Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2832

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2832 tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

C/2023/9701

ĠU L, 2023/2832, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2832/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2832/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2832

15.12.2023

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2832

tat-13 ta’ Diċembru 2023

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Il-finanzjament mill-Istat li jilħaq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bih skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jiddetermina l-kategoriji ta’ għajnuna li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit ta’ notifika. F’konformità mal-Artikolu 108(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti rigward dawk il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat. Fir-Regolament (UE) 2015/1588, il-Kunsill iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 109 tat-Trattat, li l-għajnuna de minimis (jiġifieri għajnuna mogħtija lill-istess impriża fuq perjodu speċifiku ta’ żmien li ma jaqbiżx ċertu ammont fiss) tista’ tikkostitwixxi kategorija bħal din. Fuq dik il-bażi, l-għajnuna de minimis titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk mhijiex soġġetta għall-proċedura ta’ notifika.

(2)

Il-Kummissjoni, f’għadd kbir ta’ deċiżjonijiet, ikkjarifikat il-kunċett ta’ għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll il-politika tagħha dwar limitu massimu de minimis li taħtu l-Artikolu 107(1) tat-Trattat jista’ jitqies li ma japplikax.

(3)

L-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skont it-tifsira tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat uriet li l-limitu massimu li taħtu l-vantaġġi konċessi lil tali impriżi jistgħu jitqiesu li ma għandhomx impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew ma joħolqux distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni, jista’, f’ċerti każi, ivarja mil-limitu massimu ġenerali de minimis stabbilit skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2831 (2). Tabilħaqq, mill-inqas uħud minn dawn il-vantaġġi x’aktarx jikkostitwixxu kumpens għal kostijiet addizzjonali marbutin mal-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Barra minn hekk, ħafna attivitajiet li jikkwalifikaw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandhom kamp ta’ applikazzjoni territorjali limitat. Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 (3), jenħtieġ li l-għajnuna mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali titqies li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew li ma toħloqx distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, dment li l-ammont totali riċevut ta’ għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jeċċedix il-EUR 500 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ 3 snin fiskali.

(4)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 360/2012, huwa xieraq li r-regoli de minimis għall-għajnuna għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jiġu aġġustati biex jirriflettu xi wħud minn dawn l-aġġustamenti li saru fir-Regolament (UE) 2023/2831 de minimis ġenerali, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, filwaqt li fl-istess ħin jitqiesu l-karatteristiki speċifiċi tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(5)

Huwa wkoll xieraq li l-limitu massimu tal-għajnuna de minimis għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li impriża waħda tista’ tirċievi għal kull Stat Membru matul kwalunkwe perjodu ta’ 3 snin, jiżdied għal EUR 750 000. Dak il-limitu massimu jirrifletti l-inflazzjoni li seħħet mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 u l-iżviluppi stmati matul il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament. Dan il-limitu massimu huwa meħtieġ sabiex jiżgura li kwalunkwe miżura li taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament tkun tista’ titqies li ma jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma toħloqx distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-għajnuna mill-Istat mogħtija minn Stat Membru titqies anke meta tkun iffinanzjata għal kollox jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw mill-Unjoni li jkunu taħt il-kontroll ta’ dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jaqbżu l-limitu massimu de minimis jinqasmu f’partijiet iżgħar sabiex dawn il-partijiet jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Għall-finijiet tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, impriża hija kwalunkwe entità, sew jekk persuna fiżika u sew jekk ġuridika, involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod kif tkun iffinanzjata (4). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat li entità li “jkollha ishma ta’ kontroll f’kumpanija” u li “teżerċita effettivament dan il-kontroll filwaqt li tipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħha”, trid titqies li qed tipparteċipa fl-attività ekonomika ta’ dik il-kumpanija. L-entità nnifisha għandha għalhekk titqies bħala impriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (5). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-entitajiet kollha li huma kkontrollati (fuq bażi legali jew de facto) mill-istess entità għandhom jitqiesu bħala impriża waħda (6).

(8)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi lista ċara u eżawrjenti ta’ kriterji biex jiġi ddeterminat meta żewġ intrapriżi jew aktar fl-istess Stat Membru jenħtieġ li jitqiesu bħala impriża waħda. Il-Kummissjoni għażlet kriterji li huma xierqa għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament minn fost il-kriterji stabbiliti sew għad-definizzjoni ta’ “intrapriżi assoċjati” bħala parti mid-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju (small or medium-sized enterprises, SMEs) fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (7) u fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (8). Il-kriterji jenħtieġ li jkunu applikabbli, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kemm għall-SMEs kif ukoll għall-impriżi l-kbar u jenħtieġ li jiggarantixxu li grupp ta’ impriżi affiljati jitqies bħala impriża waħda għall-applikazzjoni tar-regola de minimis. Madankollu, kif rikonoxxut mill-Artikolu 14 tat-Trattat, is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandhom post speċjali fil-valuri komuni tal-Unjoni u għandhom rwol partikolari fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali. Jenħtieġ li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti bl-aktar mod komplet possibbli u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jindirizzaw dawk il-ħtiġijiet bl-aktar mod xieraq filwaqt li titqies l-ispeċifiċità ta’ kull Stat Membru fir-rigward b’mod partikolari tal-forniment ta’ servizzi soċjali. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li intrapriżi li jwettqu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ xulxin, ħlief għall-fatt li kull waħda minnhom għandha rabta diretta mal-istess korp jew korpi pubbliċi, jew mal-istess entità jew entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, ma jiġux trattati bħala li huma assoċjati ma’ xulxin. Għalhekk, jenħtieġ li s-sitwazzjoni speċifika ta’ intrapriżi kkontrollati mill-istess korp jew korpi pubbliċi, jew mill-istess entità jew entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, li fiha l-intrapriżi jista’ jkollhom setgħa ta’ deċiżjoni indipendenti, tiġi kkunsidrata.

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun japplika biss għal għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għalhekk jenħtieġ li l-impriża benefiċjarja tingħata bil-miktub jew f’forma elettronika l-inkarigu tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li għalih tkun qed tingħata l-għajnuna. Filwaqt li l-att ta’ inkarigu jenħtieġ li jinforma lill-impriża bis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali li fir-rigward tiegħu tingħata l-għajnuna, dan mhux neċessarjament irid ikun fih l-informazzjoni dettaljata kollha kif stipulata fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE (9).

(10)

Fid-dawl tar-regoli speċjali li japplikaw għas-setturi tal-produzzjoni primarja (b’mod partikolari l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, u l-produzzjoni primarja tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura), tal-fatt li l-impriżi f’dawn is-setturi huma rarament inkarigati b’servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u tar-riskju li l-ammonti ta’ għajnuna taħt il-limitu massimu stabbilit f’dan ir-Regolament, jistgħu madankollu jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal dawn is-setturi.

(11)

Meta jitqies ix-xebh bejn l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, u ta’ prodotti mhux agrikoli, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Jenħtieġ li l-attivitajiet fl-azjendi agrikoli meħtieġa għat-tħejjija ta’ prodott għall-ewwel bejgħ (pereżempju l-ħsad; il-qtugħ u d-dris taċ-ċereali; jew l-ippakkjar tal-bajd) jew l-ewwel bejgħ lir-rivendituri jew lill-proċessuri, ma jitqisux bħala pproċessar u kummerċjalizzazzjoni f’dan ir-rigward u għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal dawk l-attivitajiet.

(12)

Bl-istess mod, meta titqies in-natura tal-attivitajiet fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, u s-similaritajiet bejn dawn l-attivitajiet u attivitajiet oħra ta’ pproċessar u kummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, dment li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Jenħtieġ li la l-attivitajiet li jsiru fl-azjendi agrikoli jew abbord meħtieġa għat-tħejjija ta’ annimal jew pjanta għall-ewwel bejgħ (inkluż it-tqattigħ, l-iffilittjar jew l-iffriżar), u lanqas l-ewwel bejgħ lil rivendituri jew proċessuri ma jitqiesu bħala pproċessar jew kummerċjalizzazzjoni f’dan ir-rigward u għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal dawk l-attivitajiet.

(13)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea iddeterminat li, ladarba l-Unjoni tkun illeġiżlat favur it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari tal-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li jastjenu milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista’ ddgħajjifha jew toħloq eċċezzjonijiet għaliha (10). Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għall-għajnuna għall-ammonti ffissati fuq il-bażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq fis-settur agrikolu. Jenħtieġ li lanqas ma jkun japplika għal għajnuna marbuta ma’ obbligu li l-għajnuna tinqasam ma’ produtturi agrikoli primarji. Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

(14)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal għajnuna għall-esportazzjoni jew għal għajnuna soġġetta għall-użu ta’ oġġetti jew servizzi domestiċi bi preferenza fuq dawk importati. B’mod partikolari, jenħtieġ li ma japplikax għal għajnuna li tiffinanzja l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ network tad-distribuzzjoni fi Stati Membri oħrajn jew f’pajjiżi terzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 (11)“ma jeskludix kull għajnuna li jista’ jkollha impatt fuq l-esportazzjonijiet, iżda biss dik li għandha bħala għan dirett, mill-forma stess li hija tieħu, li ssostni l-bejgħ fi Stat ieħor” u li “għajnuna għall-investiment, sakemm din ma tkunx, f’xi forma jew oħra, determinata, fil-prinċipju u fl-ammont tagħha, mill-kwantità tal-prodotti esportati, ma taqax taħt l-“għajnuna lill-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 1(1), il-punt (d) tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006 u għalhekk ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk l-investimenti hekk sostnuti jippermettu l-iżvilupp ta’ prodotti maħsuba għall-esportazzjoni” (12). L-għajnuna għall-kostijiet tal-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali jew għall-kostijiet tal-istudji jew tas-servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew eżistenti f’suq ġdid fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz b’mod ġenerali ma tikkostitwix għajnuna għall-esportazzjoni.

(15)

Jenħtieġ li l-perjodu ta’ 3 snin li jrid jitqies għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jiġi vvalutat fuq bażi kontinwa. Għal kull għotja ġdida ta’ għajnuna de minimis, jeħtieġ li jitqies l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija fit-3 snin preċedenti.

(16)

Meta impriża tkun attiva f’wieħed mis-setturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tkun attiva wkoll f’setturi oħra jew ikollha attivitajiet oħrajn, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun japplika għal dawk is-setturi jew l-attivitajiet oħrajn sakemm l-Istat Membru kkonċernat jiggarantixxi, billi jistrieħ fuq mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew is-separazzjoni tal-kontijiet, li l-attivitajiet fis-setturi esklużi ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis. Jenħtieġ li japplika l-istess prinċipju meta impriża tkun attiva f’setturi li għalihom japplikaw limiti massimi de minimis aktar baxxi. Jekk impriża ma tkunx tista’ tiżgura li l-attivitajiet fis-setturi li għalihom japplikaw limiti massimi de minimis aktar baxxi jibbenefikaw biss minn għajnuna de minimis sa dawk il-limiti massimi l-aktar baxxi, jenħtieġ li l-limitu massimu l-aktar baxx japplika għall-attivitajiet kollha tal-impriża.

(17)

Jenħtieġ li jiġu stipulati regoli li jiżguraw li ma jkunx possibbli li jiġu evitati l-intensitajiet massimi tal-għajnuna stabbiliti f’regolamenti rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat jew f’deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll regoli ċari dwar il-kumulazzjoni.

(18)

Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibbiltà li miżura tista’ ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat għal raġunijiet oħra għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament, bħal pereżempju, meta l-miżura tikkonforma mal-prinċipju tal-operatur f’ekonomija tas-suq jew ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. B’mod partikolari, il-finanzjament tal-Unjoni ġestit ċentralment mill-Kummissjoni li mhuwiex direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istat Membru ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat u jenħtieġ li ma jitqiesx meta jiġi ddeterminat jekk il-limitu massimu stipulat f’dan ir-Regolament jinqabiżx.

(19)

Dan ir-Regolament ma jinkludix is-sitwazzjonijiet kollha fejn miżura jista’ ma jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma tistax toħloq distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn benefiċjarju jforni oġġetti jew servizzi lil żona limitata (pereżempju f’reġjun insulari jew reġjun ultraperiferiku) fi Stat Membru u dak il-benefiċjarju huwa improbabbli li jattira klijenti minn Stati Membri oħra, u li ma jistax jiġi previst li l-miżura jkollha aktar minn effett marġinali fuq il-kundizzjonijiet ta’ investimenti jew stabbiliment transfruntier. Jenħtieġ li tali miżuri jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ.

(20)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/2831 għal impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jibbażaw jew fuq dan ir-Regolament jew fuq ir-Regolament (UE) 2023/2831 fir-rigward tal-għajnuna mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(21)

Fis-sentenza tagħha Altmark (13), il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat għadd ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex il-kumpens għall-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jkunx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Dawn il-kundizzjonijiet jiżguraw li l-kumpens limitat għall-kostijiet netti mġarrba minn impriżi effiċjenti għall-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jkunux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux rispettati, il-kumpens ikun jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli abbażi tar-regoli tal-Unjoni applikabbli. Sabiex jiġi evitat li dan ir-Regolament jiġi applikat għaċ-ċirkomvenzjoni tal-kundizzjonijiet identifikati fis-Sentenza Altmark, u sabiex tiġi evitata li għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament taffettwa l-kummerċ minħabba l-akkumulazzjoni tagħha ma’ kumpens ieħor għall-istess servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, jenħtieġ li għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament ma tkunx akkumulata ma’ xi kumpens ieħor fir-rigward tal-istess servizz, irrispettivament minn jekk din tkunx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont is-Sentenza Altmark jew għajnuna mill-Istat kompatibbli skont id-Deċiżjoni 2012/21/UE jew skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Qafas tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens tas-servizz pubbliku (14).

(22)

Għall-finijiet ta’ trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss għall-għajnuna de minimis li għaliha huwa possibbli li jiġi kkalkulat l-ekwivalenti preċiż tal-għotja gross ex ante mingħajr il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna de minimis trasparenti”). Kalkolu preċiż bħal dan jista’, pereżempju, isir għal għotjiet, sussidji fuq ir-rata tal-imgħax, eżenzjonijiet mit-taxxa limitati jew strumenti oħrajn li jipprevedu limitu li jassigura li l-limitu massimu rilevanti ma jinqabiżx. Il-previżjoni ta’ massimu tfisser li, sakemm l-ammont preċiż tal-għajnuna ma jkunx magħruf, l-Istat Membru jrid jassumi li l-ammont huwa ugwali għall-massimu biex jiżgura li diversi miżuri ta’ għajnuna flimkien ma jaqbżux il-limitu massimu stabbilit f’dan ir-Regolament u li jiġu applikati r-regoli dwar l-akkumulazzjoni.

(23)

Għall-finijiet ta’ trasparenza, trattament ugwali u l-applikazzjoni korretta tal-limitu massimu de minimis, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu għall-kalkolu tal-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija. Biex jiġi ffaċilitat il-kalkolu, jenħtieġ li l-ammonti tal-għajnuniet mogħtija mhux fil-forma ta’ għotja fi flus kontanti jkunu kkonvertiti fl-ekwivalenti tagħhom ta’ għotja gross. Il-kalkolu tal-ekwivalenti ta’ għotja gross għal tipi trasparenti ta’ għajnuna, għajr għotjiet, jew ta’ għajnuna pagabbli f’għadd ta’ pagamenti, jeħtieġ l-użu tar-rati tal-imgħax tas-suq li jkunu qed jintużaw fil-mument li tkun ingħatat dik l-għajnuna. Sabiex tiġi ffaċilitata applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li r-rati tas-suq applikabbli għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu r-rati ta’ referenza stabbiliti f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (15).

(24)

Jenħtieġ li l-għajnuna fil-forma ta’ self, inkluża l-għajnuna għall-finanzjament ta’ riskju de minimis li tieħu forma ta’ self, titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-ekwivalenti ta’ għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi tar-rati tal-imgħax tas-suq prevalenti fil-mument li tkun ingħatat l-għajnuna. Sabiex jiġi ssimplifikat it-trattament ta’ self żgħir għal durata qasira, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita regola ċara li tkun faċli biex tiġi applikata u li tqis kemm l-ammont tas-self kif ukoll id-durata tiegħu. Self li huwa garantit b’kollateral li jkopri mill-inqas 50 % tas-self u li ma jaqbiżx EUR 3 750 000 u durata ta’ 5 snin jew EUR 1 875 000 u durata ta’ 10 snin jista’ jitqies li għandu ekwivalenti ta’ għotja gross li ma taqbiżx il-limitu massimu de minimis. Dan huwa bbażat fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni u minħabba l-inflazzjoni li seħħet mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 u l-iżvilupp stmat tal-inflazzjoni matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Minħabba d-diffikultajiet fid-determinazzjoni tal-ekwivalenti ta’ għotja gross ta’ għajnuna mogħtija lil impriżi li jistgħu ma jkunux jistgħu jħallsu lura s-self (pereżempju, peress li impriża tkun soġġetta għal proċeduri kollettivi ta’ insolvenza jew peress li din tissodisfa kriterji skont il-liġi nazzjonali tagħha li titqiegħed fi proċeduri kollettivi ta’ insolvenza b’talba tal-kredituri tagħha) jenħtieġ li din ir-regola ma tapplikax għal tali impriżi.

(25)

Jenħtieġ li l-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital ma titqiesx bħala għajnuna de minimis trasparenti, ħlief jekk l-ammont totali tal-injezzjoni pubblika ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis. Jenħtieġ li l-għajnuna li tikkonsisti f’miżuri ta’ finanzjament tar-riskju li jieħdu l-forma ta’ investimenti ta’ ekwità jew kważi ekwità, kif imsemmi fil-linji gwida dwar il-finanzjament tar-riskju (16), ma titqiesx bħala għajnuna de minimis trasparenti ħlief meta l-miżura kkonċernata tipprovdi kapital li ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.

(26)

Jenħtieġ li l-għajnuna li tikkonsisti f’garanziji, inkluża l-għajnuna ta’ finanzjament ta’ riskju de minimis li tieħu l-forma ta’ garanziji, titqies bħala trasparenti jekk l-ekwivalenti ta’ għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi ta’ safe-harbour premiums stabbiliti f’avviż tal-Kummissjoni għat-tip ta’ impriża kkonċernata (17). Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ċari li jqisu kemm l-ammont tas-self sottostanti kif ukoll id-durata tal-garanzija. L-istabbiliment ta’ regoli ċari mistenni li jgħin biex jissimplifika t-trattament ta’ garanziji ta’ durata qasira li jiżguraw sa 80 % ta’ self relattivament żgħir, fejn it-telf jiġi sostnut proporzjonalment u bl-istess mod mis-sellief u mill-garanti, u l-irkupri netti ġġenerati mill-irkupru tas-self mit-titoli mogħtija mill-mutwatarju jnaqqsu proporzjonalment it-telf imġarrab mis-sellief u mill-garanti. Jenħtieġ li dawn ir-regoli ma jkunux japplikaw għal garanziji fuq tranżazzjonijiet sottostanti li ma jkunux self, bħal garanziji fuq tranżazzjonijiet ta’ ekwità. Abbażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni u minħabba l-inflazzjoni li seħħet mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 u l-iżvilupp stmat tal-inflazzjoni matul il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, il-garanzija jenħtieġ li titqies li għandha ekwivalenti ta’ għotja gross li ma taqbiżx il-limitu massimu de minimis fejn (i) il-garanzija ma taqbiżx it-80 % tas-self sottostanti; (ii) l-ammont garantit ma jaqbiżx il-EUR 5 625 000; u (iii) id-durata tal-garanzija ma taqbiżx il-5 snin. L-istess japplika meta (i) il-garanzija ma taqbiżx it-80 % tas-self sottostanti; (ii) l-ammont garantit ma jaqbiżx iż-EUR 2 813 036; u (iii) id-durata tal-garanzija ma taqbiżx l-10 snin.

(27)

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodoloġija biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti ta’ għotja gross tal-garanziji, li tkun ġiet notifikata lill-Kummissjoni skont Regolament ieħor tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f’dak iż-żmien u li tkun ġiet aċċettata mill-Kummissjoni bħala konformi mal-Avviż ta’ Garanzija (18), jew kull avviż suċċessiv. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan biss jekk il-metodoloġija aċċettata tiffoka b’mod espliċitu fuq it-tip ta’ garanzija u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti inkwistjoni bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(28)

Wara li ssir notifika minn Stat Membru, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina jekk miżura li ma tikkonsistix f’għotja, self, garanzija, injezzjoni ta’ kapital, miżura ta’ finanzjament ta’ riskju li tieħu l-forma ta’ investiment ta’ ekwità jew kważi ekwità, eżenzjonijiet limitati mit-taxxa jew strumenti oħra li jipprevedu limitu, twassalx għal ekwivalenti ta’ għotja gross li ma taqbiżx il-limitu massimu de minimis u tistax għalhekk tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(29)

Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu rrispettati u li jkunu f’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jkollhom fis-seħħ l-għodod meħtieġa biex jiżguraw li l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skont ir-regola de minimis ma jaqbiżx il-limitu massimu ġenerali permissibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw l-għajnuna mogħtija biex jiżguraw li l-limitu massimu stipulat f’dan ir-Regolament ma jinqabiżx u li jkun hemm konformità mar-regoli tal-akkumulazzjoni. Sabiex jikkonformaw ma’ dan l-obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni kompluta dwar l-għajnuna de minimis mogħtija f’reġistru ċentrali fil-livell tal-Unjoni jew dak nazzjonali, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2026, u jivverifikaw li kull għotja ġdida ta’ għajnuna ma taqbiżx il-limitu massimu stipulat f’dan ir-Regolament. Ir-reġistru ċentrali se jgħin biex jonqos il-piż amministrattiv fuq l-impriżi. L-impriżi ma jibqgħux meħtieġa, skont dan ir-Regolament, li jżommu kont ta’ kwalunkwe għajnuna de minimis oħra riċevuta, u jiddikjarawha, ladarba r-reġistru ċentrali jkun fih data għal perjodu ta’ 3 snin. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kontroll tal-konformità mal-limitu massimu stabbilit f’dan ir-Regolament għandu, fil-prinċipju, ikun ibbażat fuq l-informazzjoni inkluża fir-reġistru ċentrali.

(30)

Kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi reġistru ċentrali nazzjonali. Ir-reġistri ċentrali nazzjonali eżistenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jintużaw. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi reġistru ċentrali fil-livell tal-Unjoni, li jista’ jintuża mill-Istati Membri mill-1 ta’ Jannar 2026.

(31)

Meta jitqies li l-piż amministrattiv u l-ostakli regolatorji jikkostitwixxu problema għall-maġġoranza tal-SMEs u li l-Kummissjoni timmira li tnaqqas b’25 % il-piż li jirriżulta mir-rekwiżiti ta’ rapportar (19), jenħtieġ li kwalunkwe reġistru ċentrali jiġi stabbilit b’tali mod li jitnaqqas il-piż amministrattiv. Prattiki amministrattivi tajbin, bħal dawk stabbiliti fir-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika (20), jistgħu jintużaw bħala referenza għall-istabbiliment u t-tħaddim tar-reġistru ċentrali fil-livell tal-Unjoni u tar-reġistri ċentrali nazzjonali.

(32)

Ir-regoli dwar it-trasparenza għandhom l-għan li jiżguraw konformità aħjar, responsabbiltà akbar, evalwazzjoni bejn il-pari u fl-aħħar mill-aħħar infiq pubbliku aktar effikaċi. Il-pubblikazzjoni, f’reġistru ċentrali, tal-isem tal-benefiċjarju tal-għajnuna sservi l-interess leġittimu ta’ trasparenza biex il-pubbliku jingħata informazzjoni dwar l-użu tal-fondi tal-Istati Membri. Ma tinterferix bla bżonn mad-dritt tal-benefiċjarji għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom sakemm il-pubblikazzjoni fir-reġistru ċentrali tad-data personali tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data (21). L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jippsewdonimizzaw entrati speċifiċi meta jkun meħtieġ biex jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

(33)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi sett ta’ kundizzjonijiet li skonthom kwalunkwe miżura fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tista’ titqies li ma għandha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma toħloqx distorsjoni jew thedded li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll għall-għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu jekk il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fih jiġu ssodisfati. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-appoġġ li kien konformi mal-kriterji tar-Regolament (UE) Nru 360/2012 mogħti bejn id-29 ta’ April 2012 u l-31 ta’ Diċembru 2023 jitqies bħala eżentat min-notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(34)

Wara li tiġi kkunsidrata l-frekwenza li biha huwa ġeneralment meħtieġ li tiġi riveduta l-politika dwar l-għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun limitat. Dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 360/2012 hekk kif jiskadi.

(35)

Jekk il-perjodu tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jkun ġie estiż, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom perjodu ta’ aġġustament ta’ 6 xhur għall-għajnuna de minimis koperta minn dan ir-Regolament.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lill-impriżi li jipprovdu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fis-setturi kollha, ħlief għal:

(a)

għajnuna mogħtija lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(b)

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, fejn l-ammont tal-għajnuna huwa ffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq;

(c)

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli;

(d)

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fil-każijiet li ġejjin:

(i)

meta l-ammont tal-għajnuna huwa ffissat abbażi tal-prezz jew il-kwantità ta’ dawn il-prodotti mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati;

(ii)

meta l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li parti minnha jew kollha kemm hi tingħata lill-produtturi primarji;

(e)

għajnuna mogħtija għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew lejn Stati Membri, jiġifieri għajnuna assoċjata direttament ma’ kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u l-operat ta’ network ta’ distribuzzjoni, jew ma’ nefqa oħra kurrenti assoċjata mal-attività tal-esportazzjoni;

(f)

għajnuna kontinġenti fuq l-użu ta’ oġġetti u servizzi domestiċi bi preferenza fuq oġġetti u servizzi importati.

2.   Meta impriża tkun attiva f’wieħed mis-setturi msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c) jew (d), u tkun attiva anki f’settur wieħed jew iktar li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew ikollha attivitajiet oħrajn li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dawk is-setturi jew attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw, billi jistrieħu fuq mezzi xierqa bħalma huma s-separazzjoni tal-attivitajiet jew is-separazzjoni tal-kontijiet, li l-attivitajiet fis-setturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis mogħtija f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“prodotti agrikoli” tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22);

(b)

“produzzjoni agrikola primarja” tfisser il-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħamrija u tat-trobbija tal-bhejjem, li huma elenkati fl-Anness I tat-Trattat, mingħajr it-twettiq ta’ ebda operazzjoni ulterjuri li tbiddel in-natura ta’ dawn il-prodotti;

(c)

“proċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kull operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirriżulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, minbarra attivitajiet li jsiru fl-ażjenda agrikola meħtieġa għat-tħejjija ta’ prodott minn annimal jew prodott mill-pjanti għall-ewwel bejgħ;

(d)

“kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli” tfisser iż-żamma jew il-wiri ta’ prodott agrikolu bl-iskop ta’ bejgħ, l-offerta għal bejgħ, il-kunsinna jew kwalunkwe mod ieħor ta’ tqegħid fis-suq, minbarra l-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil rivendituri jew proċessuri u kwalunkwe attività li tħejji prodott għal dan l-ewwel bejgħ; bejgħ minn produttur primarju lill-konsumaturi finali għandu jitqies bħala kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli jekk iseħħ f’bini separat maħsub għal dak l-iskop;

(e)

“prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser il-prodotti definiti fl-Artikolu 5, il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(f)

“produzzjoni primarja ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser l-operazzjonijiet kollha relatati mas-sajd, it-trobbija jew il-kultivazzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi, kif ukoll attivitajiet f’azjenda agrikola jew abbord meħtieġa għall-preparazzjoni tal-ewwel bejgħ ta’ prodott tal-annimali jew ta’ pjanta, inkluż it-tqattigħ, l-iffilittjar jew l-iffriżar, u l-ewwel bejgħ lil rivendituri jew lil proċessuri;

(g)

“proċessar u kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser l-operazzjonijiet kollha, inkluż l-immaniġġjar, it-trattament u t-trasformazzjoni, imwettqin wara l-ħin li fih jinżel l-art il-prodott – jew li jinħasad, fil-każ tal-akkwakultura – li jirriżultaw fi prodott ipproċessat, kif ukoll id-distribuzzjoni tiegħu;

(h)

“entità mingħajr skop ta’ qligħ” tfisser entità irrispettivament mill-istatus legali tagħha (organizzata skont il-liġi pubblika jew privata) jew mill-mod ta’ finanzjament tagħha, li l-għan primarju tagħha huwa li twettaq kompiti soċjali, li tinvesti mill-ġdid kwalunkwe profitt miksub u li b’mod predominanti tinvolvi ruħha f’attivitajiet mhux kummerċjali. Meta tali entità twettaq ukoll attivitajiet kummerċjali, hija trid tiżgura separazzjoni tal-kontabilità għall-finanzjament, il-kostijiet u d-dħul ta’ dawk l-attivitajiet kummerċjali mill-attivitajiet mhux kummerċjali.

2.    “Impriża waħda” tfisser, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, l-intrapriżi kollha li jkollhom bejniethom mill-inqas waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin:

(a)

intrapriża waħda li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’intrapriża oħra;

(b)

intrapriża waħda li jkollha d-dritt li taħtar jew li tneħħi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta’ intrapriża oħra;

(c)

intrapriża waħda li jkollha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih flimkien ma’ dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni fil-memorandum jew statut ta’ assoċjazzjoni tagħha;

(d)

intrapriża waħda, li tkun azzjonista f’intrapriża oħra jew membru tagħha, tikkontrolla waħedha, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra f’dik l-intrapriża jew il-membri tagħha, il-maġġoranza tad-drittijiet tal-voti tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-intrapriża.

Intrapriżi li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) permezz ta’ intrapriża waħda jew aktar, għandhom ukoll jitqiesu bħala impriża waħda. Madankollu, intrapriżi li jwettqu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma’ xulxin, ħlief għall-fatt li kull waħda minnhom għandha rabta diretta mal-istess korp jew korpi pubbliċi, jew mal-istess entità jew entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, ma għandhomx jiġu ttrattati bħala impriża waħda għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.   Miżuri ta’ għajnuna mogħtija lil impriżi b’rabta mal-forniment ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali għandhom jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant ma għandhomx ikunu soġġetti mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   L-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija minn Stat Membru wieħed lil impriża waħda li tipprovdi servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma għandux jaqbeż is-EUR 750 000 matul kwalunkwe perjodu ta’ 3 snin.

3.   L-għajnuna de minimis għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li d-dritt legali biex tingħata l-għajnuna jkun konċess lill-impriża skont is-sistema legali nazzjonali applikabbli irrispettivament mid-data tal-pagament tal-għajnuna de minimis lill-impriża.

4.   Il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 2 għandi japplika irrispettivament mit-tip ta’ għajnuna de minimis jew l-objettiv mixtieq minnha u irrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex finanzjata totalment jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw mill-Unjoni.

5.   Għall-iskopijiet tal-limitu stipulat fil-paragrafu 2, l-għajnuna għandha tkun espressa bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu f’ammonti gross, jiġifieri qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ imposta oħra. Meta għajnuna tingħata f’forma oħra differenti minn għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna.

6.   Għajnuna pagabbli f’għadd ta’ pagamenti parzjali għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-interessi li tintuża għal skopijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ skont applikabbli fil-mument tal-għotja.

7.   Meta l-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 2 jinqabeż permezz tal-għotja ta’ għajnuna ġdida de minimis għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, dik l-għajnuna ġdida ma għandhiex tibbenefika minn dan ir-Regolament.

8.   Fil-każ ta’ fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet, għandha titqies l-għajnuna de minimis kollha preċedenti mogħtija lil xi waħda mill-impriżi involuti fil-fużjoni meta jiġi ddeterminat jekk xi għajnuna de minimis ġdida lill-impriża l-ġdida jew lill-impriża akkwirenti taqbiżx il-limitu massimu stipulat fil-paragrafu 2. Għajnuna de minimis li tkun ingħatat legalment qabel il-fużjoni jew l-akkwiżizzjoni għandha tibqa’ legali.

9.   Jekk impriża waħda tinqasam f’żewġ impriżi separati jew aktar, l-għajnuna de minimis mogħtija qabel id-diviżjoni għandha tkun allokata lill-impriża li tkun ibbenefikat minnha, li fil-prinċipju hija l-impriża li tieħu ħsieb l-attivitajiet li għalihom intużat l-għajnuna de minimis. Jekk tali allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis għandha tiġi allokata proporzjonalment fuq il-bażi tal-valur skont il-valur kontabilistiku tal-kapital ta’ ekwità tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tad-diviżjoni.

Artikolu 4

Kalkolu tal-ekwivalenti ta’ għotja gross

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li jiġi kkalkulat b’mod preċiż l-ekwivalenti ta’ għotja gross tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa ta’ valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna de minimis trasparenti”).

2.   Għajnuna li tikkonsisti f’għotjiet jew sussidji fuq ir-rata tal-interessi għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti.

3.   Għajnuna li tikkonsisti f’self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

il-benefiċjarju la jkun soġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji skont il-liġi nazzjonali tiegħu biex jinbdew proċeduri kollettivi ta’ stralċ kontrih fuq talba tal-kredituri tiegħu. Għal impriżi kbar, il-benefiċjarju għandu jkun f’sitwazzjoni komparabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas “B-”; u jew

(b)

is-self ikun garantit b’kollateral li jkopri mill-inqas 50 % tas-self u s-self ikun jammonta jew għal EUR 3 750 000 fuq perjodu ta’ 5 snin jew inkella għal EUR 1 875 000 fuq perjodu ta’ 10 snin; jekk l-ammont tas-self ikun inqas minn dawn l-ammonti jew jingħata għal tul ta’ żmien inqas minn 5 snin jew 10 snin rispettivament, l-ekwivalenti ta’ għotja gross ta’ dak is-self għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament; inkella

(c)

l-ekwivalenti ta’ għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

4.   L-għajnuna li tikkonsisti f’injezzjonijiet ta’ kapital għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-ammont totali ta’ injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma jaqbiżx il-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2).

5.   L-għajnuna li tikkonsisti f’miżuri ta’ finanzjament tar-riskju li tieħu l-forma ta’ investimenti f’ekwità jew kważi ekwità, għandha titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti biss jekk il-kapital ipprovdut għal impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu massimu stipulat fl-Artikolu 3(2).

6.   L-għajnuna li tikkonsisti f’garanziji għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

il-benefiċjarju la jkun soġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji skont il-liġi nazzjonali tiegħu biex jinbdew proċeduri kollettivi ta’ stralċ kontrih fuq talba tal-kredituri tiegħu. Għal impriżi kbar, il-benefiċjarju għandu jkun f’sitwazzjoni komparabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas “B-”; u jew

(b)

il-garanzija ma taqbiżx it-80 % tas-self sottostanti f’kull mument, it-telf jiġġarrab proporzjonalment u bl-istess mod mis-sellief u l-garanti, l-irkupri netti ġġenerati mill-irkupru tas-self mit-titoli mogħtija mill-mutwatarju jnaqqsu b’mod proporzjonali t-telf imġarrab mis-sellief u mill-garanti, u jew l-ammont garantit ikun ta’ EUR 5 625 000 u d-durata tal-garanzija tkun ta’ 5 snin inkella l-ammont garantit ikun ta’ EUR 2 813 036 u d-durata tal-garanzija tkun ta’ 10 snin; jekk l-ammont iggarantit ikun inqas minn dawn l-ammonti jew il-garanzija tkun għal tul ta’ żmien inqas minn 5 snin jew 10 snin rispettivament, l-ekwivalenti ta’ għotja gross ta’ dik il-garanzija għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c)

l-ekwivalenti ta’ għotja gross ikun ġie kkalkulat abbażi ta’ safe-harbour premiums stabbiliti f’avviż tal-Kummissjoni; inkella

(d)

qabel l-implimentazzjoni,

(i)

il-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti ta’ għotja gross tal-garanzija tkun ġiet notifikata lill-Kummissjoni skont Regolament ieħor tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f’dak iż-żmien u aċċettata mill-Kummissjoni bħala konformi mal-Avviż ta’ Garanzija, jew kull avviż suċċessiv; u

(ii)

dik il-metodoloġija tindirizza b’mod espliċitu t-tip ta’ garanzija u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti ttrattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7.   L-għajnuna li tikkonsisti fi strumenti oħra għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-istrument jipprevedi massimu li jiggarantixxi li l-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament ma jinqabiżx.

Artikolu 5

Akkumulazzjoni

1.   L-għajnuna de minimis mogħtija f’konformità ma’ dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna de minimis mogħtija f’konformità ma’ Regolamenti de minimis oħra (23).

2.   Għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament ma għandha tiġi akkumulata mal-ebda kumpens fir-rigward tal-istess servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, irrispettivament minn jekk din tikkostitwix għajnuna mill-Istat jew le.

3.   L-għajnuna de minimis mogħtija f’konformità ma’ dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli jew mal-għajnuna mill-Istat għall-istess miżura ta’ finanzjament tar-riskju, jekk tali akkumulazzjoni teċċedi l-ogħla intensità ta’ għajnuna jew ammont ta’ għajnuna rilevanti stipulati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’ regolament għal eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. L-għajnuna de minimis li ma tingħatax għal kostijiet eliġibbli speċifiċi jew li ma tistax tiġi attribwita għalihom tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra mill-Istat mogħtija skont regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Monitoraġġ u rapportar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2026, l-informazzjoni dwar l-għajnuna de minimis mogħtija għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tkun disponibbli f’reġistru ċentrali f’livell nazzjonali jew tal-Unjoni. L-informazzjoni fir-reġistru ċentrali għandu jkollha l-identifikazzjoni tal-benefiċjarju, l-ammont tal-għajnuna, id-data tal-għotja, l-awtorità tal-għoti, l-istrument tal-għajnuna u s-settur involut abbażi tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni (“il-klassifikazzjoni NACE”). Ir-reġistru ċentrali għandu jiġi stabbilit b’tali mod li jippermetti aċċess pubbliku faċli għall-informazzjoni filwaqt li jiżgura l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż permezz tal-psewdonimizzazzjoni ta’ entrati speċifiċi meta jkun meħtieġ.

2.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 fir-reġistru ċentrali dwar l-għajnuna de minimis mogħtija minn kwalunkwe awtorità fl-Istat Membru kkonċernat fi żmien 20 jum tax-xogħol wara l-għoti tal-għajnuna. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw l-eżattezza tad-data li tinsab fir-reġistru ċentrali.

3.   L-Istati Membri għandhom iżommu rekords tal-informazzjoni rreġistrata dwar l-għajnuna de minimis għal 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna.

4.   Stat Membru għandu jagħti għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li l-għajnuna de minimis il-ġdida mhux se tgħolli l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża kkonċernata għal livell ogħla mil-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament u li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament huma ssodisfati.

5.   L-Istati Membri li jużaw reġistru ċentrali fil-livell nazzjonali għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena data aggregata dwar l-għajnuna de minimis mogħtija għas-sena ta’ qabel. Id-data aggregata għandu jkollha l-għadd ta’ benefiċjarji, l-ammont globali tal-għajnuna de minimis mogħtija u l-ammont globali tal-għajnuna de minimis mogħtija għal kull settur (bl-użu tal-“klassifikazzjoni NACE”). L-ewwel sottomissjoni tad-data għandha tkun għal għajnuna de minimis mogħtija mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2026. L-Istati Membri jistgħu jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar perjodi aktar bikrija meta d-data aggregata tkun disponibbli.

6.   Fuq talba bil-miktub mill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol jew f’perjodu itwal stabbilit fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis li hi meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn li tkun irċeviet xi impriża.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbilita f’dan ir-Regolament.

2.   Kull għajnuna individwali de minimis mogħtija bejn id-29 ta’ April 2012 u l-31 ta’ Diċembru 2023 u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 360/2012, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

3.   Fl-aħħar tal-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kull għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tista’ tingħata b’mod validu għal perjodu ulterjuri ta’ 6 xhur.

4.   Sakemm jiġi stabbilit ir-reġistru ċentrali u jkopri perjodu ta’ 3 snin, meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis lil impriża skont dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru għandu jinforma lill-impriża bil-miktub jew f’forma elettronika bl-ammont tal-għajnuna espress bħala ekwivalenti ta’ għotja gross u l-karattru de minimis tagħha, b’referenza diretta għal dan ir-Regolament. Meta l-għajnuna de minimis tingħata lil impriżi differenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament abbażi ta’ skema u ammonti differenti ta’ għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi taħt dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi b’somma fissa li tikkorrispondi għall-ammont massimu ta’ għajnuna li għandu jingħata taħt dik l-iskema. F’każijiet bħal dawn, is-somma fissa għandha tintuża biex jiġi ddeterminat jekk hemmx konformità mal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru għandu jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża konċernata, bil-miktub jew f’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha li għaliha japplika dan ir-Regolament jew regolamenti de minimis matul kwalunkwe perjodu ta’ 3 snin.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.

Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2030.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2831 tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna de minimis, (ĠU L, 2023/2831, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2831/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).

(4)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, Ministero dell’Economia e delle Finanze vs Cassa di Risparmio di Firenze u Oħrajn, C-222/04, ECLI:EU:C:2006:8, il-punt 107.

(5)   Ibid, il-punti 112 u 113.

(6)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 2002, In-Netherlands vs Il-Kummissjoni, C-382/99, ECLI:EU:C:2002:363.

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3).

(10)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-456/00, ECLI:EU:C:2002:753, il-punt 31.

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(12)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 2018, ZPT AD v Narodno sabranie na Repubblika Bulgaria u Oħrajn, C-518/16, ECLI:EU:C:2018:126, il-punt 55 u 56.

(13)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH, u Oberbundesanwalt beim Bundesverwaltungsgericht, C-280/00, ECLI:EU:C:2003:415, il-punti minn 88 sa 93.

(14)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 15).

(15)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(16)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta’ finanzjament ta’ riskju (ĠU C 508, 16.12.2021, p. 1.).

(17)  Pereżempju, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

(18)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

(19)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pakkett ta’ Għajnuna għall-SMEs (COM(2023) 535 final).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1); Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(22)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1), u r-Regolament (UE) 2023/2831.

(23)  Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9) u (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 190, 28.6.2014, p. 45).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2832/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top