This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023H1339
Council Recommendation (EU) 2023/1339 of 27 June 2023 on joining the global digital health certification network established by the World Health Organization and on temporary arrangements to facilitate international travel in view of the expiry of Regulation (EU) 2021/953 of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance)
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1339 tas-27 ta’ Ġunju 2023 dwar is-sħubija fin-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u dwar arranġamenti temporanji biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar internazzjonali fid-dawl tal-iskadenza tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1339 tas-27 ta’ Ġunju 2023 dwar is-sħubija fin-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u dwar arranġamenti temporanji biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar internazzjonali fid-dawl tal-iskadenza tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
ST/10513/2023/INIT
ĠU L 166, 30.6.2023, p. 177–181
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 166/177 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/1339
tas-27 ta’ Ġunju 2023
dwar is-sħubija fin-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u dwar arranġamenti temporanji biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar internazzjonali fid-dawl tal-iskadenza tar-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Iċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE introdott bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien qasir sar standard globali għaċ-ċertifikati tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan u għandu 51 pajjiż terz u territorju konnessi mas-sistema lil hinn mill-Istati Membri kollha. Permezz tad-dimensjoni esterna tiegħu, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE wera wkoll li huwa l-aktar soluzzjoni u għodda użata b’mod wiesa’ għall-promozzjoni tal-ivvjaġġar internazzjonali sikur u tal-irkupru fuq livell globali. Barra mill-użu tiegħu fil-qasam tal-ivvjaġġar, l-użu taċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ppromwova l-kontinwità tat-tilqim transfruntier. |
(2) |
Iċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien ta’ importanza kbira fis-salvagwardja tal-moviment liberu u tal-ivvjaġġar u t-teknoloġija sottostanti tiegħu tista’ tkompli sservi bħala għodda, utli biex inkunu mħejjija aħjar għal kriżijiet tas-saħħa futuri possibbli, li tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji jtaffu l-impatt tal-mard komunikabbli u jiżguraw livell adegwat ta’ tħejjija xierqa għall-kriżijiet tas-saħħa. Dan huwa wkoll konformi mar-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 01/2023 bit-titolu “Għodod li ffaċilitaw l-ivvjaġġar ġewwa l-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 – Inizjattivi rilevanti b’impatt li jvarja bejn suċċess u użu limitat”. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2021/953 għandu jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2023. Għalhekk, jenħtieġ li mill-1 ta’ Lulju 2023, il-ħruġ u l-aċċettazzjoni possibbli taċ-ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan isiru abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri u f’konformità magħhom. Barra minn hekk, ir-referenzi f’din ir-rakkomandazzjoni għall-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont ir-Regolament (UE) 2021/953 qed isiru biss għall-faċilità ta’ referenza, u ma għandhomx jinftiehmu bħala li jżommu fis-seħħ dawn l-atti ta’ implimentazzjoni jew is-setgħat tal-Kummissjoni li tadotta u temenda atti ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/953. Kwalunkwe referenza għall-atti ta’ implimentazzjoni adottati qabel skont ir-Regolament (UE) 2021/953 għandha tinftiehem bħala referenzi statiċi għall-atti msemmija, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2023. |
(4) |
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ser tistabbilixxi network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali. In-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali huwa mekkaniżmu li jappoġġa l-verifika taċ-ċertifikati li jinħarġu mill-parteċipanti fin-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali. Inizjalment, dawn iċ-ċertifikati ser jikkonċernaw liċ-ċertifikati tal-COVID-19 u jistgħu, fi stadju aktar tard, jinkludu wkoll iċ-ċertifikazzjoni ta’ dokumenti oħra, bħal rekords ta’ immunizzazzjoni ta’ rutina u ċ-Ċertifikat Internazzjonali tat-Tilqim jew Profilassi stipulati fl-Anness 6 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), għall-finijiet tal-ivvjaġġar internazzjonali u l-kontinwità tal-kura. |
(5) |
Jenħtieġ li l-istabbiliment ta’ sistemi biex jittaffa l-impatt tal-kriżijiet tas-saħħa globali fuq l-ivvjaġġar għaċ-ċittadini u n-negozji jitqies bħala pilastru ewlieni tal-aġenda ta’ tħejjija tal-kriżi globali tas-saħħa tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni fin-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO tikkontribwixxi għall-allinjament globali tal-istandards taċ-ċertifikati tas-saħħa u għall-istabbiliment ta’ sistema għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tas-saħħa diġitali għall-ivvjaġġar internazzjonali u l-kontinwità tal-kura. |
(6) |
In-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali li qed jiġi żviluppat mid-WHO jadotta l-qafas ta’ fiduċja, il-prinċipji u t-teknoloġiji miftuħa taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fl-ambitu tal-istruttura tiegħu stess. Il-Kummissjoni beħsiebha tikkoopera mill-qrib mad-WHO bil-ħsieb li tiżgura li n-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali jkun koerenti mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti qabel fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 (2). Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkonnettjaw man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023. Għal tranżizzjoni bla xkiel mis-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għan-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mistiedna joħorġu ċertifikati tal-firem tad-dokumenti ġodda li jintużaw għall-ħruġ taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE qabel l-iskadenza tar-Regolament (UE) 2021/953 biex jiżguraw il-validità teknika massima tagħhom u jirreġistrawhom fil-gateway tal-interoperabbiltà tal-qafas ta’ fiduċja stabbilit skont dak ir-Regolament (il-“Gateway tal-UE”). |
(7) |
Il-Kummissjoni beħsiebha tiżgura tranżizzjoni bla xkiel għall-Istati Membri biex jissieħbu fin-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO, billi żżomm il-Gateway tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2023 b’mod li jappoġġa l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni beħsiebha tiffinanzja l-Gateway tal-UE permezz tal-Programm Ewropa Diġitali stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Dan għandu jagħti biżżejjed żmien lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi konnessi mal-Gateway tal-UE biex jadottaw il-proċeduri meħtieġa biex jissieħbu man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO. |
(8) |
Iċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-Unjoni li jivvjaġġaw barra mill-Unjoni jenħtieġ li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom mezzi biex jagħtu prova tal-istatus tagħhom fir-rigward tal-COVID-19, kull meta dan jintalab speċifikament għall-ivvjaġġar barra mill-Unjoni. Għalhekk, ladarba jkunu konnessi man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mistiedna wkoll joħorġu, fuq talba, ċertifikati kompatibbli mal-format stabbilit min-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO, abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti qabel fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1073, għall-finijiet tal-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar internazzjonali lejn pajjiżi terzi li jirrikjedu tali ċertifikati, b’mod partikolari f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali. Minbarra li jiffaċilita l-ivvjaġġar internazzjonali, dan il-ħruġ ta’ ċertifikati jista’ jikkontribwixxi għall-allinjament globali tal-istandards taċ-ċertifikati tas-saħħa u għall-iżvilupp ta’ sistema għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tas-saħħa diġitali biex tiġi ffaċilitata l-kontinwità tal-kura. |
(9) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri joħorġu tali ċertifikati f’format diġitali jew stampat, jew fit-tnejn li huma. Jenħtieġ li d-detenturi prospettivi jkollhom id-dritt li jirċievu ċ-ċertifikati fil-format tal-għażla tagħhom. Jenħtieġ li l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikati tintwera wkoll f’forma li tinqara mill-bniedem u li tkun ipprovduta, tal-anqas, bil-lingwa jew bil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru emittenti u bl-Ingliż. |
(10) |
Jenħtieġ li l-adozzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE min-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO tippermetti lill-pajjiżi terzi li għad għandhom fis-seħħ rekwiżiti relatati mal-COVID-19 bħala kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorji tagħhom, u li huma konnessi mal-“Gateway tal-UE”, jaċċettaw u jivverifikaw ċertifikati maħruġa kemm qabel kif ukoll ċertifikati maħruġa wara l-1 ta’ Lulju 2023. |
(11) |
Mill-perspettiva tal-vjaġġaturi lejn l-Unjoni, ladarba jkunu konnessi man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO, sabiex jiġi żgurat li t-tħassib dwar is-saħħa pubblika relatat mal-pandemija tal-COVID-19 ikun jista’ jiġi indirizzat b’mod adegwat, l-Istati Membri jingħataw il-parir li jżommu l-kapaċità li jaċċettaw u jivverifikaw iċ-ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi skont in-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO li jkomplu jissodisfaw l-istandards għoljin, li ġew stabbiliti skont ir-Regolament (UE) 2021/953. Meta l-Istati Membri jirrikjedu prova tat-tilqim, tat-testijiet jew tal-irkupru mill-COVID-19 sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni, jenħtieġ li jaċċettaw ċertifikati tal-COVID-19 li jkunu konformi teknikament man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO. |
(12) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Diċembru 2022, dwar it-tilqim bħala waħda mill-aktar għodod effettivi għall-prevenzjoni tal-mard u t-titjib tas-saħħa pubblika, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex “tesplora l-valur miżjud ta’ verżjoni diġitali taċ-ċertifikati tat-tilqim, filwaqt li tqis l-esperjenzi ta’ infrastrutturi diġitali Ewropej u għodod eżistenti oħra, bħaċ-Ċertifikat Internazzjonali tat-Tilqim jew Profilassi”. Żviluppi simili huma ppjanati mid-WHO billi biħsiebha tkompli tiżviluppa n-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tagħha, sabiex, pereżempju, tappoġġa d-diġitalizzazzjoni taċ-Ċertifikat Internazzjonali tat-Tilqim u Profilassi, jew taċ-ċertifikati tat-tilqim għall-immunizzazzjoni ta’ rutina. Għalhekk, l-Istati Membri huma mistiedna jipparteċipaw b’mod attiv fl-isforz biex in-network jiġi żviluppat aktar, kif ukoll joħorġu, jaċċettaw u jivverifikaw tipi oħra ta’ ċertifikati tat-tilqim jew data dwar is-saħħa, skont ma jkun rilevanti. |
(13) |
Matul perjodu tranżitzzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2023, u sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għan-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO, l-Istati Membri li għadhom ma kkonnettjawx man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO huma mħeġġa biex, fuq talba, b’mod partikolari f’każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika ddikjarata ta’ tħassib internazzjonali, joħorġu, f’konformità mad-dritt nazzjonali, ċertifikati COVID-19 tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan fil-format kompatibbli mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti qabel fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1073, dment li bażi legali għall-ħruġ ta’ tali ċertifikati tkun stabbilita fid-dritt nazzjonali tagħhom. Barra minn hekk, matul dan il-perjodu tranżizzjonali, meta l-Istati Membri jirrikjedu prova taċ-ċertifikati COVID-19 sabiex ir-restrizzjonijiet ma jiġux applikati fuq l-ivvjaġġar lejn l-Unjoni, huma mħeġġa jaċċettaw provi tat-tilqim, tal-fejqan jew tal-ittestjar fir-rigward tal-COVID-19 li qabel kienu koperti minn att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 3(10) jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolamenti (UE) 2021/953, f’konformità mal-approċċ stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2548 (4). |
(14) |
Matul l-istess perjodu, l-Istati Membri li għadhom ma kkonnettjawx man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO huma wkoll imħeġġa li jibqgħu konnessi wkoll mal-Gateway tal-UE, sakemm tali gateway ikun qed jinżamm mill-Kummissjoni. Il-parir għal dawk l-Istati Membri li diġà kkonnettjaw man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO huwa li jissinkronizzaw l-informazzjoni li jtellgħu fin-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO mal-Gateway tal-UE. |
(15) |
L-Istati Membri huma mħeġġa jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2023, li huwa l-jum wara l-iskadenza tar-Regolament (UE) 2021/953, sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil possibbli, speċjalment fir-rigward tal-ivvjaġġar internazzjonali lejn pajjiżi terzi li għadhom jeħtieġu ċertifikati tal-COVID. B’mod speċifiku fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikat tal-firem tad-dokumenti ġdid t, l-Istati Membri jistgħu joħorġu tali ċertifikat biss waqt li r-Regolament (UE) 2021/953 ikun għadu fis-seħħ. Għalhekk huma mistiedna jagħtu lil dan iċ-ċertifikat il-validità teknika massima possibbli u jirreġistrawh fil-Gateway tal-UE qabel l-iskadenza tar-Regolament (UE) 2021/953 fit-30 ta’ Ġunju 2023. |
(16) |
Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) japplika għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw f’kull ħin li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar id-data personali u b’mod partikolari li jkun hemm konformità mal-prinċipju tal-legalità stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/679. |
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Konnessjoni man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO
1. |
Il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkoopera mill-qrib mad-WHO fl-iżvilupp tan-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali, li jippermetti lid-WHO tadotta l-qafas ta’ fiduċja, il-prinċipji u t-teknoloġiji miftuħa taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fl-istruttura tagħha stess, abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti qabel fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1073. |
2. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jikkonnettjaw man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali li qed jiġi stabbilit mid-WHO, dment li bażi legali xierqa tkun stabbilita fid-dritt nazzjonali tagħhom, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2023. |
3. |
Kull Stat Membru li jixtieq jingħaqad man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO huwa mħeġġeġ joħroġ ċertifikat tal-firem tad-dokumenti ġdid bil-validità teknika massima possibbli u jirreġistrah fil-Gateway tal-UE qabel l-iskadenza tar-Regolament (UE) 2021/953. |
4. |
Il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiffaċilita tranżizzjoni bla xkiel mis-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għan-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO. Madankollu, huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jikkonnettjawx man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali jekk iridux jagħmlu dan bit-teknoloġija eżistenti jew li jfittxu konnessjoni fi stadju aktar tard. |
Il-ħruġ u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati skont in-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO
5. |
Ladarba jkunu konnessi man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO, l-Istati Membri huma mħeġġa jwettqu, kif xieraq, il-kompiti preskritti mid-WHO b’rabta mat-tħaddim tan-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO bl-aktar mod effiċjenti possibbli, dment li bażi legali xierqa tkun stabbilita fid-dritt tal-Unjoni jew f’dak nazzjonali, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari:
|
L-evoluzzjoni ulterjuri tan-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO
6. |
L-Istati Membri huma mħeġġa jipparteċipaw b’mod attiv fl-isforz biex in-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO jiġi żviluppat aktar, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi dwar l-aġġornar tar-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa, u li jeżaminaw il-benefiċċji, l-isfidi u r-rekwiżiti legali potenzjali taċ-ċertifikati diġitali tad-WHO, inkluż l-esplorazzjoni – inter alia – tal-użu taċ-ċertifikati diġitali għal mard ieħor u l-awtentikazzjoni ta’ data oħra dwar is-saħħa. |
Perjodu tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2023
7. |
Il-Kunsill jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li żżomm il-Gateway tal-UE għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE b’mod li jappoġġa l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjonisal-31 ta’ Diċembru 2023, sabiex jiġu faċilitati l-miżuri li għandhom jittieħdu biex issir konnessjoni man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali li qed jiġi stabbilit mid-WHO, u li tkompli biex dan ikun disponibbli għal pajjiżi u territorji terzi li huma diġà konnessi mal-Gateway tal-UE, dment li -ċ-ċertifikati rilevanti ta’ dawk il-pajjiżi u t-territorji terzi jibqgħu jinħarġu abbażi ta’ standards u sistemi teknoloġiċi li jkunu interoperabbli mal-qafas ta’ fiduċja tal-Gateway tal-UE u li jippermettu l-verifika tal-awtentiċità, il-validità u l-integrità tagħhom.. |
8. |
Sakemm l-Istati Membri jkunu konnessi man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO msemmi fil-punt 1, u matul il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2023, dawn huma mħeġġa li jibqgħu konnessi mal-Gateway tal-UE, sakemm tali gateway ikun qed jinżamm mill-Kummissjoni u dment li bażi legali xierqa tkun stabbilita fid-dritt nazzjonali tagħhom, f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, sabiex:
|
9. |
L-Istati Membri konnessi man-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO mħeġġa wkoll jiżguraw, sal-31 ta’ Diċembru 2023, is-sinkronizzazzjoni tal-informazzjoni li jtellgħu fil-Gateway tal-UE u fin-network globali taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa diġitali tad-WHO. |
Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta’ Ġunju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. ROSWALL
(1) Ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1).
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1073 tat-28 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u regoli għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ fiduċja għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 230, 30.6.2021, p. 32).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1).
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2548 tal-13 ta’ Diċembru 2022 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar lejn l-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 (ĠU L 328, 22.12.2022, p. 146).
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).