This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D0983
Council Decision (EU) 2023/983 of 15 May 2023 on the position to be adopted on behalf of the European Union within the Group of Experts of the European Agreement concerning the work of crews of vehicles engaged in international road transport (AETR), within the Working Party on Road Transport of the United Nations Economic Commission for Europe and, if relevant, in relation to a communication by the United Nations Secretary-General pursuant to Article 21(1) of the AETR, as regards an amendment to introduce a ‘force majeure’ clause
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/983 tal-15 ta’ Mejju 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti tal-Ftehim Ewropew dwar il-ħidma ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq (AETR), fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u, jekk rilevanti, fir-rigward ta’ komunikazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti skont l-Artikolu 21(1) tal-AETR, fir-rigward ta’ emenda għall-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ “force majeure”
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/983 tal-15 ta’ Mejju 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti tal-Ftehim Ewropew dwar il-ħidma ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq (AETR), fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u, jekk rilevanti, fir-rigward ta’ komunikazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti skont l-Artikolu 21(1) tal-AETR, fir-rigward ta’ emenda għall-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ “force majeure”
ST/8096/2023/INIT
ĠU L 134, 22.5.2023, p. 41–43
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
22.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 134/41 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/983
tal-15 ta’ Mejju 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti tal-Ftehim Ewropew dwar il-ħidma ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq (AETR), fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u, jekk rilevanti, fir-rigward ta’ komunikazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti skont l-Artikolu 21(1) tal-AETR, fir-rigward ta’ emenda għall-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ “force majeure”
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim Ewropew dwar il-ħidma ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq (AETR) (1) daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Jannar 1976. Dan ġie emendat l-aħħar fl-20 ta’ Settembru 2010. |
(2) |
Skont l-Artikolu 21 tal-AETR, proposti ta’ emendi għall-Ftehim jistgħu jiġu ppreżentati minn kwalunkwe Parti Kontraenti lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Qabel ma jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-proposti l-ewwel jiġu diskussi fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq (‘SC.1’) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE). |
(3) |
In-NU/KEE stabbilixxiet Grupp ta’ Esperti fil-qafas tal-AETR. Dak il-grupp huwa korp li għandu s-setgħa li jiżviluppa u jissottometti proposti biex jiġi emendat l-AETR lill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tan-NU/KEE. |
(4) |
Il-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR, matul it-32 sessjoni ppjanata tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2023, għandu jiddiskuti proposta mir-Repubblika tal-Belarussja u l-Federazzjoni Russa biex jiġi emendat l-Artikolu 4 tal-AETR billi tiġi introdotta klawżola ta’ “force majeure”, kif stabbilit f’ECE/TRANS/SC.1/GE.21/2023/2/REV 1. |
(5) |
Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR, u possibbilment fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tan-NU/KEE, peress li l-emenda għall-AETR li huma ser jiġu mitluba jikkunsidraw u japprovaw tkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(6) tal-AETR u tkun kapaċi tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 (2) u (UE) Nru 165/2014 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. |
(6) |
Fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Marzu 1971, fil-Kawża 22/70 (4), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-qasam tal-ħidma ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. Minn dak iż-żmien, din il-kompetenza ġiet eżerċitata f’ħafna atti leġiżlattivi adottati mill-koleġiżlaturi tal-Unjoni, inkluż ir-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014. Peress li s-suġġett tal-AETR jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, is-setgħa li jiġi nnegozjat u konkluż l-AETR u l-modifiki tiegħu hija esklużivament tal-Unjoni skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
(7) |
L-emenda proposta għandha l-għan li ssolvi problema prattika tar-Repubblika tal-Belarussja u tal-Federazzjoni Russa li x’aktarx hija r-riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, li fiha ir-Repubblika tal-Belarussja għandha rwol ta’ kompliċi, u li wasslet għall-applikazzjoni mill-Unjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Federazzjoni Russa u r-Repubblika tal-Belarussja. Dawk il-miżuri restrittivi rriżultaw, fost konsegwenzi oħra, fis-sospensjoni minn ċerti kumpanniji stabbiliti fl-UE, inkluż kumpanniji li normalment jipprovdu kards u ċipep diġitali tat-takografu lill-awtoritajiet emittenti tal-kards tal-Federazzjoni Russa u tal-Belarussja, tal-operazzjonijiet tagħhom f’dawk iż-żewġ pajjiżi u magħhom. B’riżultat ta’ dan dak iż-żewġ Partijiet Kontraenti jiddikjaraw li jinsabu f’pożizzjoni fejn huwa diffiċli jew impossibbli li jwasslu kards tat-takografu lis-sewwieqa f’dawk il-pajjiżi, li għalhekk ma jistgħux jikkonformaw mal-AETR meta jkunu involuti f’operazzjonijiet internazzjonali tat-trasport bit-triq li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. L-emenda proposta tippermetti li Parti Kontraenti tinnotifika b’mod unilaterali li ma tistax tibqa’ tissodisfa wieħed mir-rekwiżiti ewlenin tal-AETR, jiġifieri l-użu ta’ tagħmir ta’ reġistrazzjoni armonizzat għal vetturi involuti fit-trasport internazzjonali (it-takografu diġitali), għal raġunijiet ta’ “force majeure” li ma jkunux soġġetti għal xi tip ta’ validazzjoni jew valutazzjoni. |
(8) |
Wara dikjarazzjoni ta’ “force majeure” minn Parti Kontraenti, l- emenda prevista tippermetti li l-użu ta’ takografi diġitali u ta’ kards diġitali tat-takografu għal vetturi rreġistrati ma jkunx meħtieġ f’dik il-Parti Kontraenti meta tkun involuta f’operazzjonijiet internazzjonali tat-trasport bit-triq. Għalhekk, dan jagħmel l-infurzar tal-konformità tas-sewwieqa mal-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ kif stabbilit band’oħra fl-AETR ferm aktar diffiċli, u joħloq lakuna li x’aktarx tikkomprometti l-iskop kollu tal-AETR. |
(9) |
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tan-NU/KEE jenħtieġ li tkun li ma tappoġġax l-emenda proposta, sabiex jiġi evitat li l-infurzar tar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ stabbiliti fl-AETR jiddgħajjef b’mod sinifikanti, u biex jiġi żgurat l-effett sħiħ tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni. |
(10) |
Ma jistax jiġi eskluż li r-Repubblika tal-Belarussja jew il-Federazzjoni Russa tippreżenta proposta formalment lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skont l-Artikolu 21(1) tal-AETR biex l-AETR jiġi emendat irrispettivament mid-diskussjonijiet fil-korpi tan-NU/KEE. F’dan il-każ, l-Istati Membri jenħtieġ li joġġezzjonaw għal dik il-proposta skont l-Artikolu 21(2), il-punt (a), tal-AETR. |
(11) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Grupp ta’ Esperti tal-AETR u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tan-NU/KEE, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fit-32 sessjoni tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehim Ewropew dwar il-ħidma ta’ ekwipaġġi ta’ vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq (AETR) u, kif rilevanti, fis-sessjoni li jmiss tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), jew fi kwalunkwe sessjoni sussegwenti, għandha tkun li l-emenda proposta għall-AETR kif stabbilita f’ECE/TRANS/SC.1/GE.21/2023/2/REV 1 biex tiġi inkluża klawżola ta’ “force majeure” ma tiġix appoġġata, kif ukoll li ma tiġi appoġġata l-ebda emenda simili fis-sustanza.
2. Il-pożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Grupp ta’ Esperti tal-AETR u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tan-NU/KEE, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 2
Jekk is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jikkomunika lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 21(1) tal-AETR, li kwalunkwe Parti Kontraenti, irrispettivament mid-diskussjonijiet fil-korpi tan-NU/KEE, formalment ipproponiet l-emenda stabbilita f’ECE/TRANS/SC.1/GE.21/2023/2/REV 1 fir-rigward tal-inklużjoni ta’ klawżola ta’ “force majeure” jew kwalunkwe emenda simili fis-sustanza, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Istati Membri f’isem l-Unjoni għandha tkun ta’ oġġezzjoni għall-proposta skont l-Artikolu 21(2), il-punt (a), tal-AETR.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. FORSSMED
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-regolament tal-kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).
(4) ECLI:EU:C:1971:32.