EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2450

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2450 tas-25 ta’ Lulju 2023 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista ta’ servizzi essenzjali

C/2023/4878

OJ L, 2023/2450, 30.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2450/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2450/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2450

30.10.2023

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2450

tas-25 ta’ Lulju 2023

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista ta’ servizzi essenzjali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2022/2557 għandha l-għan li tiżgura li s-servizzi essenzjali għaż-żamma ta’ funzjonijiet vitali tas-soċjetà jew ta’ attivitajiet ekonomiċi jiġu pprovduti b’mod mhux ostakolat fis-suq intern u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi li jipprovdu tali servizzi.

(2)

Għal dan il-għan u skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2557, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat li jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ servizzi essenzjali fis-setturi u s-subsetturi stabbiliti fl-Anness ta’ dik id-Direttiva. Il-lista trid tintuża mill-awtoritajiet kompetenti għall-fini li jwettqu valutazzjoni tar-riskju u wara l-valutazzjoni tar-riskju trid tintuża biex jiġu identifikati entitajiet kritiċi.

(3)

Jenħtieġ li l-lista ta’ servizzi essenzjali titfassal b’mod ġeneriku, sabiex jiġu akkomodati l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri bħad-daqs, id-densità tal-popolazzjoni, jew il-lokazzjoni ġeografika. Madankollu, jenħtieġ li tkun tkopri s-servizzi essenzjali tal-kategoriji ta’ entitajiet stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva (UE) 2022/2557 biss. Għal dan il-għan, jenħtieġ li s-servizzi pprovduti minn entitajiet li jaqgħu f’dawk il-kategoriji biss jitqiesu bħala servizzi essenzjali, kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2022/2557.

(4)

B’mod aktar ġenerali, jenħtieġ li l-lista ta’ servizzi essenzjali tintuża fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-Direttiva (UE) 2022/2557. Dan jinkludi d-definizzjoni ta’ servizzi essenzjali bħala servizzi li huma kruċjali għaż-żamma tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, l-attivitajiet ekonomiċi, is-saħħa u s-sikurezza pubblika, jew l-ambjent, kif ukoll id-definizzjoni ta’ entità tal-amministrazzjoni pubblika u d-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva. Skont l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva (UE) 2022/2557, l-entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fl-oqsma tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika, id-difiża jew l-infurzar tal-liġi, inklużi l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali huma esklużi.

(5)

Konsegwentement, l-attivitajiet ekonomiċi elenkati, fuq bażi mhux eżawrjenti, f’dan ir-Regolament delegat, jenħtieġ li jitqiesu biss bħala servizzi essenzjali, għall-fini ta’ dan ir-Regolament delegat u d-Direttiva (UE) 2022/2557, fejn jikkwalifikaw bħala servizzi essenzjali kif definiti f’dik id-Direttiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2022/2557, lista mhux eżawrjenti tas-servizzi essenzjali, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (5) ta’ dik id-Direttiva, fis-setturi u s-subsetturi stipulati fl-Anness ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 2

Lista mhux eżawrjenti ta’ servizzi essenzjali

Il-lista mhux eżawrjenti ta’ servizzi essenzjali msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun kif ġej:

(1)

is-settur tal-enerġija:

(a)

is-sottosettur tal-elettriku:

(i)

il-provvista tal-elettriku (impriżi tal-elettriku);

(ii)

it-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku (operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni);

(iii)

it-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta’ sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni);

(iv)

il-ġenerazzjoni tal-elettriku (produtturi);

(v)

is-servizz ta’ operatur nominat tas-suq tal-elettriku (operaturi nominati tas-suq tal-elettriku);

(vi)

ir-rispons tad-domanda (il-parteċipanti fis-suq tal-elettriku);

(vii)

l-aggregazzjoni tal-elettriku (parteċipanti fis-suq tal-elettriku);

(viii)

il-ħżin tal-enerġija (parteċipanti fis-suq tal-elettriku);

(b)

subsettur tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali: il-forniment ta’ tisħin distrettwali jew tkessiħ distrettwali (operaturi tat-tisħin distrettwali u t-tkessiħ distrettwali);

(c)

is-sottosettur taż-żejt:

(i)

trażmissjoni taż-żejt (operaturi ta’ pipelines tat-trażmissjoni taż-żejt);

(ii)

il-produzzjoni taż-żejt (operaturi tal-produzzjoni taż-żejt);

(iii)

ir-raffinar u t-trattament taż-żejt (operaturi ta’ faċilitajiet ta’ raffinar u trattament taż-żejt);

(iv)

ħżin taż-żejt (operaturi tal-ħżin taż-żejt);

(v)

il-ġestjoni tal-ħażniet taż-żejt, inklużi l-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi taż-żejt (entitajiet ċentrali ta’ ħżin);

(d)

is-sottosettur tal-gass:

(i)

il-provvista tal-gass (impriża ta’ forniment);

(ii)

id-distribuzzjoni tal-gass (operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni);

(iii)

it-trażmissjoni tal-gass (operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni);

(iv)

il-ħżin tal-gass (operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni);

(v)

it-tħaddim ta’ sistema ta’ gass naturali likwifikat (LNG) (operaturi ta’ sistema LNG);

(vi)

il-produzzjoni tal-gass naturali (impriżi tal-gass naturali);

(vii)

ix-xiri tal-gass naturali (impriżi tal-gass naturali);

(viii)

ir-raffinar u t-trattament tal-gass naturali (operaturi ta’ faċilitajiet ta’ raffinar u trattament tal-gass naturali);

(e)

subsettur tal-idroġenu:

(i)

il-produzzjoni tal-idorġenu (operaturi tal-produzzjoni tal-idroġenu);

(ii)

il-ħżin tal-idroġenu (operaturi tal-ħżin tal-idroġenu);

(iii)

it-trażmissjoni tal-idroġenu (operaturi tat-trażmissjoni tal-idroġenu);

(2)

is-settur tat-trasport:

(a)

is-sottosettur tal-ajru:

(i)

is-servizzi tat-trasport bl-ajru użati għal skopijiet kummerċjali (passiġġieri u merkanzija) (trasportaturi bl-ajru);

(ii)

it-tħaddim, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-ajruporti u tal-infrastruttura tan-netwerk tal-ajruporti (korpi ta’ ġestjoni tal-ajruporti);

(iii)

is-servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru (operaturi ta’ kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku);

(b)

is-subsettur ferrovjarju:

(i)

is-servizzi ta’ trasport bil-ferrovija (passiġġieri u merkanzija) (impriżi ferrovjarji);

(ii)

it-tħaddim, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, inklużi l-istazzjonijiet tal-passiġġieri, it-terminals tal-merkanzija, it-tarzni ferrovjarji u ċ-ċentri tal-kontroll tat-traffiku (amministraturi tal-infrastruttura);

(iii)

it-tħaddim, il-ġestjoni u l-manutenzjoni ta’ faċilitajiet ta’ servizz ferrovjarju (operaturi ta’ faċilitajiet ta’ servizz);

(iv)

it-tħaddim, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju, sistemi ta’ kontroll-kmand u sinjalazzjoni kif ukoll l-installazzjonijiet u sistemi tat-telekomunikazzjoni użati għall-kontroll-kmand u s-sinjalazzjoni (amministraturi tal-infrastruttura);

(c)

is-sottosettur tal-ilma:

(i)

is-servizzi ta’ trasport fuq ilmijiet interni, marittimi u kostali (passiġġieri u merkanzija) (kumpaniji tat-trasport fuq l-ilma intern, marittimu u kostali);

(ii)

it-tħaddim, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-portijiet u tal-faċilitajiet portwarji, u t-tħaddim ta’ xogħlijiet u tagħmir fil-portijiet, inklużi l-bunkering, il-ġestjoni tal-merkanzija, l-irmiġġ, is-servizzi tal-passiġġieri, il-ġbir tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija, il-pilotaġġ u l-irmonk (il-korpi tal-ġestjoni tal-portijiet u l-entitajiet tax-xogħlijiet tat-tħaddim u t-tagħmir li jinsabu fil-portijiet);

(iii)

is-servizzi tat-traffiku tal-bastimenti (l-operaturi tas-servizzi tat-traffiku tal-bastimenti);

(d)

subsettur tat-toroq:

(i)

il-kontroll tal-ġestjoni tat-traffiku, inklużi aspetti relatati mal-ippjanar tan-netwerks tat-toroq, servizzi ta’ kontroll u ġestjoni, minbarra l-ġestjoni tat-traffiku jew it-tħaddim ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti fejn dawn ma jkunux parti essenzjali tal-attività ġenerali tal-entitajiet pubbliċi (awtoritajiet tat-toroq);

(ii)

Servizzi ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (operaturi ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti);

(e)

sottosettur tat-trasport pubbliku: is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u mezzi oħra bbażati fuq il-binarji u bit-triq (operaturi ta’ servizz pubbliku);

(3)

is-settur bankarju:

(i)

it-teħid ta’ depożiti (istituzzjonijiet ta’ kreditu);

(ii)

is-self (istituzzjonijiet ta’ kreditu);

(4)

is-settur tal-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji:

(i)

it-tħaddim ta’ ċentru tan-negozjar (operaturi ta’ ċentri tan-negozjar);

(ii)

it-tħaddim ta’ sistemi tal-ikklerjar (kontropartijiet ċentrali);

(5)

is-settur tas-saħħa:

(i)

l-għoti ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa (fornituri tal-kura tas-saħħa);

(ii)

l-analiżi mwettqa minn laboratorju ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea (Laboratorji ta’ referenza tal-UE);

(iii)

ir-riċerka u żvilupp ta’ prodotti mediċinali (entitajiet li jwettqu attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp ta’ prodotti mediċinali);

(iv)

il-manifattura ta’ prodotti farmaċewtiċi bażiċi u ta’ preparazzjonijiet farmaċewtiċi bażiċi (entitajiet li jimmanifatturaw prodotti farmaċewtiċi bażiċi u preparazzjonijiet farmaċewtiċi);

(v)

il-manifattura ta’ apparati mediċi meqjusa bħala kritiċi matul emerġenza tas-saħħa pubblika (entitajiet li jimmanifatturaw apparati mediċi);

(vi)

id-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali (entitajiet li għandhom awtorizzazzjoni għad-distribuzzjoni);

(6)

is-settur tal-ilma tax-xorb: il-provvista tal-ilma tax-xorb u d-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb minbarra d-distribuzzjoni tal-ilma għall-konsum mill-bniedem meta dan is-servizz ikun parti mhux essenzjali mill-attività ġenerali tad-distributuri li jiddistribwixxu komoditajiet u oġġetti oħra (fornituri u distributuri tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem);

(7)

is-settur tal-ilma tax-xorb: il-ġbir, it-trattament u r-rimi tal-ilma mormi minbarra l-ġbir, ir-rimi jew it-trattament ta’ ilma mormi urban, ilma mormi domestiku jew ilma mormi industrijali fejn ma jkunux parti essenzjali mill-attivitajiet ġenerali tal-impriżi (impriżi li jiġbru, jarmu jew jittrattaw ilma urban mormi, ilma domestiku mormi u ilma industrijali mormi);

(8)

is-settur tal-infrastruttura diġitali:

(i)

il-forniment u t-tħaddim ta’ servizz ta’ punti ta’ skambju tal-Internet (fornituri ta’ Punti ta’ Skambju tal-Internet);

(ii)

il-forniment ta’ servizz ta’ sistema tal-ismijiet ta’ dominji (domain name system, DNS) għajr servizzi relatati ma’ root name servers (fornituri ta’ servizzi DNS);

(iii)

it-tħaddim u l-amministrazzjoni tar-reġistri tal-ismijiet ta’ dominji tal-ogħla livell (top-level domain, TLD) (reġistri tal-ismijiet tat-TLD);

(iv)

il-forniment ta’ servizzi ta’ cloud computing (fornituri ta’ servizzi ta’ cloud computing);

(v)

il-forniment ta’ servizz ta’ ċentru tad-data (fornituri ta’ servizzi ta’ ċentru tad-data);

(vi)

il-forniment ta’ networks tat-twassil tal-kontenut (fornituri tan-network tat-twassil tal-kontenut);

(vii)

il-forniment ta’ servizzi fiduċjarji (fornituri ta’ servizzi fiduċjarji);

(viii)

il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku (fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika);

(ix)

il-forniment ta’ netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika (fornituri ta’ netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika);

(9)

is-settur tal-amministrazzjoni pubblika: servizzi pprovduti minn entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika skont it-tifsira tal-Artikolu 2, punt (10), tad-Direttiva (UE) 2022/2557, ta’ gvernijiet ċentrali kif definiti mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi nazzjonali (entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika tal-gvernijiet ċentrali);

(10)

is-settur tal-ispazju: it-tħaddim ta’ infrastruttura terrestri li tkun proprjetà ta’ Stati Membri ġestita u mħaddma minnhom jew minn partijiet privati li jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi spazjali, esklużi l-fornituri ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika (operaturi ta’ infrastruttura terrestri);

(11)

il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tas-settur tal-ikel (negozji tal-ikel li huma involuti esklussivament fil-loġistika u d-distribuzzjoni bl-ingrossa u l-produzzjoni u l-ipproċessar industrijali fuq skala kbira):

(i)

il-produzzjoni u l-ipproċessar industrijali tal-ikel fuq skala kbira;

(ii)

is-servizzi tal-katina tal-provvista tal-ikel, inklużi l-ħżin u l-loġistika;

(iii)

id-distribuzzjoni bl-ingrossa tal-ikel.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-25 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2450/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top