EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0866

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/866 tal-24 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/1151

OJ L 113, 28.4.2023, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/866/oj

28.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/866

tal-24 ta’ Frar 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (2) (“il-Konvenzjoni”) u skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini u fit-Tul tal-Arja fuq Pollutanti Organiċi Persistenti (3).

(2)

L-Anness A tal-Konvenzjoni fih lista ta’ sustanzi kimiċi li kull Parti għall-Konvenzjoni hija meħtieġa li tipprojbixxi jew li tieħu l-miżuri legali u amministrattivi meħtieġa għall-eliminazzjoni tal-produzzjoni, tal-użu, tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni tagħhom, filwaqt li tqis l-eżenzjonijiet speċifiċi applikabbli stabbiliti f’dak l-Anness.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/784 (4) emenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 biex jinkludi l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA.

(4)

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 fih limitu ta’ kontaminant fi traċċi mhux intenzjonat (UTC) għall-PFOA u l-imlieħ tiegħu fil-mikrotrabijiet tal-politetrafluworoetilen (PTFE) ta’ 1 mg/kg, li għandu jiġi rieżaminat sal-5 ta’ Lulju 2022.

(5)

Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskju u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) adottaw opinjoni (5) (“l-opinjoni tal-ECHA”), li kienet tinkludi l-valutazzjoni ta’ żewġ limiti ta’ UTC stabbiliti għall-PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA.

(6)

L-opinjoni tal-ECHA kkonkludiet li ġew żviluppati proċessi biex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-PFOA għal livell taħt il-limitu ġeneriku tal-UTC ta’ 0,025 mg/kg stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1021. Dawk il-proċessi ġew implimentati b’suċċess mill-biċċa l-kbira tal-manifatturi tal-mikrotrabijiet tal-politetrafluworoetilen (PTFE). Il-bqija tal-manifatturi jkunu jistgħu jikkonformaw mal-limitu ta’ 0,025 mg/kg sal-5 ta’ Lulju 2022. Għalhekk, il-limitu speċifiku attwali tal-UTC għall-PFOA u l-imlieħ tiegħu fil-mikrotrabijiet tal-PTFE ta’ 1 mg/kg m’għadux meħtieġ u jenħtieġ li jiskadi fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jirreferi għall-Artikolu 3(12) u (24) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) biex jiddefinixxi “tqegħid fis-suq” u “użu”. It-trattament tal-mikrotrabijiet tal-PTFE jikkwalifika bħala “użu” u t-trasferiment lil entità ġuridika differenti għat-trattament jikkwalifika bħala “tqegħid fis-suq”.

(8)

F’mill-inqas każ wieħed hemm bżonn li l-mikrotrabijiet tal-PTFE jiġu ttrasportati lejn faċilità differenti għat-trattament sabiex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-PFOA u l-imlieħ tiegħu biex jikkonformaw mal-limitu tal-UTC ta’ 0,025 mg/kg. Għalhekk, il-limitu speċifiku kurrenti tal-UTC ta’ 1 mg/kg jenħtieġ li jinżamm biex ikopri l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PFOA u l-imlieħ tiegħu fil-mikrotrabijiet tal-PTFE biss għall-finijiet tat-trasport u t-trattament tal-mikrotrabijiet tal-PTFE biex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-PFOA.

(9)

Il-komposti relatati mal-PFOA huma preżenti bħala impurità f’sustanzi intermedji iżolati ttrasportati użati fil-manifattura ta’ fluworosustanzi kimiċi b’tul tal-katina tal-perfluworokarbur daqs jew iqsar minn sitt atomi. Sabiex jippermetti l-manifattura u l-użu ta’ sustanzi intermedji iżolati trasportati bħal dawn, ir-Regolament (UE) 2019/1021 jistabbilixxi limitu tal-UTC ta’ 20 mg/kg, li għandu jiġi rieżaminat mhux aktar tard mill-5 ta’ Lulju 2022.

(10)

L-opinjoni tal-ECHA kkonkludiet li l-livell attwali tal-UTC huwa l-aktar baxx li jista’ jiġi osservat, filwaqt li jitqiesu s-soluzzjonijiet teknoloġiċi disponibbli. Għalhekk, ir-rieżami tal-limitu tal-UTC jenħtieġ li jiġi pospost.

(11)

Is-C9-C14 PFCAs huma preżenti wkoll bħala impuritajiet f’sustanzi intermedji iżolati ttrasportati użati fil-manifattura ta’ fluworosustanzi kimiċi b’tul tal-katina tal-perfluworokarbur daqs jew iqsar minn sitt atomi (“alternattivi ta’ C6”). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1297 (7) jipprevedi restrizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li tistabbilixxi limitu fuq il-konċentrazzjoni tagħhom, li għandha tiġi rieżaminata mhux aktar tard mill-25 ta’ Awwissu 2023. It-twaqqit tar-rieżami tal-UTC għall-komposti relatati mal-PFOA f’sustanzi intermedji użati għall-produzzjoni ta’ alternattivi ta’ C6 skont ir-Regolament (UE) 2019/1021 jenħtieġ li jiġi modifikat biex jiġi allinjat mar-rieżami previst fir-restrizzjoni għas-C9-C14 PFCAs skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

(12)

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 jinkludi eżenzjoni għall-użu tal-PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA fil-manifattura tal-PTFE u tal-fluworur tal-poliviniliden (PVDF) għall-produzzjoni ta’ diversi prodotti.

(13)

Matul il-konsultazzjoni pubblika għat-tħejjija tal-opinjoni tal-ECHA, il-produtturi tal-fluworopolimeri kkummentaw li l-PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA ma għadhomx jintużaw għall-manifattura tal-PTFE u tal-PVDF fl-Unjoni. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, dik l-eżenzjoni speċifika ma għadhiex meħtieġa u għalhekk jenħtieġ li titħassar.

(14)

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita biex il-partijiet ikkonċernati jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda.

(15)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1021 jiġi emendat bix-xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-18 ta’ Awwissu 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45.

(2)  ĠU L 209, 31.7.2006, p. 3.

(3)  ĠU L 81, 19.3.2004, p. 37.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/784 tat-8 ta’ April 2020 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-elenkar tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA (ĠU L 188 I, 15.6.2020, p. 1).

(5)  https://echa.europa.eu/documents/10162/13579/art77_3c_pfoa_pfca_derogations_compiled_rac_seac_opinions_en.pdf/6582d9a1-56b2-3e88-a70f-cdf3ab33d421

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1297 tal-4 ta’ Awwissu 2021 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċidi perfluworokarbossiliċi li fihom minn 9 sa 14-il atomu tal-karbonju fil-katina (C9-C14 PFCAs), l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs (ĠU L 282, 5.8.2021, p. 29).


ANNESS

Fir-Regolament (UE) 2019/1021, il-Parti A tal-Anness I, fit-tabella, fl-entrata “Aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA”, ir-raba’ kolonna hija emendata kif ġej:

(1)

fil-punt 3, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Din l-eżenzjoni għandha tiġi rieżaminata u vvalutata mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Awwissu 2023.”;

(2)

il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Għall-finijiet ta’ din l-entrata, l-Artikolu 4(1), il-punt (b), għandu japplika għall-konċentrazzjonijiet tal-PFOA u l-imlieħ tiegħu daqs jew inqas minn 1 mg/kg (0,0001 % skont il-piż) meta jkunu preżenti fil-mikrotrabijiet tal-politetrafluworoetilen (PTFE) prodotti minn irradjazzjoni jonizzanti jew minn degradazzjoni termali kif ukoll f’taħlitiet u oġġetti għal użi industrijali u professjonali li fihom mikrotrabijiet tal-PTFE sat-18 ta’ Awwissu 2023. Għandha tiġi evitata kull emissjoni ta’ PFOA waqt il-manifattura u l-użu tal-mikrotrabijiet PTFE, u jekk dan ma jkunx possibbli, l-emissjonijiet għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun. Il-limitu ta’ 1 mg/kg (0,0001 % skont il-piż) għandu japplika biss għall-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PFOA u l-imlieħ tiegħu meta jkunu preżenti fil-mikrotrabijiet tal-PTFE li jiġu ttrasportati jew ittrattati bl-għan li titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-PFOA u tal-imlieħ tiegħu taħt il-limitu ta’ 0,025 mg/kg (0,0000025 % skont il-piż).”;

(3)

fil-punt 5, is-subpunt (e) jitħassar.


Top