EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1060

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1060 tat-30 ta’ Mejju 2023 dwar standard armonizzat għall-metodi ta’ ttestjar u għar-rekwiżiti biex jintwera li t-tappijiet u l-għotjien tal-plastik jibqgħu mwaħħla mal-kontenituri tax-xorb abbozzat b’appoġġ għad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/3395

ĠU L 142, 1.6.2023, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1060/oj

1.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 142/34


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1060

tat-30 ta’ Mejju 2023

dwar standard armonizzat għall-metodi ta’ ttestjar u għar-rekwiżiti biex jintwera li t-tappijiet u l-għotjien tal-plastik jibqgħu mwaħħla mal-kontenituri tax-xorb abbozzat b’appoġġ għad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss imsemija fl-Artikolu 6(1) ta’ dik id-Direttiva li huma konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti bħala konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(1) ta’ dik id-Direttiva koperti minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020) 7244 (3), il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) biex jabbozza standard armonizzat ġdid rigward ċerti kontenituri tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss li jesgħu sa tliet litri u li jkollhom tappijiet u għotjien magħmula mill-plastik, b’appoġġ għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2019/904.

(3)

Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 7244, is-CEN abbozza l-istandard armonizzat il-ġdid EN 17665:2022+A1:2023.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk dak l-istandard abbozzat mis-CEN jikkonformax mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2020) 7244.

(5)

L-istandard armonizzat EN 17665:2022+A1:2023 jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/904. Għalhekk, ir-referenzi ta’ dak l-istandard jixraq li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza għall-istandard armonizzat “EN 17665:2022+A1:2023, Imballaġġ – Metodi ta’ ttestjar u rekwiżiti biex jintwera li t-tappijiet u l-għotjien tal-plastik jibqgħu mwaħħla mal-kontenituri tax-xorb” abbozzat b’appoġġ għad-Direttiva (UE) 2019/904 hija b’dan ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2020) 7244 tas-27 ta’ Ottubru 2020 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fir-rigward ta’ ċerti kontenituri tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss li jesgħu sa tliet litri u li għandhom tappijiet u għotjien magħmula mill-plastik b’appoġġ għad-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.


Top