EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0745

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/745 tat-3 ta’ April 2023 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2023/2449

ĠU L 99, 12.4.2023, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/745/oj

12.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/745

tat-3 ta’ April 2023

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ April 2023.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott (l-hekk imsejjaħ sett tal-inbid) li jikkonsisti minn:

“sikkina tal-waiter” tal-metall komuni li tikkonsisti f’cutter tal-fojl, trabuxù u lieva tat-tapp tas-sufra/opener tat-tappijiet tal-fliexken ikkombinati,

anell għal kontra t-tqattir tal-inbid tal-metall komuni inforrat bi drapp mhux minsuġ,

tapp bil-ponta tal-metall komuni bi stud tond, mgħammar b’żewġ ċrieki biex jiġi ssiġillat il-flixkun,

termometru tal-ħġieġ b’manku tal-metall komuni biex titkejjel it-temperatura tal-inbid.

Is-sett huwa ppreżentat għall-bejgħ bl-imnut f’kaxxa tal-injam b’inserzjoni li jkollha toqob bid-dimensjonijiet eżatti tal-oġġetti.

(Ara l-istampa) (*1)

8205 51 00

Il-klassifikazzjoni tiġi determinata bir-regoli ġenerali 1, 3(b), 5(a) u 6 għall-interpretazzjoni (GIR) tan-Nomenklatura Magħquda kif ukoll bil-kliem tal-Kodiċijiet NM 8205 u 8205 51 00 .

L-oġġetti jitqiegħdu għall-bejgħ bl-imnut f’sett skont it-tifsira tal-GIR 3(b). Is-sett jikkonsisti f’mill-inqas żewġ oġġetti differenti li huma klassifikabbli f’intestaturi differenti, pereżempju, taħt l-intestatura 8205 (l-openers tal-fliexken u trabuxujiet huma inklużi fl-intestatura 8205 bħala għodod tal-idejn f’konformità man-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) tal-intestatura 8205 (E)(1)), jew taħt l-intestatura 9025 (termometri)).

L-oġġetti jitqiegħdu f’kaxxa tal-injam adattata għall-bejgħ direttament lill-utenti finali mingħajr ma jiġu ppakkjati mill-ġdid. Dawn jitqiegħdu flimkien biex iwettqu attività speċifika, jiġifieri, biex jiġi servut l-inbid. Ara n-NSSA tal-GIR 3(b), (X).

Is-“sikkina tal-waiter” li tikkonsisti fil-cutter tal-fojl, it-trabuxù u l-lieva tat-tapp tas-sufra/opener tat-tappijiet tal-fliexken ikkombinati tagħti lis-sett il-karattru essenzjali tiegħu minħabba li l-ftuħ ta’ flixkun tal-inbid huwa l-użu ewlieni biex jiġi servut l-inbid, li mingħajru l-oġġetti l-oħra kollha fis-sett ma għandhom l-ebda funzjoni.

Il-kaxxa tal-injam hija mgħammra b’mod speċjali biex ikunu jistgħu jitqiegħdu l-oġġetti speċifiċi tas-sett. Minħabba li hija magħmula minn injam solidu, hija adattata għal użu fit-tul bħala kontenitur għall-oġġetti ppreżentati fiha. Hija ta’ tip li normalment jinbiegħ b’dan it-tip ta’ settijiet u ma tagħtix lis-sett sħiħ il-karattru essenzjali tiegħu. Għalhekk, il-kaxxa tal-injam għandha tiġi kklassifikata flimkien mas-sett skont it-tifsira tal-GIR 5(a).

B’hekk, is-sett tal-inbid għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 8205 51 00 bħala għodod tad-dar.

Image 1


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.


Top