Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D0117

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/117 tat-13 ta’ Jannar 2023 dwar ir-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu minn eu-LISA fir-rigward tas-sistema e-CODEX (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2023/197

ĠU L 15, 17.1.2023, p. 17–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/117/oj

17.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/17


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/117

tat-13 ta’ Jannar 2023

dwar ir-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu minn eu-LISA fir-rigward tas-sistema e-CODEX

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-30 ta’ Mejju 2022 dwar sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta’ data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali (is-sistema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Iridu jiġu definiti r-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz għall-attivitajiet li għandhom jitwettqu mill-eu-LISA fir-rigward tas-sistema e-CODEX u speċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa oħra għal dawk l-attivitajiet, inkluż l-għadd ta’ korrispondenti e-CODEX.

(2)

Ir-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz għall-attivitajiet li għandhom jitwettqu minn eu-LISA fir-rigward tas-sistema e-CODEX jenħtieġ li jkopru l-kompiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/850.

(3)

Korrispondent e-CODEX huwa persuna fiżika, maħtura minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni, li tista’ titlob u tirċievi appoġġ tekniku minn eu-LISA fir-rigward tal-komponenti kollha tas-sistema e-CODEX.

(4)

L-għadd ta’ korrispondenti e-CODEX fl-Istati Membri u fil-Kummissjoni jenħtieġ li jiġi ddeterminat b’mod proporzjonat għall-għadd ta’ punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati u għall-għadd ta’ standards proċedurali diġitali li japplikaw.

(5)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/850 u għaldaqstant mhijiex marbuta jew soġġetta għal din id-Deċiżjoni.

(6)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda ma ħaditx sehem fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2022/850 u għaldaqstant mhijiex marbuta jew suġġetta għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(7)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u ta opinjoni fl-24 ta’ Novembru 2022.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2022/850,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz għall-attivitajiet li għandhom jitwettqu minn eu-LISA msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/850 u l-speċifikazzjonijiet tekniċi l-oħra meħtieġa għal dawk l-attivitajiet għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

L-għadd ta’ korrispondenti e-CODEX imsemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2022/850 għandu jkun kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 1.6.2022, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Rekwiżiti tal-livell ta’ servizz tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu minn eu-LISA fir-rigward tas-sistema e-CODEX

1.   INTRODUZZJONI

Dan l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu minn eu-LISA msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2022/850 (1) u l-speċifikazzjonijiet tekniċi l-oħra meħtieġa għal dawk l-attivitajiet, inkluż l-għadd ta’ korrispondenti e-CODEX.

F’dan ir-rigward, l-attivitajiet kollha għandhom l-objettiv li jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi kosteffettivi ta’ kwalità għolja meħtieġa biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema e-CODEX u l-governanza tagħha.

Għal dak l-għan, dan l-Anness jiddefinixxi l-indikaturi li għandhom jintużaw biex titkejjel il-kwalità tas-servizzi pprovduti u l-livelli fil-mira minimi li għandhom jintlaħqu.

Dan l-Anness jispeċifika wkoll l-għadd ta’ korrispondenti e-CODEX li huma intitolati li jitolbu u jirċievu appoġġ tekniku minn eu-LISA.

2.   DEFINIZZJONIJIET

2.1.

Japplikaw id-definizzjonijiet u l-kompożizzjoni tas-sistema e-CODEX stabbiliti fl-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament (UE) 2022/850 u fl-Anness tiegħu.

2.2.

Għall-fini ta’ dan l-Anness, japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“Struttura tal-pakkett e-CODEX appoġġata” tfisser il-kombinazzjoni bejn il-verżjonijiet tal-konnettur u tal-gateway li ġew ittestjati u rrakkomandati minn eu-LISA għall-funzjonament korrett ta’ punt ta’ aċċess;

(b)

“jiem ta’ xogħol” tfisser jiem ta’ xogħol normali għall-Istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi Ewropej, minbarra l-festi pubbliċi, kif stabbilit għal kull sena kalendarja skont l-Artikolu 61 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (2);

(c)

“sigħat tax-xogħol” tfisser sigħat tax-xogħol fil-jiem tax-xogħol bejn id-09:00 u l-17:00 (EET/EEST);

(d)

ITSM” jew “Ġestjoni tas-Servizzi tal-IT” tfisser l-attivitajiet li jitwettqu minn eu-LISA għall-iddisinjar, il-bini, l-għoti, it-tħaddim u l-kontroll s-servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT);

(e)

“Pjan tal-Kontinwità tal-Operat” tfisser il-proċess tal-ħolqien ta’ sistemi ta’ prevenzjoni u rkupru minn theddid potenzjali fuq e-CODEX. Minbarra l-prevenzjoni, l-għan ta’ Pjan tal-Kontinwità tal-Operat huwa li jippermetti operazzjonijiet li jkunu għaddejjin qabel u matul l-eżekuzzjoni ta’ diżastru;

(f)

“proċess tal-ġestjoni tad-domanda” tfisser proċess li għandu l-għan li jiżgura li t-talbiet għal bidla jiġu rreġistrati, ivvalutati u, jekk approvati, ikkonvertiti f’rekwiżiti li għandhom jiġu ttrattati ulterjorment bi proċess ta’ ġestjoni ta’ prodott, programm jew proġett ikkontrollat f’ eu-LISA;

(g)

“proċess tal-ġestjoni tat-tibdil operazzjonali” tfisser proċess li għandu l-għan li jiffaċilita t-twettiq tal-bidliet tekniċi operazzjonali, b’mod ikkontrollat u b’riskji limitati u aċċettabbli, li jimmassimizza l-valur miżjud, u li jnaqqas jew jevita t-tfixkil u x-xogħol mill-ġdid;

(h)

“ħarġa” tfisser raggruppament ta’ bidliet ġodda u/jew aġġornati, li l-ewwel ikun ġew ittestjati u approvati;

(i)

“Proċess tal-ġestjoni tal-ħarġiet” tfisser proċess li għandu l-għan li jipprovdi mod strutturat ta’ kif jitwasslu rilaxxi ġodda, li jkopri d-definizzjoni u l-ftehim dwar il-pjanijiet tal-ħarġiet u tal-skjerament u li jiżgura li kull pakkett ta’ ħarġiet jikkonsisti f’sett ta’ assi u komponenti ta’ servizz relatati li huma kompatibbli ma’ xulxin.

3.   IL-KOMPITI TA’ eu-LISA

3.1.   Il-kompiti ta’ eu-LISA skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2022/850

3.1.1.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/850 (l-iżvilupp, iż-żamma, it-tiswija ta’ bugs u l-aġġornament, inkluż fir-rigward tas-sigurtà, prodotti software u assi oħra u d-distribuzzjoni tagħhom lill-entitajiet li jħaddmu punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati), eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-aspetti kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-iżvilupp tas-software relatati mal-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-komponenti e-CODEX.

eu-LISA għandha żżomm repożitorju fejn l-artifatti tal-komponenti e-CODEX jinħażnu u jkunu disponibbli għall-entitajiet li jħaddmu punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati. Il-komponenti tas-sistema e-CODEX koperti minn Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

3.1.2.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/850 (it-tħejjija, iż-żamma u l-aġġornament tad-dokumentazzjoni relatata mal-komponenti tas-sistema e-CODEX, il-prodotti tas-software ta’ appoġġ tagħha u assi oħra, u d-distribuzzjoni ta’ dik id-dokumentazzjoni lill-entitajiet li jħaddmu punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati), l-outputs tad-dokumentazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-entitajiet li jħaddmu punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati f’repożitorju pprovdut minn eu-LISA. eu-LISA għandha tiddefinixxi proċess xieraq tal-ġestjoni tal-ħarġiet.

3.1.3.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2022/850 (l-iżvilupp, iż-żamma u l-aġġornament ta’ fajl ta’ konfigurazzjoni li jkun fih lista eżawrjenti ta’ punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati, inkluż l-istandards proċedurali diġitali li kull wieħed minn dawk il-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati japplika, u tiddistribwih lill-entitajiet li jħaddmu punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati), minħabba l-kritikalità tas-servizz tal-Fajl ta’ Konfigurazzjoni, eu-LISA għandha tiżviluppa u żżomm l-Għodda tal-Ġestjoni tal-Konfigurazzjoni f’konformità mar-rekwiżiti ta’ disponibbiltà stabbiliti hawn taħt. Din l-għodda hija prodott tas-software li jintuża biex jassisti fit-twettiq tal-kompitu msemmi fl-Artikolu 7(1).

3.1.4.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2022/850 (tagħmel bidliet tekniċi u żżid karatteristiċi ġodda, ippubblikati bħala verżjonijiet ġodda tas-software, fis-sistema e-CODEX sabiex twieġeb għar-rekwiżiti emerġenti, bħal dawk li jirriżultaw mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2), jew fejn mitlub mill-Grupp Konsultattiv e-CODEX), verżjonijiet tas-software ġodda għandhom jieħdu s-sura ta’ ħarġiet. Sabiex twieġeb għar-rekwiżiti operazzjonali u tekniċi emerġenti, eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-evoluzzjoni kontinwa tal-komponenti tas-software li jinkludu s-sistema e-CODEX.

Wara li jqis l-opinjoni tal-Grupp Konsultattiv e-CODEX il-Bord tat-Tmexxija ta’ LISA għandu jadotta l-proċess ta’ ġestjoni tad-domanda tal-eu-LISA u l-proċess ta’ ġestjoni tat-tibdil operazzjonali.

3.1.5.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2022/850 (l-appoġġar u l-koordinament ta’ attivitajiet ta’ ttestjar, inkluż il-konnettività, li jinvolvu l-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati), eu-LISA għandha tipprovdi appoġġ u tikkoordina l-attivitajiet ta’ ttestjar li jinvolvu l-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati. F’dan ir-rigward, eu-LISA għandha tiddefinixxi gwida, pjanijiet ta’ ttestjar, xenarji ta’ ttestjar u każijiet ta’ ttestjar, kif ukoll tipproduċi rapporti ta’ ttestjar/konformità.

3.1.6.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (f) tar-Regolament (UE) 2022/850 (il-forniment ta’ appoġġ tekniku għall-korrispondenti ta’ e-CODEX fir-rigward tas-sistema e-CODEX), eu-LISA għandha tipprovdi appoġġ tekniku lill-korrispondenti e-CODEX fir-rigward tas-sistema e-CODEX. Għal dak l-għan, eu-LISA għandha toffri d-disponibbiltà kontinwa matul il-ħinijiet tax-xogħol biex tipprovdi lill-korrispondenti e-CODEX b’punt uniku ta’ kuntatt għal appoġġ tekniku, inkluż għall-gateway (servizz ta’ “helpdesk”). eu-LISA għandha tieħu azzjoni dwar dawn it-talbiet gateway sa fejn dawn jikkonċernaw il-funzjonament korrett tagħhom mal-konnettur, fi struttura tal-pakkett e-CODEX appoġġata.

L-appoġġ tekniku għandu jingħata f’konformità mal-Manwal tal-Operatur e-CODEX.

Meta tittratta talbiet għal appoġġ tekniku u inċidenti, eu-LISA għandha tipprovdi appoġġ sal-punt tal-kompetenza tagħha u bl-aħjar mod possibbli, sakemm it-talbiet u l-inċidenti ma jkunux esklużivament relatati ma’ ċirkostanzi speċifiċi għall-infrastruttura tal-entitajiet li joperaw punt ta’ aċċess e-CODEX awtorizzat.

3.1.7.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (g) tar-Regolament (UE) 2022/850 (l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, iż-żamma u l-aġġornament tal-istandards proċedurali diġitali u t-tqassim tagħhom lill-entitajiet li jħaddmu punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati), eu-LISA għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp, il-manutenzjoni, l-aġġornament u l-użu ta’ standards proċedurali diġitali adottati skont l-atti ta’ implimentazzjoni jew skont ir-Regolament (UE 2022/850 (l-Artikolu 6(2) tiegħu), skont atti legali oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali, jew dawk imħejjija mill-Grupp Konsultattiv e-CODEX (l-Artikolu 12(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2022/850).

eu-LISA għandha tkun responsabbli mill-organizzazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ standards proċedurali diġitali ġodda u/jew aġġornati billi tqassamhom lill-entitajiet rilevanti li jħaddmu punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati.

3.1.8.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (h) tar-Regolament (UE) 2022/850 (il-pubblikazzjoni fuq is-sit web tagħha ta’ lista tal-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati li ġew innotifikati lilha u l-istandards proċedurali diġitali li kull wieħed minn dawk il-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati japplika), il-lista ta’ punti ta’ aċċess awtorizzati għandha tindika l-isem tal-entitajiet li joperawhom u għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web ta’ eu-LISA li jikkonċerna e-CODEX.

3.1.9.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (i) tar-Regolament (UE) 2022/850 (l-għoti ta’ tweġibiet għal talbiet għal parir tekniku u appoġġ mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tat-tħejjija tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2)), eu-LISA għandha tipprovdi assistenza teknika u għarfien espert lill-Kummissjoni fl-elaborazzjoni ta’ standards proċedurali diġitali ġodda, inkluż, b’mod partikolari, it-tħejjija tal-isfond tekniku u l-evidenza, kif ukoll assistenza matul il-proċedura kollha sal-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni, inkluż il-parteċipazzjoni fil-laqgħat.

3.1.10.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (j) tar-Regolament (UE) 2022/850 (l-evalwazzjoni tal-bżonn, il-valutazzjoni u t-tħejjija ta’ standards proċedurali diġitali ġodda, inkluż bl-organizzazzjoni u l-faċilitazzjoni ta’ workshops mal-korrispondenti e-CODEX), eu-LISA għandha tevalwa l-ħtieġa għal, tivvaluta u tħejji, standards proċedurali diġitali ġodda. Dan il-kompitu huwa fdat, b’mod partikolari lill-Grupp Konsultattiv e-CODEX (l-Artikolu 12(2)(b), tar-Regolament). L-organizzazzjoni u l-iffaċilitar ta’ sessjonijiet ta’ ħidma mal-korrispondenti e-CODEX għandhom jintużaw bħala waħda mill-għodod fl-evalwazzjoni.

3.1.11.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (k) tar-Regolament (UE) 2022/850 (l-iżvilupp, iż-żamma u l-aġġornament tal-Vokabolarju Fundamentali tal-Ġustizzja elettronika tal-UE li fuqu huma bbażati l-istandards proċedurali diġitali), eu-LISA għandha tiżviluppa, iżżomm u taġġorna l-Vokabolarju Fundamentali tal-Ġustizzja elettronika tal-UE li fuqu jiġu bbażati l-istandards proċedurali diġitali. F’dan ir-rigward, il-Vokabolarju Fundamentali tal-Ġustizzja elettronika tal-UE għandu jinżamm fi proċess ta’ ġestjoni tad-domanda u jinħażen bħala parti minn repożitorju pprovdut u ospitat minn eu-LISA.

3.1.12.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (l) tar-Regolament (UE) 2022/850 eu-LISA hija responsabbli għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-istandards operattivi tas-sigurtà, kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2022/850).

3.1.13.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(1), il-punt (m) tar-Regolament (UE) 2022/850 (l-għoti ta’ taħriġ, inkluż lill-partijiet ikkonċernati kollha, dwar l-użu tekniku tas-sistema e-CODEX f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1726 (3), inkluż il-forniment ta’ materjali ta’ taħriġ online), eu-LISA għandha tipprovdi pjan ta’ taħriġ għas-sistema e-CODEX ibbażat fuq l-analiżi tal-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati.

3.2.   Il-kompiti ta’ eu-LISA skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2022/850

3.2.1.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/850 (il-forniment, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-IT tal-hardware u tas-software fis-siti tekniċi tagħha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha), eu-LISA għandha tipprovdi, topera u tmantni l-infrastruttura tal-IT tal-hardware u tas-software kollha meħtieġa fis-siti tekniċi tagħha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti ta’ eu-LISA fir-rigward tas-sistema e-CODEX. eu-LISA għandha taġġorna l-proċeduri rilevanti tagħha, inkluż il-Pjan għall-Kontinwità tal-Operat, biex tinkludi l-komponenti kollha tas-sistema e-CODEX.

3.2.2.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/850 (il-forniment, it-tħaddim u ż-żamma ta’ pjattaforma ċentrali tal-ittestjar, filwaqt li jiġu żgurati l-integrità u d-disponibbiltà tal-bqija tas-sistema e-CODEX), eu-LISA għandha tipprovdi, topera u tmantni l-Pjattaforma Ċentrali tal-Ittestjar (Central Testing Platform, CTP) e-CODEX f’konformità mar-rekwiżiti ta’ disponibbiltà stabbiliti hawn taħt. Kwalunkwe manutenzjoni rigward l-attivitajiet ta’ ttestjar imwettqa fuq is-CTP ma għandhiex taffettwa b’mod negattiv l-integrità u d-disponibbiltà tal-bqija tas-sistema e-CODEX.

3.2.3.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2022/850 (tinforma lill-pubbliku ġenerali dwar is-sistema e-CODEX permezz ta’ sett ta’ kanali ta’ komunikazzjoni fuq skala kbira, inkluż siti web jew pjattaformi tal-midja soċjali), eu-LISA għandha tkun responsabbli biex tinforma lill-pubbliku ġenerali dwar is-sistema e-CODEX u kwalunkwe żvilupp maġġuri. Dan għandu jsir permezz ta’ sett ta’ kanali ta’ komunikazzjoni fuq skala kbira, inklużi siti web u/jew pjattaformi tal-midja soċjali. Skont l-Artikolu 12(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2022/850, fid-definizzjoni u fit-twettiq tal-attivitajiet tagħha f’dan ir-rigward, eu-LISA għandha tqis il-kontribut mill-Grupp Konsultattiv e-CODEX.

3.2.4.

Fir-rigward tal-Artikolu 7(2), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2022/850 eu-LISA hija responsabbli mit-tħejjija, l-aġġornament u d-distribuzzjoni online ta’ informazzjoni mhux teknika relatata mas-sistema e-CODEX u l-attivitajiet imwettqa minnha)

4.   IR-RWOL TA’ eu-LISA FIR-RIGWARD TAL-GATEWAY

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) 2022/850, eu-LISA għandha tagħmel riżorsi disponibbli fuq bażi on-call matul il-ħinijiet tax-xogħol biex tipprovdi lill-korrispondenti e-CODEX b’punt uniku ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku, inkluż għall-gateway.

Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) 2022/850, eu-LISA hija responsabbli mill-komponenti tas-sistema e-CODEX, ħlief għall-gateway, peress li bħalissa hija bbażata fuq element kostitwenti magħruf bħala “eDelivery”, li jinżamm mill-Kummissjoni u pprovdut fuq bażi transsettorjali. eu-LISA għandha tieħu f’idejha r-responsabbiltà sħiħa tal-ġestjoni tal-konnettur u mill-istandards proċedurali diġitali mingħand l-entità li tamministra s-sistema e-CODEX. Peress li l-gateway u l-konnettur huma komponenti integrali tas-sistema e-CODEX, jenħtieġ li eu-LISA tiżgura li l-konnettur huwa kompatibbli mal-aħħar verżjoni tal-gateway.

eu-LISA għandha ssegwi kwistjonijiet tal-gateway sa fejn dan jikkonċerna l-funzjonament korrett tagħhom mal-konnettur, fi struttura tal-pakkett e-CODEX appoġġata.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ struttura tal-pakkett e-CODEX appoġġata li jikkonċernaw il-portal, u li għalihom l-Uffiċċju tas-Servizz ta’ eu-LISA waħdu ma jkunx jista jasal għal riżoluzzjoni, eu-LISA għandha tikkoordina mal-entità responsabbli għall-ġestjoni tal-gateway. Dan il-proċess għandu jkun trasparenti għall-korrispondenti e-CODEX.

Filwaqt li eu-LISA għandha teżerċita approċċ tal- “aħjar sforz” għar-riżoluzzjoni tagħhom, dan fl-aħħar mill-aħħar jista’ jiddependi fuq l-assistenza tal-atturi responsabbli mill-gateway. Għalhekk, il-miri tar-rekwiżit tal-livell ta’ servizz ma għandhomx japplikaw f’każijiet fejn eu-LISA jista’ jkollha bżonn assistenza mill-atturi responsabbli mill-portal.

 

Utenti tal-implimentazzjoni tal-eDelivery tal-Kummissjoni

Utenti ta’ implimentazzjoni minbarra l-implimentazzjoni tal-eDelivery

Speċifikazzjonijiet tal-API

Inkluż

Inkluż

implimentazzjoni u konfigurazzjoni

Inkluż

Mhux inkluż

Ċertifikati

Inkluż

Inkluż

Appoġġ għall-ittestjar tal-konnettività

Inkluż

Inkluż

Appoġġ għall-ittestjar tal-integrazzjoni

Inkluż

Inkluż

Individwazzjoni ta’ soluzzjoni

Inkluż

Mhux inkluż

5.   RAPPURTAR LILL-GRUPP KONSULTATTIV

Sabiex il-Grupp Konsultattiv ikun jista’ jimmonitorja l-konformità ta’ eu-LISA mar-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2022/850, eu-LISA għandha taġġorna regolament lill-Grupp Konsultattiv e-CODEX dwar l-attivitajiet kollha tal-ġestjoni operazzjonali li jsiru fir-rigward tas-sistema e-CODEX. B’mod partikolari, eu-LISA għandha jkollha komunikazzjoni regolari mal-Grupp Konsultattiv e-CODEX:

(a)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni;

(b)

skedi u artifatti tal-ippjanar tal-implimentazzjoni ta’ talbiet għal tibdil u ħarġiet ġodda tas-software.

Il-grupp Konsultattiv e-CODEX għandu jistabbilixxi l-istruttura, il-kontenut u l-parametri eżatti ta’ dan ir-rappurtar, kif ukoll il-modalitajiet u l-frekwenza eżatti tiegħu.

6.   IL-MANWAL TAL-OPERATUR e-CODEX

L-eu-LISA għandha tipprovdi l-Manwal tal-Operatur e-CODEX, li għandu jkun id-dokument ta’ referenza għall-ġestjoni operattiva tas-sistemi għall-korrispondenti e-CODEX u s-service desk ta’ eu-LISA. Għandu jiddeskrivi l-interazzjonijiet kollha possibbli fir-rigward tal-Ġestjoni tas-Servizzi tal-IT.

Il-Manwal tal-Operatur e-CODEX għandu jinkludi informazzjoni essenzjali (need-to-know) li se tingħata mill-Uffiċċju tas-Servizz ta’ eu-LISA lill-korrispondenti kollha fl-aħħar verżjoni approvata tiegħu. Il-korrispondenti jistgħu jikkondividu l-Manwal tal-Operatur e-CODEX biss jekk ikunu awtorizzati jagħmlu dan.

Il-manwal tal-Operatur e-CODEX għandu jinkludi b’mod partikolari:

(a)

Approċċ ta’ komunikazzjoni u kanali ta’ komunikazzjoni;

(b)

Rekwiżiti tal-Istruttura Operazzjonali b’Servizzi definiti u Miri tal-Livell ta’ Servizz;

(c)

Proċedura ta’ Ġestjoni/Eskalazzjoni tal-Inċidenti inklużi l-Klassifikazzjoni u l-Prijoritizzazzjoni;

(d)

Ġestjoni tat-Twettiq tat-Talbiet u Proċeduri ta’ assistenza teknika;

(e)

Ġestjoni tal-Manutenzjoni;

(f)

Kwalunkwe Anness applikabbli.

Il-manwal tal-Operatur e-CODEX għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija ta’ eu-LISA, wara li titqies l-opinjoni tal-Grupp Konsultattiv e-CODEX.

7.   KORRISPONDENTI TAL-e-CODEX

Skont l-Artikolu 6(5) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2022/850, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, rispettivament, għandhom jaħtru għadd ta’ korrispondenti e-CODEX b’mod proporzjonat għall-għadd ta’ punti ta’ aċċess e-CODEX li jkunu awtorizzaw u għall-għadd ta’ standards proċedurali diġitali applikati mill-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati. Huma għandhom jinnotifikaw lista tal-korrispondenti e-CODEX u kwalunkwe bidla fiha lil eu-LISA.

Kull punt ta’ aċċess e-CODEX awtorizzat għandu jkun assenjat mill-anqas żewġ korrispondenti e-CODEX. Aktar minn żewġ korrispondenti jistgħu jiġu assenjati lil punt ta’ aċċess e-CODEX awtorizzat, filwaqt li jitqies l-għadd ta’ standards proċedurali diġitali li japplika.

L-għadd totali ta’ korrispondenti e-CODEX u l-kriterji oġġettivi li jippermettu li jiġu assenjati aktar minn żewġ korrispondenti għal punt ta’ aċċess e-CODEX awtorizzat għandhom jiġu definiti u rieżaminati kull sena, f’paragun mar-rekwiżiti tal-punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati u b’kunsiderazzjoni tar-riżorsi disponibbli ta’ eu-LISA, mill-Bord tat-Tmexxija ta’ eu-LISA fuq proposta magħmula mill-Bord tat-Tmexxija tal-Programm e-CODEX.

Fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-konformità tal-eu-LISA mar-rekwiżiti tal-livell ta’ servizz skont l-Artikolu 12(2), il-punt (d) tar-Regolament (UE) 2022/850, il-grupp Konsultattiv e-CODEX għandu jimmonitorja l-ħtieġa li l-għadd totali ta’ korrispondenti e-CODEX jinbidel.

8.   SERVIZZI U LIVELLI FIL-MIRA

8.1.   Prinċipji

Ir-responsabbiltà għall-istabbiliment u t-tħaddim sigur ta’ punt ta’ aċċess e-CODEX awtorizzat hija tal-entitajiet li jħaddmu punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati. F’dan il-kuntest, il-korrispondenti e-CODEX għandhom jipprovdu appoġġ inizjali lill-utenti fir-rigward tal-iskjerament ta’ punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati fir-responsabbiltà tagħhom.

eu-LISA għandha tipprovdi appoġġ tekniku lill-korrispondenti e-CODEX fir-rigward tal-għoti ta’ rispons u riżoluzzjoni kif definit fil-Manwal tal-Operatur e-CODEX.

eu-LISA għandha tistabbilixxi Service Desk li għandha tikkostitwixxi l-punt uniku ta’ dħul għall-appoġġ tekniku. Il-korrispondenti e-CODEX għandhom jiftħu l-każi f’konformità mal-Manwal tal-Operatur e-CODEX, li għandu jiġi analizzat mill-eu-LISA hekk kif jinfetħu. Inizjalment il-korrispondent e-CODEX għandu jidentifika u jikkategorizza l-każi skont il-gwida mill-Manwal tal-Operatur. Bil-qbil tal-korrispondent e-CODEX rilevanti, eu-LISA tista’ tirrikklassifika l-każi.

Il-bidliet se jiġu ttrattati skont il-proċess tal-ġestjoni tad-domanda. eu-LISA għandha tikkondividihom regolarment, f’forma kompluta u sintetika, mal-entitajiet li jħaddmu punti ta’ aċċess e-CODEX awtorizzati u l-Grupp Konsultattiv e-CODEX.

Is-Service desk ta’ eu-LISA għandu jkun disponibbli matul il-ħinijiet tax-xogħol.

8.2.   Komponenti tal-Ġestjoni tas-Servizz tal-IT:

(a)

Software tal-konnetturi;

(b)

Pjattaforma Ċentrali tal-Ittestjar;

(c)

Għodda ta’ Ġestjoni tal-Konfigurazzjoni;

(d)

Repożitorju e-CODEX;

(e)

Standards Proċedurali Diġitali.

Għal dawk il-komponenti, il-Manwal tal-Operatur se jispeċifika s-servizzi relatati u l-miri tal-livell ta’ servizz li jenħtieġ li jintlaħqu fil-qafas tal-ġestjoni u d-disponibbiltà tar-riżoluzzjoni tal-inċidenti.

8.3.   Disponibbiltà

Id-disponibbiltà tal-komponenti e-CODEX tiġi kkalkulata matul il-perjodu ta’ rapportar li se jiġi definit fil-Manwal tal-Operatur e-CODEX. Il-perjodi ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ppjanati mhux se jitqiesu fil-kalkolu tad-disponibbiltà.

Komponent

Disponibbiltà

Repożitorju

95  %

CMT

98  %

PNK

90  %

Għodda ITSM

95  %


(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar sistema kompjuterizzata għall-iskambju elettroniku transfruntier ta’ data fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali (is-sistema e-CODEX), u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1726 (ĠU L 150, 1.6.2022, p. 1).

(2)   ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).


Top