EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1067

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1067 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

C/2023/3448

OJ L 143, 2.6.2023, p. 20–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1067/oj

2.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/20


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1067

tal-1 ta’ Ġunju 2023

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(1), il-punt (c) tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101(3) tat-Trattat permezz ta’ regolament għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiki miftiehma li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat li l-għan tagħhom huwa l-ispeċjalizzazzjoni, inklużi l-akkordji meħtieġa biex tintlaħaq dik l-ispeċjalizzazzjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 (3) jiddefinixxi kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li fil-fehma tal-Kummissjoni normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Dak ir-Regolament jiskadi fil-30 ta’ Ġunju 2023. Fid-dawl tal-esperjenza ġenerali pożittiva fl-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u r-riżultati tal-evalwazzjoni ta’ dak ir-Regolament, huwa xieraq li jiġi adottat regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

(3)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura l-ħarsien effettif tal-kompetizzjoni u li jipprovdi lill-impriżi ċertezza legali adegwata. Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi jenħtieġ li jitqies kemm jista’ jkun il-bżonn li tiġi ssimplifikata s-superviżjoni amministrattiva u l-qafas leġiżlattiv.

(4)

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat permezz ta’ regolament, mhuwiex neċessarju li jiġu ddefiniti dawk l-akkordji li jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Fl-evalwazzjoni individwali ta’ akkordji skont l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, għandhom jitqiesu diversi fatturi, u b’mod partikolari l-istruttura tas-suq rilevanti.

(5)

Jenħtieġ li l-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilita minn dan ir-Regolament ikun limitat għal dawk l-akkordji li fir-rigward tagħom jista’ jiġi preżunt b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Taħt ċertu livell ta’ saħħa fis-suq jista’ jkun preżunt b’mod ġenerali, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li l-effetti pożittivi ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni jkunu akbar minn kull effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.

(6)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal akkordji dwar il-manifattura ta’ oġġetti u t-tħejjija ta’ servizzi. It-tħejjija ta’ servizzi tirreferi għal attivitajiet imwettqa upstream mill-provvista ta’ servizzi lill-klijenti (pereżempju, kooperazzjoni fil-ħolqien jew fl-operat ta’ pjattaforma li permezz tagħha jkun se jingħata servizz). Il-provvista ta’ servizzi lill-klijenti jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, ħlief meta l-partijiet jaqblu li flimkien jipprovdu servizzi mħejjija skont l-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni.

(7)

X’aktarx li l-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni jikkontribwixxu l-aktar għat-titjib tal-manifattura ta’ oġġetti jew għat-tħejjija ta’ servizzi u d-distribuzzjoni tagħhom jekk il-partijiet ikollhom ħiliet, assi jew attivitajiet komplementari, minħabba li, f’dak il-każ, l-akkordju jippermettilhom jiffokaw fuq il-manifattura ta’ ċerti oġġetti jew it-tħejjija ta’ ċerti servizzi u b’hekk joperaw b’mod aktar effiċjenti u jfornu l-prodotti bi prezz orħos. Fil-kuntest ta’ kompetizzjoni effettiva, x’aktarx li l-konsumaturi jirċievu sehem ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw.

(8)

Benefiċċji bħal dawk jistgħu jirriżultaw l-ewwel minn akkordji li permezz tagħhom parti waħda jew aktar iċedu kompletament jew parzjalment il-manifattura ta’ ċerti oġġetti jew it-tħejjija ta’ ċerti servizzi favur parti jew partijiet oħra (“speċjalizzazzjoni unilaterali”), it-tieni, minn akkordji li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar iċedu kompletament jew parzjalment il-manifattura ta’ ċerti oġġetti differenti jew it-tħejjija ta’ ċerti servizzi differenti favur parti jew partijiet oħra (“speċjalizzazzjoni reċiproka”), u t-tielet, minn akkordji li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar jimpenjaw ruħhom li jimmanifatturaw b’mod konġunt ċerti oġġetti jew iħejju ċerti servizzi (“produzzjoni konġunta”).

(9)

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproka jenħtieġ li tkun limitata għal kuntesti fejn il-partijiet ikunu attivi fl-istess suq ta’ prodotti. Madankollu, ma hemmx bżonn li l-partijiet ikunu attivi fl-istess suq ġeografiku. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-kunċetti ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproka ma jirrikjedux lil xi parti li tnaqqas il-kapaċità, billi jkun biżżejjed jekk hija tnaqqas il-volumi ta’ produzzjoni tagħha.

(10)

Sabiex ikun iggarantit li l-benefiċċji tal-ispeċjalizzazzjoni jimmaterjalizzaw mingħajr ma parti titlaq kompletament mill-produzzjoni downstream, jenħtieġ li l-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproka jkunu koperti biss minn dan ir-Regolament fejn jipprevedu obbligi tal-provvista u tax-xiri. L-obbligi tal-provvista u x-xiri jistgħu jkunu ta’ natura esklużiva, iżda dan mhux obbligatorju.

(11)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun japplika għal akkordji ta’ produzzjoni konġunta li jiġu konklużi bejn partijiet li diġà jkunu attivi fl-istess suq ta’ prodotti kif ukoll bejn partijiet li jkunu jixtiequ jidħlu f’suq ta’ prodotti permezz tal-ftehim ta’ produzzjoni konġunta. Il-kunċett ta’ akkordju ta’ produzzjoni konġunta jenħtieġ li ma jirrikjedix li l-partijiet inaqqsu l-attivitajiet individwali tagħhom fir-rigward tal-manifattura ta’ oġġetti jew tat-tħejjija ta’ servizzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim konġunt previst tagħhom.

(12)

Jista’ jiġi preżunt li, meta s-sehem tal-partijiet fis-suq rilevanti għall-prodotti li huma s-suġġett ta’ akkordju ta’ speċjalizzazzjoni ma jaqbiżx ċertu livell, l-akkordju, bħala regola, joħloq benefiċċji ekonomiċi fil-forma ta’ ekonomiji ta’ skala jew f’termini ta’ diversifikazzjoni jew teknoloġiji ta’ produzzjoni aħjar, filwaqt li jippermetti li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw.

(13)

Meta l-prodotti li jkunu koperti minn akkordju ta’ speċjalizzazzjoni jkunu prodotti intermedjarji li jkunu użati kompletament jew parzjalment, b’mod vinkolanti, minn parti waħda jew aktar bħala fattur produttiv għall-produzzjoni tagħhom stess ta’ prodotti downstream li mbagħad jbiegħu fis-suq, l-eżenzjoni mogħtija minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun ukoll suġġetta għall-kundizzjoni li s-sehem mis-suq rilevanti li għandhom il-partijiet f’dawk il-prodotti downstream ma tkunx taqbeż ċertu livell. F’dak il-każ, jekk jitqies biss is-sehem fis-suq tal-partijiet fil-livell tal-prodott intermedjarju, ikun ifisser li jiġi injorat ir-riskju potenzjali ta’ esklużjoni mis-suq jew li jiżdied il-prezz tal-elementi tal-produzzjoni għal kompetituri fil-livell tal-prodotti downstream.

(14)

Ma hemm l-ebda preżunzjoni li l-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni jinqabdu mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew inkella ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat meta jinqabeż il-limitu tas-sehem fis-suq stabbilit minn dan ir-Regolament jew ma jiġux issodisfati kundizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. F’każijiet bħal dawk, ikun hemm bżonn li ssir valutazzjoni individwali tal-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.

(15)

Jenħtieġ li eżenzjoni stabbilita minn dan ir-Regolament ma tapplikax għal akkordji li jkun fihom restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli biex jinkisbu l-effetti pożittivi ġġenerati minn akkordji ta’ speċjalizzazzjoni. Bi prinċipju, akkordji li jkun fihom ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet kbar tal-kompetizzjoni, bħall-iffissar tal-prezzijiet li partijiet terzi jiġu mitluba jħallsu, il-limitazzjoni ta’ produzzjoni jew bejgħ, u l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti, jenħtieġ li jkunu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilita minn dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem fis-suq tal-partijiet.

(16)

Il-limitazzjoni tas-sehem mis-suq, in-nuqqas ta’ eżenzjoni ta’ ċerti akkordji u l-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament ġeneralment jiżguraw li l-akkordji li għalihom tapplika l-eżenzjoni ġenerali ma jippermettux li l-partijiet jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-oġġetti jew servizzi inkwistjoni.

(17)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jindika sitwazzjonijiet tipiċi li f eżenzjoni stabbilita b’ihom jista’ jitqies xieraq li jiġi rtirat il-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilita minnu, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (4).

(18)

Sabiex tkun iffaċilitata l-konklużjoni ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni, li jistgħu jkollhom effett fuq l-istruttura tal-partijiet, jenħtieġ li l-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament ikun 12 il sena,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“akkordju ta’ speċjalizzazzjoni” tfisser akkordju ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali, akkordju ta’ speċjalizzazzjoni reċiproka jew akkordju ta’ produzzjoni konġunta;

(a)

“akkordju ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali” tfisser ftehim bejn żewġ partijiet jew aktar li jkunu attivi fl-istess suq ta’ prodotti u li skont dak il-ftehim parti waħda jew aktar jaqblu li jwaqqfu għal kollox jew parzjalment il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti jew li jżommu lura milli jipproduċu dawk il-prodotti, u li jixtruhom mingħand parti jew partijiet oħra, li min-naħa tagħhom jaqblu li jipproduċuhom u jfornuhom;

(b)

“akkordju ta’ speċjalizzazzjoni reċiproka” tfisser ftehim bejn żewġ partijiet jew aktar li jkunu attivi fl-istess suq ta’ prodotti, li skont dak il-ftehim żewġ partijiet jew aktar, fuq bażi reċiproka, jaqblu li jieqfu għal kollox jew parzjalment, jew li jżommu lura, jipproduċu ċerti prodotti li iżda jkunu differenti, u li jixtru dawk il-prodotti mingħand parti jew partijiet oħra, li min-naħa tagħhom jaqblu li jipproduċuhom u jfornuhom;

(c)

“akkordju ta’ produzzjoni konġunta” tfisser ftehim li permezz tiegħu żewġ partijiet jew aktar jaqblu li jipproduċu ċerti prodotti b’mod konġunt;

(2)

“akkordju” tfisser ftehim bejn impriżi, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma;

(3)

“prodott” tfisser oġġett jew servizz, inklużi kemm oġġetti jew servizzi intermedjarji kif ukoll oġġetti jew servizzi finali, bl-eċċezzjoni ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni u kiri;

(4)

“produzzjoni” tfisser il-manifattura ta’ oġġetti jew it-tħejjija ta’ servizzi, inkluż permezz ta’ sottokuntrattar;

(5)

“it-tħejjija ta’ servizzi” tfisser l-attivitajiet li jsiru upstream mill-provvista ta’ servizzi lill-klijenti;

(6)

“prodott ta’ speċjalizzazzjoni” tfisser prodott li jiġi manifatturat skont akkordju ta’ speċjalizzazzjoni;

(7)

“prodott downstream” tfisser prodott li għalih parti waħda jew aktar tuża, bħala fattur produttiv, prodott ta’ speċjalizzazzjoni, u li jinbiegħ minn dawk il-partijiet fis-suq;

(8)

“suq rilevanti” tfisser is-suq rilevanti tal-prodott u s-suq ġeografiku li għalih jappartjenu l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni, u, barra minn hekk, meta l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni jkunu prodotti intermedjarji użati minn waħda jew aktar mill-partijiet, totalment jew parzjalment, b’mod vinkolanti bħala fatturi produttivi għall-produzzjoni ta’ prodotti downstream, is-suq rilevanti u s-suq ġeografiku li għalihom jappartjenu l-prodotti downstream;

(9)

“impriża konkorrenti” tfisser kompetitur attwali jew potenzjali:

(a)

“kompetitur attwali” tfisser impriża attiva fl-istess suq rilevanti;

(b)

“kompetitur potenzjali” tfisser impriża li, fin-nuqqas tal-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni, għal raġunijiet realistiċi u mhux sempliċement bħala possibbiltà teoretika, x’aktarx, li fi żmien 3 snin, tagħmel l-investimenti addizzjonali neċessarji jew l-ispejjeż oħra neċessarji biex tkun tista’ tidħol fis-suq rilevanti;

(10)

“obbligu ta’ provvista esklużiv” tfisser obbligu li ma tipprovdix il-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni lil impriża konkorrenti ħlief lil xi parti jew partijiet fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni;

(11)

“obbligu ta’ xiri esklużiv” tfisser ftehim li l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni jinxtraw biss mingħand parti jew partijiet fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni;

(12)

“konġunt”, fil-kuntest tad-distribuzzjoni, tfisser attivitajiet fejn ix-xogħol involut:

(a)

isir minn tim konġunt, minn organizzazzjoni konġunta jew minn impriża konġunta; jew

(b)

jitwettaq minn distributur terz maħtur b’mod konġunt fuq bażi esklużiva jew mhux esklużiva, sakemm il-parti terza ma tkunx impriża konkorrenti;

(13)

“distribuzzjoni” tfisser il-bejgħ u l-provvista tal-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni lill-klijenti, inkluża l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-prodotti.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “impriża” u “parti” għandhom jinkludu l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom. “Impriżi konnessi” tfisser:

(1)

impriżi li fihom parti Artikolu fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni, direttament jew indirettament ikollha wieħed jew aktar mid-drittijiet jew setgħat li ġejjin:

(a)

is-setgħa li teżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot;

(b)

is-setgħa li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord superviżorju, tal-bord ta’ ġestjoni jew tal-korpi li jirrappreżentaw lill-impriża ġuridikament;

(c)

id-dritt li tamministra n-negozju tal-impriża;

(2)

impriżi li direttament jew indirettament ikollhom xi wieħed jew aktar mid-drittijiet jew setgħat aktar elenkati fil-punt (1), fuq parti fil-ftehim ta’ speċjalizzazzjoni;

(3)

impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (2) ikollha, direttament jew indirettament, xi wieħed jew aktar mid-drittijiet jew setgħat elenkati fil-punt (1);

(4)

impriżi li fihom parti fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni flimkien ma’ waħda jew aktar mill-impriżi msemmija fil-punti (1), (2) jew (3), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi msemmija l-aħħar, b’mod konġunt ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (1);

(5)

impriżi li fihom wieħed jew aktar mid-drittijiet jew setgħat elenkati fil-punt (1) huma miżmuma b’mod konġunt minn:

(a)

partijiet fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (1) sa (4); jew

(b)

parti waħda jew aktar fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom imsemmija fil-punti (1) sa (4) u parti terza waħda jew aktar.

Artikolu 2

Eżenzjoni

1.   Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għall-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni.

2.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika sal-punt li dawk l-akkordji jkun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jidħlu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

3.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għal akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li jinkludu dispożizzjonijiet dwar iċ-ċessjoni jew il-liċenzjar ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali lil parti waħda jew aktar, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-implimentazzjoni tal-akkordju, u meħtieġa għalll-implimentazzjoni u ma jkunux jikkostitwixxu l-objettiv primarju tal-akkordju.

4.   L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika għall-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li permezz tagħhom:

(a)

il-partijiet jaċċettaw obbligu ta’ xiri esklużiv jew ta’ forniment esklużiv; jew

(b)

il-partijiet jiddistribwixxu b’mod konġunt il-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni.

Artikolu 3

Limitu tas-sehem mis-suq

1.   L-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jkunx iktar minn 20 % fis-suq jew fis-swieq rilevanti li għalihom jappartjentu l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni.

2.   Fejn il-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni jkunu prodotti intermedjarji li jintużaw kompletament jew parzjalment b’mod vinkolanti minn parti waħda jew aktar bħala fatturi produttivi għall-produzzjoni ta’ prodotti downstream, li huma jbigħu wkoll, l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 għandha tapplika biss jekk jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jkunx iktar minn 20 % tas-suq jew tas-swieq rilevanti li għalih jappartjenu l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni;

(b)

is-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jkunx iktar minn 20 % tas-suq jew tas-swieq rilevanti li għalih jappartjenu l-prodotti downstream.

Artikolu 4

Applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq

Għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem mis-suq previst fl-Artikolu 3, għandhom japplikaw r-regoli li ġejjin:

(a)

l-ishma mis-suq għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ fis-suq; jekk id-data dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq ma tkunx disponibbli, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni affidabbli oħra tas-suq, inklużi l-volumi tal-bejgħ fis-suq;

(b)

l-ishma mis-suq għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ data relatata mas-sena kalendarja preċedenti jew, fejn is-sena kalendarja preċedenti ma tkunx rappreżentattiva tal-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq jew fis-swieq rilevanti, l-ishma mis-suq għandhom jiġu kkalkulati bħala medja tal-ishma mis-suq tal-partijiet għat-tliet snin kalendarji preċedenti;

(c)

is-sehem mis-suq li jkollhom l-impriżi previsti fl-Artikolu 1(2), il-punt (5) għandu jitqassam b’mod indaqs bejn kull impriża li għandha d-drittijijet jew is-setgħat previsti fl-Artikolu 1(2), il-punt (1);

(d)

jekk l-ishma fis-suq imsemmija fl-Artikolu 3 inizjalment ma jkunx aktar minn 20 % iżda sussegwentement jaqbżu dak il-livell f’mill-inqs wieħed mis-swieq rilevanti, l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkun inqabeż għall-ewwel darba l-limitu ta’ 20 %.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet fundamentali

L-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għall-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li, direttament jew indirettament, waħedhom jew f’kombinazzjoni ma’ fatturi oħra fil-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala objettiv tagħhom xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-iffissar tal-prezzijiet meta jinbiegħu l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni lil partijiet terzi bl-eċċezzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet li jintalbu lill-klijenti immedjati fil-kuntest ta’ distribuzzjoni konġunta;

(b)

il-limitazzjoni tal-output jew tal-bejgħ, bl-eċċezzjoni ta’:

(i)

dispożizzjonijiet dwar l-ammont miftiehem ta’ prodotti fil-kuntest ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali jew reċiproċi;

(ii)

l-iffissar ta’ kapaċità u volumi ta’ produzzjoni fil-kuntest ta’ akkordju ta’ produzzjoni konġunta;

(iii)

l-iffissar ta’ miri ta’ bejgħ fil-kuntest ta’ distribuzzjoni konġunta;

(c)

l-allokazzjoni ta’ swieq jew ta’ klijenti.

Artikolu 6

Irtirar f’każijiet individwali mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tal eżenzjoni stabbilita minn dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fejn f’xi każ partikolari ssib li akkordju ta’ speċjalizzazzjoni li għalih tkun tapplika l-eżenzjoni stabbilita minn dan ir-Regolament xorta jkollu effetti li ma jkunux kompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju tal eżenzjoni stabbilita minn dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 b’mod partikolari fejn is-suq rilevanti jkun ikkonċentrat ħafna u l-kompetizzjoni tkun diġà dgħajfa, pereżempju minħabba waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

il-pożizzjonijiet individwali fis-suq ta’ operaturi oħra fis-suq;

(b)

rabtiet bejn parteċipanti oħra fis-suq maħluqa minn akkordji paralleli ta’ speċjalizzazzjoni;

(c)

rabtiet bejn il-partijiet u parteċipanti oħra fis-suq.

Artikolu 7

Irtirar f’każijiet individwali mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru

L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju tal eżenzjoni stabbilita minn dan ir-Regolament meta l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jiġu ssodisfati.

Artikolu 8

Perjodu ta’ tranżizzjoni

Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandhiex tapplika fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2025 fir-rigward ta’ akkordji li diġà jkunu fis-seħħ fit-30 ta’ Ġunju 2023 u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbilita minn dan ir-Regolament iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbilita miir-Regolament (UE) Nru 1218/2010.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2023.

Għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2035.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 285, 29.12.1971, p. 46.

(2)  ĠU C 120, 15.3.2022, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni, (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).


Top