This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32023D0124
Council Decision (CFSP) 2023/124 of 17 January 2023 in support of the Hague Code of Conduct and ballistic missile non-proliferation in the framework of the implementation of the EU Strategy against Proliferation of Weapons of Mass Destruction
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/124 tas-17 ta’ Jannar 2023 li tappoġġa l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/124 tas-17 ta’ Jannar 2023 li tappoġġa l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva
ST/16045/2022/INIT
ĠU L 16, 18.1.2023, pp. 36–41
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
18.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 16/36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2023/124
tas-17 ta’ Jannar 2023
li tappoġġa l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva. |
|
(2) |
Fis-17 ta' Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK (1), li titlob lill-Unjoni li tikkonvinċi l-akbar għadd possibbli ta' pajjiżi li jissottoskrivu għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja, b'mod speċjali dawk b'kapaċitajiet ta' missili ballistiċi. Dik il-pożizzjoni komuni appellat ukoll għall-iżvilupp ulterjuri u għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Kodiċi, speċjalment il-miżuri tiegħu ta' bini ta' fiduċja, u għall-promozzjoni ta' relazzjoni eqreb bejn il-Kodiċi u s-sistema multilaterali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' nonproliferazzjoni. |
|
(3) |
L-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016 tenfasizza li l-Unjoni ser iżżid il-kontribut tagħha għas-sigurtà kollettiva. |
|
(4) |
Il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża tal-2022 tirreferi għat-theddida persistenti tal-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' twassil tagħhom, u tesprimi l-objettiv tal-Unjoni li jissaħħu azzjonijiet konkreti tal-Unjoni b'appoġġ għall-għanijiet ta' diżarm, nonproliferazzjoni u kontroll tal-armi. |
|
(5) |
Il-Kunsill preċedentement adotta erba' deċiżjonijiet b'appoġġ għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi: id-Deċiżjoni 2008/974/PESK (2); id-Deċiżjoni 2012/423/PESK (3); id-Deċiżjoni 2014/913/PESK (4); u d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2370 (5), kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2020/1066 (6) u (PESK) 2021/2074 (7), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa l-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u t-tisħiħ tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja permezz ta' azzjoni operazzjonali.
2. L-objettivi tal-azzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu:
|
(a) |
il-promozzjoni tas-sottoskrizzjoni universali għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja; |
|
(b) |
il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja mill-istati aderenti; u |
|
(c) |
il-kontribut biex jiġi integrat aħjar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja fl-isforzi biex titrażżan il-proliferazzjoni ta' missili ballistiċi. |
3. Fl-Anness tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli ("RGħ") għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mill-Fondation pour la recherche stratégique (FRS).
3. L-FRS għandha twettaq il-kompitu msemmi fil-paragrafu 2 taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti neċessarji mal-FRS.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-azzjoni imsemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 1 042 614,72.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak l-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' għotja mal-FRS. Il-ftehim ta' għotja għandu jistipula li l-FRS għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, adatta għad-daqs tagħha.
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim msemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.
Artikolu 4
1. Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mill-FRS. Ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi tal-evalwazzjoni li ssir mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-azzjoni msemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perjodu.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
E. SVANTESSON
(1) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK tas-17 ta' Novembru 2003 fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehimiet multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi nukleari għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod tat-trasport tagħhom (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/974/PESK tat-18 ta' Diċembru 2008 b'appoġġ għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 345, 23.12.2008, p. 91).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/423/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 b'appoġġ għan-nonproliferazzjoni ta' missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva u tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 74).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/913/PESK tal-15 ta' Diċembru 2014 b'appoġġ għall-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 360, 17.12.2014, p. 44).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2370 tat-18 ta' Diċembru 2017 li tappoġġa l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 337, 19.12.2017, p. 28).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1066 tal-20 ta' Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2370 li tappoġġa l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 234I, 21.7.2020, p. 1).
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2074 tal-25 ta' Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2370 li tappoġġa l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja u n-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 421, 26.11.2021, p. 70).
ANNESS
DOKUMENT TA' PROĠETT
AZZJONI B'APPOĠĠ GĦALL-KODIĊI TA' KONDOTTA TAL-AJA U N-NONPROLIFERAZZJONI TAL-MISSILI BALLISTIĊI FIL-QAFAS TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA TAL-UE KONTRA L-PROLIFERAZZJONI TAL-ARMI TA' QERDA MASSIVA (HCOC V)
HR(2022) 287
1. SFOND U LOĠIKA
Il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi (il-"Kodiċi" jew l-"HCoC") ġie miftiehem fl-2002 biex titrażżan il-proliferazzjoni ta' missili ballistiċi li kapaċi jwasslu Armi ta' Qerda Massiva (WMDs). Il-Kodiċi fih ukoll miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja biex jitnaqqsu r-riskji ta' kalkolu żbaljat li jirriżultaw mit-testijiet tat-titjiriet ta' missili ballistiċi u l-illanċjar minn vetturi lanċaturi tas-satelliti paċifiċi.
Għoxrin sena wara l-adozzjoni tiegħu, il-Kodiċi huwa aktar rilevanti minn qatt qabel, peress li t-teknoloġiji ballistiċi għadhom qed jiġu żviluppati f'ħafna reġjuni tad-dinja u peress li t-tensjonijiet bejn il-pajjiżi li għandhom dawn it-teknoloġiji jagħmlu kwalunkwe mekkaniżmu ta' trasparenza u komunikazzjoni essenzjali biex tiġi evitata l-eskalazzjoni. Filwaqt li l-Kodiċi bħalissa għandu 143 stat membru, huma meħtieġa aktar sforzi fid-dawl tal-universalizzazzjoni sħiħa tal-Kodiċi. L-UE tikkontribwixxi bi sforzi essenzjali ta' outreach biex tippromwovi l-universalizzazzjoni tal-Kodiċi kif ukoll l-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tiegħu fir-reġim usa' ta' nonproliferazzjoni.
2. OBJETTIV ĠENERALI
L-objettiv ġenerali ta' din l-azzjoni huwa li tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-fiduċja u t-trasparenza u għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva billi tippromwovi l-universalizzazzjoni, l-implimentazzjoni sħiħa u t-tisħiħ tal-Kodiċi. Din l-Azzjoni ser tikkomplementa u tappoġġa l-impenn diplomatiku tal-Unjoni mal-Istati firmatarji u l-Istati mhux firmatarji għall-Kodiċi.
3. OBJETTIVI SPEĊIFIĊI
L-objettivi speċifiċi tal-azzjoni huma:
|
a. |
li tippromwovi l-adeżjoni għall-Kodiċi fid-dawl tal-universalità tiegħu, inkluż billi tippromwovi d-djalogu fost l-Istati aderenti u dawk mhux aderenti; |
|
b. |
li tappoġġa l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi mill-Istati firmatarji; |
|
c. |
li tikkontribwixxi biex il-Kodiċi jiddaħħal aħjar fl-isforzi għat-trażżin tal-proliferazzjoni ta' missili ballistiċi. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-Kodiċi u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-riskji u t-theddid li jirriżultaw mill-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi, kif ukoll l-esplorazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' studji, tad-dinamika fil-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi, tal-iżviluppi fl-ispazju u tal-possibbiltajiet għat-tisħiħ tal-Kodiċi u tal-promozzjoni tal-interazzjoni bejn il-Kodiċi u strumenti multilaterali rilevanti oħra. |
4. RIŻULTATI MISTENNIJA
|
a. |
Ir-riżultati relatati mal-universalizzazzjoni tal-Kodiċi ser jikkonsistu f'diversi sforzi ta' outreach. L-avvenimenti ta' outreach ser ikollhom l-għan li jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar il-proliferazzjoni tal-missili ballistiċi u r-rilevanza tal-HCoC fil-qasam spazjali, li jipprovdu pjattaforma għall-esperti biex ikollhom skambju informali dwar kwistjonijiet strateġiċi u b'hekk jgħinu fit-tisħiħ tal-fiduċja fost l-Istati, u li jippromwovu l-objettivi tal-Unjoni tal-universalità tal-Kodiċi. B'mod speċifiku, il-Fondation pour la Recherche Stratégique (FRS) ser torganizza:
|
|
b. |
L-azzjoni ser tiġġenera riżultati li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-Kodiċi u tan-nonproliferazzjoni tal-missili ballistiċi b'mod ġenerali. L-FRS ser tappoġġa b'mod partikolari lill-KĊI fl-identifikazzjoni ta' diffikultajiet possibbli fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi, ser tipprovdi għarfien espert, u ser tikkondividi analiżi u riċerka aġġornati dwar il-proliferazzjoni tal-missili u t-teknoloġija tal-missili.
|
|
c. |
L-azzjoni ser tiġġenera riżultati bl-għan li l-Kodiċi jiddaħħal aħjar fl-isforzi biex titrażżan il-proliferazzjoni tal-missili. Ser isiru sforzi biex jintlaħqu l-ispeċjalisti reġjonali fil-qasam tan-nonproliferazzjoni, biex jiġu sfruttati aħjar in-netwerks soċjali biex titqajjem kuxjenza dwar il-Kodiċi, biex jinbnew netwerks ta' esperti żgħażagħ u biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-Kodiċi fil-qasam tal-ispazju.
|
5. BENEFIĊJARJI FINALI
|
a. |
L-Istati, kemm dawk firmatarji kif ukoll l-Istati mhux firmatarji tal-Kodiċi; |
|
b. |
uffiċjali tal-gvern, dawk li jfasslu l-politika, regolaturi, esperti, speċjalment li jirrappreżentaw ġenerazzjoni aktar żagħżugħa ta' esperti; |
|
c. |
l-organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u subreġjonali; |
|
d. |
l-akkademja u s-soċjetà ċivili, speċjalment dawk li jirrappreżentaw ġenerazzjoni aktar żagħżugħa ta' esperti; |
|
e. |
il-President tal-HCoC; |
|
f. |
il-Kuntatt Ċentrali Immedjat tal-HCoC (Ministeru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak). |
6. POST
L-FRS ser tagħżel, b'konsultazzjoni mas-servizzi rilevanti tas-SEAE, il-postijiet potenzjali għal-laqgħat, il-workshops u avvenimenti oħrajn. Il-kriterji li jintużaw għall-għażla tal-postijiet ser jinkludu r-rieda u l-impenn ta' Stat jew organizzazzjoni intergovernattiva rilevanti f'reġjun partikolari li tospita l-avveniment. Il-postijiet speċifiċi taż-żjarat f'pajjiż jew tal-attivitajiet speċifiċi għall-pajjiż ser jiddependu mill-istediniet mill-Istati jew l-organizzazzjonijiet intergovernattivi interessati. Għalkemm il-valur tal-laqgħat u l-avvenimenti wiċċ imb'wiċċ huwa ta' importanza kbira, ser jiġu organizzati laqgħat virtwali fejn xieraq biex tiġi żgurata l-kosteffiċjenza.
7. DURATA
Id-durata totali stmata tal-azzjoni hija ta' 36 xahar.