Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0646

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/646 tal-20 ta’ Marzu 2023 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

ST/7030/2023/INIT

ĠU L 80I, 20.3.2023, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/646/oj

20.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 80/7


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/646

tal-20 ta’ Marzu 2023

li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(2)

Fil-25 ta’ Settembru 2022, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna l-użu mifrux u sproporzjonat tal-forza mill-forzi tas-sigurtà Iranjani kontra dimostranti mhux vjolenti, filwaqt li tinnota li dan kien wassal għal imwiet u għadd kbir ta’ persuni midruba. Id-dikjarazzjoni stqarret ukoll li dawk responsabbli għall-qtil ta’ Mahsa Amini jridu jinżammu responsabbli, u appellat lill-awtoritajiet Iranjani biex jiżguraw investigazzjonijiet trasparenti u kredibbli biex jiċċaraw l-għadd ta’ persuni mejta u arrestati, biex jeħilsu lid-dimostranti mhux vjolenti kollha u biex jipprovdu proċess xieraq lid-detenuti kollha. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni enfasizzat li d-deċiżjoni tal-Iran li jirrestrinġi b’mod sever l-aċċess għall-Internet u jimblokka pjattaformi ta’ messaġġi istantanji tikser b’mod sfaċċat il-libertà tal-espressjoni. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni stqarret li l-Unjoni ser tikkunsidra l-għażliet kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-qtil ta’ Mahsa Amini u l-mod kif il-forzi tas-sigurtà Iranjani wieġbu għad-dimostrazzjonijiet li segwew.

(3)

F’dan il-kuntest, u f’konformità mal-impenn tal-Unjoni li tindirizza l-kwistjonijiet kollha ta’ tħassib mal-Iran, fosthom is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ikkonfermat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2022, jenħtieġ li tmien persuni u entità waħda jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2011/235/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK huwa emendat f’konformità mal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51.


ANNESS

Il-persuni u l-entità li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni u entitajiet li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2011/235/PESK:

 

Persuni

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“206.

KHOSROU PANAH Abdol Hossein

عبدالحسین خسرو پناه

magħruf ukoll bħala KHOSROW PANAH Abdul Hossein; KHOSROPANAH Abdolhossein

Data tat-twelid: 21.3.1966

Post tat-twelid: Dezful, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: president u segretarju tas-Supreme Council of Cultural Revolution

Entità assoċjata: Supreme Council of Cultural Revolution

Abdol Hossein Khosrou Panah huwa membru konservattiv tal-kleru u ilu l-president u s-segretarju tas-Supreme Council of Cultural Revolution (il-Kunsill Suprem tar-Revoluzzjoni Kulturali) minn Jannar 2023.

Is-Supreme Council of Cultural Revolution ippromwova diversi proġetti li jdgħajfu l-libertà tal-bniet u n-nisa, filwaqt li stabbilixxa limiti fuq il-ħwejjeġ li jilbsu u l-edukazzjoni tagħhom. Il-liġijiet tiegħu ddiskriminaw ukoll kontra minoranzi, bħall-Baha’i. Huwa mezz ta’ promozzjoni tal-politiki tar-reġim attwali u ta’ opinjonijiet Iżlamisti.

Bħala president u segretarju tas-Supreme Council of Cultural Revolution, Khosrou Panah għaldaqstant huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.3.2023

207.

ALAM-AL HODA Ahmad

احمد علم الهدی

Data tat-twelid: 31.8.1944

Post tat-twelid: Mashhad, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: L-imam ta’ nhar ta’ Ġimgħa ta’ Mashhad u r-rappreżentant tal-provinċja Khorasan Razavi fl-Assembly of Experts

Ahmad Alam-Al Hoda huwa l-imam ta’ nhar ta’ Ġimgħa ta’ Mashhad u r-rappreżentant tal-provinċja Khorasan Razavi fl-Assembly of Experts (l-Assemblea tal-Esperti).

Fid-diskorsi tiegħu u fil-media, huwa jipparteċipa fit-tixrid tal-mibegħda kontra n-nisa, id-dimostranti u l-minoranzi reliġjużi.

Alam-Al Hoda għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.3.2023

208.

RASTINEH Ahmad

احمد راستینه

Data tat-twelid: 1980

Post tat-twelid: province of Bakhtiari, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: Membru tal-Parlament u kelliem għall-kummissjoni kulturali tal-Parlament.

Ahmad Rastineh huwa Membru tal-Parlament Iranjan (Madjles) u l-kelliem tiegħu għall-kummissjoni kulturali. Il-kummissjoni kulturali għandha pożizzjoni superviżorja li tikkontrolla u tissorvelja l-istituzzjonijiet responsabbli mit-“tixrid tal-kultura tal-kastità u l-ħiġab”.

Rastineh jippromwovi verżjoni stretta tal-prinċipji kulturali tar-revoluzzjoni Iżlamika, partikolarment b’rabta man-nisa, u l-ilbies tal-velu/il-ħiġab. Matul il-protesti tal-2022 u l-2023 fl-Iran, appella għal affermazzjoni tal-liġi li timponi l-velu fuq in-nisa Iranjani. Appoġġa wkoll il-kontroll tal-gvern fuq l-Internet u l-qtugħ tal-Internet.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.3.2023

209.

KHAN MOHAMMADI Hodjatoleslam Ali

حجت الاسلام علی خان محمدی

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: kelliem tal-Headquarters for Enjoining Right and Forbidding Evil

Hodjatoleslam Ali Khan Mohammadi huwa l-kelliem tal-Headquarters for Enjoining Right and Forbidding Evil (il-Kwartieri Ġenerali għall-Impożizzjoni tas-Sewwa u l-Projbizzjoni tal-Ħażen), elenkata mill-UE.

Fl-2022 u l-2023, fil-pożizzjoni tiegħu bħala kelliem tal-Kwartieri Ġenerali għall-Impożizzjoni tas-Sewwa u l-Projbizzjoni tal-Ħażen, ikkwalifika n-nuqqas tal-ilbies tal-ħiġab bħala att kriminali u ppromwova verżjoni stretta tal-prinċipji kulturali tar-revoluzzjoni Iżlamika, partikolarment b’rabta man-nisa, u l-ilbies tal-velu/il-ħiġab. Fil-kariga tiegħu, huwa esprima l-appoġġ tiegħu għal-leġittimazzjoni tar-repressjoni tal-attivisti kontra l-ħiġab u kkontribwixxa għaliha, filwaqt li dgħajjef id-drittijiet u l-libertajiet tan-nisa u l-bniet.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.3.2023

210.

AKBARI Mohammad Sadegh

محمد صادق اکبری

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: prim imħallef tal-provinċja ta’ Mazandaran

Mohammad Sadegh Akbari huwa l-prim imħallef tal-provinċja ta’ Mazandaran.

F’din il-kariga, huwa responsabbli għall-għoti ta’ sentenzi ta’ mewt fi proċessi inġusti (bin-nuqqas ta’ avukati, konfessjonijiet furzati) u għat-tortura ta’ persuni misjuba ħatja. Matul il-protesti tal-2022 u l-2023, kien responsabbli għall-għeluq ta’ ħwienet li ma rrispettawx il-liġijiet dwar il-ħiġab u għall-għoti ta’ sentenza ta’ mewt lil dimostrant ta’ 35 sena li kien marid mentalment li allegatament ħaraq il-Koran.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.3.2023

211.

BARATI Morteza

مرتضی براتی

magħruf ukoll bħala BARATI Qazi

Data tat-twelid: 30.11.1962

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: imħallef li jippresiedi l-ewwel fergħa tal-Qrati Rivoluzzjonarji ta’ Isfahan

Morteza Barati huwa l-imħallef li jippresiedi l-ewwel fergħa tal-Qrati Rivoluzzjonarji ta’ Isfahan.

F’Jannar 2023, ta sentenzi ta’ mewt b’tgħalliq lil mill-inqas tliet dimostranti, filwaqt li ċaħħadhom mid-dritt għal proċess ġust.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.3.2023

212.

AL HOSSEINI Musa Asif

موسی آصف الحسینی

magħruf ukoll bħala AL-HOSSEINI Asef

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: kap imħallef tal-ewwel fergħa tal-Qrati Rivoluzzjonarji ta’ Karaj, provinċja ta’ Alborz

Musa Asif Al Hosseini huwa l-kap imħallef tal-ewwel fergħa tal-Qrati Rivoluzzjonarji ta’ Karaj, provinċja ta’ Alborz.

Il-proċessi taħt is-superviżjoni tiegħu saru bil-għaġla, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati u kienu bbażati fuq konfessjonijiet li nkisbu bl-użu ta’ pressjoni u tortura. Matul il-protesti tal-2022 u l-2023, huwa ppresieda l-proċessi ta’ dimostranti u ta għadd ta’ sentenzi ta’ mewt, li tnejn minnhom ġew eżegwiti kontra Mohammed Karami u Mohammed Hosseini.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.3.2023

213.

JALILI Vahid

وحید جلیلی

Data tat-twelid: 1973

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Funzjoni: kap għall-affarijiet kulturali u l-evoluzzjoni tal-politika fl-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB)

Vahid Jalili huwa l-kap għall-affarijiet kulturali u l-evoluzzjoni tal-politika fl-Islamic Republic of Iran Broadcasting (Xandir tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, IRIB), elenkata mill-UE.

Matul il-protesti tal-2022 u l-2023, l-IRIB xandret konfessjonijiet furzati minn ostaġġi barranin. Minħabba l-pożizzjoni għolja tiegħu fl-IRIB, Jalili huwa direttament involut fid-dgħajfien tad-drittijiet tal-bniedem ta’ ostaġġi barranin u t-trattament inuman tagħhom. Huwa responsabbli wkoll għat-tixrid ta’ konfessjonijiet ta’ propaganda li jappoġġaw lir-reġim.

Għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.”

20.3.2023”

 

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“34.

Supreme Council of Cultural Revolution

Individwu assoċjat: KHOSROU PANAH Abdol Hossein (president u segretarju)

Is-Supreme Council of Cultural Revolution (il-Kunsill Suprem tar-Revoluzzjoni Kulturali) huwa korp ta’ politika tar-reġim responsabbli għat-tħejjija u l-formulazzjoni ta’ politiki u pjanijiet strateġiċi fl-oqsma tax-xjenza, l-edukazzjoni, ir-reliġjon u r-riċerka.

Ippromwova diversi proġetti li jdgħajfu l-libertà tal-bniet u n-nisa, filwaqt li stabbilixxa limiti fuq il-ħwejjeġ li jilbsu u l-edukazzjoni tagħhom. Id-deċiżjonijiet tiegħu ddiskriminaw ukoll kontra minoranzi, bħall-Baha’i. Huwa mezz ta’ promozzjoni tal-politiki tar-reġim attwali.

Is-Supreme Council of Cultural Revolution għalhekk huwa responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

20.3.2023”


Top