Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0511

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/511 tal-24 ta’ Novembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv skont l-approċċ ibbażat fuq il-mandat (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/8377

ĠU L 71, 9.3.2023, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/511/oj

9.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/511

tal-24 ta’ Novembru 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv skont l-approċċ ibbażat fuq il-mandat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 132a(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi evitata varjabbiltà bla bżonn fir-rekwiżiti ta’ kapital bejn l-istituzzjonijiet, u sabiex l-approċċ ibbażat fuq il-mandat isir operazzjonali f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed informazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-metodu għall-kalkolu tal-ammont tal-iskopertura ponderat għar-riskju għal impriża ta’ investiment kollettiv (collective investment undertaking, CIU) skont l-approċċ ibbażat fuq il-mandat għall-każijiet fejn l-inputs neqsin ma jippermettux il-komputazzjoni tal-ammont tal-iskopertura ponderat għar-riskju.

(2)

Meta CIU tidħol fi tranżazzjonijiet ta’ derivattivi u s-sottostanti tad-derivattivi jew ir-riskju sottostanti tal-pożizzjonijiet tad-derivattivi ma jkunux magħrufa, il-kost tas-sostituzzjoni tal-pożizzjonijiet ma jistax jiġi determinat mill-istituzzjonijiet, u għaldaqstant lanqas ma jista’ jiġi determinat il-valur tal-iskopertura tagħhom. F’dak il-każ, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jibbażaw il-kalkoli tagħhom fuq l-ammont nozzjonali ta’ pożizzjoni ta’ derivattiv, li normalment ikun magħruf u jkun l-aħjar indikatur tad-daqs tal-pożizzjoni, u għaldaqstant tipprovdi approssimazzjoni għall-valur tal-iskopertura.

(3)

Meta l-mandat tas-CIU ma jeskludix id-dħul f’derivattivi iżda ma jinkludix biżżejjed informazzjoni biex jiġi determinat jekk sottostanti jikkostitwix skopertura fil-karta bilanċjali jew barra l-karta bilanċjali, ma jistax jiġi eskluż li tali skopertura tkun kostitwita. Għaldaqstant huwa meħtieġ li dik l-iskopertura tiġi inkluża fil-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju tal-iskoperturi tas-CIU.

(4)

Meta l-mandat ma jipprovdix biżżejjed informazzjoni dwar il-valur tal-iskopertura ta’ tali pożizzjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-valur tal-iskopertura jkun l-ammont nozzjonali sħiħ tal-pożizzjoni tad-derivattivi.

(5)

Meta l-mandat ma jispeċifikax l-ammont nozzjonali tal-pożizzjoni tad-derivattivi, biex jiġi żgurat approċċ prudenti biżżejjed, jenħtieġ li dak l-ammont jiġi derivat mill-ammont nozzjonali massimu ta’ derivattivi permess skont il-mandat.

(6)

Meta l-kostijiet tas-sostituzzjoni jew l-iskopertura futura potenzjali għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-iskopertura assoċjat mar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti ma jkunux magħrufa, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jibbażaw il-kalkoli tagħhom fuq is-somma tal-ammonti nozzjonali tat-tranżazzjonijiet fis-sett ta’ netting, li tkun l-aħjar stima konservattiva disponibbli biex tippermetti l-użu tal-approċċ ibbażat fuq il-mandat.

(7)

Hemm każijiet fejn mhuwiex possibbli li l-istituzzjonijiet jaċċertaw is-settijiet ta’ netting rilevanti għal ċertu tip ta’ derivattiv fis-CIU, billi ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar il-kontropartijiet jew dwar jekk it-tranżazzjonijiet humiex soġġetti għal arranġament ta’ netting bilaterali legalment infurzabbli msemmi fl-Artikolu 272, il-punt (4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jassumu li la l-effetti tan-netting u lanqas id-diversifikazzjoni tal-kontroparti ma jeżistu għal dak it-tip ta’ derivattiv. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jassumu li s-CIU daħlet f’derivattiv uniku bl-ammont nozzjonali massimu permess mill-mandat għal dak it-tip ta’ derivattiv.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(9)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Determinazzjoni tal-valur tal-iskopertura tal-pożizzjonijiet tad-derivattivi ta’ CIU meta s-sottostanti ma jkunx magħruf għall-finijiet tal-Artikolu 132a(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

1.   Meta japplikaw l-approċċ ibbażat fuq il-mandat f’konformità mal-Artikolu 132a(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta l-mandat tas-CIU ma jeskludix li s-sottostanti ta’ pożizzjoni tad-derivattivi ta’ CIU jikkostitwixxi skopertura fil-karta bilanċjali jew li ma tidhirx fil-karta bilanċjali, iżda l-valur tal-iskopertura jew, fil-każ ta’ skoperturi li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, il-persentaġġ applikabbli skont l-Artikolu 111 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ma jkunx magħruf, l-istituzzjonijiet għandhom jużaw l-ammont nozzjonali sħiħ tal-pożizzjoni tad-derivattivi bħala l-valur tal-iskopertura għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju.

2.   Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur tal-iskopertura kif stabbilit fil-paragrafu 1, meta l-ammont nozzjonali tal-pożizzjonijiet tad-derivattivi ma jkunx magħruf, l-istituzzjonijiet għandhom jużaw stima konservattiva bbażata fuq l-ammont nozzjonali massimu tad-derivattivi permess skont il-mandat tas-CIU bħala l-valur tal-iskopertura.

Artikolu 2

Kalkolu tal-valuri tal-iskopertura għar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti ta’ sett ta’ netting tal-pożizzjonijiet tad-derivattivi ta’ CIU

1.   Meta jikkalkulaw il-valur tal-iskopertura ta’ sett ta’ netting għar-riskju ta’ kreditu tal-kontroparti f’konformità mal-approċċi stabbiliti fil-Parti 3, it-Titolu II, il-Kapitolu 6, it-Taqsimiet 3, 4 jew 5, fejn rilevanti, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw dan li ġej:

(a)

meta l-istituzzjoni ma tkunx tista’ tikkalkula l-kost tas-sostituzzjoni tas-sett ta’ netting skont l-approċċ rilevanti, minħabba inputs neqsin, dik l-istituzzjoni għandha tuża s-somma tal-ammonti nozzjonali tad-derivattivi kollha fis-sett ta’ netting bħala l-kost tas-sostituzzjoni;

(b)

meta l-istituzzjoni ma tkunx tista’ tikkalkula l-iskopertura futura potenzjali tas-sett ta’ netting skont l-approċċ rilevanti, minħabba inputs neqsin, dik l-istituzzjoni għandha tissostitwiha b’0,15 darbiet is-somma tal-ammonti nozzjonali tad-derivattivi kollha fis-sett ta’ netting.

2.   Meta tikkalkula l-valur tal-iskopertura għar-riskju tal-kreditu tal-kontroparti f’konformità mal-paragrafu 1, meta l-ammont nozzjonali tad-derivattivi fis-sett ta’ netting ma jkunx magħruf, l-istituzzjonijiet għandhom jużaw stima konservattiva bbażata fuq l-ammont nozzjonali massimu tad-derivattivi permessi skont il-mandat tas-CIU biex jiġi determinat il-valur tal-iskopertura ta’ dak is-sett ta’ netting.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, meta ma jkunx possibbli għall-istituzzjonijiet li jaċċertaw is-settijiet ta’ netting rilevanti għal ċertu tip ta’ derivattiv fis-CIU, dawn għandhom jassumu li s-CIU tkun daħlet f’derivattiv uniku bl-ammont nozzjonali massimu permess mill-mandat għal dak it-tip ta’ derivattiv.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top