Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0826

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 tas-17 ta’ April 2023 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija f’modalità mitfi, f’modalità standby u f’modalità standby man-network tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u (KE) Nru 107/2009 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/2448

    ĠU L 103, 18.4.2023, p. 29–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/826/oj

    18.4.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 103/29


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/826

    tas-17 ta’ April 2023

    li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija f’modalità mitfi, f’modalità standby u f’modalità standby man-network tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u (KE) Nru 107/2009

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Direttiva 2009/125/KE, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u ta’ kummerċ fl-UE u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib permezz tad-disinn f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom, mingħajr ma jinvolvu kostijiet eċċessivi.

    (2)

    Il-Komunikazzjoni COM(2016)773 (2) tistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ ħidma skont il-qafas tat-tikkettar dwar l-ekodisinn u l-enerġija għall-2016 sal-2019. Il-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn tal-2016 jistabbilixxi l-gruppi tal-prodotti relatati mal-enerġija li jridu jitqiesu bħala prijoritajiet għat-twettiq ta’ studji preparatorji u għall-adozzjoni eventwali tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, u jipprevedi r-rieżami tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 (3).

    (3)

    Il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network huwa wieħed mill-miżuri elenkati fil-Komunikazzjoni, bi stima ta’ 4 TWh ta’ ffrankar tal-enerġija finali annwali sal-2030, li jikkorrispondi għal tnaqqis b’1,36 miljun tunnellata ta’ ewkivalenti ta’ CO2 ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra.

    (4)

    Il-Kummissjoni stabbiliet ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi u fil-modalità standby tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 u żiedet ir-rekwiżiti għall-konsum tal-enerġija fil-modalità standby man-network fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2013 (4). Skont dawn ir-Regolamenti, il-Kummissjoni trid tirrieżamina r-rekwiżiti tal-ekodisinn fid-dawl tal-progress teknoloġiku.

    (5)

    Il-Kummissjoni rrieżaminat ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 u analizzat l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-konsum tal-enerġija tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network, kif ukoll l-imġiba tal-utent fil-ħajja reali. Ir-rieżami twettaq b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-partijiet interessati mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi. Ir-riżultati tar-rieżami ġew ippubblikati u ppreżentati lill-Forum Konsultattiv stabbilit bl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE.

    (6)

    Ir-rieżami juri l-benefiċċju li r-rekwiżiti jibqgħu jseħħu u jittejbu billi jiġu addattati għall-progress teknoloġiku, fir-rigward tal-konsum tal-enerġija tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network.

    (7)

    Il-konsum annwali tal-enerġija fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament fl-UE ġie stmat li kien ta’ 59,4 TWH fir-rieżami fl-2015 li jikkorrispondi ma’ 23,8 miljun tunnellati ta’ ewkivalenti ta’ CO2 ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra. F’xenarju ta’ żamma tal-istatus quo, dak il-konsum tal-enerġija huwa previst li jonqos sal-2030, l-aktar minħabba l-applikazzjoni gradwali tar-rekwiżiti tal-ekodisinn imdaħħla bir-Regolament (UE) Nru 801/2013. Madankollu, dak it-tnaqqis huwa mistenni jbatti sakemm ma jiġux aġġornati r-rekwiżiti applikabbli dwar l-ekodisinn.

    (8)

    Jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun limitata għall-prodotti tat-tagħmir tad-dar u tal-uffiċċji maħsuba għall-użu f’ambjent domestiku, li, fil-każ tat-tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni, jikkorrispondi mat-tagħmir tal-klassi B kif stabbilit fl-istandard EN 55022:2010.

    (9)

    Jenħtieġ li l-modalitajiet ta’ tħaddim mhux koperti b’dan ir-Regolament, bħall-modalità ACPI S3 tal-kompjuters jitqiesu f’miżuri ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-prodotti skont id-Direttiva 2009/125/KE.

    (10)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-prodotti għar-rekwiżiti għall-modalità mitfi, għall-modalità standby u għall-modalità standby man-network skont id-Direttiva 2009/125/KE fejn possibbli, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull grupp ta’ prodotti u l-possibbiltà li tiġi ffrankata aktar enerġija u emissjonijiet tal-gassijiet serra.

    (11)

    Il-prodotti mgħammra bi provvisti tal-elettriku esterni b’vultaġġ baxx, li ġew eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1275/2008 bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009 (5) qegħdin jevolvu b’mod rapidu f’termini tal-funzjonalitajiet tagħhom u qegħdin jitqiegħdu fis-suq tal-UE b’għadd li kull ma jmur dejjem jiżdied. Għaldaqstant jenħtieġ li dawn jiddaħħlu fil-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament biex jiġi żgurat aktar iffrankar tal-enerġija u jingħata ambjent ekwu lill-manifatturi.

    (12)

    Jenħtieġ li l-prodotti portabbli li jaħdmu bil-batteriji b’ċirkwit li jirriċarġja li jridu jitqabbdu mal-elettriku biex jiġu riċarġjati, ikunu koperti b’dan ir-Regolament, peress li jiddependu mid-dħul tal-enerġija mill-mejn.

    (13)

    Jenħtieġ li l-prodotti li fihom ċirkwit li jirriċarġja, fejn l-enerġija tiġi kkunsmata fil-modalità mitfi u fil-modalità standby waqt li l-batterija ma tkunx qiegħda tiġi ċċarġjata, jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex jiġi żgurat l-iffrankar tal-enerġija.

    (14)

    Jenħtieġ li t-tagħmir tal-istampar li jiġġenera output stampat minn dħul elettroniku fuq il-karta jew fuq mezz ieħor ikun kopert b’dan ir-Regolament biex jiġi żgurat l-iffrankar tal-enerġija, filwaqt li jenħtieġ li t-tagħmir tal-istampar tridimensjonali jiġi eskluż għalissa minn dan ir-Regolament.

    (15)

    Il-kaxxi set-top sempliċi koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 107/2009 (6) ma għadhomx parti sinifikanti mis-suq u jenħtieġ li l-bqija tal-konsum tal-enerġija tagħhom fil-modalità standby u fil-modalità mitfi jkun kopert minn dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 107/2009 jitħassar.

    (16)

    L-għamara aġġustabbli mħaddma b’mutur b’mezzi elettriċi u l-elementi tal-bini mħaddma b’mutur iqattgħu ħin twal fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network u b’hekk joffru potenzjal sinifikanti għal konsum imtejjeb tal-enerġija filwaqt li jinsabu f’dawn il-modalitajiet. Għalhekk, jenħtieġ li huma wkoll jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (17)

    Jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-ekodisinn jiġu armonizzati mal-livelli kollha tal-UE tal-konsum tal-enerġija minn tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network. Dan jikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq uniku. Barra minn hekk, x’aktarx li jtejjeb il-prestazzjoni ambjentali tat-tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju.

    (18)

    Jenħtieġ li l-parametri rilevanti tal-prodotti jitkejlu permezz ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli. Jenħtieġ li dawk il-metodi jqisu metodi ta’ kejl l-aktar avvanzati rikonoxxuti inklużi, fejn disponibbli, l-istandards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, kif elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    (19)

    Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

    (20)

    Sabiex jittejbu l-effettività u l-kredibbiltà ta’ dan ir-Regolament u jitħarsu l-konsumaturi, jenħtieġ li l-prodotti, li awtomatikament ibiddlu l-prestazzjoni tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ ttestjar bil-għan li jilħqu livell aktar favorevoli għal xi parametri speċifikati f’dan ir-Regolament, ma jitħallewx jitqiegħdu fis-suq.

    (21)

    Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu identifikati parametri referenzjarji għall-aqwa teknoloġiji disponibbli sabiex l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament tkun disponibbli għal kulħadd u tkun faċilment aċċessibbli, f’konformità mal-Anness I, il-Parti 3, il-punt 2 tad-Direttiva 2009/125/KE.

    (22)

    Jenħtieġ li rieżami ta’ dan ir-Regolament jivvaluta l-adegwatezza u l-effettività tad-dispożizzjonijiet tiegħu fil-kisba tal-għanijiet tiegħu.

    (23)

    Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-ekodisinn ġodda u modifikati stabbiliti f’dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata aktar ċarezza, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1275/2008 jitħassar.

    (24)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn relatati mal-konsum tal-elettriku f’modalità standby, f’modalità u mitfi u f’modalità standby man-network, għat-tqegħid fis-suq jew għat-tqegħid fis-servizz ta’ tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “tagħmir elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju” jew “tagħmir” tfisser kull prodott relatat mal-enerġija elenkat fl-Anness II li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    jiddependi mid-dħul tal-enerġija mill-mejn biex jaħdem kif suppost;

    (b)

    maħsub għall-użu b’rata ta’ vultaġġ nominali ta’ 250 V jew inqas;

    (2)

    “mejn” tfisser il-provvista tal-elettriku mill-grilja ta’ 230 (± 10 %) volts ta’ kurrent alternat b’50 Hz;

    (3)

    “modalità standby” tfisser kundizzjoni li fiha t-tagħmir jitqabbad mal-mejn, jiddependi mid-dħul tal-enerġija mill-mejn biex jaħdem kif suppost, u jipprovdi biss wieħed jew aktar mill-funzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jippersistu għal żmien indefinit:

    (a)

    funzjoni ta’ riattivazzjoni;

    (b)

    funzjoni ta’ riattivazzjoni u indikazzjoni biss ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni attivata;

    (c)

    skrin ta’ informazzjoni jew tal-istatus;

    (4)

    “funzjoni ta’ riattivazzjoni” tfisser funzjoni li permezz ta’ swiċċ mill-bogħod, ta’ remote control, ta’ sensur intern jew ta’ kronometru taqleb mill-modalità standby għal modalità oħra, inkluża l-modalità attiva, li tipprovdi funzjonijiet oħra;

    (5)

    “funzjoni ewlenija” tfisser funzjoni li tipprovdi s-servizz(i) ewlieni/ewlenin li t-tagħmir huwa maħsub, ittestjat u mqiegħed fis-suq għalihom, u li tikkorrispondi mal-użu maħsub tat-tagħmir;

    (6)

    “skrin ta’ informazzjoni jew tal-istatus” tfisser funzjoni kontinwa li tipprovdi l-informazzjoni jew li tindika l-istatus tat-tagħmir fuq skrin, inkluż l-arloġġi. Indikatur sempliċi tad-dawl ma jitqiesx bħala skrin ta’ informazzjoni jew status;

    (7)

    “modalità attiva” tfisser kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn u tkun attivata mill-inqas waħda mill-funzjonijiet ewlenin;

    (8)

    “modalità mitfi” tfisser kundizzjoni meta t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn u ma jkun qed jipprovdi l-ebda funzjoni, jew ikun f’kundizzjoni li jipprovdi biss:

    (a)

    indikazzjoni tal-kundizzjoni tal-modalità mitfi;

    (b)

    funzjonalitajiet maħsuba biex jiżguraw il-kompatibbiltà elettromanjetika skont id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

    (9)

    “network” tfisser infrastruttura tal-komunikazzjoni b’topoloġija ta’ konnessjonijiet, b’ arkitettura, li tinkludi l-komponenti fiżiċi, il-prinċipji organizzattivi, il-proċeduri u l-formati tal-komunikazzjonijiet (protokolli);

    (10)

    “standby man-network” tfisser il-kundizzjoni li fiha t-tagħmir ikun jista’ jerġa’ jħaddem funzjoni permezz ta’ kmand skattat mill-bogħod li jingħata minn konnessjoni ta’ network;

    (11)

    “kmand skattat mill-bogħod” tfisser sinjal li jiġi minn barra t-tagħmir permezz ta’ network;

    (12)

    “identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell ta’ tagħmir speċifiku minn mudelli oħra bl-istess trade mark jew bl-isem tal-istess manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat;

    (13)

    “mudell ekwivalenti” tfisser mudell ta’ tagħmir bl-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni teknika li trid tingħata f’konformità mal-Anness II, iżda li jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz mill-istess manifattur, importatur jew rappreżentant awtorizzat bħal mudell ieħor ta’ tagħmir b’identifikatur differenti tal-mudell;

    (14)

    “valuri ddikjarati” tfisser il-valuri pprovduti mill-manifattur, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat għall-parametri tekniċi ddikjarati, ikkalkolati jew imkejla f’konformità mal-Artikolu 4, għall-verifika tal-konformità mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

    Artikolu 3

    Rekwiżiti tal-ekodisinn

    Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn huma stabbiliti fl-Anness III.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni tal-konformità

    1.   Il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema tal-kontroll intern tad-disinn stipulata fl-Anness IV ta’ dik id-Direttiva jew is-sistema ta’ ġestjoni stipulata fl-Anness V ta’ dik id-Direttiva.

    2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III, il-punt 3(b) ta’ dan ir-Regolament u d-dettalji u r-riżultati tal-kalkoli f’konformità mal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Meta l-informazzjoni inkluża fid-dokumentazzjoni teknika għal dak il-mudell partikolari tkun inkisbet, jew:

    (a)

    minn mudell li jkollu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti fir-rigward tal-informazzjoni teknika li trid tiġi pprovduta f’konformità mal-Anness III għal dan ir-Regolament iżda jkun prodott minn manifattur differenti;

    (b)

    permezz ta’ kalkolu abbażi ta’ disinn jew ta’ estrapolazzjoni minn mudell ieħor tal-istess manifattur jew ta’ manifattur ieħor, jew mit-tnejn li huma,

    id-dokumentazzjoni teknika għal mudell għandha tinkludi d-dettalji u r-riżultati tal-kalkoli u tal-estrapolazzjonijiet, il-valutazzjoni mwettqa mill-manifattur biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-kalkolu u, fejn xieraq, id-dikjarazzjoni tal-identità bejn il-mudelli ta’ manifatturi differenti.

    Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi lista ta’ mudelli ekwivalenti msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, inklużi l-identifikaturi tal-mudell.

    4.   Id-dokumentazzjoni teknika, għandha tinkludi l-informazzjoni elenkata fil-punt 3(a) tal-Anness III għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Proċedura ta’ verifika għall-finijiet tas-sorveljanza tas-suq

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness V ta’ dan ir-Regolament meta jwettqu l-ispezzjonijiet tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE.

    Artikolu 6

    Ċirkomvenzjoni u aġġornamenti tas-software

    Il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma għandux iqiegħed fis-suq tagħmir iddisinjat biex ikun kapaċi jinduna li qed jiġi ttestjat inkluż billi jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test, u biex jirreaġixxi b’mod speċifiku billi jbiddel awtomatikament il-prestazzjoni tiegħu matul it-test biex jilħaq livell aktar favorevoli għal xi parametri fid-dokumentazzjoni teknika jew inklużi fi kwalunkwe dokumentazzjoni pprovduta.

    Il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir u l-parametri ddikjarati l-oħra kollha ma għandhomx jiddeterjoraw wara aġġornament tas-software jew tal-firmware meta dan jitkejjel bl-istess standard tat-test użat oriġinarjament għad-dikjarazzjoni tal-konformità, ħlief bil-kunsens espliċitu tal-utent qabel l-aġġornament. Ma għandha ssir l-ebda bidla fil-prestazzjoni minħabba rifjut ta’ aġġornament.

    Aġġornament tas-software qatt ma għandu jkollu l-effett li jbiddel il-prestazzjoni tat-tagħmir b’mod li jagħmlu mhux konformi mar-rekwiżiti tal-ekodisinn applikabbli għad-dikjarazzjoni tal-konformità.

    Artikolu 7

    Parametri referenzjarji indikattivi

    Il-parametri ta’ referenza indikattivi għat-tagħmir u t-teknoloġiji bl-aqwa prestazzjoni li jkunu disponibbli fis-suq fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stipulati fl-Anness VI.

    Artikolu 8

    Rieżami

    Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tippreżenta r-riżultat ta’ dan ir-rieżami lill-Forum tal-Konsultazzjoni mhux iktar tard mid-9 ta’ Mejju 2027.

    Dan ir-rieżami għandu, b’mod partikolari, jivvaluta l-adegwatezza ta’:

    (a)

    ir-rekwiżiti għall-modalità standby, għall-modalità mitfi u għall-modalità standby man-network;

    (b)

    ir-rekwiżiti għall-modalità standby man-network għal tagħmir HiNA u għat-tagħmir b’funzjonalità HiNA u d-distinzjoni tagħhom mit-tagħmir mhux HiNA;

    (c)

    fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, anki gruppi ta’ prodotti rilevanti oħra, fosthom il-prodotti li jintużaw fis-settur tas-servizzi;

    (d)

    rekwiżiti tal-issettjar għall-modalità tal-manutenzjoni tal-batterija taċ-ċarġers tal-batteriji.

    Artikolu 9

    Tħassir

    Ir-Regolament (KE) Nru 1275/2008 hu mħassar b’effett mid-9 ta’ Mejju 2025.

    Ir-Regolament (KE) Nru 107/2009 hu mħassar b’effett mid-9 ta’ Mejju 2025.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mid-9 ta’ Mejju 2025. Madankollu, l-Artikolu 6(1) għandu japplika meta r-Regolament jidħol fis-seħħ.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

    (2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Novembru 2016, Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019, COM(2016) 773 final.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 tas-17 ta’ Diċembru 2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju fil-modalitajiet standby u mitfi u fil-modalità standby man-network (ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 801/2013 tat-22 ta’ Awwissu 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1275/2008 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju f’modalità standby u f’modalità mitfi, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 642/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għat-televixins (ĠU L 225, 23.8.2013, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 278/2009 tas-6 ta’ April 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-elettriku f’kundizzjoni ta’ mingħajr tagħbija u l-medja tal-effiċjenzi tal-istat attiv ta’ provvisti tal-elettriku esterni (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 3).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 107/2009 tal-4 ta’ Frar 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ disinjar ekoloġiku għal kaxxi set-top sempliċi (ĠU L 36, 5.2.2009, p. 8).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

    (8)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).


    ANNESS I

    DEFINIZZJONIJIET

    (1)   

    “tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni” tfisser kull tagħmir li l-funzjoni ewlenija tiegħu hi li jew idaħħal, jaħżen, juri, jirkupra, jittrażmetti, jipproċessa, jisswiċċja jew jikkontrolla d-data jew il-messaġġi tat-telekomunikazzjoni, jew kombinament ta’ dawn il-funzjonijiet, u li jista’ jkun mgħammar b’port terminali wieħed jew aktar li tipikament jitħaddem jew jitħaddmu għat-trasferiment tal-informazzjoni;

    (2)   

    “ambjent domestiku” tfisser ambjent fejn jista’ jkun mistenni l-użu ta’ riċevituri tax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni fil-limiti ta’ distanza ta’ 10 m mit-tagħmir ikkonċernat;

    (3)   

    “port tan-network” tfisser interfaċċa fiżika, bil-fili jew mingħajrhom, tal-konnessjoni tan-network li tinsab fit-tagħmir u li permezz tagħha t-tagħmir jista’ jiġi attivati mill-bogħod;

    (4)   

    “port tan-network loġiku” tfisser teknoloġija tan-network li tiffunzjona fuq port tan-network fiżiku;

    (5)   

    “port tan-network fiżiku” tfisser mezz fiżiku (hardware) ta’ port tan-network. Port tan-network fiżiku jista’ jieħu żewġ teknoloġiji ta’ network jew aktar;

    (6)   

    “disponibbiltà tan-network” tfisser il-kapaċità tat-tagħmir li jattiva funzjonijiet wara li kmand skattat mill-bogħod jiġi rikonoxxut minn port tan-network;

    (7)   

    “tagħmir imqabbad ma’ network” tfisser tagħmir li jista’ jaqbad ma’ network u għandu port tan-network wieħed jew aktar;

    (8)   

    “tagħmir imqabbad ma’ network b’disponibbiltà għolja tan-network ” jew “tagħmir HiNA” tfisser tagħmir b’waħda minn dawn il-funzjonalitajiet jew aktar, iżda mhux b’oħrajn, bħala l-funzjonalità/funzjonalitajiet ewlenija/ewlenin: dik ta’ router, ta’ swiċċ tan-network, ta’ punt ta’ aċċess għan-network bla fili, ta’ hub, ta’ modem, ta’ telefown tal-VoIP, ta’ video phone;

    (9)   

    “tagħmir imqabbad ma’ netwerk b’funzjonalità ta’ disponibbiltà għolja tan-network ” jew “tagħmir b’funzjonalità HiNA” tfisser tagħmir bil-funzjonalità ta’ router, swiċċ tan-network, punt ta’ aċċess għan-network bla fili jew kombinament tagħhom inkluża, iżda li ma jkunx tagħmir HiNA;

    (10)   

    “router” tfisser apparat tan-network li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jiddetermina liema tkun l-aħjar mogħdija li minnha għandu jgħaddi t-traffiku tan-network. Ir-routers jibagħtu pakketti tad-data minn network għall-ieħor, abbażi tal-informazzjoni dwar is-saff tan-network (L3);

    (11)   

    “swiċċ tan-network” tfisser apparat tan-network li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jiffiltra, jibgħat u jqassam frames abbażi tal-indirizz ta’ destinazzjoni ta’ kull frame. L-iswiċċijiet kollha jaħdmu mill-anqas fis-saff ta’ kollegament tad-data (L2);

    (12)   

    “punt ta’ aċċess tan-network bla fili” tfisser apparat li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jipprovdi konnettività IEEE 802.11 (Wi-Fi) lil diversi klijenti;

    (13)   

    “hub” tfisser apparat tan-network li jkollu diversi portijiet u li jintuża għall-konnessjoni ta’ segmenti ta’ Netwerk ta’ Żona Lokali;

    (14)   

    “modem” tfisser apparat tan-network li l-funzjoni ewlenija tiegħu hija li jittrażmetti u jirċievi sinjali analogi modulati diġitalment fuq network bil-fili;

    (15)   

    “tagħmir għall-istampar” tfisser tagħmir li jagħti output fuq il-karta minn input elettroniku fuq karti jew mezzi oħra. It-tagħmir għall-istampar jista’ jkollu funzjonijiet addizzjonali, bħal skennjar kif ukoll ikkuppjar u jista’ jiġi kkummerċjalizzat bħala apparat multifunzjonali jew prodott multifunzjonali;

    (16)   

    “tagħmir għall-istampar b’format kbir” tfisser tagħmir għall-istampar iddisinjat biex jistampa fuq materjal ta’ format A2 jew akbar, inkluż tagħmir iddisinjat biex jieħu materjal kontinwu wiesa’ mill-anqas 406 mm;

    (17)   

    “Magna tal-kafè tad-dar” tfisser tagħmir mhux għall-użu kummerċjali li jsajjar il-kafè;

    (18)   

    “magna tal-kafè tad-dar bi drip-filter” tfisser magna tal-kafè tad-dar li tipperkola l-kafè;

    (19)   

    “console tal-logħob” tfisser tagħmir iddisinjat biex jipprovdi logħob bil-video game bħala l-funzjoni ewlenija tiegħu. Console tal-logħob huwa tipikament iddisinjat biex jipprovdi output lejn skrin elettroniku estern bħala l-iskrin ewlieni tal-logħba u tipikament juża kontrolluri li jinżammu fl-idejn jew kontrolluri oħra interattivi bħala l-apparat ewlieni tal-input. Il-consoles tal-logħob tipikament jinkludu unità/unitajiet ċentrali ta’ pproċessar, unità/unitajiet tal-ipproċessar tal-grafika, memorja tas-sistema u alternattivi oħra ta’ ħżin intern tad-data. L-apparat tal-logħob li jinżamm fl-idejn, bi skrin integrat bħala l-iskrin ewlieni tal-logħba, u li jaħdem primarjament b’batterija integrata jew sors ta’ enerġija portabbli aktar milli permezz ta’ konnessjoni diretta mal-mejn, jitqiesu bħala tip ta’ consoles tal-logħob;

    (20)   

    “għamara aġġustabbli operata b’mutur” tfisser għamara li tinkludi muturi jew attwaturi u unità ta’ kontroll biex jiġi aġġustat l-għoli, il-pożizzjoni jew il-forma. Dawk l-aġġustamenti jitħaddmu mill-utent finali permezz ta’ kontrolluri bil-kejbil u/jew bla fili, permezz ta’ network jew ikkontrollati awtomatikament bl-użu ta’ sensuri;

    (21)   

    “element tal-bini mħaddem b’mutur” tfisser tagħmir ta’ ftuħ jew ta’ kumdità fil-bini, għajr tagħmir tal-ventilazzjoni, li jista’ jiċċaqlaq jew idur, jew it-tnejn, permezz tad-dħul tal-elettriku mill-mejn. L-element tal-bini mħaddem b’mutur jinkorpora mutur elettriku jew attwatur u unità ta’ kontroll, u jitħaddem mill-utent finali permezz ta’ kontrollur(i) bil-kejbil u/jew bla fili, permezz ta’ network jew ikkontrollat awtomatikament bl-użu ta’ sensuri;

    (22)   

    “apparat ta’ streaming tal-media” tfisser apparat tal-hardware li jipprovdi kontenut tax-xandir, dirett jew irrekordjat, lill-apparati tal-utenti finali permezz ta’ network u li jintwera f’ħin reali.


    ANNESS II

    LISTA TA’ PRODOTTI RELATATI MAL-ENERĠIJA KOPERTI B’DAN IR-REGOLAMENT

    1.   

    Apparat maħsub, ittestjat u kummerċjalizzat għall-użu fid-djar:

    magna tat-tnixxif tal-ħwejjeġ u magni oħra li jnixxfu l-ħwejjeġ;

    fran tal-elettriku inkluż meta jkunu inkorporati fil-cookers;

    ħobbs tal-elettriku u platti li jsaħħnu bl-elettriku;

    fran microwave;

    towsters;

    apparat għall-qali;

    magni tal-kafè;

    magni għat-tħin tal-kafè;

    tagħmir għall-ftuħ jew għall-issiġillar tal-kontenituri jew tal-imballaġġi;

    skieken elettriċi;

    apparati oħra għat-tisjir u għal ipproċessar ieħor tal-ikel, għat-tħejjija tax-xorb, għat-tindif u għall-manutenzjoni tal-ħwejjeġ, iżda bl-esklużjoni tal-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2022 (1), u l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2023 (2);

    apparati għall-qtugħ tax-xagħar, għat-tnixxif tax-xagħar, għat-trattamenti tax-xagħar, għall-ħasil tas-snien, għat-tqaxxir tal-leħja, għall-massaġġi u apparati oħra għall-kura tal-ġisem;

    imwieżen.

    2.   

    It-tagħmir tat-teknoloġija tal-informazzjoni maħsub primarjament għal użu f’ambjent domestiku, inkluż tagħmir għall-istampar, iżda esklużi l-kompjuters desktop, il-kompjuters desktop integrati u l-kompjuters notebook koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 (3), servers u prodotti tal-ħżin tad-data koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/424 (4), kif ukoll l-unitajiet tal-wiri elettroniċi koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 (5).

    3.   

    Tagħmir tal-konsumatur:

    settijiet tar-radju;

    kameras bil-vidjo;

    video-players;

    hi-fi players;

    amplifikaturi tal-awdjo;

    speakers tal-awdjo;

    sistemi tat-teatru tad-dar;

    apparat ta’ streaming tal-media;

    strumenti mużikali;

    kaxxi set-top sempliċi u kaxxi set-top kumplessi;

    tagħmir ieħor biex jirrekordja jew jirriproduċi l-ħoss jew l-immaġnijiet, inklużi sinjali jew teknoloġiji oħra għad-distribuzzjoni tal-ħoss u tal-immaġni għajr bit-telekomunikazzjoni, iżda esklużi l-unitajiet tal-wiri elettroniċi koperti bir-Regolament (UE) 2019/2021 u l-projetturi b’mekkaniżmi għall-iskambju tal-lentijiet ma’ oħrajn b’tul fokali differenti.

    4.   

    Ġugarelli, tagħmir tad-divertiment u tal-isport:

    ferroviji tal-elettriku jew settijiet tat-tlielaq tal-karozzi;

    consoles tal-logħob;

    tagħmir tal-isports;

    ġugarelli oħra u tagħmir ta’ divertiment.

    5.   

    għamara aġġustabbli mħaddma b’mutur:

    skrivaniji b’għoli li jista’ jiġi aġġustat;

    sodod u siġġijiet elevanti, għajr għall-apparat mediku u s-siġġijiet tar-roti;

    għamara aġġustabbli oħra mħaddma b’mutur.

    6.   

    Elementi tal-bini mħaddma b’mutur:

    kontraporti;

    blinds;

    skrins;

    tined;

    pergoli;

    purtieri;

    bibien;

    gradi;

    twieqi;

    tamboċċi;

    elementi oħra tal-bini mħaddma b’mutur.


    (1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2022 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1016/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 267).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2023 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 285).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għall-ekodisinn għall-kompjuters u s-servers informatiċi, (ĠU L 175, 27.6.2013, p. 13).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/424 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti għall-ħażna tad-data skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 (ĠU L 74, 18.3.2019, p. 46).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 241).


    ANNESS III

    REKWIŻITI GĦALL-EKODISINN

    1.   

    Rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika:

    (a)

    Il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi:

    Il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir fil-modalità mitfi ma għandux jaqbeż 0,50 W. Sentejn wara l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir fil-modalità mitfi ma għandux jaqbeż 0,30 W.

    (b)

    Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby:

     

    Il-konsum tal-enerġija ta’ tagħmir fi kwalunkwe kundizzjoni li jipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni, jew li jipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni u indikazzjoni ta’ funzjoni attivata ta’ riattivazzjoni, ma għandux jaqbeż 0,50 W.

     

    Il-konsum tal-enerġija ta’ tagħmir fi kwalunkwe kundizzjoni li jipprovdi biss skrin ta’ informazzjoni jew status, jew li jipprovdi biss kombinament ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni u ta’ skrin ta’ informazzjoni jew status, jew li jipprovdi biss funzjoni ta’ riattivazzjoni u indikazzjoni ta’ funzjoni ta’ riattivazzjoni attivata u skrin ta’ informazzjoni jew status, ma għandux jaqbeż 0,80 W, għajr għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 932/2012 (1) li l-valur tagħhom għandu jkun ta. 1,00 W.

     

    It-tagħmir imqabbad ma’ network li jkollu modalità standby waħda jew aktar għandu jissodisfa r-rekwiżiti għal dawk il-modalitajiet standby meta l-portijiet tan-network kollha bil-fili jkunu skonnettjati u l-portijiet tan-network kollha bla fili jkunu diżattivati.

    (c)

    Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby man-network:

     

    Il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir HiNA jew tat-tagħmir b’funzjonalità HiNA fil-modalità standby man-network ma għandux jaqbeż 8,00 W. Sentejn wara l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir HiNA jew tat-tagħmir b’funzjonalità HiNA fil-modalità standby man-network ma għandux jaqbeż 7,00 W.

     

    Il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir imqabbad ma’ network, li ma jkunx tagħmir HiNA jew tagħmir b’funzjonalità HiNA, fil-modalità standby man-network ma għandux jaqbeż 2,00 W.

     

    Il-limiti tal-konsum tal-enerġija ma għandhomx japplikaw għal:

    tagħmir għall-istampar b’format kbir;

    terminals ħfief desktop, stazzjonijiet tax-xogħol, stazzjonijiet tax-xogħol mobbli, u servers fuq skala żgħira kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 617/2013.

    2.   

    Rekwiżiti funzjonali:

    (a)

    Disponibbiltà tal-modalità mitfi u l-modalità standby:

    Sakemm dan ma jkunx xieraq għall-użu maħsub, it-tagħmir għandu jipprovdi waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    modalità mitfi,

    modalità standby,

    kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tal-konsum tal-enerġija applikabbli għall-modalità mitfi jew għall-modalità standby meta t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn.

    (b)

    Funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija għat-tagħmir kollu li ma huwiex tagħmir imqabbad ma’ network:

    (1)

    Sakemm ma jkunx xieraq għall-użu maħsub, it-tagħmir għandu jipprovdi funzjoni ta’ ġestjoni tal-enerġija. Meta tagħmir ma jkunx qed jipprovdi funzjoni ewlenija, u meta prodott ieħor relatat mal-enerġija ma jkunx jiddependi fuq il-funzjonijiet tiegħu, il-funzjoni ta’ ġestjoni tal-enerġija għandha taqleb awtomatikament it-tagħmir, wara l-iqsar perjodu possibbli xieraq għall-użu maħsub tat-tagħmir, għal waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    modalità standby,

    modalità mitfi,

    kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tal-konsum tal-enerġija applikabbli għall-modalità mitfi jew għall-modalità standby meta t-tagħmir ikun imqabbad mal-mejn.

    (2)

    Għall-magni tal-kafè tad-dar, il-perjodu msemmi fil-punt (1) għandu jkun kif ġej:

    għall-magni tal-kafè tad-dar bi drip-filter li jaħżnu l-kafè f’buqar iżolat, massimu ta’ ħames minuti;

    għall-magni tal-kafè tad-dar bi drip-filter li jaħżnu l-kafè f’buqar mhux iżolat, massimu ta’ 40 minuta;

    għal magni tal-kafè domestiċi għajr magni tal-kafè tad-dar bi drip-filter, massimu ta’ 30 minuta.

    (3)

    Għal tagħmir ieħor, il-perjodu msemmi fil-punt (1) ma għandux jaqbeż l-20 minuta.

    (4)

    Il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija deskritta fil-punt (1) għandha tiġi attivata meta t-tagħmir jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz u attivat bil-konfigurazzjoni inizjali tiegħu wara li t-tagħmir jiġi ssettjat mill-ġdid għall-konfigurazzjonijiet prestabbiliti tal-fabbrika tiegħu.

    (5)

    It-tagħmir jista’ joffri lill-utent l-għażla li jiddiżattiva l-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija. F’każijiet bħal dawn, l-utenti għandhom jiġu avżati dwar iż-żieda fil-konsum tal-enerġija ta’ dik l-azzjoni. Dik it-twissija għandha tiġi inkluża fil-manwali tal-istruzzjonijiet u, fejn applikabbli, tkun disponibbli fuq l-iskrins integrati fit-tagħmir jew imqabbda miegħu, għajr skrins ta’ informazzjoni jew status. Dik l-għażla ma għandhiex tkun parti mill-proċedura ta’ installazzjoni tat-tagħmir u għandha tirrikjedi azzjoni separata tal-utent fuq it-tagħmir.

    (c)

    Il-ġestjoni tal-enerġija għal tagħmir imqabbad ma’ network:

     

    Sakemm ma jkunx xieraq għall-użu maħsub, it-tagħmir għandu jipprovdi funzjoni ta’ ġestjoni tal-enerġija. Meta tagħmir ma jkunx qed iwettaq funzjoni ewlenija, u meta prodott ieħor relatat mal-enerġija ma jiddependix fuq il-funzjonijiet tiegħu, il-funzjoni ta’ ġestjoni tal-enerġija għandha taqleb awtomatikament it-tagħmir, wara l-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli xieraq għall-użu maħsub tat-tagħmir, għal modalità standby man-network. Dak il-perjodu ma għandux jaqbeż l-20 minuta.

     

    Fil-modalità standby man-network, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija tista’ taqleb it-tagħmir għall-modalità standby jew mitfi awtomatikament jew għal kundizzjoni oħra, li ma taqbiżx ir-rekwiżiti applikabbli tal-konsum tal-enerġija għall-modalità standby jew mitfi.

     

    Il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija għandha tkun disponibbli għall-portijiet tan-network kollha tat-tagħmir imqabbad ma’ network.

     

    Sakemm il-portijiet tan-network kollha ma jiġux diżattivati, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija għandha tiġi attivata meta t-tagħmir jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz. Wara li t-tagħmir jiġi ssettjat mill-ġdid għall--konfigurazzjonijiet prestabbiliti tal-fabbrika tiegħu, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija għandha tiġi attivata jekk jiġi attivat kwalunkwe wieħed mill-ports tan-network.

     

    It-tagħmir jista’ joffri lill-utent l-għażla li jiddiżattiva l-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija. F’każijiet bħal dawn, l-utent għandu jiġi avżat dwar iż-żieda fil-konsum tal-enerġija ta’ dik l-azzjoni. Dik it-twissija għandha tiġi inkluża fil-manwali tal-istruzzjonijiet u, fejn applikabbli, tkun disponibbli fuq l-unitajiet tal-wiri integrati fit-tagħmir jew imqabbda miegħu. Dik l-għażla ma għandhiex tkun parti mill-proċedura ta’ installazzjoni tat-tagħmir u għandha tirrikjedi azzjoni separata tal-utent fuq it-tagħmir.

     

    It-tagħmir imqabbad ma’ network li ma jkunx tagħmir HiNA għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2(b) meta l-portijiet tan-network kollha bil-fili jkunu skonnettjati u l-portijiet tan-network kollha bla fili jkunu diżattivati.

    (d)

    Il-possibbiltà ta’ diżattivazzjoni ta’ konnessjonijiet ta’ network bla fili:

    Kull tagħmir imqabbad ma’ network li jista’ jiġi konness ma’ network bla fili għandu joffri lill-utent il-possibbiltà li jiddiżattiva l-konnessjonijiet man-network bla fili. Dak ir-rekwiżit ma japplikax għat-tagħmir li għall-użu maħsub tagħhom jiddependi fuq konnessjoni waħda ta’ network bla fili u li ma jkollyx konnessjoni ta’ network bil-fili.

    (e)

    L-indikazzjoni “standby” u t-traduzzjonijiet tagħha fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni ma għandhomx jintużaw fid-deskrizzjoni, jew waħedhom jew flimkien ma’ informazzjoni oħra, ta’ kwalunkwe kundizzjoni li fiha t-tagħmir ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 1(b) jew 1(c).

    3.   

    Rekwiżiti ta’ informazzjoni

    (a)

    Il-manwali tal-istruzzjonijiet għall-utenti finali, u s-siti web ta’ aċċess bla ħlas tal-fabbrikanti, tal-importaturi jew tar-rappreżentanti awtorizzati għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja għat-tagħmir kollu, kif applikabbli:

    (1)

    għal kull modalità mitfi, modalità standby (jew kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tal-konsum tal-enerġija applikabbli għall-modalità mitfi jew għall-modalità standby) u għall-modalità standby man-network li fiha t-tagħmir jiġi attivat mill-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija jew funzjoni simili:

    il-konsum tal-enerġija f’watts, ittondjat għall-ewwel punt deċimali;

    Il-perjodu wara liema t-tagħmir jilħaq awtomatikament il-modalità standby, il-modalità mitfi: jew il-modalità standby man-network f’ minuti u ttondjat għall-eqreb minuta;

    (2)

    il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir fil-modalità standby man-network jekk il-portijiet tan-network kollha bil-fili jkunu konnessi u l-portijiet tan-network kollha bla fili jkunu attivati;

    (3)

    Għat-tagħmir li jeħtieġ provvista tal-elettriku esterna, iżda li jitqiegħed fis-suq mingħajrha, il-fabbrikant, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi tekniċi tal-mudell tal-prodott tal-provvista tal-elettriku esterna li trid tintuża għal dak it-tagħmir.

    (4)

    gwida dwar kif jiġu attivati u diżattivati l-portijiet tan-network bla fili.

    Bħala alternattiva, l-informazzjoni fil-punti (1), (2) u (3) tista’ tiġi pprovduta fil-manwali tal-istruzzjoni għall-utenti finali fil-forma ta’ ħolqa għal din l-informazzjoni fis-siti web ta’ aċċess bla ħlas tal-fabbrikanti, tal-importaturi jew tar-rappreżentanti awtorizzati.

    (b)

    Id-dokumentazzjoni teknika għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 4 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

    (1)

    il-kategorija tat-tagħmir:

    speċifikazzjoni dwar jekk huwiex tagħmir imqabbad ma’ network jew mhux imqabbad ma’ network;

    għal tagħmir imqabbad ma’ network, speċifikazzjoni dwar jekk huwiex tagħmir HiNA, tagħmir b’funzjonalità HiNA, jew tagħmir ieħor imqabbad ma’ network; meta ma tingħata l-ebda informazzjoni, it-tagħmir ma jitqiesx bħala tagħmir HiNA jew tagħmir b’funzjonalità HiNA;

    (2)

    għal kull modalità mitfi, modalità standby u modalità standby man-network:

    il-valur iddikjarat tal-konsum tal-enerġija f’watts ittondjat għall-ewwel pożizzjoni deċimali;

    il-metodu tal-kejl użat;

    deskrizzjoni ta’ kif intgħażlet jew ġiet ipprogrammata l-modalità tat-tagħmir;

    is-sekwenza tal-avvenimenti li jwasslu għall-kundizzjoni fejn it-tagħmir jibdel għal modalitajiet oħra awtomatikament;

    kwalunkwe nota dwar kif jaħdem it-tagħmir, eż. informazzjoni dwar kif l-utent jaqleb it-tagħmir għall-modalità standby man-network;

    Jekk applikabbli, il-ħin prestabbilit, f’minuti, meħtieġ sabiex it-tagħmir jilħaq il-modalità jew il-kundizzjoni ta’ konsum baxx tal-enerġija u ttundjat lejn l-eqreb minuta;

    (3)

    għal tagħmir imqabbad ma’ network:

    l-għadd u t-tip ta’ portijiet tan-network u, bl-eċċezzjoni ta’ portijiet tan-network bla fili, fejn dawk il-portijiet ikunu jinsabu fuq it-tagħmir; b’mod partikolari għandu jiġi ddikjarat jekk l-istess port fiżiku tan-network jakkomodax żewġ tipi ta’ portijiet tan-network jew aktar;

    jekk il-portijiet tan-network kollha jiġu diżattivati qabel ma t-tagħmir jitqiegħed fis-suq jew jitħaddem;

    jekk hemmx portijiet li jiddependu fuq konnessjonijiet bil-fili attivi għall-użu maħsub, u l-proċedura użata għad-diżattivazzjoni ta’ dawk il-portijiet;

    il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir fil-modalità standby man-network jekk il-portijiet tan-network kollha bil-fili jkunu konnessi u l-portijiet tan-network kollha bla fili jkunu attivati;

    gwida dwar kif jiġu attivati u diżattivati l-portijiet tan-network bla fili;

    (4)

    għal kull tip ta’ port tan-network:

    il-perjodu li warajh il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija taqleb it-tagħmir għall-modalità standby man-network;

    il-kmand skattat mill-bogħod li jintuża għar-riattivazzjoni tat-tagħmir;

    l-ispeċifikazzjonijiet (massimi) tal-prestazzjoni;

    il-konsum (massimu) tal-enerġija tat-tagħmir fil-modalità standby man-network li bih il-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija taqleb it-tagħmir, f’każ li dak il-port biss jintuża għall-attivazzjoni mill-bogħod;

    il-protokoll ta’ komunikazzjoni użat mit-tagħmir;

    (5)

    il-kundizzjonijiet għall-ittestjar għall-kejl:

    it-temperatura ambjentali;

    il-vultaġġ tat-test f’V u l-frekwenza f’Hz;

    id-distorsjoni armonika totali tas-sistema tal-provvista tal-elettriku;

    deskrizzjoni tal-istrumentazzjoni, l-immuntar u ċ-ċirkwiti użati għall-ittestjar tal-elettriku;

    (6)

    il-karatteristiċi tat-tagħmir rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2(a), 2(b) u 2(c), kif applikabbli, inkluż il-ħin li jittieħed biex tintlaħaq awtomatikament il-modalità standby man-network, il-modalità standby jew il-modalità mitfi, jew kundizzjoni oħra li ma taqbiżx ir-rekwiżiti tal-konsum tal-enerġija applikabbli għall-modalità mitfi jew għall-modalità standby f’minuti, ittundjati għall-eqreb minuta.

    (7)

    Jekk applikabbli, għandha tingħata ġustifikazzjoni għaliex ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2(a), 2(b), 2(c) u 2(d) ma humiex xierqa għall-użu maħsub tat-tagħmir. Il-ħtieġa li tinżamm konnessjoni waħda jew aktar ta’ network jew li t-tagħmir jistenna għal kmand skattat mill-bogħod, ma titqiesx bħala ġustifikazzjoni teknika għall-eżenzjoni mir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2(b), fil-każ ta’ tagħmir li ma huwiex definit bħala tagħmir imqabbad ma’ network mill-fabbrikant. Għar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2(c), il-ġustifikazzjoni teknika għandha, b’mod partikolari, tipprovdi evidenza dwar għaliex funzjoni ewlenija jeħtieġ li dejjem tibqa’ attiva. Barra minn hekk, fejn applikabbli, l-imballaġġ għandu jsemmi b’mod espliċitu li:

    (a)

    it-tagħmir ma għandux modalità standby, jew stat ekwivalenti ieħor fir-rigward tar-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika, tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija jew il-ħila li jiddiżattiva l-modalità tal-konnessjoni tan-network bla fili;

    (b)

    il-konsum tal-enerġija tat-tagħmir x’aktar li jkun ogħla mill-mudelli l-oħra tat-tagħmir li jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti funzjonali.

    (8)

    id-deskrizzjoni tal-funzjonijiet ewlenin tat-tagħmir.


    (1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 932/2012 tat-3 ta’ Ottubru 2012 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni domestiċi tat-tnixxif tal-ħwejjeġ (ĠU L 278, 12.10.2012, p. 1).


    ANNESS IV

    METODI TA’ KEJL U TA’ KALKOLU

    Il-kejl u l-kalkoli għandhom isiru billi jintużaw standards armonizzati, li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal din il-fini f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew billi jintużaw metodi oħrajn li jkunu affidabbli, akkurati u riproduċibbli, li jqisu l-aktar metodi ta’ kejl tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxuti b’mod ġenerali.

    Il-kundizzjonijiet ġenerali li ġejjin għandhom japplikaw meta jiġi ttestjat tagħmir imqabbad ma’ network:

    (a)

    Sabiex jitkejjel il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby ta’ tagħmir imqabbad ma’ network li jkollu tali modalità, il-portijiet tan-network kollha tal-unità għandhom jiġu diżattivati jew skonnettjati, kif applikabbli.

    (b)

    Jekk tagħmir jiddependi fuq konnessjoni bil-fili attiva ma’ port tan-network wieħed jew aktar għall-użu maħsub, hija permessa d-diżattivazzjoni manwali ta’ dawk il-portijiet tan-network minflok l-iskonnessjoni tal-wajer.

    (c)

    Il-proċedura li ġejja għandha tintuża għall-kejl tal-konsum tal-enerġija fil-modalità standby man-network u għall-ittestjar tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-enerġija:

    (1)

    Jekk it-tagħmir ikollu tip wieħed ta’ port tan-network u jekk żewġ portijiet jew aktar ta’ dak it-tip ikunu disponibbli, għandu jintgħażel wieħed minn dawn il-portijiet b’mod aleatorju u dak il-port jiġi konness man-network xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port. Jekk it-tagħmir fih bosta portijiet tan-network bla fili tal-istess tip, il-portijiet l-oħra bla fili għandhom jiġu diżattivati jekk dan ikun possibbli. Jekk it-tagħmir ikollu bosta portijiet tan-network bil-fili tal-istess tip, il-portijiet tan-network l-oħra għandhom jiġu skonnettjati. Jekk ikun hemm disponibbli port tan-network wieħed biss, dak il-port għandu jiġi konness man-network xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port.

    Tinxtegħel l-unità ttestjata. L-apparat li jipprovdi l-azzjonar skattat mill-bogħod li se jattiva mill-ġdid l-unità ttestjata huwa konness man-network xieraq, mixgħul, u lest biex jipprovdi l-kmand meta jkun meħtieġ. Ladarba l-unità ttestjata tinxtegħel u taħdem kif suppost, din titħalla tidħol fil-modalità standby man-network u jitkejjel il-konsum tal-enerġija. Imbagħad jingħata l-kmand xieraq lill-unità permezz tal-port tan-network, u jiġi vverifikat jekk it-tagħmir ikunx ġie riattivat.

    (2)

    Jekk it-tagħmir ikollu aktar minn tip wieħed ta’ port tan-network, għal kull tip ta’ port tan-network għandha tiġi ripetuta l-proċedura li ġejja. Jekk ikun hemm żewġ tipi ta’ portijiet tan-network jew aktar, għandu jintgħażel port wieħed b’mod aleatorju għal kull tip ta’ port tan-network, u dak il-port għandu jiġi konness man-network xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port.

    Jekk għal xi tip ta’ port tan-network ikun hemm port wieħed biss disponibbli, dak il-port jiġi konness man-network xieraq li jkun konformi mal-ispeċifikazzjoni massima tal-port. Il-portijiet tan-network bil-fili li ma jintużawx għandhom jiġu skonnettjati u l-portijiet bla fili li ma jintużawx għandhom jiġu diżattivati.

    Tinxtegħel l-unità ttestjata. L-apparat li jipprovdi l-azzjonar skattat mill-bogħod li se jattiva mill-ġdid l-unità ttestjata huwa konness man-network xieraq, mixgħul, u lest biex jipprovdi l-kmand meta jkun meħtieġ. Ladarba l-unità ttestjata tinxtegħel u taħdem kif suppost, din titħalla tidħol fil-modalità standby man-network u jitkejjel il-konsum tal-enerġija. Imbagħad jingħata l-kmand xieraq lill-unità permezz tal-port tan-network, u jiġi vverifikat jekk it-tagħmir ikunx ġie riattivat. Jekk port tan-network fiżiku wieħed ikun qed jintuża minn żewġ tipi ta’ portijiet tan-network (loġiċi) jew aktar, fl-istess ħin, dik il-proċedura għandha tiġi ripetuta għal kull tip ta’ port tan-network loġiku, filwaqt li jiġu skonnettjati b’mod loġiku l-portijiet tan-network loġiċi l-oħra.

    (d)

    Għat-tipi kollha tal-magni tal-kafè tad-dar, il-kejl għandu jitwettaq wara tmiem l-aħħar ċiklu tat-tisjir, u, fejn applikabbli, wara tmiem il-proċess tat-tneħħija tal-ġebla, il-proċess tat-tindif awtomatiku tal-magna jew kwalunkwe operazzjoni oħra mwettqa mill-utent, sakemm ma jiġix skattat allarm li jeħtieġ l-intervent tal-utent biex tiġi evitata ħsara jew inċident.


    ANNESS V

    PROĊEDURA TA’ VERIFIKA GĦALL-FINIJIET TAS-SORVELJANZA TAS-SUQ

    It-tolleranzi tal-verifika ddefiniti f’dan l-Anness japplikaw biss għall-verifika mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-valuri ddikjarati. Dawn ma għandhomx jintużaw mill-fabbrikant, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat bħala tolleranza permessa għall-istabbiliment tal-valuri inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew fl-interpretazzjoni ta’ dawk il-valuri bil-għan li tinkiseb il-konformità jew għall-komunikazzjoni ta’ prestazzjoni aħjar bi kwalunkwe mod.

    Meta mudell ma jkunx f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu bħala mhux konformi.

    Bħala parti mill-verifika tal-konformità ta’ mudell tat-tagħmir mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura li ġejja:

    1.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw unità waħda tal-mudell.

    2.

    Il-mudell għandu jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    il-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont l-Anness IV, il-punt 2 tad-Direttiva 2009/125/KE (il-valuri ddikjarati) u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta’ dawk il-valuri, ma jkunux aktar favorevoli għall-fabbrikant, għall-importatur jew għar-rappreżentant awtorizzat mir-riżultati tal-kejl korrispondenti mwettqa skont il-punt 2(g) ta’ dak l-Anness;

    (b)

    il-valuri ddikjarati jkunu jissodisfaw kwalunkwe rekwiżit stabbilit f’dan ir-Regolament, u kwalunkwe informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott li tiġi ppubblikata mill-fabbrikant, mill-importatur jew mir-rappreżentant awtorizzat ma jkunx fiha valuri li jkunu aktar favorevoli għall-fabbrikant, għall-importatur jew għar-rappreżentant awtorizzat mill-valuri dikjarati;

    (c)

    meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jivverifikaw l-unità tal-mudell, il-fabbrikant, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat stabbilixxa sistema li tikkonforma mar-rekwiżiti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6;

    (d)

    meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jivverifikaw l-unità tal-mudell jikkonforma mar-rekwiżiti funzjonali fl-Anness III, il-punt 2 u mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni fl-Anness III, il-punt 3;

    (e)

    meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri determinati (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla fl-ittestjar u l-valuri kkalkolati minn dak il-kejl) jikkonformaw mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi kif stabbilit fit-Tabella 1.

    3.

    Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 2(a), (b), (c) jew (d) ma jiġux issodisfati, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li ma humiex konformi ma’ dan ir-Regolament.

    4.

    Jekk ma tiġix ssodisfata l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 2(e), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet addizzjonali tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. B’mod alternattiv, it-tliet unitajiet addizzjonali magħżula jistgħu jkunu ta’ mudell ekwivalenti wieħed jew aktar.

    5.

    Il-mudell għandu jitqies li huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawk it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika tal-valuri determinati tikkonforma mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 1.

    6.

    Jekk ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 5, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li ma humiex konformi ma’ dan ir-Regolament.

    7.

    Wara li tittieħed deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-mudell skont il-punti 3 jew 6 jew it-tieni paragrafu ta’ dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu stabbiliti fl-Anness IV.

    Għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ hawn taħt u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 sa 7 ta’ hawn fuq. Għall-parametri fit-Tabella 1, ma għandha tiġi applikata l-ebda tolleranza oħra, lanqas dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew fi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kejl.

    Tabella 1

    Tolleranzi tal-verifika

    Parametri

    Tolleranzi tal-verifika

    Il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi

    Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 0,10 W.

    Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby

    Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 0,10 W.

    Il-konsum tal-enerġija fil-modalità standby man-network

    Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 0,10 W jekk il-valur dikjarat hu iżgħar minn 1 W u inkella b’aktar minn 10 %.

    Il-ħin meħtieġ sabiex it-tagħmir jilħaq il-modalità jew il-kondizzjoni ta’ konsum baxx tal-enerġija

    Il-valur determinat (*1) ma għandux jaqbeż il-valur iddikjarat b’aktar minn 10 %


    (*1)  Jekk jiġu ttestjati tliet unitajiet addizzjonali kif previst fil-punt 4, il-valur determinat ifisser il-medja aritmetika tal-valuri determinati għal dawk it-tliet unitajiet addizzjonali.


    ANNESS VI

    PARAMETRI REFERENZJARJI

    Fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-aħjar teknoloġija disponibbli fis-suq f’termini ta’ konsum tal-enerġija fil-modalità mitfi, fil-modalità standby u fil-modalità standby man-network ġiet identifikata kif ġej:

    (a)

    Il-modalità mitfi: 0 W–0,2 W bi swiċċ jitfi kompletament fuq in-naħa prinċipali, u dan jiddependi, inter alia, mill-karatteristiċi marbuta mal-kompatibbiltà elettromanjetika skont id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    (b)

    Il-modalità standby: 0,1 W b’funzjoni ta’ riattivazzjoni; 0,1 W bi skrin ta’ informazzjoni jew status ta’ LEDs b’enerġija sempliċi jew baxxa (l-unitajiet tal-wiri akbar — eż. għall-arloġġi — jeħtieġu aktar enerġija).

    (c)

    Standby man-network: 3 W għal tagħmir HiNA; 1 W jew inqas għal tagħmir mhux HiNA.


    (1)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).


    Top