EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1077

Regolament (UE) 2023/1077 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

PE/19/2023/REV/1

OJ L 144, 5.6.2023, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1077/oj

5.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/1


REGOLAMENT (UE) 2023/1077 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-31 ta’ Mejju 2023

dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE (3), it-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jirrigwarda l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2016, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017, wara li ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha.

(2)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jesprimi x-xewqa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (il-“Partijiet”) li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, li jiffaċilitaw u jiksbu integrazzjoni ekonomika gradwali, u li jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(3)

L-Artikolu 25 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi għall-istabbiliment progressiv ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (“GATT 1994”). Għal dan il-għan, l-Artikolu 29 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi l-eliminazzjoni progressiva tad-dazji doganali f’konformità mal-Iskedi inklużi fih u l-possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali eliminazzjoni jitħaffef u jitwessa’. L-Artikolu 48 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi li l-interess pubbliku għandu jiġi kkunsidrat qabel ma jiġu applikati miżuri antidumping bejn il-Partijiet.

(4)

Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja mal-bqija tad-dinja, kemm minħabba l-qerda tal-kapaċità tal-produzzjoni kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ proporzjon sinifikanti ta’ mezzi tat-trasport minħabba, pereżempju, ir-restrizzjoni u l-inċertezza rigward l-aċċess għall-Baħar l-Iswed. F’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn u biex jittaffa l-impatt ekonomiku negattiv tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li jitħaffef l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi aktar mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Ukrajna sabiex jingħata appoġġ kontinwu lill-awtoritajiet u lill-popolazzjoni Ukreni. Huwa għalhekk neċessarju u xieraq li jibqgħu jiġu stimulati l-flussi kummerċjali u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-prodotti kollha f’konformità mal-aċċellerazzjoni tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Ukrajna.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. Skont l-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiskadi fil-5 ta’ Ġunju 2023.

(7)

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jieħdu l-forma li ġejja: (i) is-sospensjoni tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għall-frott u l-ħxejjex; (ii) is-sospensjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji u tad-dazji tal-importazzjoni; (iii) b’deroga mill-Artikolu 14(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jenħtieġ li d-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna li jsiru matul l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jinġabru fl-ebda mument, inkluż wara l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament; u (iv) is-sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Fil-fatt, permezz ta’ dawk il-miżuri, l-Unjoni se tipprovdi temporanjament appoġġ ekonomiku u finanzjarju xieraq għall-benefiċċju tal-Ukrajna u l-operaturi ekonomiċi li huma affettwati.

(8)

Sabiex tiġi evitata l-frodi, l-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kondizzjonali fuq li l-Ukrajna tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha biex tikseb benefiċċji skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi r-regoli tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom, kif ukoll l-involviment tal-Ukrajna f’kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib mal-Unjoni, kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-Ukrajna tastjeni milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq il-kummerċ mal-Unjoni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. Fil-każ li l-Ukrajna tonqos milli tkun konformi ma’ kwalunkwe waħda minn dawk il-kundizzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzjali kollha jew parti minnhom stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(10)

L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi li, fost affarijiet oħra, l-osservanza għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-promozzjoni tar-rispett lejn il-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, u l-indipendenza kif ukoll il-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, materjali relatati u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiddikjara li l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-forom differenti ta’ kriminalità organizzata transnazzjonali u terroriżmu, il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv huma ċentrali għat-tisħiħ tar-relazzjoni bejn il-Partijiet. Huwa xieraq li tiddaħħal il-possibbiltà li l-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jiġu temporanjament sospiżi jekk l-Ukrajna tonqos milli tosserva l-prinċipji ġenerali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bħalma hu l-każ fi ftehimiet ta’ assoċjazzjoni oħra konklużi mill-Unjoni.

(11)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1) jekk il-kundizzjonijiet għall-intitolament għal dawk l-arranġamenti preferenzjali ma jibqgħux jiġu mħarsa u biex jiġu introdotti salvagwardji f’każijiet fejn is-swieq tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament jiġu affettwati b’mod negattiv mill-importazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(12)

Suġġett għal valutazzjoni tal-Kummissjoni imwettqa fil-kuntest tal-monitoraġġ regolari tal-impatt ta’ dan ir-Regolament u mnedija jew wara talba sostanzjata kif xieraq minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà tar-riintroduzzjoni tad-dazji doganali applikabbli b’mod ieħor skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għall-importazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li jaffettwa b’mod negattiv s-suq tal-Unjoni għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament.

(13)

Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiv, li huwa parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

(14)

Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Ukrajna u l-iskadenza tar-Regolament (UE) 2022/870 fil-5 ta’ Ġunju 2023, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2023,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

1.   Jiġu introdotti l-arranġamenti preferenzjali li ġejjin:

(a)

l-applikazzjoni tas-sistema ta’ prezzijiet ta’ dħul għandha tiġi sospiża għal dawk il-prodotti li għalihom tapplika kif speċifikat fl-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-ebda dazju doganali ma għandu japplika għall-importazzjonijiet ta’ dawk il-prodotti;

(b)

il-kwoti tariffarji kollha stabbiliti skont l-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu sospiżi u l-prodotti koperti minn dawk il-kwoti għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mill-Ukrajna mingħajr ebda dazju doganali.

2.   B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna li jsiru matul l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhom jinġabru fl-ebda mument, lanqas wara l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/478 għandha tkun temporanjament sospiża fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għad-dritt għall-arranġamenti preferenzjali

L-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1) għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-konformità mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

(b)

l-astensjoni tal-Ukrajna milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra fuq il-kummerċ tal-Unjoni, inkluż miżuri diskriminatorji amministrattivi interni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra; kif ukoll

(c)

l-osservanza tal-Ukrajna tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt kif ukoll sforzi kontinwi u sostnuti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u attivitajiet illegali previsti fl-Artikoli 2, 3 u 22 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 3

Sospensjoni temporanja

1.   Fejn il-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità mill-Ukrajna mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2, hija tista’ tissospendi kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1), permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(3).

2.   Meta Stat Membru jitlob li l-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti preferenzjali abbażi tan-nuqqas mill-Ukrajna li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punt (b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi opinjoni motivata fi żmien erba’ xhur minn meta ssir tali talba dwar jekk il-pretensjoni tan-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma hijiex sostanzjata. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegazzjoni tkun sostanzjata, għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Salvagwardja mħaffa

1.   Jekk prodott li joriġina fl-Ukrajna jiġi importat taħt kundizzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv is-suq għal prodotti simili tal-Unjoni jew li jikkompetu direttament, il-Kummissjoni tista’ tintroduċi mill-ġdid id-dazji doganali applikabbli b’mod ieħor skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ dak il-prodott fi kwalunkwe ħin permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(3).

Id-dazji doganali applikabbli b’mod ieħor skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid sakemm ikun meħtieġ biex jikkontrobattu għall-effetti negattivi fuq is-suq tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ regolari tal-impatt ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet, il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodotti suġġetti għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ skont il-punt (b) tal-Artikolu 1(1).

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ regolari kull xahrejn, minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament bl-għan li d-dazji doganali jerġgħu jiddaħħlu. Dik il-valutazzjoni għandha titnieda:

(a)

wara talba sostanzjata kif xieraq minn Stat Membru li tinkludi biżżejjed evidenza prima facie disponibbli b’mod raġonevoli għal dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 4 ta’ importazzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lis-suq imsemmija fil-paragrafu 1, jew

(b)

fuq l-inizjattiva tagħha stess, wara li jkun ħareġ biċ-ċar għall-Kummissjoni li hemm biżżejjed evidenza prima facie ta’ importazzjonijiet li jaffettwaw b’mod negattiv lis-suq imsemmija fil-paragrafu 1.

Dik il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi konkluża fi żmien tliet xhur mit-tnedija tagħha.

4.   Fit-twettiq tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi rilevanti kollha tas-suq inkluż l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq is-sitwazzjoni tas-suq tal-Unjoni għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament. Dik il-valutazzjoni għandha tinkludi fatturi bħal:

(a)

ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjoni mill-Ukrajna tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi;

(b)

l-effett tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-produzzjoni u l-prezzijiet tal-Unjoni, filwaqt li jitqies l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra.

Din il-lista mhijiex eżawrjenti u jistgħu jitqiesu wkoll fatturi rilevanti oħra.

5.   Fejn, bħala riżultat tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni tqis li s-suq tal-Unjoni għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament ikun ġie affettwat b’mod negattiv u jkollha l-intenzjoni li tintroduċi d-dazji doganali mill-ġdid, hija għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-introduzzjoni mill-ġdid tad-dazji doganali applikabbli b’mod ieħor skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fuq importazzjonijiet ta’ dak il-prodott. L-avviż għandu jipprovdi sommarju tar-riżultati ewlenin tal-valutazzjoni mħaffa u jispeċifika l-perjodu li fih il-partijiet interessati jistgħu jissottomettu l-fehmiet tagħhom bil-miktub. Dan il-perjodu ma għandux jeċċedi għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

6.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali meta tkun meħtieġa azzjoni immedjata, il-Kummissjoni tista’, mingħajr ma ssegwi l-proċedura skont il-paragrafu 5 u wara li tinforma lill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit bl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478, tieħu kwalunkwe miżura preventiva li tkun meħtieġa.

Artikolu 5

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit permezz tal-Artikolu 285(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) fir-rigward tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit permezz tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 fir-rigward tal-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv għandu jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament u għandu jinkludi, sa fejn ikun xieraq, valutazzjoni tal-impatt soċjali ta’ dawn il-miżuri fl-Ukrajna u fl-Unjoni. L-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti skont l-Artikolu 1(1), il-punt (b), għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni u għandha tiġi aġġornata kull xahar.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 2023.

Dan ir-Regolament għandu japplika sal-5 ta’ Ġunju 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. KULLGREN


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Mejju 2023 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2023.

(2)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/870 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ temporanji li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 103).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


Top