas-SEBĊ u mal-ESMA, dwar servizzi anċillari ta' tip bankarju.

(39)

Is-CSDs, inkluż dawk awtorizzati li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju, u l-istituzzjonijiet ta' kreditu ddeżinjati jenħtieġ li jkopru r-riskji rilevanti fl-immaniġġar tar-riskju u fl-oqfsa prudenzjali tagħhom. L-għodod biex ikopru dawk ir-riskji jenħtieġ li jinkludu ż-żamma ta' riżorsi likwidi kwalifikanti suffiċjenti fil-muniti rilevanti kollha u l-iżgurar li x-xenarji ta' stress ikunu b'saħħithom biżżejjed. Is-CSDs jenħtieġ li jiżguraw ukoll li r-riskji ta' likwidità korrispondenti jiġu ġestiti u koperti minn arranġamenti ta' finanzjament affidabbli ħafna ma' istituzzjonijiet b'affidabbiltà kreditizja; dawk l-arranġamenti jenħtieġ li jiġu impenjati kif ukoll jekk ikollhom affidabbiltà simili. Jenħtieġ li s-CSDs li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju jkollhom ukoll regoli u proċeduri speċifiċi biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali ta' kreditu, likwidità u konċentrazzjoni li jirriżultaw mill-forniment ta' dawk is-servizzi. Jenħtieġ li l-EBA tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex taġġorna l-istandards tekniċi regolatorji eżistenti sabiex jitqiesu dawk il-bidliet fir-rekwiżiti prudenzjali. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe emenda meħtieġa bil-ħsieb li tiċċara r-rekwiżiti stabbiliti f'tali standards tekniċi regolatorji, bħal dawk relatati mal-ġestjoni ta' nuqqasijiet potenzjali ta' likwidità.

(40)

Perjodu ta' xahar biss għall-awtoritajiet rilevanti u għall-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu opinjoni motivata dwar l-awtorizzazzjoni biex jiġu pprovduti servizzi anċillari ta' tip bankarju rriżulta li huwa qasir wisq biex dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jagħmlu analiżi sostanzjata. Għalhekk, jenħtieġ li jkun previst perjodu itwal ta' xahrejn f’dan ir-Regolament.

(41)

Sabiex is-CSDs stabbiliti fl-Unjoni u s-CSDs ta' pajjiżi terzi jingħataw biżżejjed żmien biex japplikaw għall-awtorizzazzjoni u għar-rikonoxximent tal-attivitajiet tagħhom, id-data tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni u rikonoxximent tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 inizjalment ġiet differita sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni jew ta' rikonoxximent skont dak ir-Regolament. Ikun għadda biżżejjed żmien mid-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament. Għalhekk, dawk ir-rekwiżiti issa jenħtieġ li jibdew japplikaw biex jiżguraw, minn naħa waħda, kundizzjonijiet ekwi fost is-CSDs kollha li joffru servizzi fir-rigward ta' strumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru u, min-naħa l-oħra, dawk l-awtoritajiet fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali għandhom l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tal-investitur u jimmonitorjaw l-istabbiltà finanzjarja.

(42)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 bħalissa jirrikjedi li l-ESMA tħejji, f'kooperazzjoni mal-EBA, mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet rilevanti, rapporti annwali dwar 12-il suġġett u tippreżenta dawk ir-rapporti lill-Kummissjoni annwalment. Dak ir-rekwiżit huwa sproporzjonat meta titqies in-natura ta' ċerti suġġetti li ma jeħtiġux aġġornament annwali. Għalhekk, jenħtieġ li l-frekwenza u l-għadd ta' dawk ir-rapporti jiġu kkalibrati mill-ġdid sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-ESMA u fuq l-awtoritajiet kompetenti filwaqt li jiġi żgurat li l-Kummissjoni tiġi pprovduta bl-informazzjoni li teħtieġ biex tirrevedi l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014. Madankollu, minħabba l-bidliet fir-reġim tad-dixxiplina tas-saldu tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 introdotti permezz ta' dan ir-Regolament, huwa xieraq li l-ESMA tintalab tħejji rapporti regolari lill-Kummissjoni dwar xi suġġetti addizzjonali, bħal miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn l-effiċjenza tas-saldu ta' CSD fuq perjodu ta' sitt xhur tkun ferm aktar baxxa mil-livelli medji tal-effiċjenza tas-saldu rreġistrati fis-suq tal-Unjoni u l-possibbiltà li jiġu applikati għodod regolatorji addizzjonali biex tittejjeb l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ESMA, f'kooperazzjoni mal-membri tas-SEBĊ, tippreżenta wkoll rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tqassir potenzjali taċ-ċiklu tas-saldu sabiex tinforma l-iżviluppi futuri potenzjali dwar dak is-suġġett. Jenħtieġ li l-EBA tħejji rapport annwali li jiffoka fuq is-sejbiet tal-awtoritajiet kompetenti bħala riżultat tal-monitoraġġ tagħhom tal-limitu għas-saldu tal-pagamenti fi flus kontanti. Fuq it-talba tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-ESMA tipprovdi analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji li jenħtieġ li tintuża bħala bażi għall-att ta' implimentazzjoni dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju.

(43)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE biex waqt li tiżviluppa l-parametri għall-kalkolu tal-livell ta' penali fi flus kontanti, tqis it-tul ta' żmien tan-nuqqas ta' saldu, il-livell ta' nuqqasijiet ta' saldu għal kull klassi ta' strumenti finanzjarji u l-effett li rati tal-imgħax baxxi jew negattivi jista' jkollhom fuq l-inċentivi tal-kontropartijiet u fuq in-nuqqasijiet, u biex tirrieżamina dawk il-parametri; u biex jiġi speċifikat liema kawżi sottostanti ta' nuqqas ta' saldu ma għandhomx jitqiesu attribwibbli lill-parteċipanti u liema operazzjonijiet ma għandhomx jitqiesu bħala negozjar. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, anke fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (13). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(44)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta, f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE u mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, standards tekniċi regolatorji żviluppati mill-EBA u mill-ESMA fir-rigward ta': l-ispeċifikazzjonijiet tal-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju rigward id-dettalji tal-mekkaniżmu tat-trasferiment, liema tipi ta' tranżazzjonijiet jeliminaw il-ħtieġa tal-proċess tax-xiri sfurzat u kif għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur meta jwettqu xiri sfurzat obbligatorju; l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata mis-CSDs ta' pajjiżi terzi; il-kundizzjonijiet għall-attivitajiet ta' CSD li għandhom jitqiesu ta' importanza sostanzjali; ir-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti minn CSD li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju; id-dettalji tal-kejl, il-monitoraġġ, il-ġestjoni u r-rappurtar tar-riskji tal-kreditu u tal-likwidità mis-CSDs fir-rigward tas-saldu nett differit; u l-livell limitu li taħtu s-CSDs jistgħu jużaw kwalunkwe istituzzjoni ta' kreditu biex isaldaw il-pagamenti fi flus kontanti; u r-rekwiżiti prudenzjali aġġornati dwar il-likwidità u r-regoli u l-proċeduri dwar ir-riskji tal-kreditu, tal-likwidità u tal-konċentrazzjoni fil-każ ta' CSDs awtorizzati li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju.

(45)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-emendi introdotti minn dan ir-Regolament, u b'mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni u s-sospensjoni ta' rekwiżiti ta' xiri sfurzat fejn dawk japplikaw, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dik is-setgħa tkun eżerċitata f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f'każijiet debitament ġustifikati relatati mal-applikazzjoni u s-sospensjoni tax-xiri sfurzat obbligatorju, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza.

(46)

Atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati skont l-Artikoli 290 u 291 TFUE jikkostitwixxu atti legali tal-Unjoni. Skont l-Artikoli 127(4) u 282(5) TFUE, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jiġi kkonsultat dwar kwalunkwe att propost tal-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu. Meta l-konsultazzjoni tal-BĊE tkun meħtieġa skont it-Trattati, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat kif xieraq dwar l-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament.

(47)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiżdied il-forniment ta' saldu transkonfinali mis-CCPs, li jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-kostijiet ta' konformità u li jiġi żgurat li l-awtoritajiet ikollhom informazzjoni suffiċjenti sabiex jimmonitorjaw ir-riskji, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(48)

L-applikazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni rivedut tar-regoli dwar il-penali fi flus kontanti, ir-rekwiżiti l-ġodda rigward l-istabbiliment ta' kulleġġi tas-superviżuri, il-preżentazzjoni ta' notifika minn CSDs ta' pajjiżi terzi tas-servizzi ewlenin li jipprovdu fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru, ir-regoli l-ġodda dwar is-saldu nett differit, il-livell limitu rivedut li taħtu l-istituzzjonijiet ta' kreditu jistgħu joffru li jsaldaw il-pagamenti fi flus kontanti għal parti mis-sistema ta' saldu tat-titoli tas-CSD u r-rekwiżiti prudenzjali riveduti applikabbli għall-istituzzjonijiet ta' kreditu jew għas-CSDs awtorizzati li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju skont l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jenħtieġ li jew jiġu differiti jew soġġetti għal dispożizzjonijiet tranżizzjonali xierqa biex jingħata żmien biżżejjed għall-adozzjoni tal-atti delegati meħtieġa li jispeċifikaw ulterjorment dawn ir-rekwiżiti. Minħabba l-emendi introdotti minn dan ir-Regolament fir-rigward tal-proċedura li tikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi Stat Membru ieħor, huwa xieraq ukoll li jiġu ċċarati r-regoli li għandhom japplikaw għall-forniment ta' servizzi mis-CSDs fi Stati Membri għajr l-Istat Membru tad-domiċilju u l-istabbiliment ta' fergħa fi Stat Membru ieħor. Minħabba l-emendi introdotti b’dan ir-Regolament fir-rigward tal-proċedura li tikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fi stat Membru ieħor, huwa xieraq ukoll li jiġu ċċarati r-regoli li għandhom japplikaw għall-forniment ta’ servizzi mis-CSDs fl-Istatli Membri għajr l-Istat Membru tad-domiċilju u għall-istabbiliment ta’ fergħa fi Stat Membru ieħor. Minħabba l-emendi introdotti b’dan ir-Regolament fir-rigward tal-frekwenza u l-kontenut tar-rapporti li l-ESMA jenħtieġ li tibgħat lill-Kummissjoni, jenħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontenut ta xi wħud minn dawk ir-rapporti tiġi deferita sabiex jiġi żgurat li l-ESMA jkollha biżżejjed żmien biex tħejji r-rapporti l-ġodda u li r-rapporti li jridu jitħejjew skont id-dispożizzjonijiet eżistenti biss ikunu jridu jaslu sat-30 ta’ April 2024.

(49)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 909/2014 u (UE) Nru 236/2012 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 909/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (26) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(26)

"inadempjenza" jew tfisser, fir-rigward ta' parteċipant, sitwazzjoni fejn jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (j), tad-Direttiva 98/26/KE, kontra parteċipant, jew tfisser avveniment definit fir-regoli interni tas-CSD bħala wieħed li jikkostitwixxi inadempjenza;";

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(47)

"grupp" tfisser grupp skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (11), tad-Direttiva 2013/34/UE;

(48)

"rabtiet mill-qrib" tfisser rabtiet mill-qrib kif definiti fl-Artikolu 4(1), il-punt (35), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(49)

"parteċipazzjoni kwalifikanti" tfisser parteċipazzjoni diretta jew indiretta f'CSD li tirrappreżenta mill-inqas 10 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, kif stipulat fl-Artikoli 9, 10 u 11 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tas-CSD;

(50)

"saldu nett differit" tfisser mekkaniżmu ta' saldu fejn ordnijiet ta' trasferiment ta' flus kontanti jew titoli fir-rigward ta' tranżazzjonijiet ta' titoli tal-parteċipanti fis-sistema ta' saldu tat-titoli jkunu soġġetti għal netting, u fejn iseħħ saldu tal-pretensjonijiet u l-obbligi netti tal-parteċipanti fi tmiem ċikli ta' saldu predefiniti matul jew fi tmiem il-jum ta' xogħol.

(*1)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).";"

(2)

fl-Artikolu 6(5), l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

"5.   L-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-miżuri għall-prevenzjoni ta' nuqqas ta' saldu sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-saldu u b'mod partikolari:

(a)

il-miżuri li għandhom jittieħdu mid-ditti ta' investiment f'konformità mal-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu;

(b)

id-dettalji tal-proċeduri li jiffaċilitaw is-saldu msemmi fil-paragrafu 3, li jistgħu jinkludu t-tfassil tad-daqsijiet tat-tranżazzjonijiet, is-saldu parzjali ta' negozji li qed ifallu u l-użu ta' programmi ta' awto-għoti/teħid ta' self ipprovduti minn ċerti CSDs; u

(c)

id-dettalji tal-miżuri biex jinkoraġġixxu u jinċentivaw is-saldu f'waqtu tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Lulju 2025."

;

(3)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 7

Miżuri għall-indirizzar ta' nuqqas ta' saldu

1.   Għal kull sistema ta' saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi sistema li timmonitorja nuqqas ta' saldu ta' tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1). Is-CSD għandu jipprovdi rapporti regolari lill-awtorità kompetenti u lill-awtoritajiet rilevanti fir-rigward tal-għadd u d-dettalji tan-nuqqasijiet ta' saldu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluż il-miżuri previsti mis-CSD u l-parteċipanti tiegħu sabiex itejbu l-effiċjenza tas-saldu. Dawk ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi mis-CSD f'forma aggregata u anonimizzata fuq bażi annwali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkondividu mal-ESMA kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar nuqqas ta' saldu.

2.   Għal kull sistema ta' saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi proċeduri li jiffaċilitaw is-saldu ta' tranżazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) li mhumiex saldati fid-data prevista tas-saldu. Dawn il-proċeduri għandhom jipprevedu mekkaniżmu ta' penali li għandu jservi bħala deterrent effettiv għall-parteċipanti li jikkawżaw nuqqas ta' saldu.

Qabel ma jistabbilixxi l-proċeduri msemmija fl-ewwel subparagrafu, CSD għandu jikkonsulta liċ-ċentri ta' negozjar u lis-CCPs rilevanti li jipprovdilhom servizzi ta' saldu.

Il-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi penali fi flus kontanti għall-parteċipanti li jikkawżaw nuqqas ta' saldu ("parteċipanti inadempjenti'). Il-penali fi flus kontanti għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi ta' kuljum għal kull jum ta' xogħol li tranżazzjoni tonqos milli tiġi saldata mid-data prevista tas-saldu sakemm it-tranżazzjoni jew tiġi saldata jew ikkanċellata b'mod bilaterali. Il-penali fi flus kontanti ma għandhomx jiġu kkonfigurati bħala sors ta' dħul għas-CSD.

3.   Il-penali fi flus kontanti msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tapplika għal:

(a)

nuqqas ta' saldu li l-kawża sottostanti tiegħu mhijiex attribwibbli għall-parteċipanti fit-tranżazzjoni;

(b)

operazzjonijiet li ma jitqisux bħala negozjar;

(c)

tranżazzjonijiet fejn il-parteċipant inadempjenti huwa CCP, ħlief għal tranżazzjonijiet konklużi minn CCP meta din ma tindaħalx bejn il-kontropartijiet; jew

(d)

tranżazzjonijiet fejn jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza kontra l-parteċipant inadempjenti.

4.   CCP tista' tistabbilixxi fir-regoli tagħha mekkaniżmu biex tkopri t-telf li tista' ġġarrab minħabba l-applikazzjoni tal-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu.

5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 67 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi jispeċifikaw il-parametri għall-kalkolu ta' deterrent u livell proporzjonat tal-penali fi flus kontanti msemmija fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu ta' dan l-Artikolu abbażi ta' dawn kollha li ġejjin:

(a)

tip ta' assi;

(b)

likwidità tal-istrument finanzjarju;

(c)

tip ta' tranżazzjoni;

(d)

it-tul ta' żmien tan-nuqqas ta' saldu.

Meta tispeċifika l-parametri msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis il-livell ta' nuqqas ta' saldu għal kull klassi ta' strumenti finanzjarji u l-effett li rati tal-imgħax baxxi jew negattivi jista' jkollhom fuq l-inċentivi tal-kontropartijiet u fuq in-nuqqasijiet ta’ saldu. Il-parametri użati għall-kalkolu tal-penali fi flus kontanti għandhom jiżguraw grad għoli ta' dixxiplina fir-rigward tas-saldu u l-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji kkonċernati.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-parametri għall-kalkolu tal-livell tal-penali fi flus kontanti fuq bażi regolari u mill-inqas kull erba' snin sabiex tivvaluta mill-ġdid l-adegwatezza u l-effettività tal-penali fi flus kontanti fil-kisba ta' livell ta' nuqqas ta' saldu fl-Unjoni meqjus aċċettabbli filwaqt li jitqies l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

6.   Sas-17 ta’ Jannar 2026, l-ESMA għandha tippubblika u żżomm aġġornata fuq is-sit web tagħha lista tal-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) li huma ammessi għan-negozjar jew innegozjati f'ċentru ta' negozjar jew ikklerjati minn CCP.

7.   Is-CSDs, is-CCPs u ċ-ċentri ta' negozjar għandhom jistabbilixxu proċeduri li jippermettulhom jissospendu, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom, kwalunkwe parteċipant li jonqos b'mod konsistenti u sistematiku milli jikkonsenja l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) fid-data prevista tas-saldu u jiddivulgaw lill-pubbliku l-identità tiegħu biss wara li l-parteċipant jingħata l-opportunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u dment li l-awtoritajiet kompetenti tas-CSDs, is-CCPs u ċ-ċentri ta' negozjar, u dawk ta' dak il-parteċipant kienu debitament informati. Minbarra li jikkonsultaw qabel kwalunkwe sospensjoni, is-CSDs, is-CCPs u ċ-ċentri ta' negozjar għandhom jinnotifikaw, mingħajr ebda dewmien, is-sospensjoni ta' parteċipant lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi. L-awtorità kompetenti għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet rilevanti dwar is-sospensjoni ta' parteċipant.

Id-divulgazzjoni pubblika ta' sospensjonijiet ma għandhiex tinkludi data personali kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2)..

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal parteċipanti inadempjenti li huma CCPs jew f'każijiet fejn jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza kontra l-parteċipant inadempjenti.

8.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika fejn iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar tal-ishma jkun jinsab f'pajjiż terz. Il-post fejn ikun jinsab iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar tal-ishma għandu jiġi ddeterminat f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012.

9.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 67 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika:

(a)

il-kawżi sottostanti ta' nuqqas ta' saldu li jitqiesu bħala mhux attribwibbli għall-parteċipanti fit-tranżazzjoni skont il-paragrafu 3, il-punt (a), ta' dan l-Artikolu; u

(b)

iċ-ċirkostanzi li fihom l-operazzjonijiet ma jitqisux bħala negozjar skont il-paragrafu 3, il-punt (b), ta' dan l-Artikolu.

10.   L-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika:

(a)

id-dettalji tas-sistema li timmonitorja nuqqas ta' saldu u r-rapporti dwar nuqqas ta' saldu msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

il-proċessi għall-ġbir u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-penali fi flus kontanti u kwalunkwe rikavat ieħor possibbli minn tali penali f'konformità mal-paragrafu 2;

(c)

il-kundizzjonijiet li skonthom parteċipant jitqies li jonqos b'mod konsistenti u sistematiku, milli jikkonsenja l-istrumenti finanzjarji kif imsemmi fil-paragrafu 7.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 7a

Proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju

1.   Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-Artikolu 7(2) u d-dritt li t-tranżazzjoni tiġi kkanċellata bilateralment, wara konsultazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku u abbażi tal-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji pprovduta mill-ESMA skont l-Artikolu 74(4), il-Kummissjoni tista', permezz ta' att ta' implimentazzjoni, tiddeċiedi għal liema strument finanzjarju msemmi fl-Artikolu 5(1) jew kategoriji ta' tranżazzjonijiet f'dawk l-istrumenti finanzjarji għandu jiġi applikat ilproċess ta' xiri sfurzat obbligatorju msemmi fil-paragrafi 4 sa 10 ta' dan l-Artikolu fejn il-Kummissjoni tqis li x- xiri sfurzat obbligatorju jikkostitwixxi mezz meħtieġ, xieraq u proporzjonat biex jiġi indirizzat il-livell ta' nuqqas ta' saldu fl-Unjoni.

Il-Kummissjoni tista' tadotta l-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu f'każ biss li jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-Artikolu 7(2) ma tkunx irriżultat fi tnaqqis fit-tul u sostenibbli tan-nuqqas ta' saldu jew fiż-żamma ta' livell imnaqqas ta' nuqqas ta' saldu fl-Unjoni, anke wara rieżami tal-livell ta' penali fi flus kontanti f'konformità mal-Artikolu 7(5), it-tieni subparagrafu;

(b)

il-livell ta' nuqqas ta' saldu fl-Unjoni għandu jew x'aktarx ikollu effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

Għall-finijiet li tintlaħaq id-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-impatt potenzjali tal-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju fuq is-swieq finanzjarji fl-Unjoni;

(b)

l-għadd, il-volum u t-tul ta' żmien ta' nuqqasijiet ta' saldu, inkluż l-għadd u l-volum ta' nuqqasijiet ta' saldu li jkunu pendenti fi tmiem il-perjodu ta' estensjoni msemmi fil-paragrafu 4;

(c)

jekk strument finanzjarju partikolari jew kategorija ta' tranżazzjonijiet f'dak l-istrument finanzjarju humiex diġà soġġetti għal dispożizzjonijiet kuntrattwali xierqa li jipprevedu dritt għall-parteċipanti li jirċievu li jiskattaw xiri sfurzat.

L-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 68(2). Għandu jispeċifika data ta' applikazzjoni li ma tkunx aktar kmieni minn sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

2.   L-ESMA għandha tippubblika u żżomm aġġornata fuq is-sit web tagħha lista tal-istrumenti finanzjarji determinati mill-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

3.   Qabel ma tadotta l-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha:

(a)

tivvaluta l-effettività u l-proporzjonalità tal-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-Artikolu 7(2) u, fejn xieraq, tbiddel l-istruttura jew is-severità tal-mekkaniżmu ta' penali sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni;

(b)

tikkunsidra jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 humiex issodisfati, minkejja l-applikazzjoni minn qabel tal-mekkaniżmu ta’ penali msemmi fl-Artikolu 7(2) u r-raġunament biex l-istrumenti finanzjarji u l-kategoriji ta' tranżazzjonijiet speċifiċi jkunu soġġetti għal xiri sfurzat obbligatorju, u l-implikazzjonijiet potenzjali fir-rigward tal-kostijiet ta' dan.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt li tiġi kkanċellata tranżazzjoni b'mod bilaterali, meta l-Kummissjoni tkun adottat att ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 1 u meta parteċipant inadempjenti ma jkunx wassal l-istrumenti finanzjarji koperti minn dak l-att ta' implimentazzjoni lill-parteċipant riċeventi f'perjodu mid-data prevista tas-saldu maħsuba ("perjodu ta' estensjoni") ta' ħamest ijiem ta' xogħol, għandu jinbeda proċess ta' xiri sfurzat obligatorju.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, abbażi tat-tip ta' assi u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati, il-perjodu ta' estensjoni jista' jiżdied sa mhux aktar minn sebat ijiem ta' xogħol meta perjodu ta' estensjoni iqsar ikun jaffettwa l-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji kkonċernati.

B'deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi, fejn it-tranżazzjoni tirrigwarda strument finanzjarju nnegozjat f'suq tat-tkabbir tal-SMEs, il-perjodu tal-estensjoni għandu jkun 15-il jum ta' xogħol dment li s-suq tat-tkabbir tal-SMEs ma jiddeċidix li japplika perjodu iqsar.

5.   L-istrumenti soġġetti għall-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju għandhom ikunu disponibbli għas-saldu u kkonsenjati lill-parteċipant li jirċievi fi żmien xieraq.

6.   Meta jkun hemm nuqqas ta' saldu f'katina ta' tranżazzjonijiet li jirriżultaw f'nuqqas ta' saldu fi tranżazzjonijiet sussegwenti fil-katina, kull parteċipant għandu jkollu d-dritt li jgħaddi l-obbligu tiegħu li jibda x-xiri sfurzat obbligatorju lill-parteċipant li jmiss fil-katina.

Il-parteċipant intermedju li jirċievi għandu jitqies li jikkonforma mal-obbligu li jeżegwixxi xiri sfurzat obbligatorju kontra l-parteċipant inadempjenti meta jittrasferixxi l-obbligu tiegħu f'konformità mal-ewwel subparagrafu. Il-parteċipant intermedju li jirċievi jista' jgħaddi wkoll lill-parteċipant inadempjenti l-obbligi tiegħu lejn il-parteċipant finali li jirċievi skont il-paragrafi 8, 9 u 10.

Is-CSD rilevanti għandu jiġi infurmat dwar kif it-tranżazzjoni li falliet ġiet riżolta tul il-katina ta' tranżazzjonijiet.

7.   Il-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju msemmi fil-paragrafu 4 ma għandux japplika għal:

(a)

in-nuqqas ta’ saldu, l-operazzjonijiet u t-tranżazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 7(3);

(b)

tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli;

(c)

tipi oħra ta' tranżazzjonijiet li jeliminaw il-ħtieġa tal-proċess tax-xiri sfurzat;

(d)

tranżazzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu ta' penali msemmi fl-Artikolu 7(2), meta l-prezz tal-istrumenti finanzjarji maqbul fil-mument tan-negozju jkun differenti mill-prezz imħallas għall-eżekuzzjoni tax-xiri sfurzat, id-differenza għandha titħallas mill-parteċipant li jibbenefika mid-differenza fil-prezz lill-parteċipant l-ieħor sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta' xogħol wara l-konsenja tal-istrumenti finanzjarji wara x-xiri sfurzat.

9.   Jekk ix-xiri sfurzat ma jsirx jew ma jkunx possibbli, il-parteċipant li jirċievi jista' jagħżel jew li jitħallas kumpens fi flus kontanti inkella li jiddiferixxi l-eżekuzzjoni tax-xiri sfurzat għal data xierqa aktar tard ("perjodu ta' differiment"). Jekk l-istrumenti finanzjarji rilevanti ma jiġux ikkonsenjati lill-parteċipant li jirċievi sa tmiem il-perjodu ta' differiment, għandu jitħallas kumpens fi flus kontanti lill-parteċipant li jirċievi.

Il-kumpens fi flus kontanti għandu jitħallas sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta' xogħol wara tmiem il-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju msemmi fil-paragrafu 4 jew, fil-każijiet fejn il-parteċipant li jirċievi jagħżel li jiddiferixxi l-eżekuzzjoni tax-xiri, il-perjodu ta' differiment.

10.   Il-parteċipant inadempjenti għandu jirrimborża l-entità li teżegwixxi x-xiri sfurzat għall-ammonti kollha mħallsa b'rabta mal-proċedura ta' xiri sfurzat obbligatorju mibdija skont il-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, inkluż kwalunkwe tariffa ta' eżekuzzjoni li tirriżulta mix-xiri sfurzat. Tali tariffi għandhom ikunu ddivulgati b'mod ċar lill-parteċipanti.

11.   Il-paragrafi 4 sa 10 għandhom japplikaw għat-tranżazzjonijiet kollha tal-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) li huma ammessi għan-negozjar jew huma nnegozjati f'ċentru ta' negozjar jew ikklerjati minn CCP kif ġej:

(a)

għal tranżazzjonijiet ikklerjati minn CCP, is-CCP għandu jkun l-entità li teżegwixxi x-xiri sfurzat skont il-paragrafi 4 sa 10;

(b)

għal tranżazzjonijiet mhux ikklerjati minn CCP iżda eżegwiti f'ċentru ta' negozjar, iċ-ċentru ta' negozjar għandu jinkludi fir-regoli interni tiegħu obbligu għall-membri tiegħu u l-parteċipanti tiegħu li japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 4 sa 10;

(c)

għat-tranżazzjonijiet l-oħra kollha għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) ta' dan is-subparagrafu, is-CSDs għandhom jinkludu fir-regoli interni tagħhom obbligu għall-parteċipanti tagħhom sabiex dawn ikunu soġġetti għall-miżuri msemmija fil-paragrafi 4 sa 10.

CSD għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għas-saldu lis-CCPs u liċ-ċentri ta' negozjar sabiex dawn jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-paragrafu.

Mingħajr preġudizzju għall-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, is-CSDs jistgħu jimmonitorjaw l-eżekuzzjoni tax-xirjiet sfurzati msemmija f'dawk il-punti fir-rigward ta' struzzjonijiet ta' saldu multipli, fuq l-istess strumenti finanzjarji u bl-istess data ta' skadenza tal-perjodu ta' eżekuzzjoni, bil-għan li jnaqqsu l-għadd ta' xirjiet sfurzati li għandhom jiġu eżegwiti u b'hekk l-impatt fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji rilevanti.

12.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika fejn iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar tal-ishma jkun jinsab f'pajjiż terz. Il-post fejn ikun jinsab iċ-ċentru prinċipali għan-negozjar tal-ishma għandu jiġi ddeterminat f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012.

13.   L-ESMA tista' tirrakkomanda li l-Kummissjoni tissospendi b'mod proporzjonat il-mekkaniżmu tax-xiri sfurzat imsemmi fil-paragrafi 4 sa 10 għal kategoriji speċifiċi ta' strumenti finanzjarji fejn meħtieġ biex tiġi evitata jew indirizzata theddida serja għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-funzjonament ordnat tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni. Tali rakkomandazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni motivata bis-sħiħ tan-neċessità tagħha u ma għandhiex issir pubblika.

Qabel ma tagħmel ir-rakkomandazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-membri tas-SEBĊ u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed wara li tirċievi r-rakkomandazzjoni, abbażi tar-raġunijiet u l-evidenza pprovduti mill-ESMA, jew tissospendi l-mekkaniżmu tax-xiri sfurzat obbligatorju msemmi fil-paragrafi 4 sa 10 għall-kategoriji speċifiċi ta' strumenti finanzjarji permezz ta' att ta' implimentazzjoni, jew tirrifjuta s-sospensjoni rakkomandata. Fejn il-Kummissjoni tirrifjuta s-sospensjoni rakkomandata, għandha tipprovdi r-raġunijiet għal dan bil-miktub lill-ESMA. Dik l-informazzjoni ma għandhiex issir pubblika.

L-att ta' implimentazzjoni msemmi fit-tielet subparagrafu għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 68(3).

Is-sospensjoni tal-mekkaniżmu tax-xiri sfurzat obbligatorju għandha tiġi kkomunikata lill-ESMA u għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Is-sospensjoni tal-mekkaniżmu tax-xiri sfurzat obbligatorju għandha tkun valida għal perjodu inizjali ta' mhux aktar minn sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dik is-sospensjoni.

Fejn ir-raġunijiet għas-sospensjoni jkunu għadhom japplikaw, il-Kummissjoni tista', permezz ta' att ta' implimentazzjoni, testendi s-sospensjoni għal perjodi addizzjonali ta' mhux aktar minn tliet xhur kull wieħed, bil-perjodu totali tas-sospensjoni ma jaqbiżx it-12-il xahar. Kull estensjoni tas-sospensjoni għandha tiġi ppubblikata f'konformità mal-ħames subparagrafu.

L-att ta' implimentazzjoni msemmi fis-seba' subparagrafu għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 68(3). L-ESMA, fi żmien biżżejjed qabel tmiem is-sospensjoni msemmija fis-sitt subparagrafu jew l-estensjoni msemmija fis-seba' subparagrafu, għandha toħroġ opinjoni lill-Kummissjoni dwar jekk għadhomx japplikaw ir-raġunijiet għas-sospensjoni.

14.   Fejn il-Kummissjoni tkun adottat att ta' implimentazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1, hija għandha tirrieżamina dik id-deċiżjoni fuq bażi regolari u mill-inqas kull erba' snin sabiex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stipulati f'dak il-paragrafu għadhomx issodisfati.

Meta l-Kummissjoni tqis li x-xiri sfurzat obbligatorju ma jkunx għadu ġustifikat jew ma jindirizzax in-nuqqas ta' saldu fl-Unjoni u ma jibqax aktar meħtieġ, xieraq jew proporzjonat, hija għandha, mingħajr dewmien, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jemendaw jew iħassru l-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

L-att ta' implimentazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

Fejn l-ESMAtqis li x-xiri sfurzat obbligatorju ma jkunx għadu ġustifikat jew ma jindirizzax in-nuqqas ta' saldu fl-Unjoni u ma jibqax aktar meħtieġ, xieraq jew proporzjonat, hija tista' tirrakkomanda li l-Kummissjoni temenda jew tħassar l-att ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1. Il-paragrafu 13, l-ewwel subparagrafu sar-raba' subparagrafu, għandhom japplikaw mutatis mutandis.

15.   L-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika aktar:

(a)

id-dettalji tal-operazzjoni tal-proċess tax-xiri sfurzat xieraq imsemmi fil-paragrafi 4 sa 10, inkluż il-perjodi ta' żmien xierqa, kalibrati b’kont meħud tat-tip ta’ assi u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji, għall-konsenja tal-istrument finanzjarju wara l-proċess tax-xiri sfurzat;

(b)

iċ-ċirkostanzi li skonthom il-perjodu ta' estensjoni jista' jittawwal skont it-tip ta' assi u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji, f'konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, b'kont meħud tal-kriterji għall-valutazzjoni tal-likwidità skont l-Artikolu 2(1), il-punt (17), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(c)

id-dettalji tal-mekkaniżmu ta' trasferiment skont il-paragrafu 6;

(d)

tipi oħra ta' tranżazzjonijiet li jeliminaw il-ħtieġa tal-proċess ta' xiri sfurzat kif imsemmi fil-paragrafu 7, il-punt (c), bħal arranġamenti kollaterali finanzjarji jew tranżazzjonijiet li jinkludu dispożizzjonijiet ta' netting b'saldu antiċipat;

(e)

metodoloġija għall-kalkolu tal-kumpens fi flus kontanti msemmi fil-paragrafu 9;

(f)

l-informazzjoni meħtieġa għas-saldu msemmija fil-paragrafu 11, it-tieni subparagrafu; u.

(g)

id-dettalji ta' kif il-parteċipanti tas-CSDs, is-CCPs u l-membri taċ-ċentru ta' negozjargħandhom iqisu l-ispeċifiċitajiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur meta jeżegwixxu x-xiri sfurzat obbligatorju f'konformità mal-paragrafu 11.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards regolatorji tekniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.";

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)." "

(4)

fl-Artikolu 12(1), il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(b)

il-banek ċentrali fl-Unjoni li joħorġu l-muniti l-aktar rilevanti li fihom jitwettaq jew ser jitwettaq is-saldu;

(c)

fejn rilevanti, il-bank ċentrali fl-Unjoni li fil-kotba tiegħu jiġu ssaldata jew ser jiġu ssaldata l-pagamenti ta' sistema ta' saldu tat-titoli operata mis-CSD.";

(5)

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn CSD li japplika ma jikkonformax mar-rekwiżiti kollha ta' dan ir-Regolament, iżda fejn jista' jiġi preżunt b'mod raġonevoli li ser jagħmel dan meta jibda l-attivitajiet tiegħu, l-awtorità kompetenti tista' tagħti l-awtorizzazzjoni soġġetta bil-kundizzjoni li s-CSD li japplika jkollu l-arranġamenti meħtieġa kollha fis-seħħ biex jikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament meta jibda l-attivitajiet tiegħu.";

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.   Mill-mument meta l-applikazzjoni titqies kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat l-informazzjoni kollha inkluża fl-applikazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti u għandha tikkonsulta lil dawk l-awtoritajiet rigward il-karatteristiċi tas-sistema ta' saldu tat-titoli operata mis-CSD li japplika.

Kull awtorità rilevanti tista' toħroġ opinjoni motivata fl-oqsma ta' kompetenza tagħha lill-awtorità kompetenti fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni mill-awtorità rilevanti. Meta awtorità rilevanti ma tagħtix opinjoni sa dik l-iskadenza, hija għandha titqies li għandha opinjoni pożittiva.

Meta mill-inqas waħda mill-awtoritajiet rilevanti toħroġ opinjoni motivata negattiva, u l-awtorità kompetenti xorta waħda tkun biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni, dik l-awtorità kompetenti, fi żmien xahar minn meta tirċievi l-opinjoni negattiva, għandha tipprovdi lill-awtoritajiet rilevanti bir-raġunijiet għaliex biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni minkejja l-opinjoni negattiva.

Kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet rilevanti li tkun ħarġet opinjoni negattiva msemmija fit-tielet subparagrafu tista' tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA għall-assistenza skont l-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Meta l-kwistjoni ma tiġix solvuta fi żmien xahar mir-riferiment lill-ESMA, l-awtorità kompetenti li tkun biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni għandha tieħu deċiżjoni finali u tipprovdi lill-awtoritajiet rilevanti bi spjegazzjoni dettaljata tad-deċiżjoni tagħha bil-miktub.

Meta l-awtorità kompetenti tkun biħsiebha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni, il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferuta lill-ESMA.

Opinjoni negattiva msemmija fit-tielet subparagrafu għandha tiddikjara bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għaliex ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament jew rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni ma ġewx issodisfati."

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"7a.   Minbarra li tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 6, l-awtorità kompetenti tista', qabel ma tagħti awtorizzazzjoni lis-CSD li japplika, tikkonsulta awtoritajiet oħra li jissorveljaw entità li għandha parteċipazzjoni kwalifikanti fis-CSD li japplika dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7."

;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"8a.   L-awtorità kompetenti għandha tinforma, mingħajr dewmien żejjed, lill-awtoritajiet ikkonsultati skont il-paragrafi 4 sa 7a bir-riżultat tal-proċess tal-awtorizzazzjoni, inkluż kwalunkwe azzjoni ta' rimedju."

;

(6)

fl-Artikolu 19, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   L-għoti ta' awtorizzazzjoni biex jiġi esternalizzat servizz ewlieni lil parti terza skont il-paragrafu 1 jew biex jiġu estiżi l-attivitajiet skont il-paragrafu 1, il-punti (a), (c) u (d), għandu jsegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

L-għoti ta' awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (b), għandu jsegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(1), (2), (3), (5) u (8a).

L-għoti ta' awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, il-punt (e), għandu jsegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(1), (2) u (3).

L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lis-CSD li japplika dwar jekk l-awtorizzazzjoni ngħatatx jew ġietx miċħuda fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni ta' applikazzjoni kompluta."

(7)

fl-Artikolu 20, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"5.   CSD għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm proċedura adegwata biex jiżgura s-saldu u t-trasferiment f'waqthom u ordnati tat-trasferiment tal-assi tal-klijenti u l-parteċipanti lil CSD ieħor fil-każ tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Tali proċeduri għandhom jinkludu t-trasferiment ta' kontijiet tal-ħruġ jew rekords simili li jixhdu l-ħruġ ta' titoli, u rekords marbuta mal-forniment tas-servizzi ewlenin imsemmija fil-punti 1 u 2 tat-Taqsima A tal-Anness."

;

(8)

L-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   L-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati minn CSD, inkluż il-pjanijiet imsemmija fl-Artikolu 22a, fir-rigward tal-konformità ma' dan ir-Regolament u għandha tevalwa r-riskji li s-CSD huwa espost għalihom, jew li jista' jkun espost għalihom, jew li joħloq, għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli jew l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-frekwenza u l-profondità tar-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu billi tqis id-daqs, l-importanza sistemika, il-profil tar-riskju, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-CSD ikkonċernat.

Ir-rieżami u l-evalwazzjoni għandhom iseħħu mill-inqas kull tliet snin."

;

(b)

il-paragrafi 2, 3 u 4 huma mħassra;

(c)

il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

"6.   Meta twettaq ir-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha, fi stadju bikri, tibgħat l-informazzjoni meħtieġa lill-awtoritajiet rilevanti u, fejn applikabbli, lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE, u għandha tikkonsultahom dwar jekk ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jew rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni huma ssodisfati mis-CSD fir-rigward tal-funzjonament tas-sistemi ta' saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD.

L-awtoritajiet ikkonsultati jistgħu joħorġu opinjoni motivata fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-informazzjoni mill-awtorità kompetenti.

Meta awtorità kkonsultata ma tagħtix opinjoni sa dik l-iskadenza, hija għandha titqies li għandha opinjoni pożittiva.

Meta awtorità kkonsultata toħroġ opinjoni negattiva motivata u l-awtorità kompetenti ma taqbilx magħha, dik l-awtorità kompetenti għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi l-opinjoni negattiva, tipprovdi lill-awtorità kkonsultata raġunament li jindirizza l-opinjoni negattiva.

Kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet ikkonsultati li tkun ħarġet opinjoni negattiva tista' tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA għall-assistenza skont l-Artikolu 31(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Meta l-kwistjoni ma tiġix solvuta fi żmien xahar mir-riferiment tagħha lill-ESMA, l-awtorità kompetenti għandha tieħu d-deċiżjoni finali dwar ir-rieżami u l-evalwazzjoni u tipprovdi spjegazzjoni dettaljata tad-deċiżjoni tagħha bil-miktub lill-awtoritajiet rilevanti.

Opinjonijiet negattivi msemmija fir-raba' subparagrafu għandhom jiddikjaraw bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għaliex ir-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament jew f'rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni ma ġewx issodisfati.

7.   L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-awtoritajiet rilevanti, l-ESMA u, fejn applikabbli, lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a ta' dan ir-Regolament u lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE bir-riżultati tar-rieżami u tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż kwalunkwe azzjoni ta' rimedju jew penali."

;

(d)

il-paragrafu 10 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(b)

l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi f'konformità mal-paragrafu 7;";

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.";

(e)

fil-paragrafu 11, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025 ";

(9)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 22a

Pjanijiet għall-irkupru u stralċ ordnat

1.   Is-CSD għandu jidentifika xenarji li potenzjalment jistgħu jżommuh milli jkun jista' jipprovdi l-operazzjonijiet u s-servizzi kritiċi tiegħu bħala negozju attiv u jivvaluta l-effettività ta' firxa sħiħa ta' għażliet għall-irkupru jew għal stralċ ordnat. Dawk ix-xenarji għandhom iqisu d-diversi riskji indipendenti u relatati li għalihom ikun espost is-CSD. Bl-użu ta' dik l-analiżi, is-CSD għandu jħejji pjanijiet xierqa għall-irkupru jew għall-istralċ ordnat tiegħu u jippreżentahom lill-awtorità kompetenti.

2.   Il-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom iqisu d-daqs, l-importanza sistemika, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-CSD ikkonċerna u jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)

sommarju sostantiv tal-istrateġiji ewlenin ta' rkupru jew ta' stralċ ordnat;

(b)

identifikazzjoni tal-operazzjonijiet u tas-servizzi kritiċi tas-CSD;

(c)

proċeduri adegwati li jiżguraw il-ġbir ta' kapital addizzjonali f’każijiet fejn il-kapital ta' ekwità ta' CSD joqrob jew jaqa' taħt ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 47(1);

(d)

proċeduri adegwati li jippermettu l-istralċ jew ir-ristrutturazzjoni ordnati tal-operazzjonijiet u s-servizzi tas-CSD fejn is-CSD ma jkunx jista' jiġbor kapital ġdid;

(e)

proċeduri adegwati li jiżguraw is-saldu u t-trasferiment f'waqthom u b'mod ordnat tal-assi tal-klijenti u tal-parteċipanti għal CSD ieħor f'każ li jsir dejjem impossibbli għas-CSD li jirkupra l-operazzjonijiet u s-servizzi kritiċi tiegħu;

(f)

deskrizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ewlenin.

3.   Is-CSD għandu jkollu l-kapaċità li jidentifika u jipprovdi lill-entitajiet relatati l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet fil-ħin matul ix-xenarji ta' stress.

4.   Il-pjanijiet għandhom jiġu approvati mill-korp maniġerjali jew minn kumitat xieraq tal-korp maniġerjali.

5.   Is-CSD, regolarment u tal-anqas kull sentejn, għandu jirrieżamina u jaġġorna l-pjanijiet Kull aġġornament tal-pjanijiet għandu jiġi pprovdut lill-awtorità kompetenti.

6.   Fejn l-awtorità kompetenti tqis li l-pjanijiet tas-CSD huma insuffiċjenti, l-awtorità kompetenti tista' titlob lis-CSD jieħu miżuri addizzjonali jew jiżviluppa miżuri alternattivi.

7.   Fejn CSD ikun soġġett għad-Direttiva 2014/59/UE u jkun tfassal pjan ta' rkupru skont dik id-Direttiva, is-CSD għandu jipprovdi dak il-pjan ta' rkupru lill-awtorità kompetenti.

Fejn pjan ta' riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59/UE, jew pjan simili skont il-liġi nazzjonali bl-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi ewlenin ta’ CSD, ikun stabbilit u miżmum għal CSD, l-awtorità ta' riżoluzzjoni jew, fejn ma teżisti l-ebda awtorità bħal din, l-awtorità kompetenti, għandha tinforma lill-ESMA bl-eżistenza ta’ tali pjan.

Fejn il-pjan ta' rkupru u l-pjan ta' riżoluzzjoni mfassla skont id-Direttiva 2014/59/UE, jew kwalunkwe pjan simili skont il-liġi nazzjonali, ikun fihom l-elementi kollha elenkati fil-paragrafu 2, is-CSD ma għandux ikun meħtieġ iħejji l-pjanijiet skont il-paragrafu 1.“;

(10)

fl-Artikolu 23, il-paragrafi 2 u 7 huma sostitwiti b'dan li ġej:

"2.   CSD awtorizzat jew CSD li jkun applika għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17 li jkun biħsiebu jipprovdi s-servizzi ewlenin imsemmija fil-punti 1 u 2 tat-Taqsima A tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru ieħor imsemmi fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), jew jistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafi 3 sa 9 ta' dan l-Artikolu. Is-CSD jista' jipprovdi t-tali servizzi biss wara li jkun ġie awtorizzat skont l-Artikolu 17 u mhux qabel id-data applikabbli f'konformità mal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu.

3.   Kwalunkwe CSD li biħsiebu jipprovdi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru ieħor imsemmija fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), għall-ewwel darba, jew biex tinbidel il-firxa ta' dawk is-servizzi pprovduti, għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju:

(a)

l-Istat Membru ospitanti;

(b)

programm ta' operazzjonijiet li jiddikjara b'mod partikolari s-servizzi li s-CSD biħsiebu jipprovdi, inkluż it-tip ta' strumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti li fir-rigward tagħhom is-CSD biħsiebu jipprovdi t-tali servizzi;

(c)

il-munita jew muniti li s-CSD ikun biħsiebu jipproċessa;

(d)

valutazzjoni tal-miżuri li s-CSD ikun biħsiebu jieħu biex jippermetti li l-utenti tiegħu jikkonformaw mal-liġi tal-Istat Membru ospitanti msemmija fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), fir-rigward ta' ishma.

4.   CSD li jkun biħsiebu jistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor għall-ewwel darba jew li jibdel il-firxa tas-servizz ewlieni msemmi fit-Taqsima A, il-punti 1, tal-Anness, jew tas-servizz ewlieni msemmi fit-Taqsima A, il-punt 2, tal-Anness, mogħtija permezz ta' fergħa, għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju:

(a)

l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b) u (c);

(b)

l-istruttura organizzattiva tal-fergħa u l-ismijiet tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni tal-fergħa;

(c)

valutazzjoni tal-miżuri li s-CSD ikun biħsiebu jieħu biex jippermetti li l-utenti tiegħu jikkonformaw mal-liġi tal-Istat Membru ospitanti msemmija fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), fir-rigward ta' ishma.

5.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (d), jew fil-paragrafu 4, il-punt (c), kif applikabbli, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti mingħajr dewmien żejjed. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista' tagħti opinjoni mhux vinkolanti dwar dik il-valutazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju fi żmien xahar minn meta tirċievi dik il-valutazzjoni.

6.   Fi żmien xahrejn mill-wasla tal-informazzjoni kompluta msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b) u (c), jew il-paragrafu 4, il-punti (a) u (b), kif applikabbli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti sakemm, meta tqis il-forniment tas-servizzi previsti, ma jkollhiex raġunijiet biex tiddubita l-adegwatezza tal-istruttura amministrattiva jew is-sitwazzjoni finanzjarja tas-CSD li biħsiebu jipprovdi servizzi fl-Istat Membru ospitanti jew l-adegwatezza tal-miżuri li s-CSD biħsiebu jieħu f'konformità mal-paragrafu 3, il-punt (d), jew fil-paragrafu 4, il-punt (c), kif applikabbli. F'dak il-perjodu, meta s-CSD diġà jkun jipprovdi servizzi lil Stati Membri ospitanti oħra, inkluż permezz ta' fergħa, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tinforma lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tgħarraf mingħajr dewmien lill-awtoritajiet rilevanti ta' dak l-Istat Membru bi kwalunkwe komunikazzjoni li tkun irċeviet skont l-ewwel subparagrafu.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tinforma minnufih lis-CSD bid-data li fiha tkun bagħtet il-komunikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

7.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiddeċiedi f'konformità mal-paragrafu 6 li ma tikkomunikax l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 jew fil-paragrafu 4, kif applikabbli, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, hija għandha tipprovdi r-raġunijiet għar-rifjut tagħha lis-CSD ikkonċernat fi żmien xahrejn mill-wasla ta' dik l-informazzjoni u għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membri ospitanti u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a bid-deċiżjoni tagħha.

8.   Is-CSD jista' jibda jipprovdi servizzi jew jistabbilixxi fergħa kif imsemmi fil-paragrafu 2 mhux qabel 15-il jum kalendarju wara d-data li fiha tkun intbagħtet il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.

9.   F'każ ta' bidla fl-informazzjoni stabbilita fid-dokumenti ppreżentati f'konformità mal-paragrafu 3 jew il-paragrafu 4, kif applikabbli, is-CSD għandu javża bil-miktub dwar il-bidla lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta l-bidla. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-kulleġġ imsemmija fl-Artikolu 24a għandhom jiġu infurmati wkoll b'dik il-bidla mingħajr dewmien mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju.

10.   L-ESMA tista' toħroġ linji gwida f'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 biex tispeċifika l-ambitu tal-valutazzjoni li s-CSD għandu jipprovdi skont il-paragrafu 3, il-punt (d), u l-paragrafu 4, il-punt (c), ta' dan l-Artikolu."

;

(11)

L-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1 jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

"L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tista' tistieden persunal mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u mill-ESMA biex jipparteċipaw fi spezzjonijiet fuq il-post.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tibgħat lill-ESMA u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a s-sejbiet tal-ispezzjonijiet fuq il-post u l-informazzjoni dwar kwalunkwe azzjoni ta' rimedju jew penali deċiżi minn dik l-awtorità kompetenti.";

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tas-CSD għandha, fuq it-talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u mingħajr dewmien, tikkomunika l-identità tal-emittenti stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti u tal-parteċipanti li huma detenturi ta' strumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti fis-sistemi ta' saldu tat-titoli operati mis-CSD li jipprovdi servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A, il-punti 1 u 2, tal-Anness fir-rigward ta' strumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi tal-Istat Membru ospitanti, u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti rigward l-attivitajiet ta' CSD li jipprovdi servizzi ewlenin fl-Istat Membru ospitanti permezz ta' fergħa."

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"5.   Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli biex temmen li CSD li jipprovdi servizzi fit-territorju tagħha f'konformità mal-Artikolu 23 ikun qed jikser l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, lill-ESMA u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a b'dawk is-sejbiet.

Meta, minkejja miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, is-CSD jippersisti fil-ksur tal-obbligi li ġejjin mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha, wara li tkun informat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ġewwa t-territorju tal-Istat Membru ospitanti. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tinforma lill-ESMA u lill-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a b'tali miżuri mingħajr dewmien żejjed.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jistgħu jirreferu din il-kwistjoni lill-ESMA, li tista' taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010."

;

(e)

il-paragrafi 7 jitħassar;

(12)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 24a

Kulleġġ ta' superviżuri

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tistabbilixxi kulleġġ ta' superviżuri biex iwettaq il-kompiti msemmija fil-paragrafu 8 fir-rigward ta' CSD li l-attivitajiet tiegħu jitqiesu ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u l-protezzjoni tal-investituri f'mill-inqas żewġ Stati Membri ospitanti.

2.   Il-kulleġġ għandu jiġi stabbilit fi żmien xahar mid-data meta:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiddetermina li l-attivitajiet imwettqa mis-CSD f'mill-inqas żewġ Stati Membri ospitanti huma ta' importanza sostanzjali; jew

(b)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiġi nnotifikata minn waħda mill-entitajiet elenkati fil-paragrafu 4 li l-attivitajiet imwettqa mis-CSD f'mill-inqas żewġ Stati Membri ospitanti huma ta' importanza sostanzjali.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tmexxi u tippresiedi l-kulleġġ.

4.   Il-kulleġġ għandu jkun magħmul:

(a)

mill-ESMA;

(b)

mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju;

(c)

mill-awtoritajiet rilevanti msemmija fl-Artikolu 12;

(d)

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti fejn l-attivitajiet tas-CSD huma ta' importanza sostanzjali;

(e)

mill-EBA, fejn is-CSD ikun ġie awtorizzat skont l-Artikolu 54(3).

5.   Meta l-attivitajiet ta' CSD li għalih ikun stabbilit kulleġġ ma jkunux ta' importanza sostanzjali fi Stat Membru fejn sussidjarja li tappartjeni għall-istess grupp ta' kumpaniji bħas-CSD, jew l-impriża prinċipali tiegħu, tkun stabbilita jew meta s-CSD li għalih ikun stabbilit kulleġġ ikun intitolat li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 23(2), l-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti ta' dak l-Istat Membru għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-kulleġġ fuq talba tagħhom.

6.   Il-presidenza għandha tinnotifika l-kompożizzjoni tal-kulleġġ lill-ESMA fi żmien xahar mill-istabbiliment tal-kulleġġ u kwalunkwe bidla fil-kompożizzjoni tiegħu fi żmien xahar minn dik il-bidla. L-ESMA u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom mingħajr dewmien żejjed jippubblikaw il-lista tal-membri ta' dak il-kulleġġ u jżommu dik il-lista aġġornata fuq is-siti web tagħhom.

7.   Awtorità kompetenti li mhijiex membru tal-kulleġġ tista' titlob mill-kulleġġ kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-qadi tad-dmirijiet superviżorji tagħha.

8.   Il-kulleġġ għandu, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, jiżgura:

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni, inkluż talbiet għal informazzjoni skont l-Artikoli 13, 14 u 15 u informazzjoni dwar il-proċess ta' rieżami u evalwazzjoni skont l-Artikolu 22;

(b)

superviżjoni effiċjenti billi jiġu evitati azzjonijiet superviżorji duplikati bla bżonn, bħal talbiet għal informazzjoni;

(c)

ftehim dwar kif jiġu fdati b'mod volontarju l-kompiti fost il-membri tiegħu;

(d)

l-iskambju ta' informazzjoni dwar esternalizzazzjoni jew estensjoni awtorizzata ta' attivitajiet u servizzi skont l-Artikolu 19;

(e)

il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 24 fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 23(3), il-punt (d), u kwalunkwe kwistjoni li tfiġġ marbuta mal-forniment ta' servizzi fi Stati Membri oħra;

(f)

l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-istruttura tal-grupp, il-maniġment superjuri, il-korp maniġerjali u l-azzjonisti skont l-Artikolu 27;

(g)

l-iskambju ta' informazzjoni dwar proċessi jew arranġamenti li għandhom impatt sinifikanti fuq il-governanza jew il-ġestjoni tar-riskju għas-CSDs li jappartjenu għall-grupp.

9.   Il-presidenza għandha ssejjaħ laqgħa tal-kulleġġ mill-inqas darba fis-sena jew fuq it-talba ta' membru tal-kulleġġ.

Sabiex jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kompiti assenjati lill-kulleġġ skont il-paragrafu 8, il-membri tal-kulleġġ jistgħu jżidu punti mal-aġenda ta' laqgħa.

Il-presidenza tista' tistieden parteċipanti addizzjonali għad-diskussjonijiet tal-kulleġġ fuq bażi ad hoc dwar suġġetti speċifiċi.

Il-membri ta’ kulleġġ, għajr għall-presidenza tiegħu, jistgħu jiddeċiedu li ma jipparteċipawx f’laqgħa tal-kulleġġ.

10.   Fuq it-talba ta' kwalunkwe wieħed mill-membri tiegħu, il-kulleġġ għandu jadotta, f'konformità mal-paragrafu 11, opinjonijiet mhux vinkolanti fir-rigward ta':

(a)

kwistjonijiet identifikati matul il-proċessi ta' rieżami u evalwazzjoni skont l-Artikolu 22 jew 60;

(b)

kwistjonijiet relatati ma' kwalunkwe esternalizzazzjoni jew estensjoni ta' attivitajiet u servizzi skont l-Artikolu 19; jew

(c)

kwistjonijiet relatati ma' kwalunkwe ksur potenzjali ta' dan ir-Regolament li jirriżultaw mill-forniment ta' servizzi fi Stat Membru ospitanti kif imsemmi fl-Artikolu 24(5).

11.   Il-kulleġġ għandu jadotta l-opinjonijiet mhux vinkolanti tiegħu abbażi ta' vot b'maġġoranza sempliċi. Il-membri msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (b), (c) u (d), għandu jkollhom id-dritt tal-vot. Kull membru bi dritt tal-vot għandu jkollu vot wieħed. Il-membri bi dritt tal-vot li jaġixxu f'aktar minn kapaċità waħda, inkluż bħala awtorità kompetenti u bħala awtorità rilevanti, għandu jkollhom vot wieħed għal kull kapaċità li jaġixxu fiha. L-EBA u l-ESMA ma għandux ikollhom id-dritt tal-vot.

12.   Il-funzjonament tal-kulleġġ għandu jkun ibbażat fuq ftehim bil-miktub bejn il-membri kollha tiegħu.

Dak il-ftehim għandu jiddetermina l-arranġamenti prattiċi għall-funzjonament tal-kulleġġ, inkluż il-modalitajiet tal-komunikazzjoni fost il-membri tal-kulleġġ, u jista' jiddetermina l-kompiti fdati lilhom.

13.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw kriterji li skonthom l-attivitajiet ta' CSD fi Stat Membru ospitanti jistgħu jitqiesu li huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f'dak l-Istat Membru ospitanti.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.';"

(13)

L-Artikolu 25 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a.   CSD ta' pajjiż terz li jkun biħsiebu jipprovdi s-servizz ewlieni msemmi fit-Taqsima A, il-punt 3, tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), għandu jinnotifika lill-ESMA b'dan. L-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li skont il-liġi tiegħu l-istrumenti finanzjarji huma kostitwiti bin-notifika riċevuta."

;

(b)

fil-paragrafu 4, jiżdied il-punt li ġej:

"(e)

is-CSD ta' pajjiż terz ikun stabbilit jew awtorizzat f'pajjiż terz li ma jkunx identifikat bħala pajjiż terz b'riskju għoli fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

(*3)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).";"

(c)

fil-paragrafu 6, il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni ta' applikazzjoni kompluta jew mill-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ekwivalenza mill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 9, skont liema minnhom tiġi l-aħħar, l-ESMA għandha tinforma bil-miktub lis-CSD li japplika b'deċiżjoni motivata bis-sħiħ jekk ir-rikonoxximent ikunx ingħata jew ġiex miċħud.";

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"13.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-informazzjoni li s-CSD ta' pajjiż terz għandu jipprovdi lill-ESMA fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2a. Tali informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ, inkluż, fejn applikabbli u disponibbli:

(a)

l-għadd ta' parteċipanti li jinsabu fl-Unjoni li lilhom is-CSD ta' pajjiż terz jipprovdi jew ikun biħsiebu jipprovdi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2a;

(b)

l-għadd u l-volum ta' tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru saldati matul is-sena preċedenti;

(c)

l-għadd u l-volum ta' tranżazzjonijiet saldati mill-parteċipanti tal-Unjoni matul is-sena preċedenti.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010."

;

(14)

L-Artikolu 26 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Meta CSD ikun biħsiebu jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju lil CSDs oħra skont l-Artiklu54 (2a), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), dak is-CSD għandu jkollu fis-seħħ regoli u proċeduri ċari li jindirizzaw kunflitti ta' interess potenzjali u li jimmitigaw ir-riskju ta' trattament diskriminatorju fil-konfront ta' dawk l-CSDs l-oħrajn u tal-parteċipanti tagħhom.";

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   CSD għandu jżomm u jħaddem arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi miktuba sabiex jidentifika u jimmaniġġa kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali bejn il-parteċipanti tiegħu jew il-klijenti tagħhom u s-CSD stess, inkluż:

(a)

il-maniġers tas-CSD;

(b)

l-impjegati tas-CSD;

(c)

il-membri tal-korp maniġerjali tas-CSD;

(d)

kwalunkwe persuna b'kontroll dirett jew indirett fuq is-CSD;

(e)

kwalunkwe persuna b'rabtiet mill-qrib ma' kwalunkwe waħda mill-persuni elenkati fil-punti (a), (b) u (c); u

(f)

kwalunkwe persuna b'rabtiet mill-qrib mas-CSD stess.

CSD għandu jżomm u jimplimenta proċeduri ta' riżoluzzjoni adegwati fejn ikun hemm il-possibbiltà ta' kunflitti ta' interess";

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"9.   L-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina aktar id-dettalji tar-regoli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010. "

;

(15)

L-Artikolu 27 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Għall-finijiet ta' dan l-Artiklu, membru indipendenti tal-korp maniġerjali tfisser membru tal-korp maniġerjali li ma għandu l-ebda negozju, familja jew relazzjoni oħra li tqajjem kunflitt ta' interess fir-rigward tas-CSD ikkonċernat jew l-azzjonisti li għandhom kontroll tiegħu jew il-maniġment jew il-parteċipanti tiegħu, u li ma kellu ebda relazzjoni bħal din matul il-ħames snin qabel is-sħubija tiegħu fil-korp maniġerjali.";

(b)

il-paragrafi 6, 7 u 8 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

"6.   L-awtorità kompetenti ma għandhiex tawtorizza CSD sakemm ma tkunx ġiet infurmata bl-identitajiet tal-azzjonisti jew membri, kemm jekk diretti jew indiretti, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti fis-CSD u bl-ammonti ta' dawn il-parteċipazzjonijiet.

7.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tawtorizza CSD meta ma tkunx sodisfatta dwar l-idoneità tal-azzjonisti jew il-membri li għandhom parteċipazzjonijiet kwalifikanti fis-CSD, meta tqis il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD.

8.   Meta jeżistu rabtiet mill-qrib bejn is-CSD u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra, l-awtorità kompetenti għandha tagħti awtorizzazzjoni biss meta dawk ir-rabtiet ma jipprevjenux l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

9.   Meta l-persuni msemmija fil-paragrafu 6 jeżerċitaw influwenza li x'aktarx tippreġudika l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex ittemm dik is-sitwazzjoni, li jistgħu jinkludu l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tas-CSD.

10.   L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni meta l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' pajjiż terz li jirregolaw persuna fiżika jew ġuridika, waħda jew aktar, li magħhom is-CSD ikollu rabtiet mill-qrib, jew fejn diffikultajiet involuti fl-infurzar ta’ dawk il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi, jipprevjenu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tal-awtorità kompetenti.

11.   CSD għandu, mingħajr dewmien:

(a)

jipprovdi lill-awtorità kompetenti b'informazzjoni rigward is-sjieda tas-CSD, u, b'mod partikolari, l-identità u l-iskala tal-interessi ta' kwalunkwe persuna li jkollha parteċipazzjoni kwalifikanti fis-CSD;

(b)

jippubblika:

(i)

l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti skont il-punt (a); u

(ii)

it-trasferiment tad-drittijiet ta' sjieda li jirriżulta f'bidla fil-kontroll tas-CSD."

;

(16)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

"Artikolu 27a

Informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

1.   CSD għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tiegħu bi kwalunkwe bidla fil-maniġment tiegħu u jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex tivvaluta l-konformità tiegħu mal-Artikolu 27(1) sa (5).

Meta l-imġiba ta membru tal-korp maniġerjali x'aktarx jippreġudika' l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri xierqa, li jistgħu jinkludu it-tneħħija ta' dak il-membru mill-bord.

2.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew dawk il-persuni li jaġixxu flimkien (l-"akkwirent propost"), li jkunu ħadu deċiżjoni biex jiksbu, direttament jew indirettament, parteċipazzjoni kwalifikanti f'CSD jew li jkomplu jżidu, direttament jew indirettament, tali parteċipazzjoni kwalifikanti f'CSD li b'konsegwenza ta' dan il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum jilħaq jew jeċċedi 10 %, 20 %, 30 % jew 50 % jew iwassal biex is-CSD jsir is-sussidjarja tagħhom (l-"akkwiżizzjoni proposta"), għandhom l-ewwel jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti ta’ dak is-CSD bil-miktub, filwaqt li jindikaw id-daqs tal-parteċipazzjoni intiża u l-informazzjoni rilevanti, kif imsemmi fl-Artikolu 27b(4).

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ħadet deċiżjoni li tiddisponi, direttament jew indirettament, minn parteċipazzjoni kwalifikanti f'CSD (il-"bejjiegħ propost") għandha l-ewwel tinnotifika lill-awtorità kompetenti bil-miktub dwarha, u tindika d-daqs ta' din il-parteċipazzjoni. Tali persuna għandha bl-istess mod tinnotifika lill-awtorità kompetenti meta tkun ħadet deċiżjoni għat-tnaqqis ta' parteċipazzjoni kwalifikanti sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital jaqa' taħt 10 %, 20 %, 30 % jew 50 % jew b'tali mod li s-CSD ma jibqax ikun sussidjarja ta' dik il-persuna.

3.   L-awtorità kompetenti għandha, minnufih u fi kwalunkwe każ fi żmien jumejn tax-xogħol wara li tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, u l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, tirrikonoxxi l-irċevuta tan-notifika bil-miktub lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ propost.

L-awtorità kompetenti għandu jkollha massimu ta' 60 jum tax-xogħol wara d-data tar-rikonoxximent bil-miktub tal-irċevuta tan-notifika u d-dokumenti kollha meħtieġa li jridu jinhemżu man-notifika fuq il-bażi tal-lista msemmija fl-Artikolu 27b(4) (il-"perjodu ta' valutazzjoni"), għat-twettiq tal-valutazzjoni pprovduta fl-Artikolu 27b(1) (il-"valutazzjoni").

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-akkwirent propost jew lill-bejjiegħ propost bid-data tal-iskadenza tal-perjodu ta' valutazzjoni meta tirrikonoxxi l-irċevuta tan-notifika.

4.   L-awtorità kompetenti tista', waqt il-perjodu ta' valutazzjoni, iżda mhux aktar tard mill-50 jum tax-xogħol tal-perjodu ta' valutazzjoni, titlob kwalunkwe informazzjoni oħra li tkun meħtieġa biex il-valutazzjoni tkun kompluta. Tali talba għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

Il-perjodu ta' valutazzjoni għandu jkun sospiż għall-perjodu bejn id-data tat-talba għall-informazzjoni mill-awtorità kompetenti u l-irċevuta ta' risposta għaliha mill-akkwirent propost. Is-sospensjoni ma għandhiex taqbeż 20 jum tax-xogħol. Kwalunkwe talba ulterjuri mill-awtorità kompetenti biex l-informazzjoni tkun kompluta jew iċċarata għandha tkun fid-diskrezzjoni tagħha iżda ma għandhiex tirriżulta f'sospensjoni tal-perjodu ta' valutazzjoni.

5.   L-awtorità kompetenti tista' testendi s-sospensjoni msemmija fi -paragrafu 4, it-tieni subparagrafu, sa massimu ta' 30 jum ta' xogħol meta l-akkwirent propost ikun jinsab jew irregolat barra mill-Unjoni jew ikun persuna fiżika jew ġuridika mhux soġġetta għal superviżjoni skont dan ir-Regolament jew skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew skont id-Direttiva 2009/65/KE (*4), 2009/138/KE (*5) jew 2011/61/UE (*6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jew id-Direttiva 2013/36/UE jew 2014/65/UE.

6.   Meta l-awtorità kompetenti, hekk kif il-valutazzjoni tkun kompluta, tiddeċiedi li topponi l-akkwiżizzjoni proposta, għandha fi żmien jumejn tax-xogħol, u mingħajr ma taqbeż il-perjodu ta' valutazzjoni, tinforma lill-akkwirent propost bil-miktub u tipprovdi r-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Soġġetta għal-liġi nazzjonali, dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tista' ssir disponibbli għall-pubbliku fuq talba tal-akkwirent propost. Madankollu, id-divulgazzjoni mill-awtorità kompetenti tista' ssir anki fin-nuqqas ta' talba mill-akkwirent propost jekk dan ikun previst mil-liġi nazzjonali.

7.   Meta l-awtorità kompetenti ma topponix l-akkwiżizzjoni proposta fiż-żmien tal-perjodu tal-valutazzjoni, din għandha titqies bħala approvata.

8.   L-awtorità kompetenti tista' tistabbilixxi perjodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwist propost u tista' testendi dak il-perjodu fejn xieraq.

9.   L-Istati Membri ma għandhomx jimponu rekwiżiti għal notifika lill-awtorità kompetenti, jew għall-approvazzjoni tagħhom ta' akkwisti diretti jew indiretti ta' drittijiet ta' votazzjoni jew kapital li huma iżjed stretti minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 27b

Valutazzjoni

1.   Fil-valutazzjoni tan-notifika prevista fl-Artikolu 27a(2) u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27a(4), l-awtorità kompetenti għandha, sabiex tiżgura l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD fejn ikun propost l-akkwist, u wara li tikkunsidra l-influwenza probabbli tal-akkwirent propost fuq is-CSD, tivvaluta l-adegwatezza tal-akkwirent propost u s-sodezza finanzjarja tal-akkwiżizzjoni proposta skont dawn kollha li ġejjin:

(a)

ir-reputazzjoni u s-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost;

(b)

ir-reputazzjoni, l-għarfien u l-ħiliet u l-esperjenza ta' kwalunkwe persuna li ser tmexxi n-negozju tas-CSD konsegwenza tal-akkwiżizzjoni proposta;

(c)

jekk is-CSD hux ser ikun jista' jikkonforma u jkompli jikkonforma ma' dan ir-Regolament;

(d)

jekk ikunx hemm motivi raġonevoli għal suspett li, b'rabta mal-akkwist propost, twettaqx jew sarx tentattiv sabiex jitwettaq ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva (UE) 2015/849, jew jekk l-akkwiżizzjoni proposta tistax iżżid ir-riskju ta' dan.

Fil-valutazzjoni tas-sodezza finanzjarja tal-akkwirent propost, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari lit-tip ta' negozju segwit u previst fis-CSD li fih ikun propost l-akkwiżizzjoni.

Fil-valutazzjoni tal-abbiltà tas-CSD li jikkonforma ma' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tagħti attenzjoni partikolari dwar jekk il-grupp li minnha ser isir parti għandux struttura li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata superviżjoni effettiva, li effettivament tiġi skambjata informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u li tiġi ddeterminata l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fost l-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jopponu l-akkwiżizzjoni proposta biss meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex jagħmlu dan fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 jew meta l-informazzjoni pprovduta mill-akkwirent propost ma tkunx kompluta.

3.   L-Istati Membri la għandhom jimponu kundizzjonijiet minn qabel fir-rigward tal-livell ta' parteċipazzjoni li għandha tiġi akkwiżita u lanqas ma għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom li jeżaminaw l-akkwiżizzjoni proposta f'termini tal-ħtiġijiet ekonomiċi tas-suq.

4.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku lista li tispeċifika l-informazzjoni li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-valutazzjoni u li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fil-mument tan-notifika msemmija fl-Artikolu 27a(2). L-informazzjoni meħtieġa għandha tkun proporzjonali u għandha tkun adattata għan-natura tal-akkwirent propost u l-akkwiżizzjoni proposta. L-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu informazzjoni li ma tkunx rilevanti għal valutazzjoni prudenzjali.

5.   Minkejja l-Artikolu 27a(2) sa (5), fejn żewġ proposti jew aktar għall-kisba jew iż-żieda ta' parteċipazzjonijiet kwalifikanti fl-istess CSD ikunu ġew notifikati lill-awtorità kompetenti, din tal-aħħar għandha titratta l-akkwirenti proposti b'mod nondiskriminatorju.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni li tkun essenzjali jew rilevanti għall-valutazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fuq talba, jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti kollha lil xulxin u għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha essenzjali b'inizjattiva proprja. Deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li tkun awtorizzat is-CSD li fih ikun propost l-akkwiżizzjoni għandha tindika kwalunkwe fehma jew riżerva espressa mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-akkwirent propost.

7.   L-ESMA għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA, toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 dwar il-valutazzjoni tal-idoneità ta' kwalunkwe persuna li ser tmexxi n-negozju tas-CSD, kif ukoll dwar ir-regoli proċedurali u l-kriterji ta' evalwazzjoni għall-valutazzjoni prudenzjali ta' akkwiżizzjonijiet diretti jew indiretti u żidiet ta' parteċipazzjonijiet fis-CSDs.

Artikolu 27c

Deroga għas-CSDs li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju

L-Artikoli 27a u 27b ma għandhomx japplikaw għal CSD li jkun ġie awtorizzat skont l-Artikolu 54(3) u li jkun soġġett għa d-Direttiva 2013/36/UE.

(*4)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32)."

(*5)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1)."

(*6)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).";"

(17)

fl-Artikolu 28, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   Il-kumitati tal-utenti għandhom jagħtu pariri lill-korp maniġerjali fuq arranġamenti ewlenin li jħallu impatt fuq il-membri tagħhom, inkluż il-kriterji għall-aċċettazzjoni tal-emittenti jew tal-parteċipanti fis-sistemi ta' saldu tat-titoli rispettivi tagħhom u fuq il-livell tas-servizz. Il-livell ta’ servizz jinkludi l-għażla ta' arranġament ta' kklerjar u saldu, l-istruttura operattiva tas-CSD, l-ambitu tal-prodotti saldati jew irreġistrati, l-użu ta' teknoloġija għall-operazzjonijiet tas-CSD u l-proċeduri rilevanti."

;

(18)

fl-Artikolu 29, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a.   CSD għandu jeżiġi li l-emittenti jiksbu identifikatur ta' entità ġuridika (LEI) validu u jibagħtuh lis-CSD."

;

(19)

l-Artikolu 36 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 36

Dispożizzjonijiet ġenerali

Għal kull sistema ta' saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jkollu r-regoli u l-proċeduri xierqa, inkluż prattiki u kontrolli robusti ta' kontabbiltà sabiex jgħin jiżgura l-integrità tal-ħruġ ta' titoli, u jimminimizza u jimmaniġġa r-riskji assoċjati mal-kustodja u s-saldu ta' tranżazzjonijiet fit-titoli.";

(20)

fl-Artikolu 40, il-paragrafu 2 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"2.   Meta ma jkunx prattiku u disponibbli li jsir saldu f'kontijiet tal-bank ċentrali kif previst fil-paragrafu 1, CSD jista' joffri li jħallas il-pagamenti fi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tiegħu jew għal parti minnhom permezz ta' kontijiet miftuħa ma' istituzzjoni ta' kreditu, permezz ta' CSD li huwa awtorizzat jipprovdi s-servizzi elenkati fit-Taqsima C tal-Anness, kemm jekk fl-istess grupp ta' impriżi li fl-aħħar mill-aħħar huma kkontrollati mill-istess impriża prinċipali kif ukoll jekk le, jew permezz tal-kontijiet proprji tiegħu. Jekk CSD joffri li jsalda tali pagamenti bi flus kontanti permezz ta’ kontijiet miftuħa ma' istituzzjoni ta' kreditu, permezz tal-kontijiet proprji jew tal-kontijiet ta' CSD ieħor, għandu jagħmel dan f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV."

;

(21)

fl-Artikolu 47, il-paragrafu 2 huwa mħassar;

(22)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 47a

Saldu nett differit

1.   CSDs li japplikaw saldu nett differit għandhom jiddefinixxu r-regoli u l-proċeduri applikabbli għal dak il-mekkaniżmu u għas-saldu tal-pretensjonijiet u l-obbligi netti tal-parteċipanti.

2.   CSDs li japplikaw saldu nett differit għandhom ikejlu, jimmonitorjaw, jimmaniġġaw u jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar ir-riskji tal-kreditu u tal-likwidità li jirriżultaw minn dak il-mekkaniżmu.

3.   F'kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika d-dettalji tal-kejl, il-monitoraġġ, il-ġestjoni u r-rappurtar tar-riskji tal-kreditu u tal-likwidità mis-CSDs fir-rigward tas-saldu nett differit.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Is-setgħa hija ddelegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.";

(23)

fl-Artikolu 49(1), it-tieni u t-tielet subparagrafi jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

"Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-emittent imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru li skontha huma kostitwiti t-titoli għandha tibqa' tapplika. Il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru li skontha huma kkostitwiti t-titoli tfisser:

(a)

il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru fejn l-emittent ikun inkorporat; u

(b)

il-liġi korporattiva regolatorja jew liġi simili tal-Istat Membru li skontha huma maħruġa t-titoli.

L-Istati Membri għandhom jiġbru lista ta' dispożizzjonijiet rilevanti ewlenin tal-liġi korporattiva jew liġi simili tagħhom, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw dik il-lista lill-ESMA sas-17 ta’ Jannar 2025. L-ESMA għandha tippubblika dik il-lista sas-17 ta’ Frar 2025. L-Istati Membri għandhom, regolarment u tal-anqas kull sentejn, jaġġornaw dik il-lista. Huma għandhom jikkomunikaw il-lista aġġornata f'dawk l-intervalli regolari lill-ESMA. L-ESMA għandha tippubblika tali lista aġġornata.";

(24)

fl-Artikolu 52, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1.   Meta CSD jippreżenta talba għal aċċess lil CSD ieħor skont l-Artikoli 50 u 51, is-CSD li jirċievi t-talba għandu jittratta din it-talba minnufih u għandu jipprovdi tweġiba lis-CSD li jagħmel it-talba fi żmien tliet xhur. Jekk is-CSD li jirċievi t-talba jaqbel mat-talba, ir-rabta mas-SCD għandha tiġi implimentata fi żmien raġonevoli, li m'għandux jaqbeż 12-il xahar."

;

(25)

L-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   CSD li jkun biħsiebu jsalda l-pagamenti ta' flus kontanti tgħas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tiegħu jew ta' parti minnhom permezz tal-kontijiet tiegħu stess f'konformità mal-Artikolu 40(2) jew li b'xi mod ieħor biħsiebu jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta' tip bankarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi awtorizzat skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 3, 6, 7, 8 u 9a ta' dan l-Artikolu."

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a.   CSD li jkun biħsiebu jsalda l-pagamenti bi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tiegħu jew ta' parti minnhom permezz ta' kontijiet miftuħa ma' istituzzjoni ta' kreditu jew ma' CSD f'konformità mal-Artikolu 40(2) għandu jkun awtorizzat, skont il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 3 sa 9a ta' dan l-Artikolu, li jinnomina għal dak l-għan wieħed jew aktar minn dawn:

(a)

istituzzjoni ta' kreditu awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE; jew

(b)

CSDs awtorizzati li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Awtorizzazzjoni biex jiġu nnominati istituzzjonijiet ta' kreditu jew CSDs f'konformità mal-ewwel subparagrafu għandha tintuża biss fir-rigward tas-servizzi anċillari ta' tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għas-saldu tal-pagamenti bi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tas-CSD jew ta' parti minnhom li tkun qed tfittex li tuża s-servizzi anċillari ta' tip bankarju, u li ma twettaq l-ebda attività oħra.

L-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-CSDs awtorizzati li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju nominati f'konformità mal-ewwel subparagrafu għandhom jitqiesu bħala aġenti tas-saldu."

;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.   Meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin, CSD jista' jiġi awtorizzat jinnomina istituzzjoni ta' kreditu biex tipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju għas-saldu tal-pagamenti bi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha ta' dak is-CSD jew ta' parti minnhom skont il-paragrafu 2a, il-punt (a):

(a)

l-istituzzjoni ta' kreditu tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali kif stabbiliti fl-Artikolu 59(1), (3) u (4) u r-rekwiżiti superviżorji stabbiliti fl-Artikolu 60;

(b)

l-istituzzjoni ta' kreditu ma twettaqx hija stess xi wieħed mis-servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness;

(c)

l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE tintuża biss biex jiġu pprovduti s-servizzi anċillari ta' tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness għas-saldu tal-pagamenti bi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tas-CSD jew ta' parti minnha li tkun qed tfittex li tuża s-servizzi anċillari ta' tip bankarju, u li ma twettaq l-ebda attività oħra;

(d)

l-istituzzjoni ta' kreditu hija soġġetta għal surcharge addizzjonali fuq il-kapital li jirrifletti r-riskji, inkluż ir-riskji għall-kreditu u l-likwidità, li jirriżultaw mill-għoti ta' kreditu ta' matul l-istess jum, fost oħrajn, lill-parteċipanti f'sistema ta' saldu tat-titoli jew utenti oħra tas-servizzi tas-CSD;

(e)

l-istituzzjoni ta' kreditu tirrapporta mill-inqas kull xahar lill-awtorità kompetenti u tiddivulga lill-pubbliku kull sena bħala parti mid-divulgazzjoni pubblika tagħha kif meħtieġ skont il-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-portata u l-ġestjoni tar-riskju ta' likwidità matul l-istess jum skont l-Artikolu 59(4), il-punt (j) ta' dan ir-Regolament; u

(f)

l-istituzzjoni ta' kreditu tkun ippreżentat lill-awtorità kompetenti pjan adegwat ta' rkupru biex tiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tagħha, inkluż f'sitwazzjonijiet fejn ir-riskju tal-likwidità jew tal-kreditu jimmaterjalizza bħala riżultat tal-provvista ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju mill-istess entità legali separata."

;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"4a.   Meta CSD ifittex li jinnomina istituzzjoni ta' kreditu jew CSD f'konformità mal-paragrafu 2a biex isalda l-pagamenti bi flus kontanti tas-sistemi ta' saldu tat-titoli kollha tiegħu jew ta' parti minnhom, tali pagamenti bi flus kontanti ma għandhomx ikunu f'munita tal-pajjiż fejn ikun stabbilit is-CSD nominat."

;

(e)

il-paragrafi 5, 6 u 7 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“5.   Il-paragrafu 4 ma għandux japplika għall-istituzzjonijiet ta' kreditu msemmija fil-paragrafu 2a, il-punt (a), u l-paragrafu 4a ma għandux japplika għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għas-CSDs imsemmija fil-paragrafu 2a, li joffru li jsaldaw il-pagamenti fi flus kontanti għas-sistemi ta' saldu tat-titoli tas-CSD kollha jew ta’ parti minnhom, jekk il-valur totali ta' tali saldu fi flus kontanti permezz ta' kontijiet miftuħa ma' dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-CSDs, kif applikabbli, ikkalkulat fuq perjodu ta' sena, ma jaqbiżx il-livell limitu ddeterminat f'konformità mal-paragrafu 9.

L-awtorità kompetenti għandha timmonitorja li tal-anqas darba fis-sena, il-livell limitu msemmi fl-ewwel subparagrafu jiġi rispettat. L-awtorità kompetenti għandha tibgħat is-sejbiet tagħha flimkien mad-data sottostanti lill-ESMA u lill-EBA. L-awtorità kompetenti għandha tibgħat ukoll is-sejbiet tagħha lill-membri tas-SEBĊ. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 40(1), meta l-awtorità kompetenti tiddetermina li jkun inqabeż il-livell limitu, l-awtorità kompetenti għandha titlob lis-CSD ikkonċernat ifittex awtorizzazzjoni f'konformità mal-paragrafu 2. Is-CSD ikkonċernat għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni fi żmien sitt xhur.

6.   Meta l-awtorità kompetenti tqis li l-iskopertura ta' istituzzjoni ta' kreditu waħda għall-konċentrazzjoni tar-riskji skont l-Artikolu 59(3) u (4) mhijiex mitigata biżżejjed, l-awtorità kompetenti tista' titlob lil CSD jinnomina aktar minn istituzzjoni ta' kreditu waħda jew CSD wieħed imsemmi fil-paragrafu 2a, jew jinnomina istituzzjoni ta' kreditu jew CSD imsemmi fil-paragrafu 2a, minbarra li jipprovdi servizzi huwa stess f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

7.   CSD awtorizzat li jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta' tip bankarju u istituzzjoni ta' kreditu nominata f'konformità mal-paragrafu 2a, il-punt (a), għandhom jikkonformaw f'kull ħin mal-kundizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament u għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe tibdil sostantiv li jaffettwa l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni."

;

(f)

fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

"8.   L-EBA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina s-surcharge addizzjonali fuq il-kapital ibbażat fuq ir-riskji msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3 u l-punt (d) tal-paragrafu 4.”

;

(g)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

"9.   L-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ u l-ESMA, għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina l-livell limitu msemmi fil-paragrafu 5 u r-rekwiżiti prudenzjali u ta' ġestjoni tar-riskju li jakkumpanjawhom u li jkunu xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskju fir-rigward tan-nomina ta' istituzzjonijiet ta' kreditu f'konformità mal-paragrafu 2a. Meta tiżviluppa dawk l-istandards, l-EBA għandha tqis dan li ġej:

(a)

l-implikazzjonijiet għall-istabbiltà tas-suq li jistgħu jirriżultaw minn bidla fil-profil tar-riskju tas-CSDs u l-parteċipanti tagħhom, inkluż l-importanza sistemika tas-CSDs għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli;

(b)

l-implikazzjonijiet għar-riskji ta' kreditu u ta' likwidità għas-CSDs, għall-istituzzjonijiet ta' kreditu nominati involuti u għas-CSDs parteċipanti li jirriżultaw mis-saldu ta' pagamenti fi flus kontanti permezz ta' kontijiet miftuħa ma' istituzzjonijiet ta' kreditu li mhumiex soġġetti għall-paragrafu 4;

(c)

il-possibbiltà għas-CSDs li jsaldaw pagamenti fi flus kontanti f'diversi muniti;

(d)

il-ħtieġa li jiġu evitati kemm bidla mhux intenzjonata mis-saldu fi flus tal-bank ċentrali għal saldu fi flus tal-bank kummerċjali kif ukoll diżinċentivi għall-isforzi tas-CSDs biex isaldu fi flus tal-bank ċentrali; u

(e)

il-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti fost is-CSDs fl-Unjoni.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010."

;

(26)

L-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

"1.   Is-CSD għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni biex jinnomina istituzzjoni ta' kreditu jew CSD awtorizzat biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju jew biex huwa stess jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta' tip bankarju, kif meħtieġ skont l-Artikolu 54, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu.

2.   L-applikazzjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li s-CSD u, meta jkun applikabbli, l-istituzzjoni ta' kreditu nominata jew is-CSD awtorizzat li jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju jkunu stabbilew, fi żmien l-awtorizzazzjoni, l-arranġamenti meħtieġa kollha sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stipulati f'dan ir-Regolament. Għandu jkun fiha programm tal-operazzjonijiet li jistabbilixxi s-servizzi anċillari ta' tip bankarju previsti, l-organizzazzjoni strutturali tar-relazzjonijiet bejn is-CSD u, fejn ikun applikabbli, l-istituzzjoni ta' kreditu nominata jew is-CSD awtorizzat biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju, u kif dak is-CSD u, meta jkun applikabbli, l-istituzzjoni ta' kreditu nominata jew is-CSD awtorizzat jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju biħsiebhom jilħqu r-rekwiżiti prudenzjali kif stipulati fl-Artikoli 59(1), (3), (4) u (4a) u l-kundizzjonijiet l-oħra stipulati fl-Artikolu 54."

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

"L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), għandhom joħorġu opinjoni motivata dwar l-awtorizzazzjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-informazzjoni msemmija f'dak il-paragrafu. Meta awtorità ma tagħtix opinjoni sa dik l-iskadenza, hija għandha titqies li ħarġet opinjoni pożittiva.

Meta awtorità msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), toħroġ opinjoni motivata negattiva, l-awtorità kompetenti li biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni għandha, fi żmien xahar minn meta tirċievi dik l-opinjoni negattiva, tipprovdi lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), bir-raġunijiet li jindirizzaw l-opinjoni negattiva.

Meta wara xahar minn meta jkunu ġew ippreżentati dawk ir-raġunijiet, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), toħroġ opinjoni negattiva u l-awtorità kompetenti madanakollu tkun biħsiebha tagħti l-awtorizzazzjoni, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet li ħarġet opinjoni negattiva tista' tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA għall-assistenza skont l-Artikolu 31(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.";

(ii)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"L-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) sa (e), bir-riżultati tal-proċess ta' awtorizzazzjoni, inkluż kwalunkwe azzjoni ta' rimedju.";

(27)

L-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punti (c), (d) u (e) huma ssostitwiti b'dan li ġej:

"(c)

għandha żżomm riżorsi ta' likwidità kwalifikanti biżżejjed fil-muniti rilevanti kollha għall-forniment ta' servizzi ta' saldu f'waqthom taħt firxa wiesgħa ta' possibbiltajiet potenzjali ta' stress inkluż ir-riskju tal-likwidità ġġenerat mill-inadempjenza ta' mill-anqas żewġ parteċipanti, inkluż l-impriżi prinċipali u s-sussidjarji tagħha, li hija tkun esposta l-aktar għalihom;

(d)

għandha timmitiga r-riskji ta' likwidità korrispondenti b'riżorsi ta' likwidità kwalifikanti f'kull munita rilevanti bħal flus kontanti fil-bank ċentrali tal-ħruġ u f'istituzzjonijiet finanzjarji li jgawdu affidabbiltà kreditizja oħrajn, linji ta' kreditu marbutin jew arranġamenti simili u kollateral jew investimenti likwidi ħafna li jkunu disponibbli minnufih u li jistgħu jiġu konvertiti fi flus kontanti permezz ta' arranġamenti minn qabel u arranġamenti għal finanzjament affidabbli ħafna, anke f'kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli u għandha tidentifika, tkejjel u twettaq monitoraġġ tar-riskju tal-likwidità tagħha li jiġi mid-diversi istituzzjonijiet finanzjarji użati għall-ġestjoni tar-riskji ta' likwidità tagħha;

(e)

meta jintużaw arranġamenti ta' finanzjament prestabbiliti u affidabbli ħafna, linji impenjati ta' kreditu jew arranġamenti simili, hija għandha tagħżel biss istituzzjonijiet finanzjarji b'affidabbiltà kreditizja bħala fornituri ta' likwidità; għandha tistabbilixxi u tapplika limiti ta' konċentrazzjoni xierqa għal kull wieħed mill-fornituri ta' likwidità korrispondenti inkluż l-impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha;";

(ii)

il-punt (i) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

"(i)

għandu jkollha arranġamenti prestabbiliti u affidabbli ħafna biex tiżgura li tista' tikkonverti fil-ħin il-kollateral ipprovdut lilu minn klijent inadempjenti fi flus kontanti u fejn jintużaw arranġamenti mhux impenjati, jistabbilixxi li kwalunkwe riskju potenzjali assoċjat ġie identifikat u mmitigat;";

(b)

jiddaħħal il-paragrafuli ġej:

"4a.   Meta CSD ikun biħsiebu jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju lil CSDs oħra skont l-Artikolu 54(2a), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), is-CSD għandu jkollu fis-seħħ regoli u proċeduri ċari li jindirizzaw kwalunkwe riskju potenzjali ta' kreditu, likwidità u konċentrazzjoni li jirriżulta mill-forniment ta' dawk is-servizzi."

;

(c)

fil-paragrafu 5, l-ewwel u t-tieni subparagrafi huma sostitwiti b'dan li ġej:

"5.   F'kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, l-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar id-dettalji tal-oqfsa u l-għodod għall-monitoraġġ, il-kejl, il-ġestjoni, ir-rapportar u d-divulgazzjoni pubblika tar-riskji tal-kreditu u l-likwidità, inkluż dawk li jseħħu matul l-istess jum, imsemmija fil-paragrafi 3 u 4, kif ukoll ir-regoli u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 4a. Dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, meta jkun xieraq, għandu jiġi allinjat mal-istandards tekniċi regolatorji adottati f'konformità mal-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025."

;

(28)

L-Artikolu 60 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jivvalutaw regolarment, u tal-inqas kull sentejn, jekk l-istituzzjoni ta' kreditu nominata jew is-CSD awtorizzat biex jipprovdi servizzi anċillari ta' tip bankarju jikkonformawx mal-Artikolu 59 u għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tas-CSD li għandha mbagħad tgħarraf lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) u, fejn applikabbli, il-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a, bir-riżultati, inkluż bi kwalunkwe azzjoni ta' rimedju jew penali, tas-superviżjoni tagħha skont dan il-paragrafu.;"

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-formulazzjoni introduttorja hija ssostitwita b'dan li ġej:

"L-awtorità kompetenti tas-CSD għandha, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 u lill-awtoritajiet rilevanti, tirrieżamina u tevalwa mill-inqas kull sentejn dan li ġej:";

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"B'mod regolari u tal-anqas kull sentejn, l-awtorità kompetenti tas-CSD għandha tgħarraf lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) u, fejn applikabbli, il-kulleġġ imsemmi fl-Artikolu 24a, bir-riżultati, inkluż kwalunkwe azzjoni ta' rimedju jew penali, bir-rieżami u l-evalwazzjoni tagħha skont dan il-paragrafu.";

(29)

L-Artikolu 67 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat mis-17 ta' Settembru 2014."

;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 7(5) u (9) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat mis-16 ta’ Jannar 2024."

;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 7(5) u (9) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ."

;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 2(2) u l-Artikolu 7(5) u (9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

;

(30)

fl-Artikolu 68, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu."

;

(31)

L-Artikolu 69 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"4.   Ir-regoli nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tas-CSDs għandhom jibqgħu japplikaw sad-data meta tittieħed deċiżjoni skont dan ir-Regolament dwar l-awtorizzazzjoni tas-CSDs u tal-attivitajiet tagħhom, inkluż il-konnessjonijiet tas-CSD; jew sas-17 ta’ Jannar 2025, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.;"

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

"4a.   Ir-regoli nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tas-CSDs ta' pajjiżi terzi għandhom jibqgħu japplikaw sa d-data meta tittieħed deċiżjoni skont dan ir-Regolament dwar ir-rikonoxximent tas-CSDs ta' pajjiżi terzi u tal-attivitajiet tagħhom jew sas-17 ta’ Jannar 2027, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

CSD ta' pajjiż terz li jipprovdi s-servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A, il-punti 1 u 2, tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru msemmi fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, skont ir-regoli nazzjonali applikabbli dwar ir-rikonoxximent ta' CSDs ta' pajjiż terz għandu jinnotifika b'dan lill-ESMA fi żmien sentejn mis-16 ta’ Jannar 2024.

L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-informazzjoni li s-CSD ta' pajjiż terz huwa meħtieġ li jipprovdi lill-ESMA fin-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu. Tali informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ, inkluż, fejn applikabbli u disponibbli:

(a)

l-għadd ta' parteċipanti li lilhom is-CSD ta' pajjiż terz jipprovdi jew biħsiebu jipprovdi s-servizzi msemmija fit-tieni subparagrafu;

(b)

il-kategoriji ta' strumenti finanzjarji li fir-rigward tagħhom is-CSD ta' pajjiż terz jipprovdi tali servizzi; u

(c)

il-volum u l-valur totali ta' tali strumenti finanzjarji.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4b.   CSD ta' pajjiż terz li pprovda s-servizz ewlieni msemmi fit-Taqsima A, il-punt 3, tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kkostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru msemmi fl-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu, qabel is-17 ta’ Jannar 2026 għandu jippreżenta n-notifika msemmija fl-Artikolu 25(2a) sas-17 ta’ Jannar 2026.

4c.   Meta CSD ikun ippreżenta applikazzjoni kompluta għar-rikonoxximent f'konformità mal-Artikolu 25(4), (5) u (6) qabel is-16 ta’ Jannar 2024 iżda l-ESMA ma tkunx ħarġet deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 25(6) sa dik id-data, ir-regoli nazzjonali dwar ir-rikonoxximent tas-CSD għandhom ikomplu japplikaw sakemm tinħareġ id-deċiżjoni tal-ESMA."

;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"6.   L-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(14) kif applikabbli qabel is-16 ta’ Jannar 2024 għandu jkompli japplika sad-data tal-applikazzjoni tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(5).

L-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(15), il-punti (a), (b) u (g), kif applikabbli qabel is-16 ta’ Jannar 2024 għandu jkompli japplika sad-data tal-applikazzjoni tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 7(10).

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu kulleġġi skont l-Artikolu 24a fi żmien xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 24a(13).

8.   CSD li, fi Stat Membru ieħor, ipprovda s-servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A, il-punti 1 u 2, tal-Anness jew stabbilixxa fergħa, f'konformità mal-Artikolu 23 kif applikabbli qabel is-16 ta’ Jannar 2024 għandu jkun soġġett għall-proċedura li tinsab fl-Artikolu 23(3) sa (6) fir-rigward biss ta':

(a)

l-istabbiliment ta' fergħa ġdida;

(b)

bidla fil-firxa ta' dawk is-servizzi."

;

(32)

l-Artikolu 72 huwa mħassar;

(33)

L-Artikolu 74 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-formulazzjoni introduttorja hija ssostitwita b'dan li ġej:

"1.   L-ESMA, f'kooperazzjoni mal-EBA u mal-awtoritajiet kompetenti u mal-awtoritajiet rilevanti, għandha tippreżenta rapporti lill-Kummissjoni li jipprovdu valutazzjonijiet tax-xejriet, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet, u fejn meħtieġ, rakkomandazzjonijiet għal azzjoni preventiva u ta' rimedju fis-swieq tas-servizzi koperti minn dan ir-Regolament. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu valutazzjoni ta' li ġej:";

(ii)

il-punti (a), (b) u (c) huma sostitwiti b'dan li ġej:

"(a)

l-effiċjenza tas-saldu għal operazzjonijiet domestiċi u transkonfinali għal kull Stat Membru, b'kont meħud ta' mill-inqas dan li ġej:

(i)

l-għadd u l-volum tan-nuqqas ta' saldu u l-evoluzzjoni tagħhom;

(ii)

l-impatt tal-penali fi flus kontanti fuq nuqqas ta' saldu fl-istrumenti kollha;

(iii)

it-tul ta' żmien u l-kawżi ewlenin tan-nuqqas ta' saldu;

(iv)

il-kategoriji ta' strumenti finanzjarji u swieq fejn jiġu osservati l-ogħla rati ta' nuqqas ta' saldu;

(v)

tqabbil internazzjonali tar-rati tan-nuqqas ta' saldu;

(vi)

l-ammont ta' penali fi flus kontanti msemmija fl-Artikolu 7;

(vii)

fejn applikabbli, l-għadd u l-volumi tax-xiri sfurzat obbligatorju msemmi fl-Artikolu 7a;

(viii)

kwalunkwe miżura meħuda mill-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn l-effiċjenza tas-saldu ta' CSD fuq perjodu ta' sitt xhur tkun ferm aktar baxxa mil-livelli medji ta' effiċjenza tas-saldu rreġistrati fis-suq tal-Unjoni;

(aa)

il-livelli ta' effiċjenza tas-saldu meta mqabbla mas-sitwazzjoni fi swieq kapitali ewlenin ta' pajjiżi terzi kif ukoll f'termini ta' strumenti nnegozjati u tipi ta' tranżazzjonijiet eżegwiti f'tali swieq;

(b)

l-adegwatezza tal-penali fi flus kontanti għal nuqqas ta' saldu, b'mod partikolari l-ħtieġa għal aktar flessibbiltà b’rabta ma dawk il-penali għal nuqqas ta' saldu b'rabta mal-istrumenti finanzjarji illikwidi;

(c)

l-għadd u l-volum ta' tranżazzjonijiet li jiġu saldati barra mis-sistemi ta' saldu tat-titoli operati mis-CSDs u l-evoluzzjoni tagħhom maż-żmien, inkluż tqabbil mal-għadd u l-volum tat-tranżazzjonijiet li jiġu saldati fis-sistemi ta' saldu tat-titoli operati mis-CSDs, abbażi tal-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 9 u skont kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, kif ukoll l-impatt ta' dik l-evoluzzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq tas-saldu u kwalunkwe riskju potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja minn saldu internalizzat;";

(iii)

jiżdied il-punt li ġej:

"(l)

it-trattament tan-notifiki ppreżentati f'konformità mal-Artikolu 25(2a);";

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbgħatu lill-Kummissjoni kif ġej:

(a)

kull sentejn għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (aa), (b), (c), (i) u (l);

(b)

kull tliet snin għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (d) u (f);

(c)

tal-inqas kull tliet snin, u fi kwalunkwe każ fi żmien sitt xhur minn eżerċizzju ta’ rieżami bejn il-pari li jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 24, għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (g);

(d)

fuq talba mingħand il-Kummissjoni, għar-rapporti msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (e), (h), (j) u (k).

Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġu kkomunikat lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April tas-sena rilevanti kif determinat skont il-perjodiċità stabbilita fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.”

;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“3.   Sas-17 ta’ Jannar 2025 u kull sentejn wara dan, l-ESMA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni fir-rigward tat-tqassir potenzjali tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(2), l-ewwel sentenza ("ċiklu tas-saldu"). Dak ir-rapport għandu jinkludi dan kollu li ġej:

(a)

valutazzjoni tal-adegwatezza tat-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu u l-impatt potenzjali ta' tali tqassir fuq is-CSDs, iċ-ċentri tan-negozjar u parteċipanti oħra fis-suq;

(b)

valutazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji tat-tqassir taċ-ċiklu tas-saldu fl-Unjoni, filwaqt li ssir differenzjazzjoni, meta jkun xieraq, bejn strumenti finanzjarji differenti u kategoriji ta' tranżazzjonijiet;

(c)

qafas dettaljat dwar kif issir il-bidla lejn ċiklu tas-saldu iqsar, filwaqt li ssir differenzjazzjoni, meta jkun xieraq, bejn strumenti finanzjarji differenti u kategoriji ta' tranżazzjonijiet;

(d)

ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi internazzjonali dwar iċ-ċikli tas-saldu u l-impatt tagħhom fuq is-swieq kapitali tal-Unjoni.

4.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-ESMA għandha tipprovdi analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji tal-introduzzjoni tal-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju. Analiżi bħal din tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għandha tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

(a)

it-tul ta' żmien medju tan-nuqqas ta' saldu fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji jew il-kategoriji ta' tranżazzjonijiet f'dawk l-istrumenti finanzjarji li għalihom jista' japplika x-xiri sfurzat obbligatorju;

(b)

l-impatt tal-introduzzjoni tal-proċess ta' xiri sfurzat obbligatorju fis-suq tal-Unjoni, inkluż valutazzjoni tal-kawżi sottostanti tan-nuqqas ta' saldu li għalihom jista' japplika x-xiri sfurzat obbligatorju u analiżi tal-implikazzjonijiet biex l-istrumenti finanzjarji speċifiċi u l-kategoriji ta' tranżazzjonijiet ikunu soġġetti għax-xiri sfurzat obbligatorju;

(c)

l-applikazzjoni ta' proċess simili ta' xiri sfurzat fi swieq komparabbli ta' pajjiżi terzi u l-impatt fuq il-kompetittività tas-suq tal-Unjoni;

(d)

kwalunkwe impatt ċar fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni li jirriżulta minn nuqqas ta' saldu;

(e)

kwalunkwe impatt ċar fuq il-frammentazzjoni tas-swieq kapitali tal-Unjoni li jirriżulta minn rati diverġenti tal-effiċjenza tas-saldu, inkluż ir-raġunijiet għal tali diverġenza u miżuri xierqa biex tiġi limitata.

5.   L—EBA għandha, f'kooperazzjoni mal-membri tas-SEBĊ u l-ESMA, tippubblika rapport annwali dwar dawk is-CSDs li jinnominaw CSDs oħra jew istituzzjonijiet ta' kreditu għall-forniment ta' servizzi anċillari ta' tip bankarju. Dak ir-rapport għandu jqis is-sejbiet relatati mal-monitoraġġ tal-livell limitu mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 54(5) u l-implikazzjonijiet tal-kreditu u tal-likwidità għal CSDs li jipprovdu servizzi anċillari ta' tip bankarju taħt tali livell limitu.

6.   L-ESMA għandha, wara li tikkonsulta lis-SEBĊ, tippreżenta rapport sas-17 ta’ Jannar 2025 lill-Kummissjoni rigward l-adegwatezza li jiġu applikati għodod regolatorji addizzjonali biex tittejjeb l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni.

Dak ir-rapport għandu jkopri tal-anqas it-tiswir tad-daqsijiet tat-tranżazzjonijiet, is-saldu parzjali ta' negozji li qed ifallu, u l-użu ta' programmi ta' għoti b'self/teħid b'self awtomatizzat.

Minn hemm 'il quddiem, l-ESMA, wara li tikkonsulta lill-membri tas-SEBĊ, għandha tirrapporta kull tliet snin dwar kwalunkwe għodda addizzjonali potenzjali biex tittejjeb l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni. F'każijiet fejn ma tkun ġiet identifikata ebda għodda ġdida, l-ESMA għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan u ma għandhiex tkun meħtieġa tipprovdi rapport.

7.   Sas-17 ta’ Jannar 2026, l-EBA, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ u tal-ESMA, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tat-telf tal-kreditu residwu marbut mal-iskopertura tal-kreditu residwu kif imsemmi fl-Artikolu 59(3), il-punt (g) u l-modi ta' kif dan jista' jiġi indirizzat. Dak ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku."

;

(34)

L-Artikolu 75 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 75

Rieżami

Sas-17 ta’ Jannar 2029, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u tħejji rapport ġenerali dwar dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tivvaluta:

(a)

il-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 74(1), il-punti (a) sa (l), jistabbilixxu jekk hemmx ostakli sostantivi għall-kompetizzjoni fir-rigward tas-servizzi soġġetti għal dan ir-Regolament li ma humiex indirizzati biżżejjed u jqisu l-ħtieġa potenzjali li jiġu applikati miżuri ulterjuri biex:

(i)

itejbu l-effiċjenza tas-saldu;

(ii)

jillimitaw l-impatt fuq il-kontribwenti tal-falliment tas-CSDs;

(iii)

jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni ta' kompetizzjoni jew ta' stabbiltà finanzjarja identifikata relatata mas-saldu internalizzat;

(iv)

jimminimizzaw l-ostakli għas-saldu transkonfinali;

(v)

jiżguraw setgħat u informazzjoni adegwati għall-awtoritajiet biex jimmonitorjaw ir-riskji;

(b)

il-funzjonament tal-qafas regolatorju u superviżorju għas-CSDs tal-Unjoni, speċjalment dawk is-CSDs li l-attivitajiet tagħhom huma ta' importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u tal-protezzjoni tal-investituri fl-Unjoni f'mill-inqas żewġ Stati Membri ospitanti, b'enfasi partikolari fuq il-forniment transkonfinali ta' servizzi, ir-riskji potenzjali għall-klijenti u l-parteċipanti ta’ CSDs, il-protezzjoni tal-investituri u l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni;

(c)

il-funzjonament u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas regolatorju u superviżorju tal-Unjoni għal CSDs ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari s-superviżjoni ta’ tali CSDs meta jipprovdu servizzi fl-Unjoni, inkluż ir-rwol tal-ESMA.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe proposta xierqa.".

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 236/2012

Fir-Regolament (UE) Nru 236/2012, jiddaħħal l-artikolu li ġej:

"Artikolu 15

Proċeduri ta' xiri sfurzat

Kontroparti ċentrali fi Stat Membru li tipprovdi servizzi tal-ikklerjar għall-ishma għandha tiżgura li jkunu fis-seħħ proċeduri li jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

meta persuna fiżika jew ġuridika li tbigħ l-ishma ma tkunx tista' tikkonsenja l-ishma għas-saldu fi żmien erbat ijiem ta' negozju mill-jum li fih ikun dovut is-saldu, jiskattaw awtomatikament proċeduri għax-xiri sfurzat tal-ishma sabiex tiġi żgurata l-kunsenja għas-saldu;

(b)

meta x-xiri sfurzat tal-ishma għall-kunsenja ma jkunx possibbli, jitħallas ammont lix-xerrej abbażi tal-valur tal-ishma li jridu jiġu kkonsenjati fid-data tal-kunsenja flimkien ma' ammont għal telf imġarrab mix-xerrej b'riżultat tan-nuqqas ta' saldu;

(c)

il-persuna fiżika jew ġuridika li tonqos milli ssalda għandha tirrimborża l-ammonti kollha mħallsa skont il-punti (a) u (b).".

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, il-punti li ġejjin tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mis-17 ta’ Jannar 2026:

(a)

il-punt 3, fir-rigward tal-Artikolu 7(3), il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)

il-punt 13, il-punt (a);

(c)

il-punt 22, fir-rigward tal-Artikolu 47a(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(d)

il-punt 25, il-punt (e);

(e)

il-punt 27, il-punt (a).

Barra minn hekk, l-Artikolu 1, il-punt 33, il-punti (a) u (b), għandhom japplikaw mill-1 ta’ Mejju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2023

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)   ĠU C 367, 26. 9.2022, p. 3.

(2)   ĠU C 443, 22.11.2022, p. 87.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Novembru 2023(għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2023.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1229 tal-25 ta' Mejju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar id-dixxiplina tas-saldu (ĠU L 230, 13.9.2018, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta' inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2022/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2022 dwar reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq it-teknoloġija ta' reġistru distribwit, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 909/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE (ĠU L 151, 2.6.2022, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(10)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(13)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2845/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top