Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1680

Deċiżjoni (UE) 2023/1680 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Awwissu 2023 dwar ir-rapportar ta’ pjanijiet ta’ finanzjament ta’ entitajiet taħt superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/19) (riformulazzjoni)

ECB/2023/19

ĠU L 216, 1.9.2023, p. 98–104 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1680/oj

1.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/98


DEĊIŻJONI (UE) 2023/1680 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Awwissu 2023

dwar ir-rapportar ta’ pjanijiet ta’ finanzjament ta’ entitajiet taħt superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/19)

(riformulazzjoni)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nominati nazzjonali (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Bord Superviżorju,

Billi:

(1)

Il-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) dwar definizzjonijiet u mudelli armonizzati għall-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Diċembru 2012 (BERS/2012/2) (ABE/GL/2019/05) (3) (minn hawn ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-ABE tal-2019”) jarmonizzaw il-mudelli u d-definizzjonijiet biex jiffaċilitaw ir-rapportar tal-pjanijiet ta’ finanzjament mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

(2)

Il-Linji Gwida tal-ABE tal-2019 huma indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti, kif iddefiniti fil-punt (2), tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u lil istituzzjonijiet li jirrapportaw pjanijiet ta’ finanzjament lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont il-qafas ta’ implimentazzjoni nazzjonali tar-Rakkomandazzjoni BERS/2012/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5).

(3)

Għall-fini esklussiv tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti fuqu bl-Artikolu 4(1) u 4(2) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE jitqies, kif xieraq, bħala l-awtorità kompetenti jew l-awtorità nominata fl-Istati Membri parteċipanti kif stabbilit mil-liġi tal-Unjoni. Għalhekk, il-BĊE huwa fost id-destinatarji tal-Linji Gwida tal-ABE tal-2019.

(4)

Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), kemm il-BĊE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) huma soġġetti għal obbligu li jiskambjaw l-informazzjoni. Mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-BĊE li jirċievi direttament informazzjoni rrapportata minn entitajiet taħt superviżjoni, jew li jkollu aċċess dirett għal dik l-informazzjoni fuq bażi kontinwa, l-ANK għandhom jipprovdu speċifikament lill-BĊE bl-informazzjoni meħtieġa kollha għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(5)

Sabiex jikkonforma mal-Linji Gwida tal-ABE tal-2019, il-BĊE għandu jiżgura li entitajiet taħt superviżjoni jirrapportaw il-pjanijiet ta’ finanzjament tagħhom skont il-mudelli u d-definizzjonijiet armonizzati msemmija fil-mudell tal-pjan ta’ finanzjament marbut tal-Linji Gwida tal-ABE tal-2019. Għal dan l-għan, id-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/21) (6) tistabbilixxi proċeduri armonizzati għas-sottomissjoni ta’ dawk il-pjanijiet ta’ finanzjament lill-BĊE kif ukoll dettalji dwar iż-żmien tas-sottomissjoni tal-informazzjoni u l-kontrolli tal-kwalità mwettqa mill-ANK qabel is-sottomissjoni tal-informazzjoni lill-BĊE.

(6)

Għall-eżerċizzju tal-kompiti tal-BĊE fir-rigward tar-rapportar superviżorju, id-Deċiżjoni BĊE/2014/29 tal-Bank Ċentrali Ewropew (7) tispeċifika l-mod li bih l-ANK jissottomettu lill-BĊE ċerta informazzjoni li jirċievu minn entitajiet taħt superviżjoni u ż-żmien ta’ tali sottomissjoni.

(7)

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/29 titħassar u tiġi ssostitwita bid-Deċiżjoni (UE) 2023/1681 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/18) (8). Huwa għalhekk meħtieġ li s-sottomissjoni lill-BĊE mill-ANK tal-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi allinjata mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE) 2023/1681 (BĊE/2023/18).

(8)

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 (BĊE/2017/21) ġiet emendata b’mod sostanzjali (9). Billi jridu jsiru emendi ulterjuri, dik id-Deċiżjoni għandha tkun riformulata fl-interessi taċ-ċarezza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK) biex jipprovdu l-pjanijiet ta’ finanzjament ta’ ċerti entitajiet sinifikanti u inqas sinifikanti taħt superviżjoni lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), u tistabbilixxi proċeduri li jikkonċernaw is-sottomissjoni ta’ tali pjanijiet ta’ finanzjament lill-BĊE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

Artikolu 3

Rekwiżiti għal rapportar ta’ pjanijiet ta’ finanzjament

1.   L-ANK għandhom jipprovdu lill-BĊE l-pjanijiet ta’ finanzjament li huma konformi mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) dwar definizzjonijiet u mudelli armonizzati għall-pjanijiet ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Diċembru 2012 (BERS/2012/2) (ABE/GL/2019/05) (10) (minn hawn ’il quddiem il-‘Linji Gwida tal-ABE tal-2019’) tal-entitajiet taħt superviżjoni stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti rispettivi tagħhom li ġejjin:

(a)

entitajiet taħt superviżjoni sinifikanti fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti fuq bażi ta’ konsolidazzjoni;

(b)

entitajiet taħt superviżjoni sinifikanti taħt superviżjoni li mhumiex parti minn grupp taħt superviżjoni fuq bażi individwali;

(c)

entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti li fir-rigward tagħhom l-ANK rilevanti tiġbor pjanijiet ta’ finanzjament skont il-Linji Gwida tal-ABE tal-2019.

2.   L-ANK li jiġbru l-pjanijiet ta’ finanzjament ta’ entitajiet isinifikanti taħt superviżjoni li ma hemmx riferiment għalihom fil-paragrafu 1, punti (a) u (b), għandhom jipprovdu dawn il-pjanijiet ta’ finanzjament lill-BĊE jekk jikkonformaw mal-Linji Gwida tal-ABE tal-2019.

3.   Il-pjanijiet ta’ finanzjament għandhom jiġu sottomessi lill-BĊE skont l-istruzzjonijiet u l-mudelli armonizzati msemmija fil-Linji Gwida tal-ABE tal-2019. Il-pjanijiet ta’ finanzjament għandu jkollhom data ta’ referenza tar-rapportar tal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel.

Meta l-liġi nazzjonali tippermetti lill-entitajiet taħt superviżjoni biex jirrapportaw l-informazzjoni finanzjarja tagħhom abbażi tal-kontabilità tagħhom ta’ tmiem is-sena, li tiddevja minn tmiem is-sena kalendarja, l-aħħar tmiem tas-sena ta’ kontabilità disponibbli titqies bħala d-data ta’ referenza tar-rapportar.

Artikolu 4

Dati ta’ rimessa

1.   L-ANK rilevanti għandhom, malli jirċievu l-pjanijiet ta’ finanzjament tal-entitajiet taħt superviżjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punti (a) u (b), u l-Artikolu 3(2), f’konformità mad-data ta’ rimessa tal-15 ta’ Marzu speċifikata fil-Linji Gwida tal-ABE 2019 u wara li jwettqu l-kontrolli tad-data inizjali msemmija fl-Artikolu 7, jipprovdu lill-BĊE b’tali pjanijiet mingħajr dewmien żejjed.

2.   Il-pjanijiet ta’ finanzjament tal-entitajiet taħt superviżjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (c), li huma inklużi fil-lista tal-Ikbar Istituzzjonijiet fl-Istat Membru kif ippubblikata mill-ABE bis-saħħa tal-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni tal-ABE tas-27 ta’ Lulju 2021 dwar ir-rapportar superviżorju mill-awtoritajiet kompetenti lill-ABE (ABE/DC/404) (11) għandhom jiġu pprovduti mill-ANK rilevanti lill-BĊE sa mhux iktar tard min-12:00 Ħin tal-Ewropa Ċentrali (CET) fl-10 jum tax-xogħol wara l-15 ta’ Marzu.

3.   Il-pjanijiet ta’ finanzjament ta’ entitajiet taħt superviżjoni mhux imsemmija fil-paragrafu 1 jew 2 għandhom jiġu pprovduti mill-ANK rilevanti lill-BĊE mhux aktar tard min-12:00 CET fil-25 jum tax-xogħol wara l-15 ta’ Marzu.

Artikolu 5

Kwalità tad-data

1.   L-ANK għandhom:

(a)

jimmonitorjaw u jivvalutaw l-kwalità u l-affidabbiltà tal-informazzjoni magħmula disponibbli lill-BĊE skont din id-Deċiżjoni;

(b)

japplikaw ir-regoli ta’ validazzjoni rilevanti żviluppati, miżmuma u ppubblikati mill-ABE;

(c)

japplikaw kontrolli addizzjonali tal-kwalità tad-data definiti mill-BĊE f’kooperazzjoni mal-ANK.

2.   L-ANK għandhom iwettqu l-valutazzjoni tal-kwalità tagħhom tad-data tal-pjanijiet ta’ finanzjament sottomessa lilhom f’konformità ma’ dan li ġej:

(a)

sal-10 jum tax-xogħol wara d-data ta’ rimessa tal-15 ta’ Marzu msemmija fil-Linji Gwida tal-ABE tal-2019 fir-rigward ta’ dan li ġej:

(i)

entitajiet taħt superviżjoni sinifikanti fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti;

(ii)

entitajiet taħt superviżjoni sinifikanti taħt superviżjoni li ma humiex parti minn grupp taħt superviżjoni;

(iii)

entitajiet taħt superviżjoni li huma kklassifikati bħala sinifikanti skont il-kriterju tal-aktar tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu sinifikanti fl-Istat Membru tagħhom u li jirrapportaw fuq bażi konsolidata jew fuq bażi individwali, jekk ma jkunux meħtieġa jirrapportaw fuq bażi konsolidata, u fejn l-ANK jipprovdu tali pjanijiet ta’ finanzjament lill-BĊE skont l-Artikolu 3(2);

(iv)

entitajiet taħt superviżjoni msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (c), li huma inklużi fil-lista tal-Ikbar Istituzzjonijiet fl-Istat Membru kif ippubblikata mill-ABE skont l-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni tal-ABE tas-27 ta’ Lulju 2021 dwar ir-rapportar superviżorju mill-awtoritajiet kompetenti lill-ABE (ABE/DC/404) (12);

(b)

għall-entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni li mhumiex koperti mill-punt (a), sal-25 jum tax-xogħol wara d-data ta’ rimessa tal-15 ta’ Marzu msemmija fil-Linji Gwida tal-ABE tal-2019.

3.   Minbarra l-konformità mar-regoli tal-validazzjoni u l-kontrolli tal-kwalità tad-data msemmija fil-paragrafu 1, l-informazzjoni għandha tiġi sottomessa skont l-istandards minimi li ġejjin għall-eżattezza:

(a)

l-ANK għandhom jipprovdu informazzjoni, jekk applikabbli, dwar l-iżviluppi sottointiżi mill-informazzjoni ppreżentata; u

(b)

l-informazzjoni għandha tkun kompluta, il-lakuni eżistenti għandhom jiġu rikonoxxuti u spjegati lill-BĊE u, jekk applikabbli, dawn il-lakuni għandhom jimtlew mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 6

Informazzjoni kwalitattiva

1.   L-ANK għandhom jissottomettu lill-BĊE mingħajr dewmien żejjed l-ispjegazzjonijiet korrispondenti f’każ li l-kwalità tad-data għal tabella partikolari fit-tassonomija ma tkunx iġġustifikata.

2.   L-ANK għandhom jikkomunikaw dan li ġej lill-BĊE:

(a)

ir-raġunijiet għal kwalunkwe sottomissjoni mill-ġdid minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni; u

(b)

raġunijiet għal kwalunkwe reviżjoni sinifikanti sottomessa minn entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni.

Għall-finijiet tal-punt (b), ‘reviżjoni sinifikanti’ tfisser kwalunkwe reviżjoni ta’ punt tad-data wieħed jew aktar, kemm f’termini ta’ ċifri assoluti rrapportati kif ukoll f’termini ta’ perċentwal ta’ varjazzjonijiet, li jħallu impatt sinifikanti fuq l-analiżi prudenzjali jew finanzjarja li ssir bl-użu ta’ dawn il-punti tad-data fil-livell tal-entità.

Artikolu 7

Format tat-trażmissjoni

1.   L-ANK għandhom jissottomettu l-informazzjoni speċifikata f’din id-Deċiżjoni skont il-Mudell tal-Punti tad-Data rilevanti u t-tassonomija applikabbli eXtensible Business Reporting Language (XBRL), żviluppata, miżmuma u ppubblikata mill-ABE.

2.   F’konformità mal-Artikolu 140(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), malli jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-Linji Gwida tal-ABE tal-2019, l-ANK għandhom iwettqu kontrolli inizjali tad-data biex jiżguraw li s-sottomissjonijiet jikkostitwixxu rapport XBRL validu skont il-paragrafu 1.

3.   L-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jiġu identifikati fit-trażmissjoni korrispondenti bl-użu ta’ Legal Entity Identifier.

Artikolu 8

Revoka

1.   Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 (BĊE/2017/21) hija rrevokata.

2.   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lid-destinatarji.

Artikolu 10

Destinatarji

Din id-Deciżjoni hija indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri partecipanti.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Awwissu 2023.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)   ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(3)  Jinsab fis-sit web tal-ABE fi www.eba.europa.eu

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(5)  Rakkomandazzjoni BERS/2012/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Rskju Sistemiku tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-finanzjament ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU C 119, 25.4.2013, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2017 dwar ir-rapportar ta' pjanijiet ta' finanzjament ta' istituzzjonijiet ta' kreditu minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/21) (ĠU L 172, 5.7.2017, p. 32).

(7)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/29 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Lulju 2014 dwar l-għoti lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ dejta superviżorja rrapporata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni (ĠU L 214, 19.7.2014, p. 34).

(8)  Id-Deċiżjoni (UE) 2023/1681 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Awwissu 2023 dwar il-forniment lill-Bank Ċentrali Ewropew ta’ data superviżorja rrapportata lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mill-entitajiet taħt superviżjoni (BĊE/2023/18) (ara l-paġna 105 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Ara l-Anness I.

(10)  Jinsab fis-sit web tal-ABE fi www.eba.europa.eu

(11)  Jinsab fis-sit web tal-ABE fi www.eba.europa.eu

(12)  Jinsab fis-sit web tal-ABE fi www.eba.europa.eu


ANNESS I

Deċiżjoni rrevokata bl-emenda tagħha

Deċiżjoni (UE) 2017/1198 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-27 ta’ Ġunju 2017 dwar ir-rapportar ta’ pjanijiet ta’ finanzjament ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/21) (ĠU L 172, 5.7.2017, p. 32).

Deċiżjoni (UE) 2021/432 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta’ Marzu 2021 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2017/1198 dwar ir-rapportar ta’ pjanijiet ta’ finanzjament ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2021/7) (ĠU L 86, 12.3.2021, p. 14).


ANNESS II

Tabella ta’ korrelazzjoni

Deċiżjoni (UE) 2017/1198

Din id-Deċiżjoni

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(2), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 6(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a) u 6(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(3)

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 8a

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10


Top