Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1599

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1599 tat-3 ta’ Awwissu 2023 dwar Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea

ST/11744/2023/INIT

ĠU L 196, 4.8.2023, pp. 25–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/12/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/1599/oj

4.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/1599

tat-3 ta’ Awwissu 2023

dwar Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-23 ta’ Jannar 2023, il-Kunsill kellu skambju ta’ fehmiet dwar is-Saħel u l-pajjiżi kostali tal-Afrika tal-Punent, u kkonferma li dak ir-reġjun għadu prijorità għall-Unjoni minkejja s-sitwazzjoni politika u ta’ sigurtà li sejra għall-agħar. Il-Kunsill qabel li jiżviluppa Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi sabiex joffri lill-istati kostali tal-Golf tal-Guinea impenn konkret u taħriġ u appoġġ immirati. Il-Kunsill fakkar li l-Unjoni ser tistazzjona wkoll Konsulenti Militari fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni biex jiggwidaw dan l-isforz.

(2)

Fid-29 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal sħubija għas-sigurtà u d-difiża possibbli mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea (il-“Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi”). Il-kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi huwa bbażat fuq approċċ integrat għal sħubija għas-sigurtà u d-difiża ma’ dawk il-pajjiżi, inkluż l-istabbiliment ta’ Missjoni taħt il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) (il- “Missjoni”), ikkomplementat bl-istazzjonament ta’ Konsulenti Militari fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni, flimkien ma’ miżuri ta’ assistenza skont il-Faċilità Ewropea għall-Paċi għall-forniment ta’ tagħmir militari u f’sinerġija ma’ proġetti marbuta mas-sigurtà. Il-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi jirrakkomanda li l-Missjoni tingħata l-isem ta’ “Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea”.

(3)

Permezz ta’ ittra datata s-6 ta’ Lulju 2023, il-President tar-Repubblika ta’ Benin stieden lill-Unjoni biex tibgħat il-Missjoni fit-territorju tiegħu.

(4)

Permezz ta’ ittra datata l-10 ta’ Lulju 2023, il-President tar-Repubblika tal-Ghana stieden lill-Unjoni biex tibgħat il-Missjoni fit-territorju tiegħu.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-Missjoni tiġi stabbilita fil-Benin u fil-Ghana. Għandu jkun possibbli li l-Kunsill jiddeċiedi aktar tard li jespandi l-Missjoni għal pajjiżi oħra tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea li jinsabu fil-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi, fuq stedina tagħhom.

(6)

Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà jenħtieġ li jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, kontroll politiku fuq il-Missjoni, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

(7)

Il-Missjoni jenħtieġ li jkollha pilastru ċivili, taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku ta’ Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, u pilastru militari, taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku ta’ Kmandant Militari. Jenħtieġ li ċ-Ċellola Konġunta ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ, kopreseduta mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kmandant Militari, tiżgura l-koerenza fil-linja tal-kmand.

(8)

Il-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija jenħtieġ li tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-pilastru ċivili tal-Missjoni. Għall-fini tal-Missjoni, din jenħtieġ li tissaħħaħ b’ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ.

(9)

Il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija jenħtieġ li tkun l-istruttura statika ta’ kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari, u tkun responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-pilastru militari tal-Missjoni. Għall-fini tal-Missjoni, din jenħtieġ li tissaħħaħ b’ċellola militari ta’ kmand u appoġġ.

(10)

Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ jenħtieġ li jeżerċita l-istess funzjonijiet fir-rigward tal-pilastru ċivili tal-Missjoni bħala l-Kap tal-Missjoni f’missjoni ċivili tal-PSDK. Il-kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ jenħtieġ li jeżerċita l-istess funzjonijiet fir-rigward tal-pilastru militari tal-Missjoni bħala l-Kap tal-Missjoni f’missjoni militari tal-PSDK.

(11)

Huwa neċessarju li jiġu negozjati u konklużi ftehimiet internazzjonali dwar l-istatus tal-unitajiet u tal-persunal immexxija mill-Unjoni u l-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi fil-Missjoni.

(12)

Skont l-Artikolu 41(2) TUE, jenħtieġ li n-nefqa operazzjonali li tirriżulta mill-pilastru ċivili tal-Missjoni titħallas mill-baġit tal-Unjoni, filwaqt li n-nefqa operazzjonali li tirriżulta mill-pilastru militari jenħtieġ li tiġġarrab mill-Istati Membri f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1).

(13)

Il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif jinsabu fl-Artikolu 21 TUE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Taqsima I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   L-Unjoni għandha twettaq Missjoni taħt il-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) bl-objettiv strateġiku li tassisti lill-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea li fihom tiġi stabbilita dik il-Missjoni biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet adegwati fil-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom biex irażżnu l-pressjoni eżerċitata minn gruppi terroristiċi armati u jirrispondu għaliha.

2.   Il-Missjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tissemma l-“Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża b’appoġġ għall-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea” (l-“Inizjattiva”).

3.   L-Inizjattiva hija b’dan stabbilita fil-Benin u Ghana.

4.   Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-Inizjattiva għandha tiġi stabbilita wkoll f’pajjiżi oħra tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea li jinsabu fil-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal sħubija ta’ sigurtà u difiża possibbli mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent tal-Golf tal-Guinea, approvata mill-Kunsill fid-29 ta’ Ġunju 2023, fuq stedina minn dawk il-pajjiżi.

Artikolu 2

Mandat

1.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv strateġiku stabbilit fl-Artikolu 1(1), fir-rigward tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3), l-Inizjattiva għandha:

(a)

tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-reżiljenza f’żoni vulnerabbli fir-reġjuni tagħhom tat-tramuntana permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom;

(b)

tipprovdi taħriġ operazzjonali ta’ qabel l-iskjerament tal-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom;

(c)

tappoġġa t-tisħiħ f’oqsma tekniċi tal-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom;

(d)

tippromwovi l-istat ta’ dritt u l-governanza tajba fis-setturi tas-sigurtà tagħhom, waqt li tiffoka fuq il-forzi tas-sigurtà u tad-difiża tagħhom, u tappoġġa t-tisħiħ tal-fiduċja bejn is-soċjetà ċivili u l-forzi tas-sigurtà u tad-difiża.

2.   Id-dritt umanitarju internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-aġendi skont ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, il-UNSCR 2250 (2015) dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u l-UNSCR 1612 (2005) dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati għandhom jiġu integrati bis-sħiħ u b’mod proattiv fl-ippjanar, l-attivitajiet u r-rappurtar strateġiċi u operazzjonali tal-Inizjattiva.

3.   F’approċċ flessibbli u modulari, u skont kif ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kompiti tagħha, l-Inizjattiva għandha b’mod partikolari tistazzjona timijiet mobbli ta’ taħriġ, esperti mistiedna u timijiet ta’ rispons f’każ ta’ kriżi fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3). L-Inizjattiva għandha timplimenta proġetti ċivili u militari f’dawk il-pajjiżi bil-għan li jinkiseb l-objettiv strateġiku tagħha stabbilit fl-Artikolu 1(1) u jitwettqu l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

4.   L-Inizjattiva għandha tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ assistenza skont il-Faċilità Ewropea għall-Paċi li jistgħu jiġu deċiżi mill-Kunsill b’appoġġ għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3).

Artikolu 3

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Inizjattiva. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dik l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħa li jemenda d-dokumenti tal-ippjanar, fosthom il-Pjan Operattiv għall-pilastru ċivili tal-Inizjattiva u l-Pjan tal-Missjoni għall-pilastru militari tal-Inizjattiva, u l-linja tal-kmand. Għandha tinkludi wkoll is-setgħa li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-kapijiet tal-kmand ċivili u militari u taċ-ċelloli tal-appoġġ. Is-setgħa tat-teħid ta’ deċiżjoni rigward l-objettivi u t-terminazzjoni tal-Inizjattiva għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari, rapporti mill-president tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward l-attivitajiet tal-pilastru militari tal-Inizjattiva. Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili dwar l-attivitajiet tal-pilastru ċivili tal-Inizjattiva. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u lill-Kmandant Militari għal-laqgħat tiegħu, skont kif ikun meħtieġ.

Artikolu 4

Linja ta’ kmand u struttura

1.   L-Inizjattiva għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

2.   L-Inizjattiva għandu jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha fi Brussell.

3.   L-Inizjattiva għandu jkollha pilastru ċivili taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili (il-“pilastru ċivili”) u pilastru militari taħt il-kmand u l-kontroll strateġiku tal-Kmandant Militari (il-“pilastru ċivili”).

4.   Iċ-Ċellola Konġunta ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ, kopreseduta mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kmandant Militari, għandha tiżgura l-koerenza fil-linja tal-kmand.

Taqsima II

Pilastru ċivili

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur Maniġerjali tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-pilastru ċivili.

2.   Is-CPCC għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija tal-pilastru ċivili.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-pilastru ċivili fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, inkluż bil-ħruġ ta’ struzzjonijiet fil-livell strateġiku lill-persunal tal-pilastru ċivili kif ikun meħtieġ u billi jagħtih pariri u appoġġ tekniku.

5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-Rappreżentant Għoli.

6.   Il-persunal kollu ssekondat lill-pilastru ċivili għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), kif xieraq. L-awtorità nazzjonali, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, kif xieraq, għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal is-sekondat tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

7.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament għall-persunal tal-pilastru ċivili.

8.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ

1.   Is-CPCC għandha tissaħħaħ għall-fini tal-Inizjattiva permezz ta’ ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ.

2.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jassumi r-responsabbiltà għall-pilastru ċivili u għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tagħha, fil-livell operazzjonali. Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jkun responsabbli direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

3.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jkun ir-rappreżentant tal-pilastru ċivili fil-qasam ta’ responsabbiltà tiegħu.

4.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika għall-pilastru ċivili, inkluż ir-responsabbiltà għall-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pilastru ċivili. Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta’ persunal u dawk finanzjarji lil membri tal-persunal tal-pilastru ċivili, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tal-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ.

5.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal tal-pilastru ċivili. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinari għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah f’konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, jew mis-SEAE kif xieraq.

6.   Il-kap taċ-ċellola ċivili ta’ kmand u appoġġ għandu jiżgura l-viżibbiltà xierqa tal-pilastru ċivili.

Artikolu 7

Persunal

1.   Il-pilastru ċivili għandu jikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mis-SEAE. Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe membru tal-persunal issekondat minnhom, inkluż l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra l-allowances applikabbli ta’ kuljum.

2.   L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, kif xieraq, għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe lment relatat mal-issekondar tal-membri tal-persunal tagħhom issekondati lill-pilastru ċivili tal-Inizjattiva, jew dwarhom, u biex jieħdu kwalunkwe azzjoni kontra tali persuni.

3.   Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu rreklutati fuq bażi kuntrattwali mill-pilastru ċivili jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jingħataw minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali.

4.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali fil-pilastru ċivili għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-pilastru ċivili u l-membru tal-persunal ikkonċernat.

Artikolu 8

Sigurtà

1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta’ sigurtà għall-pilastru ċivili u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom mill-Inizjattiva f’konformità mal-Artikolu 5.

2.   Il-kap taċ-ċellola ċivili tal-kmand u appoġġ għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-pilastru ċivili u biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-Inizjattiva, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali skont it-Titolu V TUE, u mal-istrumenti ta’ sostenn tiegħu.

3.   Il-persunal tal-pilastru ċivili għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f’konformità mal-Pjan Operattiv. Għandu wkoll jingħata taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post tal-operazzjonijiet organizzat mill-Uffiċjal tas-Sigurtà.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).

Artikolu 9

Arranġamenti legali

Il-pilastru ċivili għandu jkollu l-kapaċità li jakkwista servizzi u provvisti, li jidħol f’kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li jimpjega persunal, li jkollu kontijiet bankarji, li jakkwista u jiddisponi minn assi u jħallas l-obbligazzjonijiet tiegħu, u li jkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-pilastru ċivili għas-sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun EUR 1 075 000. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

2.   In-nefqa kollha għall-pilastru ċivili għandha tiġi amministrata f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist mill-pilastru ċivili għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta’ oriġini għall-prodotti mixtrija mill-pilastru ċivili. Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, il-pilastru ċivili jista’ jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3), Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħra, fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-pilastru ċivili.

3.   Il-pilastru ċivili għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu. Għal dak il-għan, il-pilastru ċivili għandu jiffirma ftehim mal-Kummissjoni. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja ta’ kmand prevista fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-Inizjattiva.

4.   Il-pilastru ċivili għandu jirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u jkun issorveljat minnha fir-rigward tal-attivitajiet finanzjarji mwettqa fil-qafas tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3.

5.   In-nefqa marbuta mal-pilastru ċivili għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Ċellola ta’ proġetti ċivili

1.   Il-pilastru ċivili għandu jkollu ċellola ta’ proġetti ċivili għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ċivili b’appoġġ għall-kompiti tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

2.   Iċ-ċellola ta’ proġetti ċivili għandha, skont il-ħtieġa, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’oqsma marbutin mal-pilastru ċivili u b’appoġġ għall-objettivi tagħha.

3.   Soġġett għall-paragrafu 5, il-pilastru ċivili għandu jkun awtorizzat jirrikorri għal kontributi finanzjarji mill-Istati Membri jew minn Stati terzi sabiex jimplimenta proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b’mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-Inizjattiva, jekk il-proġett ikun:

(a)

previst fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma’ din id-Deċiżjoni; jew

(b)

integrat matul il-mandat tal-Inizjattiva permezz ta’ emenda għal dik id-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.   Il-pilastru ċivili għandu jidħol f’arranġament mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati msemmija fil-paragrafu 3, li jkopri b’mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta’ kwalunkwe ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata minħabba atti jew ommissjoni mill-pilastru ċivili fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

5.   Taħt l-ebda ċirkostanza l-Istati msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhom iżommu lill-Unjoni jew lir-Rappreżentant Għoli responsabbli ta’ atti jew ommissjonijiet mill-pilastru ċivili fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.

6.   Il-KPS għandu jaqbel dwar li jiġi aċċettat kontribut finanzjarju minn Stati terzi għaċ-ċellola ta’ proġetti ċivili.

Taqsima III

Pilastru militari

Artikolu 12

Kmandant Militari

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jkun il-Kmandant Militari għall-pilastru militari.

2.   L-MPCC għandha tkun l-istruttura statika ta’ kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari barra miż-żona tal-operazzjonijiet u għandha tkun responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali tal-pilastru militari.

3.   Il-Kmandant Militari, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-pilastru militari fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kmandant Militari għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet tal-pilastru militari, inkluż billi joħroġ struzzjonijiet lill-persunal tiegħu.

5.   Il-Kmandant Militari għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-Rappreżentant Għoli.

6.   Il-persunal kollu ssekondat lill-pilastru militari għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-SEAE, kif xieraq. L-awtorità nazzjonali, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, kif xieraq, għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali tal-persunal is-sekondat tagħhom lill-Kmandant Militari.

7.   Il-Kmandant Militari għandu jkollu r-responsabbiltà ġenerali li jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat kif xieraq għall-persunal fil-pilastru militari.

Artikolu 13

Kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ

1.   Għall-fini tal-Inizjattiva, l-MPCC għandha tissaħħaħ b’ċellola militari ta’ kmand u appoġġ.

2.   Il-kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ għandu jassumi r-responsabbiltà għall-pilastru militari u għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tiegħu, fil-livell operazzjonali.

3.   Il-kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ għandu jaqa’ direttament taħt il-Kmandant Militari u għandu jaġixxi f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-Kmandant Militari.

Artikolu 14

Direzzjoni militari

1.   L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti mill-pilastru militari, immexxija taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant Militari.

2.   L-EUMC għandu jirċievi, fuq bażi regolari, rapporti mill-Kmandant Militari. L-EUMC jista’ jistieden lill-Kmandant Militari u lill-kap taċ-ċellola militari ta’ kmand u appoġġ għal-laqgħat tiegħu, kif xieraq.

3.   Il-president tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt mal-Kmandant Militari.

Artikolu 15

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ispejjeż komuni tal-pilastru militari għandhom jiġu amministrati f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

2.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-pilastru militari għall-perjodu ta’ sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ EUR 179 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 30 % għall-impenji u 15 % għall-ħlasijiet. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perjodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

Artikolu 16

Ċellola ta’ proġetti militari

1.   Il-pilastru militari għandu jkollu ċellola ta’ proġetti militari għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti b’implikazzjonijiet militari b’appoġġ għall-kompiti tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 2(1).

2.   Iċ-ċellola ta’ proġetti militari għandha, skont il-ħtieġa, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom f’oqsma marbutin mal-pilastru militari u b’appoġġ għall-objettivi tagħha.

3.   Soġġett għall-paragrafu 5, il-Kmandant Militari għandu jkun awtorizzat li jirrikorri għal kontributi finanzjarji mill-Istati Membri jew minn Stati terzi biex jimplimenta proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b’mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-pilastru militari.

4.   Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi tista’ tiġġestixxi l-kontributi finanzjarji msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 30 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

5.   Taħt l-ebda ċirkostanza l-Istati msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhom iżommu lill-Unjoni jew lir-Rappreżentant Għoli responsabbli għal atti jew ommissjonijiet mill-pilastru militari fl-użu tal-fondi minn dawk l-Istati.

6.   Il-KPS għandu jaqbel dwar li jiġi aċċettat kontribut finanzjarju minn Stati terzi għaċ-ċellola ta’ proġetti ċivili.

Taqsima IV

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 17

Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u tal-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali, inkluż il-programmi għall-iżvilupp tal-Unjoni u l-programmi ta’ assistenza umanitarja tagħha.

2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, il-Kmandant Militari u l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

3.   Il-kapijiet tal--kmand ċivili u militari u taċ-ċelloli tal-appoġġ għandhom, mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, jirċievu gwida politika lokali mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3).

4.   Il-persunal stazzjonat f’delegazzjoni tal-Unjoni għal pajjiż msemmi fl-Artikolu 1(3) għandu, mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, jirċievi gwida politika lokali mill-kap ta’ dik id-delegazzjoni.

5.   L-Inizjattiva għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha mal-attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3) u, kif xieraq, ma’ sħab u organizzazzjonijiet reġjonali tal-istess fehma, b’mod partikolari l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punentu l-Inizjattiva Accra.

Artikolu 18

Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, u f’konformità mal-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jieħdu sehem fl-Inizjattiva.

2.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi biex joffru kontributi u biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar li jiġu aċċettati l-kontributi proposti, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant Militari u l-EUMC, jew tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, rispettivament.

3.   L-arranġamenti dettaljati fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’missjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Inizjattiva.

4.   Stati terzi li jagħmlu kontributi għall-pilastru ċivili jew kontributi militari sinifikanti għall-pilastru militari għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-Inizjattiva bħall-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-Inizjattiva.

5.   Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-istabbiliment ta’ kumitat ta’ kontributuri ċivili jew militari, jekk Stati terzi jagħmlu kontributi għall-pilastru ċivili jew kontributi militari sinifikanti għall-pilastru militari.

Artikolu 19

Status tal-Inizjattiva u l-persunal tagħha

L-istatus tal-Inizjattiva u l-persunal tagħha, inkluż il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom, għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ kull wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 1(3) skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE.

Artikolu 20

Rilaxx ta’ informazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lil Stati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif xieraq u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-Inizjattiva, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-Inizjattiva, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE:

(a)

sal-livell previst mill-ftehimiet applikabbli dwar is-sigurtà tal-informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat terz ikkonċernat; jew

(b)

sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f’każijiet oħra.

2.   Fil-każ ta’ ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat ukoll li jirrilaxxa lill-pajjiż rilevanti msemmi fl-Artikolu 1(3) kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hija ġġenerata għall-finijiet tal-Inizjattiva, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għal dak il-għan għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-Rappreżentant Għoli u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak il-pajjiż.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva u kopert mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).

4.   Ir-Rappreżentant Għoli jista’ jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2, lill-persunal tas-SEAE, lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili jew lill-Kmandant Militari.

Artikolu 21

Ippjanar u tnedija tal-Inizjattiva

Id-Deċiżjoni li titnieda l-Inizjattiva għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan Operattiv għall-pilastru ċivili u tal-Pjan tal-Missjoni, inkluż ir-Regoli tal-Ingaġġ, għall-pilastru militari.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ sentejn mit-tnedija tal-Inizjattiva skont l-Artikolu 21.

3.   Din id-Deċiżjoni għandha titħassar f’konformità mal-pjanijiet approvati għat-tmiem tal-Inizjattiva, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jirrigwardaw l-awditjar u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-pilastru militari, stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta’ Dicembru 2009/937/UE li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


Top