Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2472

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/2472 tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/9131

    ĠU L 327, 21.12.2022, p. 1–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 13/12/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2472/oj

    21.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 327/1


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2472

    tal-14 ta’ Diċembru 2022

    li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta’ Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1), u b’mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1) tiegħu,

    Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2015/1588,

    Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

    Billi:

    (1)

    Il-finanzjament mill-Istat li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jeħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madankollu, skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jiddetermina l-kategoriji ta’ għajnuna li huma eżentati minn dak ir-rekwiżit tan-notifika. F’konformità mal-Artikolu 108(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti marbuta ma’ dawk il-kategoriji ta’ għajnuna. Ir-Regolament (UE) 2015/1588 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tiddikjara, f’konformità mal-Artikolu 109 tat-Trattat, li ċerti kategoriji ta’ għajnuna jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 (2) li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li japplika sal-31 ta’ Diċembru 2022.

    (2)

    L-Artikolu 42 tat-Trattat jipprevedi li r-regoli dwar il-kompetizzjoni japplikaw għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli biss sa fejn jista’ jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-Artikolu 211 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw għal għajnuna għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, soġġetti għal derogi speċifiċi. L-Artikolu 211(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprovdi li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma japplikawx għal pagamenti li jsiru mill-Istati Membri għal miżuri previsti f’dak ir-Regolament li huma parzjalment jew kompletament iffinanzjati mill-Unjoni u għal miżuri inklużi fl-Artikoli 213 sa 218 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma japplikawx għal pagamenti magħmula mill-Istati Membri f’konformità ma’ dak ir-Regolament u lanqas għal finanzjament nazzjonali addizzjonali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat. Pagamenti bħal dawn maħsuba sabiex jipprovdu finanzjament nazzjonali addizzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat, għandhom jikkonformaw mal-kriterji tar-Regolament (UE) 2021/2115 sabiex jiġu approvati mill-Kummissjoni bħala parti mill-Pjan Strateġiku PAK ta’ Stat Membru partikolari. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw kemm għall-parti kofinanzjata taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) kif ukoll għall-finanzjament nazzjonali addizzjonali għal miżuri li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat.

    (3)

    Minħabba li l-effetti ekonomiċi tal-għajnuna ma jinbidlux skont jekk din hijiex parzjalment iffinanzjata mill-Unjoni jew le, jew jekk hijiex iffinanzjata minn Stat Membru waħdu, jenħtieġ li jkun hemm konsistenza u koerenza bejn il-politika ta’ kontroll ta’ għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni, u l-appoġġ li jingħata skont il-politika komuni ta’ żvilupp agrikolu u rurali tal-Unjoni stess.

    (4)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġi allinjat ma’ dak tar-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward ta’ miżuri kofinanzjati mill-FAEŻR.

    (5)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti simplifikazzjoni akbar, u jenħtieġ li jżid it-trasparenza, l-evalwazzjoni effettiva u l-kontroll tal-konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni, filwaqt li jippreserva l-kompetenzi istituzzjonali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

    (6)

    F’diversi okkażjonijiet, il-Kummissjoni applikat l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2014 (5). B’hekk kisbet esperjenza konsiderevoli f’dawk l-oqsma dwar miżuri ta’ għajnuna li għadhom soġġetti għall-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw l-għajnuna lill-Kummissjoni. L-esperjenza tal-Kummissjoni ippermettilha tiddefinixxi aħjar il-kundizzjonijiet li taħthom ċerti kategoriji ta’ għajnuna jistgħu jitqiesu kompatibbli mas-suq intern u testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet ta’ kategorija, filwaqt li xorta tiżgura t-trasparenza u l-proporzjonalità tal-għajnuna.

    (7)

    Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġu bbażati fuq sett ta’ prinċipji komuni li jiżguraw li l-għajnuna jkollha effett ċar ta’ inċentiv, tkun xierqa u proporzjonata, tingħata bi trasparenza sħiħa u tkun soġġetta għal mekkaniżmu ta’ kontroll u evalwazzjoni regolari, u ma taffettwax b’mod avvers il-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet tan-negozju.

    (8)

    Jenħtieġ li l-għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, kemm dawk ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi għall-kategoriji rilevanti ta’ għajnuna tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effiċjenti u li tiġi ssimplifikata l-amministrazzjoni, imma mingħajr ma jiddgħajjef il-monitoraġġ tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-għajnuna eżentata (l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali) tkun tinkludi riferiment speċifiku għal dan ir-Regolament.

    (9)

    Għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat li ma hijiex koperta minn dan ir-Regolament tibqa’ soġġetta għar-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Dan ir-Regolament huwa bla preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jinnotifikaw għajnuna li l-objettivi tagħha jikkorrispondu mal-objettivi koperti minn dan ir-Regolament.

    (10)

    Fid-dawl tal-impatt potenzjali akbar ta’ skemi kbar fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni, jenħtieġ li skemi ta’ għajnuna b’baġit li jaqbeż ċertu limitu fi kwalunkwe sena partikolari jew bħala total ibbażati fuq valur assolut fil-prinċipju jkunu soġġetti għal evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Jenħtieġ li l-għan tal-evalwazzjoni jkun li jiġi verifikat jekk ġewx osservati s-suppożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet sottostanti għall-kompatibbiltà tal-iskema, kif ukoll l-effettività tal-miżura ta’ għajnuna fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha u jenħtieġ li tipprovdi indikazzjonijiet dwar l-impatt tal-iskema fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ. Sabiex ikun żgurat trattament ugwali, jenħtieġ li evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat issir abbażi ta’ pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni. Filwaqt li normalment jenħtieġ li tali pjanijiet jitfasslu fil-mument tat-tfassil tal-iskema u jiġu approvati fil-ħin sabiex l-iskema tidħol fis-seħħ, dan jista’ ma jkunx possibbli f’kull każ.

    (11)

    Għalhekk, sabiex ma jkunx hemm dewmien fid-dħul fis-seħħ tagħhom, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal tali skemi għal perjodu inizjali massimu ta’ sitt xhur. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li testendi dan il-perjodu, mal-approvazzjoni tal-pjan ta’ evalwazzjoni.

    (12)

    Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-pjan ta’ evalwazzjoni jiġi notifikat lill-Kummissjoni fi żmien 20 ġurnata tax-xogħol wara d-dħul fis-seħħ tal-iskema. Il-Kummissjoni tista’ wkoll b’mod eċċezzjonali tiddeċiedi li evalwazzjoni mhix neċessarja meta wieħed iqis l-ispeċifiċitajiet tal-każ. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirċievi mingħand l-Istat Membru l-informazzjoni neċessarja biex tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni tal-pjan ta’ evalwazzjoni u titlob informazzjoni addizzjonali mingħajr dewmien żejjed u b’hekk l-Istat Membru jkun jista’ jiffinalizza l-elementi nieqsa biex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni.

    (13)

    Bl-eċċezzjoni ta’ bidliet li ma jaffettwawx il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna skont dan ir-Regolament jew li ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l-kontenut tal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat, l-alternazzjonijiet għal skemi soġġetti għal evalwazzjoni għandhom jiġu vvalutati filwaqt li jitqies l-eżitu ta’ tali evalwazzjoni u jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tibdiliet bħal ma huma modifiki purament formali, modifiki amministrattivi jew tibdiliet imwettqa fi ħdan il-qafas tal-miżuri kofinanzjati tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jkunux ikkunsidrati bħala li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kontenut tal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat.

    (14)

    Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għal għajnuna li hija kkundizzjonata mill-użu ta’ prodotti domestiċi u mhux dawk importati jew għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li ma japplikax għal għajnuna li tiffinanzja l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ network tad-distribuzzjoni fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz. L-għajnuna għall-kost tal-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali jew għal studji jew servizzi ta’ konsultazzjoni meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew li diġà jeżisti f’suq ġdid fi Stat Membru ieħor jew pajjiż terz, normalment jenħtieġ li ma tikkostitwixxix għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni.

    (15)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu ħsieb li l-għajnuna awtorizzata ma taffettwax ħażin il-kundizzjonijiet kummerċjali b’tali mod li tmur kontra l-interess ġenerali. Għalhekk, għajnuna favur benefiċjarju li huwa soġġett għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna partikolari illegali u inkompatibbli mas-suq intern jenħtieġ li tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, huwa importanti li tittieħed azzjoni rapida fil-kuntest ta’ għajnuna ta’ kumpens f’sitwazzjonijiet ta’ riskju u ta’ kriżi, bħal għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew minn pesti tal-pjanti u għajnuna għall-kostijiet tal-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda tal-mard tal-annimali. Għalhekk, jenħtieġ li l-esklużjoni mill-għajnuna ma tapplikax f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Barra minn hekk, minħabba n-natura ta’ tali skemi meta l-benefiċjarji individwali ma jkunux identifikabbli, jenħtieġ li din l-esklużjoni ma tapplikax għall-għajnuna ta’ ammont limitat għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) li jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità (community-led local development, “CLLD”) jew għal proġetti ta’ Gruppi Operazzjonali ta’ Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (European Innovation Partnership, “EIP”)“Produttività u żvilupp sostenibbli tal-agrikoltura”.

    (16)

    Jenħtieġ li l-għajnuna mogħtija lil impriżi f’diffikultà, bħala regola ġenerali, tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, peress li jenħtieġ li din l-għajnuna tiġi vvalutata skont il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tad-ditti f’diffikultà (6). Madankollu, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti eċċezzjonijiet minn din ir-regola. L-ewwel nett, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal impriżi f’diffikultà f’każijiet ta’ għajnuna lil SMEs li jipparteċipaw fi proġetti CLLD jew proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP, jew jibbenefikaw minn tali proġetti, fejn benefiċjarji individwali ta’ skemi bħal dawn bilkemm ikunu jistgħu jiġu identifikati. It-tieni nett, jenħtieġ li dan japplika għal impriżi bħal dawn f’każijiet fejn tkun involuta l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, jiġifieri f’każijiet ta’ għajnuna għall-kostijiet tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali u għall-għajnuna għall-qerda u għat-tneħħija ta’ bhejjem mejta. It-tielet nett, fid-dawl tal-Artikolu 107(2) (b) tat-Trattat, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika wkoll għal impriżi f’diffikultà f’każijiet fejn l-għajnuna titħallas biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali. L-istess jenħtieġ li japplika f’każijiet fejn ir-raġuni għaliex impriża ssib ruħha f’diffikultà tkun dovuta għall-ħsara kkawżata minn avvenimenti barra l-kontroll tal-impriża kkonċernata, jiġifieri eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, minn mard tal-annimali jew minn pesti tal-pjanti, minn annimali protetti, minn nirien fil-foresti, minn avvenimenti katastrofiċi fil-foresti u minn avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima fil-foresti.

    (17)

    Jekk għajnuna mill-Istat jew il-kundizzjonijiet marbuta magħha, inkluż il-metodu ta’ finanzjament tagħha meta tkun tifforma parti integrali minnha, tinvolvi vjolazzjoni indiviżibbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għajnuna ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, dan ir-regolament jenħtieġ li ma japplikax għal għajnuna li tinvolvi ksur indiviżibbli tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    (18)

    L-infurzar tal-għajnuna mill-Istat jiddependi ħafna mill-kooperazzjoni tal-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża l-konformità ta’ għajnuna individwali mogħtija taħt skemi ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

    (19)

    Minħabba r-riskju għoli li jiġu affettwati l-kundizzjonijiet tan-negozju, jenħtieġ li ammonti kbar ta’ għajnuna mogħtija kemm individwalment kif ukoll b’mod kumulattiv jiġu vvalutati mill-Kummissjoni, wara notifika. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti skont l-ammont massimu ta’ għajnuna għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna għall-investiment, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, f’livell li jqis il-kategorija ta’ għajnuna kkonċernata u l-effett probabbli tagħha fuq il-kundizzjonijiet tan-negozju. Jenħtieġ li kwalunkwe għajnuna mogħtija ’il fuq minn dawk il-limiti tibqa’ soġġetta għar-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Il-limiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jiġux evitati permezz tal-qsim artifiċjali tal-iskemi ta’ għajnuna jew tal-proġetti ta’ għajnuna, pereżempju f’diversi skemi ta’ għajnuna jew proġetti b’karatteristiċi, objettivi jew benefiċjarji simili. Kategoriji oħrajn ta’ għajnuna, diment li jiġu osservati l-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà u l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna jew l-ammonti massimi ta’ għajnuna stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li ma jitqisux bħala li għandhom riskju għoli li jaffettwaw il-kundizzjonijiet tan-negozju b’mod negattiv.

    (20)

    Għall-finijiet ta’ trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għal għajnuna li fir-rigward tagħha jkun possibbli li tiġi kkalkolata bi preċiżjoni l-ekwivalenti ta’ għotja gross ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”).

    (21)

    Għal ċerti strumenti speċifiċi ta’ għajnuna, bħal self, garanziji, miżuri fiskali u, b’mod partikolari, self bil-quddiem li jitħallas lura, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiddefinixxi f’liema kundizzjonijiet dawn jistgħu jitqiesu trasparenti. L-għajnuna inkluża f’garanziji jenħtieġ li titqies bħala trasparenti, jekk l-ekwivalenti tal-għotja grossa tkun ġiet ikkalkolata abbażi ta’ primjums fil-limitu ta’ eżenzjoni stabbiliti għat-tip rispettiv ta’ impriża. Jenħtieġ li titqies ukoll bħala trasparenti jekk qabel l-implimentazzjoni tal-miżura, il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna tal-garanzija mill-Istat tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u approvata minnha f’konformità mal-Avviż ta’ Garanziji (7). Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-għajnuna inkluża f’miżuri ta’ finanzjament ta’ riskju u l-injezzjonijiet ta’ kapital ma jitqisux bħala għajnuna trasparenti.

    (22)

    Jenħtieġ li l-għajnuna li normalment taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament iżda li ma hijiex trasparenti dejjem tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li n-notifika ta’ għajnuna mhux trasparenti tiġi vvalutata mill-Kummissjoni b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2023 (8) jew l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti l-oħra.

    (23)

    Sabiex ikun żgurat li l-għajnuna hija meħtieġa u li taġixxi bħala inċentiv sabiex jiġu żviluppati aktar attivitajiet jew proġetti, dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikax għal għajnuna għal attivitajiet jew għal proġetti li fihom il-benefiċjarju xorta waħda jieħu sehem anke jekk ma jingħatax l-għajnuna. Jenħtieġ li ma tingħata l-ebda għajnuna b’mod retroattiv fir-rigward ta’ attivitajiet jew proġetti li diġà twettqu mill-benefiċjarju. Jenħtieġ li l-għajnuna tkun eżentata biss mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat f’konformità ma’ dan ir-Regolament jekk l-attività jew ix-xogħol fuq il-proġett megħjun jinbdew wara li l-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni bil-miktub għall-għajnuna.

    (24)

    Fir-rigward ta’ kull għajnuna ad hoc koperta minn dan ir-Regolament mogħtija lil benefiċjarju li huwa intrapriża kbira, jenħtieġ li l-Istat Membru, minbarra l-kundizzjonijiet dwar l-effett ta’ inċentiv applikabbli għall-SMEs, jiżgura wkoll li l-benefiċjarju jkun analizza, f’dokument intern, il-vijabbiltà tal-proġett jew attività megħjuna kemm bl-għajnuna kif ukoll mingħajrha. Jenħtieġ li l-Istat Membru jivverifika li dan id-dokument intern jikkonferma żieda materjali fl-ambitu tal-proġett jew attività, żieda materjali fl-ammont totali minfuq mill-benefiċjarju fuq il-proġett megħjun jew attività jew żieda materjali fil-ħeffa tat-tlestija tal-proġett jew attività kkonċernat/a. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jiġi stabbilit l-effett ta’ inċentiv abbażi tal-fatt li, fin-nuqqas tal-għajnuna, il-proġett ta’ investiment jew l-attività ma kinux isiru bħala tali fiż-żona rurali kkonċernata.

    (25)

    Jenħtieġ li l-iskemi ta’ għajnuna awtomatiċi fil-forma ta’ vantaġġi fiskali jibqgħu soġġetti għal kundizzjoni speċifika marbuta mal-effett ta’ inċentiv, fid-dawl tal-fatt li l-għajnuna li tirriżulta minn skemi bħal dawn tingħata b’mod awtomatiku. Dik il-kundizzjoni speċifika tfisser li dawk l-iskemi ta’ għajnuna kellhom jiġu adottati qabel ma nbdiet l-attività jew qabel ma nbeda x-xogħol fuq il-proġett/attività megħjuna. Madankollu, din il-kundizzjoni jenħtieġ li ma tapplikax fil-każ ta’ skemi fiskali suċċessivi, sakemm l-attività kienet diġà koperta mill-iskemi fiskali preċedenti fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa. Għall-valutazzjoni tal-effett ta’ inċentiv ta’ skemi ta’ għajnuna suċċessivi, il-mument kruċjali huwa l-mument meta l-miżura fiskali tkun ġiet stabbilita għall-ewwel darba fl-iskema oriġinali.

    (26)

    Fir-rigward żoni ta’ Natura 2000 (9) għall-agrikoltura, l-għan huwa li jiġu żgurati l-prestazzjoni u l-effiċjenza ambjentali tal-impriżi attivi fis-settur agrikolu. Jenħtieġ li l-għajnuna għal kull ettaru tikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati dwar il-protezzjoni ambjentali, l-ilħuq tal-objettivi agroambjentali u klimatiċi, inkluż l-istatus ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità tal-ispeċijiet u tal-ħabitats kif ukoll it-tisħiħ tal-valur tal-amenitajiet pubbliċi taż-żoni Natura 2000.

    (27)

    Fir-rigward ta’ għajnuna għal konsolidazzjoni tal-art, għajnuna għal azzjonijiet ta’ informazzjoni biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għal għadd mhux definit ta’ benefiċjarji fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, il-miżuri ta’ promozzjoni fil-forma ta’ pubblikazzjonijiet immirati lejn is-sensibilizzazzjoni għal prodotti agrikoli fost il-pubbliku usa’, għajnuna għall-għoti ta’ kumpens għal telf ikkawżat minn event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali u event klimatiku avvers ieħor, għajnuna għall-għoti ta’ kumpens għall-kostijiet ta’ prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ mard tal-annimali jew ta’ pesti tal-pjanti u għal telf ikkawżat minn dak il-mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti, għajnuna biex tkopri l-kostijiet tat-tneħħija jew il-qerda ta’ bhejjem mejta, għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti, għajnuna għall-iżvantaġġi relatati ma’ Natura 2000, għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali u għajnuna għall-investimenti favur il-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali fuq azjenda agrikola u fil-foresti, għajnuna għar-restawr tal-ħsara fil-foresti, għajnuna għall-parteċipazzjoni tal-bdiewa fi skemi ta’ kwalità għall-qoton u oġġetti tal-ikel u għajnuna għal impriżi li jipparteċipaw fi proġetti tas-CLLD u proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP jew jibbenefikaw minn tali proġetti, l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv ma għandhiex tkun meħtieġa jew jenħtieġ li tiġi preżunta li tkun diġà teżisti jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’dawk il-kategoriji ta’ għajnuna f’dan ir-Regolament.

    (28)

    Bil-għan li jiġi żgurat li l-għajnuna tkun proporzjonata u limitata għall-ammont meħtieġ, jenħtieġ li l-ammonti massimi tal-għajnuna, kull meta jkun possibbli, jiġu espressi f’termini ta’ intensitajiet ta’ għajnuna fir-rigward ta’ sensiela ta’ kostijiet eliġibbli. Fejn l-intensità massima tal-għajnuna ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, minħabba li l-kostijiet eliġibbli ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew inkella sabiex ikunu pprovduti strumenti aktar sempliċi għal ammonti żgħar, jenħtieġ li l-ammonti massimi ta’ għajnuna definiti f’termini nominali jkunu stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna. Jenħtieġ li l-intensità tal-għajnuna u l-ammonti massimi ta’ għajnuna jiġu ffissati f’livell li jimminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur megħjun filwaqt li jindirizzaw b’mod xieraq l-objettiv ta’ faċilitar tal-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tal-benefiċjarji fis-settur tal-agrikoltura, fiż-żoni rurali, jew fis-settur tal-forestrija. Fl-interessi tal-koerenza mal-interventi tal-iżvilupp rurali ffinanzjati mill-Unjoni, il-limiti massimi jenħtieġ li jiġu armonizzati ma’ dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/2115 sa fejn dan ikun f’konformità mal-prinċipji tal-għajnuna mill-Istat li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3), punt (c) tat-TFUE.

    (29)

    Għall-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna, jenħtieġ li jiġu inklużi biss il-kostijiet eliġibbli. Dan ir-Regolament ma jenħtieġx li jeżenta għajnuna li taqbeż l-intensità tal-għajnuna rilevanti bħala riżultat tal-inklużjoni tal-kostijiet ineliġibbli. L-identifikazzjoni tal-kostijiet eliġibbli jenħtieġ li tkun appoġġata b’evidenza dokumentarja ċara, speċifika u kontemporanja. Il-kalkolu jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-ammonti qabel kwalunkwe tnaqqis tat-taxxa jew ta’ imposti oħra. L-għajnuna pagabbli f’bosta pagamenti parzjali jenħtieġ li tiġi skontata għall-valur tagħha fid-data tal-għoti tal-għajnuna. Il-kostijiet eliġibbli jenħtieġ ukoll li jiġu skontati sal-valur tagħhom fid-data tal-għoti tal-għajnuna. Ir-rata tal-imgħax li trid tintuża għal skopijiet ta’ skontar u għall-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna fil-każ ta’ għajnuna li ma tiħux il-forma ta’ għotja, jenħtieġ li tkun rispettivament ir-rata ta’ skont u r-rata ta’ riferiment applikabbli fid-data tal-għoti tal-għajnuna, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ riferiment u ta’ skont (10). Fejn l-għajnuna tingħata f’forma oħra għajr għotja, jenħtieġ li l-ammont ta’ għajnuna jiġi espress fl-ekwivalenti ta’ għotja gross. Meta l-għajnuna tingħata permezz ta’ vantaġġi tat-taxxa, il-porzjonijiet ta’ għajnuna jenħtieġ li jiġu skontati abbażi tar-rati ta’ skont applikabbli fid-diversi dati meta l-vantaġġi tat-taxxa jsiru effettivi. L-użu ta’ għajnuna fil-forma ta’ self bil-quddiem jenħtieġ li jiġi promoss, peress li dawn l-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju jwasslu għal effett ta’ inċentiv imsaħħaħ tal-għajnuna. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit li meta l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ self bil-quddiem li jitħallas lura, l-intensitajiet tal-għajnuna applikabbli stabbiliti f’dan ir-Regolament jistgħu jiġu miżjuda.

    (30)

    Fil-każ tal-vantaġġi tat-taxxa fuq taxxi futuri, ir-rata ta’ skont applikabbli u l-ammont eżatt tal-porzjonijiet ta’ għajnuna ma jistgħux ikunu magħrufa minn qabel. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu minn qabel limitu massimu fuq il-valur skontat tal-għajnuna li jirrispetta l-intensità tal-għajnuna applikabbli. Sussegwentement, meta jsir magħruf l-ammont tal-porzjon ta’ għajnuna f’data partikolari, l-iskontar jista’ jsir abbażi tar-rata ta’ skont applikabbli f’dak iż-żmien. Il-valur skontat ta’ kull porzjon ta’ għajnuna jenħtieġ li jitnaqqas mill-ammont globali tal-limitu massimu (“l-ammont limitat”).

    (31)

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limiti ta’ notifika individwali u l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna jew l-ammonti massimi ta’ għajnuna stabbiliti f’dan ir-Regolament humiex osservati, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat għall-attività jew il-proġett megħjuna. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jiġu akkumulati kategoriji differenti ta’ għajnuna. Għajnuna eżentata min-notifika b’dan ir-Regolament u kwalunkwe għajnuna oħra kompatibbli eżentata skont Regolamenti oħra jew approvata mill-Kummissjoni tista’ tiġi akkumulata sakemm dawk il-miżuri jikkonċernaw kostijiet eliġibbli identifikabbli differenti. Meta sorsi differenti tal-għajnuna jkunu relatati mal-istess kostijiet eliġibbli identifikabbli – li jikkoinċidu parzjalment jew kompletament – jenħtieġ li tkun permessa akkumulazzjoni sal-ogħla intensità tal-għajnuna jew sal-ogħla ammont tal-għajnuna applikabbli għal dik l-għajnuna skont dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi wkoll regoli speċjali għall-akkumulazzjoni ta’ għajnuna b’kostijiet eliġibbli identifikabbli u mingħajrhom, u għall-kumulazzjoni ma’ għajnuna de minimis. L-għajnuna de minimis ħafna drabi ma tingħatax jew ma tiġix attribwita għal kostijiet eliġibbli identifikabbli speċifiċi. F’każ bħal dan, jenħtieġ li jkun possibbli li l-għajnuna de minimis tiġi akkumulata b’mod ħieles bl-għajnuna mill-Istat eżentata skont dan ir-Regolament. Madankollu, meta, l-għajnuna de minimis tingħata għall-istess kostijiet eliġibbli identifikabbli bħala għajnuna mill-Istat eżentata skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-akkumulazzjoni tkun permessa biss sal-intensità ta’ għajnuna massima kif stabbilita fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

    (32)

    Il-finanzjament tal-Unjoni, immaniġġjat ċentralment mill-istituzzjonijiet, mill-aġenziji, mill-impriżi konġunti jew minn korpi oħra tal-Unjoni, li ma huwiex direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istati Membri, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Fejn finanzjament tal-Unjoni bħal dan huwa kkombinat ma’ għajnuna mill-Istat, din tal-aħħar biss jenħtieġ li titqies sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limiti ta’ notifika u l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna jew l-ammonti massimi ta’ għajnuna humiex osservati, diment li l-ammont totali ta’ fondi pubbliċi mogħtija fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli ma jeċċedix ir-rata l-aktar favorevoli ta’ finanzjament stabbilita fir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

    (33)

    L-għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat hija, bħala prinċipju, ipprojbita. Madankollu, skont l-Artikolu 107(2) u (3) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha, jew tista’ rispettivament, tippermetti taħt ċerti kundizzjonijiet lill-Istati Membri jagħtu għajnuna mill-Istat. Għalhekk huwa importanti li l-partijiet kollha jkunu jistgħu jivverifikaw jekk għajnuna tingħatax f’konformità mar-regoli applikabbli. Għalhekk, it-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat hija essenzjali għall-applikazzjoni korretta tar-regoli tat-Trattat u twassal għal konformità aħjar, akkontabilità akbar, rieżami bejn il-pari u, fl-aħħar mill-aħħar, infiq pubbliku aktar effettiv. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jistabbilixxu siti web komprensivi dwar l-għajnuna mill-Istat, f’livell reġjonali jew nazzjonali, li jagħtu informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta’ għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dak l-obbligu jkun kundizzjoni għall-kompatibbiltà tal-għajnuna individwali mas-suq intern. Skont il-prattika standard dwar il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mogħtija fid-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jenħtieġ li jintuża format standard li jippermetti li l-informazzjoni titfittex, titniżżel u tiġi ppubblikata faċilment fuq l-Internet. Il-links għas-siti web dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Istati Membri kollha jenħtieġ li jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni. F’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/1588, informazzjoni fil-qosor dwar kull miżura ta’ għajnuna eżentata taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

    (34)

    F’dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-għotjiet individwali ta’ għajnuna huwa xieraq li jiġu stabbiliti limiti li, ’il fuq minnhom, dik il-pubblikazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala proporzjonata filwaqt li titqies l-importanza tal-għajnuna. L-esperjenza tal-Kummissjoni turi li għall-perjodu 2014–2019, b’limitu ta’ pubblikazzjoni stabbilit għal EUR 60 000 għall-produzzjoni agrikola primarja, madwar 30 % tal-għajnuniet mogħtija kienu soġġetti għall-pubblikazzjoni. Għalhekk, sabiex tiżdied l-effettività tar-rekwiżiti ta’ trasparenza, u peress li l-ammont medju ta’ għajnuna għall-investiment għall-produzzjoni primarja mogħtija għall-perjodu 2014-2019 huwa stmat għal madwar EUR 17 000, huwa xieraq li l-livell limitu tal-pubblikazzjoni jitbaxxa għal EUR 10 000 għall-produzzjoni agrikola primarja.

    (35)

    Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv, huwa xieraq f’konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/1588, li jiġi stabbilit format standard, li bih l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni miġbura fil-qosor kull meta, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, tiġi implimentata skema ta’ għajnuna jew tingħata għajnuna individwali ’il barra minn kwalunkwe skema ta’ għajnuna. Barra minn hekk, huwa xieraq f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (12) u f’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) 2015/1588 li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rappurtar annwali dwar l-għajnuna eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, inklużi rekwiżiti speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna, li jridu jiġu sottomessi lill-Kummissjoni mill-Istati Membri.

    (36)

    Fid-dawl tad-disponibbiltà wiesgħa tat-teknoloġija meħtieġa, l-informazzjoni fil-qosor u r-rapport annwali għandhom ikunu f’format kompjuterizzat u trażmessi lill-Kummissjoni.

    (37)

    Minħabba l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-irkupru tal-għajnuna stabbilit mill-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1589, huwa xieraq f’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2015/1588 li jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rekords li l-Istati Membri jenħtieġ li jżommu rigward l-għajnuna eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat b’dan ir-Regolament.

    (38)

    Sabiex tiġi rinforzata l-effettività tal-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija għall-miżuri ta’ għajnuna futuri fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun kapaċi tirrestrinġi l-irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija għal ċerti tipi ta’ għajnuna, ċerti benefiċjarji jew miżuri ta’ għajnuna adottati minn ċerti awtoritajiet, fejn in-nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament jaffettwa biss grupp limitat ta’ miżuri jew ċerti awtoritajiet. Tali rtirar immirat jenħtieġ li jipprovdi rimedju proporzjonat marbut direttament man-nuqqas ta’ konformità identifikat ma’ dan ir-Regolament. Meta għajnuna ma tiġix notifikata u ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha li għandhom jiġu eżentati min-notifika, din tikkostitwixxi għajnuna illegali, li l-Kummissjoni se teżamina fil-qafas tal-proċedura rilevanti kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2015/1589 għal għajnuna mhux notifikata. F’każ li ma jiġux issodisfati r-rekwiżiti tal-Kapitolu II, l-irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna futuri ma jaffettwax il-fatt li l-miżuri tal-passat konformi ma’ dan ir-Regolament kienu soġġetti għal eżenzjoni ta’ kategorija.

    (39)

    L-SMEs għandhom rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-impjiegi u, b’mod aktar ġenerali, jaġixxu bħala fattur ta’ stabbiltà soċjali u jixprunaw l-ekonomija. Madankollu, l-iżvilupp tagħhom jista’ jkun limitat minn fallimenti tas-suq, li jwasslu sabiex dawn l-SMEs isofru minn żvantaġġi tipiċi. L-SMEs ta’ spiss ikollhom diffikultajiet sabiex jiksbu kapital jew self, minħabba n-natura avversa għar-riskju ta’ ċerti swieq finanzjarji u l-garanzija limitata li jkunu kapaċi joffru. Ir-riżorsi limitati tagħhom jistgħu jirrestrinġu wkoll l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ teknoloġija ġdida u swieq potenzjali. Sabiex jiffaċilita l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi tal-SMEs, dan ir-Regolament għalhekk jenħtieġ li jeżenta ċerti kategoriji ta’ għajnuna favur l-SMEs mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    (40)

    Sabiex ikunu eliminati d-differenzi li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn inizjattivi differenti tal-Unjoni u nazzjonali li jikkonċernaw l-SMEs, kif ukoll għal raġunijiet ta’ ċarezza amministrattiva u ċertezza legali, id-definizzjoni ta’ SME użata għall-fini ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun ibbażata fuq id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (13).

    (41)

    Biex tiġi żgurata l-koerenza mal-Politika Agrikola Komuni u biex jiġu simplifikati r-regoli bbażati fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014, ikun xieraq li jiġu eżentati mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, diversi kategoriji ta’ għajnuna favur impriżi attivi fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe regola sostantiva fis-seħħ.

    (42)

    Huwa xieraq ukoll li jitqies li s-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija huma speċifikament esposti għal eventi klimatiċi avversi, mard tal-annimali, pesti tal-pjanti u ħsarat ikkawżati minn annimali protetti. L-esperjenza turi li dawn is-setturi huma aktar vulnerabbli għal avvenimenti bħal dawn u li l-bdiewa u l-forestiera jġarrbu ħsara konsiderevoli minn dawn l-avvenimenti. Għalhekk, il-miżuri ta’ għajnuna biex jikkumpensaw għal tali ħsarat jitqiesu bħala għodda xierqa biex jgħinu lill-impriżi jirkupraw minn tali ħsarat u jibqgħu fin-negozju. B’dan il-mod huma jiżguraw l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi u t-twettiq tal-funzjonijiet ambjentali tal-ekosistemi fl-agrikoltura u fil-forestrija.

    (43)

    Fis-settur agrikolu, jenħtieġ li japplikaw eżenzjonijiet għal għajnuna għall-SMEs għal investimenti fil-produzzjoni, fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fil-konsolidazzjoni tal-art, fir-rilokazzjoni tal-bini tal-farms, għall-bidu ta’ negozju, fil-bdiewa żgħażagħ u fil-farms żgħar, fi gruppi ta’ produtturi, fi skemi ta’ kwalità, f’azzjonijiet ta’ trasferiment tal-għarfien u ta’ informazzjoni, fis-servizzi ta’ konsulenza, fl-attivitajiet ta’ promozzjoni, fis-servizzi ta’ sostituzzjoni tal-farms kif ukoll fil-ġestjoni tar-riskju u tal-kriżijiet relatati ma’ eventi klimatiċi avversi, għall-mard tal-annimali, għall-pesti tal-pjanti, għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti, għal għajnuna għall-ħlas ta’ primjums tal-assigurazzjoni, għal kontribuzzjonijiet finanzjarji għal fondi reċiproki, għall-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi, għal għajnuna għall-benessri tal-annimali u għall-kooperazzjoni. L-eżenzjonijiet jenħtieġ li japplikaw ukoll għal impriżi ta’ kull daqs għal għajnuna għall-ħarsien ambjentali fl-agrikoltura, għajnuna għal investimenti favur il-konservazzjoni tal-wirt kulturali u naturali li jinsab f’azjendi agrikoli u fil-foresti, għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali fis-settur agrikolu kif ukoll għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u għajnuna favur il-forestrija.

    (44)

    Jenħtieġ li l-eżenzjonijiet japplikaw għall-għajnuna għall-forestrija u ċerti attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali li huma kofinanzjati bħala interventi għall-iżvilupp rurali taħt il-FAEŻR kif ukoll għal għajnuna għat-trasferiment tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni, riċerka, żvilupp u innovazzjoni, inkluż permezz tal-użu ta’ data u servizzi bbażati fuq l-Ispazju tal-UE u konsolidazzjoni tal-art.

    (45)

    Minħabba r-riskju ta’ distorsjonijiet fil-kompetizzjoni li jirriżultaw minn għajnuna għall-investiment immirata fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja, għajnuna għall-investiment eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat jenħtieġ li ma tkunx limitata għal prodott agrikolu speċifiku. Din il-kundizzjoni jenħtieġ li ma timpedixxix lil Stat Membru milli jeskludi ċerti prodotti agrikoli mill-ambitu ta’ għajnuna partikolari, fejn ma tkun tista’ tinstab l-ebda opportunità normali ta’ suq jew fejn ikun hemm kapaċità żejda fis-suq intern. Barra minn hekk, jenħtieġ li għajnuna lil ċerti tipi ta’ investiment ma tikkwalifikax per se għal eżenzjoni mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat skont dan ir-Regolament.

    (46)

    Sabiex jiġi żgurat il-bilanċ xieraq bejn il-minimizzazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, fil-każ ta’ investimenti f’azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja, l-għajnuna jenħtieġ li tingħata biss għal investiment marbut mal-produzzjoni fil-livell tal-farms tal-bijofjuwils jew ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u biss meta dik il-produzzjoni ma teċċedix il-konsum annwali medju ta’ fjuwil jew ta’ enerġija tal-farm. F’każijiet bħal dawn, l-għajnuna għall-bijofjuwils jenħtieġ li tkun koperta biss diment li tingħata għal bijofjuwils sostenibbli f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

    (47)

    Sabiex tiġi inċentivata l-bidla lejn il-produzzjoni ta’ forom aktar avvanzati ta’ bijofjuwils, kif previst mir-regoli orizzontali dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ambjent u l-enerġija, għajnuna għal bijofjuwils magħmula mill-ikel jenħtieġ li tiġi eskluża minn dan ir-Regolament f’każ ta’ għajnuna għal investimenti marbuta mal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli.

    (48)

    Ir-Regolament (UE) 2015/1588 jippermetti lill-Kummissjoni, tiddikjara permezz ta’ regolamenti, ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern meta l-Kummissjoni jkollha esperjenza suffiċjenti sabiex tiddefinixxi kriterji ġenerali ta’ kompatibbiltà. Minħabba l-esperjenza miksuba matul il-perjodu mill-2014 sal-2021 fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ diversi għajnuniet mill-Istat fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni issa tista’ tagħmel użu mis-setgħat tagħha biex teżenta mir-rekwiżit tan-notifika għajnuna mill-Istat għal servizzi bażiċi u infrastruttura f’żoni rurali kofinanzjati mill-FAEŻR, għall-kooperazzjoni, għal miżuri għall-prevenzjoni u l-kumpens tal-ħsara kkawżata minn annimali protetti, għall-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura, biex jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi relatati maż-żoni Natura 2000, għal impenji agroambjentali klimatiċi kif ukoll għall-biedja organika.

    (49)

    Barra minn hekk, fir-rigward tas-settur tal-forestrija, il-Kummissjoni tista’, abbażi tal-esperjenza tagħha skont il-Linji Gwida tal-2014, teżenta mill-miżuri tar-rekwiżit tan-notifika li huma ffinanzjati esklussivament minn fondi nazzjonali mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe regola sostantiva fis-seħħ.

    (50)

    Fil-perjodu mill-2014 sal-2020 u b’applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni approvat 52 skema ta’ għajnuna fir-rigward tal-kumpens għall-ħsarat kkawżati minn annimali protetti għas-settur agrikolu. Il-ħsarat ikkawżati minn annimali protetti jeħtieġu azzjoni urġenti mill-awtoritajiet awtorizzanti sabiex jerġgħu jistabbilixxu l-mezzi ta’ produzzjoni u l-attività ekonomika malajr kemm jista’ jkun sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jibqgħu fin-negozju u b’dak il-mod sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi. L-esperjenza tal-Kummissjoni turi li din l-għajnuna tipikament ma toħloqx distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba n-natura kumpensatorja tagħha u l-eżistenza ta’ kriterji ċari għall-kompatibbiltà mas-suq intern. Għalhekk huwa xieraq li din l-għajnuna tiġi eżentata mir-rekwiżit tan-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (51)

    Għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat ikkawżati minn annimali protetti jenħtieġ li tkun disponibbli għall-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja. Il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tal-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat ikkawżati minn annimali protetti jenħtieġ li jsegwu l-prattika diġà stabbilita għal għajnuniet oħra ta’ kumpens bħal għajnuniet li jikkumpensaw għat-telf ta’ annimali jew ta’ pjanti li jinqerdu abbażi tal-valur tas-suq, il-ħlas għall-kostijiet veterinarji jew tax-xogħol u l-kumpens għall-ħsara materjali għat-tagħmir tal-farms, għall-makkinarju u għall-bini u għall-istokkijiet tal-farms.

    (52)

    Fil-perjodu mill-2014 sal-2020 u b’applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni approvat erba’ skemi ta’ għajnuna għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura. L-esperjenza tal-Kummissjoni turi li din l-għajnuna tipikament ma twassalx għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern, filwaqt li fl-istess ħin tikkontribwixxi għall-objettiv tal-politika pubblika tal-konservazzjoni tal-bijodiversità. Għalhekk huwa xieraq li din l-għajnuna tiġi eżentata mir-rekwiżit tan-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (53)

    Għajnuna għal prattiki tal-biedja sostenibbli speċifiċi, bħall-benessri tal-annimali, l-impenji agroambjentali klimatiċi u tal-biedja organika għandha biss riskju limitat ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Sabiex twieġeb aħjar għad-domandi tas-soċjetà dwar ikel ta’ kwalità għolja prodott b’mod sostenibbli, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li teżenta tali miżuri ta’ għajnuna mir-rekwiżit ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat.

    (54)

    Fl-istess ħin huwa xieraq li dawn il-miżuri jistabbilixxu ammonti massimi ta’ għajnuna għal kull unità, abbażi tal-esperjenza tal-każijiet miksuba skont il-Linji Gwida tal-2014. Madwar 64 % tal-miżuri kollha b’impenji agroambjentali klimatiċi (li jirrappreżentaw l-ogħla sehem ta’ miżuri b’impenji volontarji) notifikati fil-perjodu Lulju 2014 sa Marzu 2020 qabżu l-ammonti massimi għal kull ettaru u għalhekk kienu soġġetti għal analiżi dettaljata biex jiġi ddeterminat jekk kinux ġustifikati. Ix-xejra ta’ inflazzjoni u ta’ żieda fil-prezzijiet tal-input x’aktarx se tkompli. L-ammonti massimi għal kull unità stabbiliti skont il-Linji Gwida tal-2014 huma għalhekk meqjusa bħala limiti xierqa għal miżuri ta’ eżenzjoni ġenerali li jinvolvu impenji volontarji favur l-ambjent, il-klima jew il-benessri tal-annimali.

    (55)

    Fil-perjodu mill-2014 sal-2020 u b’applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni approvat 21 skema ta’ għajnuna għal impenji għall-benessri tal-annimali skont il-Linji Gwida tal-2014. L-esperjenza tal-Kummissjoni turi li din l-għajnuna tipikament ma toħloqx distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba n-natura kumpensatorja tagħha u l-eżistenza ta’ kriterji ċari għall-kompatibbiltà mas-suq intern. Għalhekk huwa xieraq li din l-għajnuna tiġi eżentata mir-rekwiżit tan-notifika dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (56)

    Il-Kummissjoni applikat l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għal għajnuna għal żvantaġġi relatati ma’ żoni ta’ Natura 2000 fis-settur agrikolu, għal għajnuna għal impenji agroambjentali klimatiċi u għal għajnuna għal biedja organika fil-qafas tal-Linji Gwida tal-2014. Fil-perjodu mill-2014 sal-2020, il-Kummissjoni approvat 10 skemi ta’ għajnuna marbuta ma’ żoni ta’ Natura 2000 fl-agrikoltura, 65 skema ta’ għajnuna għal impenji agroambjentali klimatiċi u 5 skemi ta’ għajnuna għall-biedja organika. L-esperjenza tal-Kummissjoni turi li dawn l-għajnuniet, b’mod partikolari taħt ċerti limiti, tipikament ma jwasslux għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan tal-politika pubblika tal-ħarsien tal-ambjent. Għalhekk huwa xieraq li l-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilha mir-Regolament (UE) 2015/1588, fir-rigward tal-għajnuna għall-iżvantaġġi relatati ma’ Natura 2000 fis-settur agrikolu, l-għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi u l-għajnuna għall-biedja organika.

    (57)

    Jenħtieġ li l-eżenzjoni tal-għajnuna għall-iżvantaġġi relatati ma’ Natura 2000 fis-settur agrikolu, l-għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi u l-għajnuna għall-biedja organika tapplika biss għall-impriżi attivi fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja.

    (58)

    Proġetti ffinanzjati mis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u s-sostenibbiltà agrikola (EIP) iwasslu għal innovazzjoni fis-settur tal-biedja u fiż-żoni rurali. L-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi li jipparteċipaw fil-proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP koperti mill-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2021/2115 għandha impatt minuri fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rwol pożittiv li l-għajnuna għandha għall-kondiviżjoni tal-għarfien, speċjalment għall-komunitajiet lokali u agrikoli, in-natura kollettiva tal-għajnuna u l-iskala relattivament żgħira tagħha. In-natura ta’ dawn il-proġetti hija integrata. Dawn il-proġetti ġeneralment jinvolvu diversi atturi u diversi setturi, u dan jista’ jwassal għal ċerti diffikultajiet għall-klassifikazzjoni tagħhom skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Minħabba n-natura lokali tal-proġetti individwali tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP, magħżula abbażi ta’ strateġija pluriennali għall-iżvilupp lokali determinata u implimentata minn sħubija pubblika-privata u l-orjentazzjoni tagħhom lejn l-interess komunitarju, soċjali, ambjentali u klimatiku, dan ir-Regolament jenħtieġ li jindirizza ċerti diffikultajiet iffaċċjati mill-proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP sabiex jiffaċilita l-konformità tagħhom mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (59)

    Minħabba l-effett limitat fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni ta’ ammonti żgħar ta’ għajnuna mogħtija lill-impriżi li jibbenefikaw, direttament jew indirettament, mill-proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli sempliċi għal każijiet fejn l-ammont aggregat ta’ għajnuna għal kull intrapriża għal kull proġett ma jaqbiżx ċertu limitu.

    (60)

    Il-Kummissjoni applikat l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għal impriżi attivi fis-settur tal-forestrija f’diversi deċiżjonijiet, b’mod partikolari fil-qafas tal-Linji Gwida tal-2014. Fil-perjodu mill-2014 sal-2020, il-Kummissjoni approvat aktar minn 200 skema ta’ għajnuna favur is-settur tal-forestrija f’konformità ma’ dawk il-Linji Gwida. Skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, il-miżuri ta’ għajnuna għall-forestrija ma ħolqu l-ebda distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba l-eżistenza ta’ kriterji ċari ta’ kompatibbiltà. Fid-dawl ta’ dik l-esperjenza, u għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u ekonomija proċedurali, jenħtieġ li għalhekk ikun possibbli li l-miżuri ta’ għajnuna favur is-settur tal-forestrija jiġu eżentati mill-obbligu ta’ notifika irrispettivament minn jekk humiex kofinanzjati mill-FAEŻR. Għalhekk huwa xieraq li l-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilha mir-Regolament (UE) 2015/1588 għal għajnuna għal afforestazzjoni u l-ħolqien tal-imsaġar; għajnuna għal sistemi tal-agroforestrija; għajnuna għall-prevenzjoni u għat-treġġigħ lura ta’ ħsara fil-foresti li jikkawżaw in-nirien tal-foresti, id-diżastri naturali, l-eventi klimatiċi avversi li jistgħu jitqabblu ma’ diżastru naturali, eventi klimatiċi avversi oħrajn, il-pesti tal-pjanti u l-avvenimenti katastrofiċi; għajnuna għal investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti; għajnuna għal żvantaġġi speċifiċi għaż-żona li jirriżultaw minn ċerti rekwiżiti obbligatorji kif definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15); għajnuna għal servizzi ambjentali u klimatiċi tal-foresti u konservazzjoni tal-foresti; għajnuna għal investimenti fl-infrastruttura relatata mal-iżvilupp, il-modernizzazzjoni jew l-adattazzjoni tas-settur tal-forestrija; għajnuna għal investimenti f’teknoloġiji tal-forestrija ġodda u fl-ipproċessar, fil-mobilizzazzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-forestrija; għajnuna għall-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi fil-forestrija, għajnuna tal-bidu għal gruppi ta’ produtturi u organizzazzjonijiet fis-settur tal-forestrija, għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art tal-forestrija u għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur tal-forestrija.

    (61)

    Sabiex jiġu inċentivati l-inizjattivi raggruppati fis-settur tal-forestrija, il-Kummissjoni applikat l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat sabiex tgħin favur l-għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal gruppi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-forestrija. Fil-perjodu mill-2014 sal-2020, il-Kummissjoni approvat tali għajnuna f’ħames każijiet. Fis-settur agrikolu, tali għajnuna kienet diġà eżentata minn notifika skont ir-Regolament (UE) Nru 702/2014. Għalhekk huwa xieraq li l-għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal gruppi u għal organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-forestrija tiġi eżentata mir-rekwiżiti tan-notifika tal-għajnuna mill-Istat.

    (62)

    Id-diversifikazzjoni ekonomika u l-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda, inklużi attivitajiet ta’ bijoekonomija ċirkolari, huma essenzjali għall-iżvilupp u l-kompetittività taż-żoni rurali u għall-SMEs li huma s-sinsla tal-ekonomija rurali tal-Unjoni. Ir-Regolament (UE) 2021/2115 jipprovdi għal miżuri għas-sostenn ta’ żvilupp ta’ negozju li mhux agrikolu f’żoni rurali li huma mmirati lejn il-promozzjoni tal-impjiegi, l-istabbiliment ta’ xogħlijiet ta’ kwalità fiż-żoni rurali, iż-żamma tax-xogħlijiet li diġà jeżistu, tnaqqis taċ-ċaqliq staġjonali b’rabta mal-impjiegi, l-iżvilupp ta’ setturi mhux agrikoli ’l barra mill-agrikoltura u l-ipproċessar tal-ikel filwaqt li fl-istess ħin jitrawmu l-integrazzjoni tan-negozju u r-rabtiet intersettorjali lokali.

    (63)

    Biex tiġi żgurata l-koerenza mar-Regolament (UE) 2021/2115 u biex tinkiseb simplifikazzjoni tar-regoli biex tinkiseb awtorizzazzjoni għall-għajnuna mill-Istat għall-parti kofinanzjata u l-finanzjament nazzjonali addizzjonali tal-pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ notifika ma japplikawx għal diversi kategoriji ta’ għajnuna favur SMEs attivi f’żoni rurali, li jinkludu għajnuna għal servizzi bażiċi u infrastrutturi, għall-bidu ta’ negozji ġodda, għall-kooperazzjoni, għall-parteċipazzjoni ġdida tal-bdiewa fi skemi tal-kwalità għall-qoton u l-oġġetti tal-ikel u miżuri ta’ promozzjoni favur oġġetti tal-ikel koperti minn skema tal-kwalità. Tali miżuri ta’ għajnuna jenħtieġ li jkunu identiċi għall-interventi sottostanti tal-iżvilupp rurali u l-għajnuna eżentata jenħtieġ li tingħata biss skont u f’konformità mal-Pjan Strateġiku tal-PAK tal-Istat Membru kkonċernat.

    (64)

    Il-Kummissjoni applikat l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għall-għajnuna favur is-servizzi bażiċi u l-infrastruttura fiż-żoni rurali u għall-kooperazzjoni f’żoni rurali f’diversi każijiet, b’mod partikolari fil-qafas tal-Linji Gwida tal-2014. Fil-perjodu mill-2014 sal-2020, il-Kummissjoni approvat 27 skema ta’ għajnuna relatati ma’ servizzi bażiċi u infrastruttura fiż-żoni rurali u 28 skema ta’ għajnuna relatati mal-kooperazzjoni fiż-żoni rurali. Mill-esperjenza tal-Kummissjoni, il-miżuri ta’ għajnuna favur iż-żoni rurali ma kellhom l-ebda distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern, minħabba l-eżistenza ta’ kriterji ċari ta’ kompatibbiltà, u minħabba li l-għajnuna kkontribwiet għad-diversifikazzjoni ekonomika u l-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda. Għalhekk huwa xieraq li l-għajnuniet favur is-servizzi bażiċi u l-infrastruttura fiż-żoni rurali u l-għajnuna għall-kooperazzjoni fiż-żoni rurali jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat.

    (65)

    Madankollu, l-għajnuna favur is-servizzi bażiċi u l-infrastruttura fiż-żoni rurali u l-għajnuna għall-kooperazzjoni fiż-żoni rurali jenħtieġ li jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika biss jekk jiffurmaw parti minn Pjan Strateġiku tal-PAK ivvalidat mill-Kummissjoni fil-qafas tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    (66)

    Għajnuna mill-Istat mogħtija lill-SMEs li jipparteċipaw fi proġetti ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (“CLLD”), imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u maħtura bħala “LEADER” skont ir-Regolament (UE) 2021/2115, ftit li xejn għandha impatt fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rwol pożittiv li l-għajnuna għandha għall-kondiviżjoni tal-għarfien, speċjalment għall-komunitajiet lokali u agrikoli, kif ukoll in-natura spiss kollettiva tal-għajnuna, u l-iskala relattivament żgħira tagħha. In-natura ta’ dawn il-proġetti hija integrata, b’diversi atturi u b’diversi setturi, u dan jista’ jwassal għal ċerti diffikultajiet għall-klassifikazzjoni tagħhom skont il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat. Minħabba n-natura lokali tal-proġetti individwali tas-CLLD, magħżula abbażi ta’ strateġija pluriennali għall-iżvilupp lokali determinata u implimentata minn sħubija pubblika-privata u l-orjentazzjoni tagħhom lejn l-interess komunitarju, soċjali, ambjentali u klimatiku, dan ir-Regolament jenħtieġ li jindirizza ċerti diffikultajiet iffaċċjati mill-proġetti tas-CLLD sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-muniċipalitajiet, min-natura tagħhom stess, jaqgħu ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni tal-SMEs (azzjonisti pubbliċi). Madankollu, il-muniċipalitajiet spiss ikollhom rwol vitali fl-organizzazzjoni u t-twettiq tal-proġetti tas-CLLD. Meta proġett tas-CLLD jitwettaq favur wieħed mill-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1588, jenħtieġ li għalhekk ikun possibbli wkoll li jingħata eżenzjoni ta’ kategorija għall-għajnuna lill-muniċipalitajiet fil-kuntest ta’ tali proġett.

    (67)

    Minħabba l-effett limitat fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni ta’ ammonti żgħar ta’ għajnuna mogħtija lill-SMEs li jibbenefikaw, direttament jew indirettament mill-proġetti tas-CLLD, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli sempliċi għal każijiet fejn l-ammont aggregat ta’ għajnuna għal kull proġett ma jaqbiżx ċertu limitu massimu. Dan jenħtieġ li japplika wkoll għall-muniċipalitajiet li jibbenefikaw direttament jew indirettament minn proġetti tas-CLLD, li jsegwu wieħed mill-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1588.

    (68)

    Fil-każ ta’ diversi kategoriji ta’ għajnuna, bħar-riċerka, it-trasferiment tal-għarfien u l-informazzjoni inkluż permezz ta’ data u servizzi bbażati fuq l-ispazju tal-UE, servizzi ta’ konsulenza, servizzi ta’ sostituzzjoni tal-farms, il-promozzjoni u l-prevenzjoni u l-qerda ta’ mard tal-annimali u pesti tal-pjanti, l-għajnuna tingħata lill-benefiċjarji finali tal-għajnuna indirettament, in natura, fil-forma ta’ servizzi ssussidjati. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-għajnuna eżentata titħallas lill-fornitur tas-servizz jew tal-attività inkwistjoni.

    (69)

    F’konformità mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2015/1588, huwa meħtieġ li tiġi riveduta perjodikament il-politika dwar l-għajnuna mill-Istat. Għalhekk il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun limitat. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet transitorji, inkluż ir-regoli dwar perjodu ta’ aġġustament fl-aħħar tal-validità ta’ dan ir-Regolament għal skemi ta’ għajnuna eżentati. Jenħtieġ li regoli ta’ dan it-tip jagħtu żmien lill-Istati Membri sabiex jadattaw għar-reġim il-ġdid,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    WERREJ

    KAPITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI 12
    KAPITOLU II REKWIŻITI PROĊEDURALI 24
    KAPITOLU III KATEGORIJI TA’ GĦAJNUNA 25

    Taqsima 1

    Għajnuna favur l-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja, fl-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli jew fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli 25

    Taqsima 2

    Għajnuna għall-ħarsien ambjentali fl-agrikultura 46

    Taqsima 3

    Għajnuna għal investimenti favur il-konservazzjoni tal-wirt kulturali u naturali 49

    Taqsima 4

    Għajnuna li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali fis-settur tal-agrikoltura 49

    Taqsima 5

    Għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni 50

    Taqsima 6

    Għajnuna favur il-forestrija 52

    Taqsima 7

    Għajnuna favur l-SMEs fiż-Żoni Rurali 64
    KAPITOLU IV DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI 70

    KAPITOLU I

    Dispożizzjonijiet komuni

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin:

    (a)

    għajnuna favur l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs):

    (i)

    attivi fis-settur agrikolu, jiġifieri fil-produzzjoni agrikola primarja, l-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 14, 15, 16, 18, 23 u 25 sa 31, li għandhom japplikaw biss għall-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja;

    (ii)

    attivi f’attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali li jaqgħu ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat, sakemm din l-għajnuna tingħata f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115 u hija jew kofinanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jew inkella mogħtija bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għal tali miżuri kofinanzjati. B’deroga, dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna lill-muniċipalitajiet li jibbenefikaw direttament jew indirettament minn proġetti tas-CLLD, skont l-Artikoli 60 u 61 ta’ dan ir-Regolament.

    (b)

    għajnuna għall-ħarsien ambjentali fl-agrikoltura, kif imsemmija fl-Artikoli 33, 34 u 35, li għandha tapplika biss għal impriżi attivi fil-produzzjoni agrikola primarja;

    (c)

    għajnuna għal investimenti għall-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali lokalizzat fuq l-azjendi agrikoli u fil-foresti;

    (d)

    għajnuna favur l-għemil tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali fis-settur agrikolu;

    (e)

    għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija;

    (f)

    għajnuna favur il-forestrija.

    2.   Meta l-Istati Membri jqisu li huwa xieraq, huma jistgħu jagħżlu li jagħtu l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (e) u (f), f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (17).

    3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

    (a)

    skemi ta’ għajnuna msemmija fl-Artikoli 14, 17, 41 sa 44 u 46, l-iskemi ta’ għajnuna msemmija fl-Artikoli 49 u 50, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12, minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li dan ir-Regolament għandu jkompli japplika għal skema ta’ għajnuna għal aktar minn sitt xhur, wara li tkun ivvalutat il-pjan ta’ evalwazzjoni rilevanti nnotifikat mill-Istat Membru lill-Kummissjoni. Meta jissottomettu l-pjanijiet ta’ evalwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jissottomettu wkoll l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ evalwazzjoni u tieħu deċiżjoni;

    (b)

    kull tibdil fl-iskemi msemmija fil-punt (a) minbarra l-modifiki li ma jaffettwawx il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna skont dan ir-Regolament jew ma jaffettwawx b’mod sinifikanti l-kontenut tal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat;

    (c)

    għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u t-tħaddim ta’ network ta’ distribuzzjoni jew ma’ kostijiet kurrenti oħrajn marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

    (d)

    għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti domestiċi minflok dawk importati.

    4.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal:

    (a)

    skemi ta’ għajnuna li ma jeskludux espliċitament il-pagament ta’ għajnuna individwali favur impriża li hija soġġetta għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara illegali u inkompatibbli mas-suq intern l-għajnuna mogħtija mill-istess Stat Membru, bl-eċċezzjoni ta’:

    (i)

    skemi ta’ għajnuna biex jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali f’konformità mal-Artikolu 37;

    (ii)

    skemi ta’ għajnuna għal proġetti ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (community-led local development, “CLLD”) jew għal proġetti tal-Grupp Operazzjonali tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u l-iżvilupp sostenibbli tal-agrikoltura (European Innovation Partnership, “EIP”) f’konformità mal-Artikoli 40 u 61;

    (b)

    għajnuna ad hoc għal impriża msemmija fil-punt (a).

    5.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna lil impriżi f’diffikultà, bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna mogħtija:

    (a)

    għal azzjonijiet ta’ informazzjoni fis-setturi agrikoli u tal-forestrija f’konformità mal-Artikoli 21 u 47;

    (b)

    għal miżuri ta’ promozzjoni fil-forma ta’ pubblikazzjonijiet immirati sabiex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-prodotti agrikoli fost il-pubbliku ġenerali f’konformità mal-Artikolu 24(2), il-punt (b);

    (c)

    biex tikkumpensa għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti f’konformità mal-Artikolu 26(8) u (9);

    (d)

    biex tkopri l-kostijiet tat-tneħħija u tal-qerda ta’ bhejjem mejta f’konformità mal-Artikolu 27(2), il-punti (c), (d) u (e);

    (e)

    għal żvantaġġi relatati ma’ żoni ta’ Natura 2000 f’konformità mal-Artikolu 33;

    (f)

    biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali f’konformità mal-Artikolu 37;

    (g)

    għal impriżi li jipparteċipaw fi proġetti tas-CLLD u proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP jew li jibbenefikaw minn tali proġetti, f’konformità mal-Artikoli 40 u 61;

    (h)

    fil-każijiet li ġejjin, sakemm l-impriża saret impriża f’diffikultà minħabba telf jew ħsarat ikkawżati mill-avveniment inkwistjoni:

    (i)

    biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn event klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali f’konformità mal-Artikolu 25;

    (ii)

    biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn mard tal-annimali u pesti tal-pjanti f’konformità mal-Artikolu 26(9) u l-Artikolu 26(10);

    (iii)

    biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti f’konformità mal-Artikolu 29;

    (iv)

    għar-restawr tal-ħsara lill-foresti f’konformità mal-Artikolu 43(2), il-punt (d).

    6.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna, li fiha nnifisha, bil-kundizzjonijiet marbuta magħha jew bil-metodu ta’ finanzjament tagħha tammonta għal ksur indiviżibbli tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari:

    (a)

    għajnuna fejn l-għoti tal-għajnuna jkun soġġett għall-obbligu li l-benefiċjarju juża prodotti manifatturati fuq livell nazzjonali jew servizzi nazzjonali;

    (b)

    għajnuna li tillimita l-possibbiltà li l-benefiċjarji jisfruttaw ir-riżultati tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni fi Stati Membri oħrajn.

    7.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna favur prodotti agrikoli skont it-tifsira tal-Anness 1 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura (18), li tikkostitwixxi sussidju għall-esportazzjoni kif definit minn dak il-Ftehim. Bl-istess mod, ma għandux japplika għal għajnuna favur prodotti bħal dawn, li tikkostitwixxi appoġġ għall-finanzjament tal-esportazzjoni pprovdut minn gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku fl-ambitu tad-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO dwar il-Kompetizzjoni tal-Esportazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2015 (19), jekk ma tikkonformax mar-rekwiżiti rilevanti tal-paragrafu 15 ta’ dik id-Deċiżjoni dwar it-terminu massimu ta’ ħlas lura u l-awtofinanzjament.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “għajnuna ad hoc” tfisser għajnuna mhux mogħtija fuq il-bażi ta’ skema ta’ għajnuna;

    (2)

    “event klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali” tfisser kundizzjonijiet ħżiena tat-temp bħal ġlata, maltempati u silġ, borra, xita bil-qliel jew persistenti, jew nixfa severa li jeqirdu, fil-każ tal-agrikoltura, aktar minn 30 % tal-medja tal-produzzjoni kkalkolata fuq il-bażi tal-perjodu preċedenti ta’ tliet snin jew medja ta’ tliet snin abbażi tal-perjodu preċedenti ta’ ħames snin, esklużi l-ogħla entrata u dik l-aktar baxxa; fil-każ tal-forestrija, aktar minn 20 % tal-potenzjal tal-forestrija;

    (3)

    “konsulenza” tfisser konsulenza kompleta mogħtija fil-qafas tal-istess kuntratt;

    (4)

    “attività agrikola” tfisser attività kif iddeterminata minn Stat Membru fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tiegħu f’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (5)

    “żona agrikola” tfisser kwalunkwe żona kif iddeterminata minn Stat Membru fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tiegħu f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (6)

    “azjenda agrikola” tfisser unità li tinkludi art, bini u faċilitajiet użati għal produzzjoni primarja agrikola;

    (7)

    “prodott agrikolu” tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, minbarra l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20);

    (8)

    “is-settur agrikolu” tfisser l-impriżi kollha attivi fil-produzzjoni agrikola primarja, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli;

    (9)

    “sistemi agroforestali” tfisser sistemi tal-użu tal-art li fihom is-siġar jitkabbru flimkien ma’ agrikoltura fuq l-istess art;

    (10)

    “għajnuna” tfisser kull miżura li tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

    (11)

    “għajnuna mogħtija fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK” tfisser appoġġ mogħti f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115 jew bħala għajnuna kofinanzjata mill-FAEŻR jew bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għal tali għajnuna kofinanzjata;

    (12)

    “intensità tal-għajnuna” tfisser l-ammont gross tal-għajnuna espress bħala perċentwal tal-kostijiet eliġibbli, qabel kull tnaqqis ta’ taxxa jew imposta oħra;

    (13)

    “skema ta’ għajnuna” tfisser kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta’ implimentazzjoni oħrajn, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b’mod ġenerali u astratt u kull att li fuq il-bażi tiegħu, għajnuna li ma tkunx konnessa ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil impriża waħda jew aktar għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit;

    (14)

    “distakkament” tfisser li l-kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni bejn il-partijiet kontraenti ma jvarjawx minn dawk li jkunu stabbiliti bejn impriżi indipendenti u ma fihom ebda element ta’ kollużjoni. Kull tranżazzjoni li tirriżulta minn proċedura miftuħa, trasparenti u bla ebda kundizzjoni titqies li tosserva l-prinċipju tad-distakkament;

    (15)

    “miżuri ta’ bijosigurtà” tfisser miżuri ta’ ġestjoni u miżuri fiżiċi mfassla sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-introduzzjoni, tal-iżvilupp u tat-tixrid ta’ mard lejn, minn u fi ħdan dan li ġej:

    (a)

    popolazzjoni tal-annimali;

    (b)

    stabbiliment, żona, kompartiment, mezz tat-trasport jew kwalunkwe faċilità, post jew lokazzjoni oħra.

    (16)

    “ktieb tat-tnissil” tfisser ktieb kif previst fl-Artikolu 2, il-punt (12) tar-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21);

    (17)

    “Pjan Strateġiku tal-PAK” tfisser il-Pjan Strateġiku tal-PAK kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (18)

    “xogħlijiet kapitalizzati” tfisser xogħlijiet li jitwettqu mill-bidwi nnifsu jew mill-ħaddiema tiegħu fuq il-farm, li permezz tagħhom jinħoloq attiv;

    (19)

    “skemi ta’ sekwestru tal-karbonju f’art agrikola” relatati ma’ skemi ta’ għajnuna għal prattiki ta’ ġestjoni tal-art li jirriżultaw f’żieda fil-ħżin tal-karbonju fil-bijomassa ħajja, fil-materja organika mejta u fil-ħamrija billi jittejjeb il-qbid tal-karbonju u/jew jitnaqqas ir-rilaxx tal-karbonju fl-atmosfera;

    (20)

    “event katastrofiku” tfisser event mhux previst ta’ natura bijotika jew mhux bijotika kkawżat minn azzjoni umana li twassal għal disturbi kbar fl-istrutturi forestali, u li eventwalment jikkawża ħsara ekonomika kbira lis-setturi forestali;

    (21)

    “data tal-għoti tal-għajnuna” tfisser id-data li fiha l-benefiċjarju ngħata d-dritt legali li jirċievi l-għajnuna skont ir-reġim legali nazzjonali applikabbli;

    (22)

    “miżuri ta’ kontroll u ta’ eradikazzjoni” tfisser miżuri rigward mard tal-annimali li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta formalment tifqigħa minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru, jew rigward pesti tal-pjanti jew speċijiet aljeni invażivi li tkun ġiet rikonoxxuta formalment il-preżenza tagħhom minn awtorità kompetenti;

    (23)

    “pjan ta’ evalwazzjoni” tfisser dokument li jkopri skema ta’ għajnuna waħda jew aktar u li fih mill-inqas l-aspetti li ġejjin: l-objettivi li għandhom jiġu vvalutati, il-mistoqsijiet tal-evalwazzjoni, l-indikaturi tar-riżultat, il-metodoloġija prevista biex titwettaq l-evalwazzjoni, ir-rekwiżiti għall-ġbir tad-data, iż-żmien propost tal-evalwazzjoni inkluża d-data tas-sottomissjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni interim u finali, id-deskrizzjoni tal-korp indipendenti li jwettaq l-evalwazzjoni jew il-kriterji li se jintużaw għall-għażla tiegħu u l-modalitajiet biex l-evalwazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku;

    (24)

    “bhejjem mejta” tfisser annimali li nqatlu permezz tal-ewtanasja b’dijanjożi definita jew mingħajrha jew li mietu, inklużi annimali li twieldu mejta u li ma twildux, ġo farm jew fi kwalunkwe bini jew matul it-trasport, iżda li ma nqatlux għall-konsum tal-bniedem;

    (25)

    “siġar li jikbru malajr” tfisser foresta b’rotazzjoni qasira, fejn iż-żmien minimu qabel il-ħsad ma jistax ikun anqas minn 8 snin u ż-żmien massimu qabel il-ħsad ma jistax jeċċedi l-20 sena;

    (26)

    “skema fiskali suċċessiva” tfisser skema fil-forma ta’ benefiċċji fiskali li tikkostitwixxi verżjoni emendata ta’ skema li preċedentement kienet teżisti fil-forma ta’ benefiċċji fiskali, u li tissostitwiha;

    (27)

    “kostijiet fissi li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fi skema ta’ kwalità” tfisser il-kostijiet imġarrba għad-dħul fi skema ta’ kwalità appoġġata u l-kontribuzzjoni annwali għall-parteċipazzjoni f’dik l-iskema ta’ kwalità, inkluża, fejn ikun hemm bżonn, in-nefqa fuq il-verifiki meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-iskema ta’ kwalità;

    (28)

    “bijokarburant magħmul mill-ikel” tfisser bijokarburant prodott minn għelejjel tal-ikel u tal-għalf, kif definit fid-Direttiva (UE) 2018/2001;

    (29)

    “oġġetti tal-ikel” tfisser oġġetti tal-ikel li ma humiex prodotti agrikoli u li huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22);

    (30)

    “l-ekwivalenti ta’ għotja gross” tfisser l-ammont tal-għajnuna li kieku ġie pprovdut fil-forma ta’ għotja lill-benefiċjarju, qabel ma titnaqqas kwalunkwe taxxa jew imposta oħra;

    (31)

    “għajnuna individwali” tfisser:

    (a)

    għajnuna ad hoc;

    (b)

    għotjiet ta’ għajnuna lil benefiċjarji individwali abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

    (32)

    “assi intanġibbli” tfisser assi li ma għandhomx forma fiżika jew finanzjarja bħal privattivi, liċenzji, għarfien espert jew proprjetà intellettwali oħra;

    (33)

    “investimenti sabiex tinżamm konformità ma’ standard tal-Unjoni” tfisser investimenti li jsiru sabiex ikun hemm konformità ma’ standard tal-Unjoni wara l-iskadenza tal-perjodu tranżizzjonali previst fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

    (34)

    “intrapriżi kbar” tfisser impriżi li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Anness I;

    (35)

    “il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli” tfisser iż-żamma jew il-wiri bl-iskop ta’ bejgħ, l-offerta għal bejgħ, il-kunsinna jew kwalunkwe mod ieħor ta’ tqegħid fis-suq, minbarra l-ewwel bejgħ minn bidwi lil bejjiegħa jew proċessuri u kwalunkwe attività li tħejji prodott għal dan l-ewwel bejgħ; bejgħ minn bidwi lill-konsumaturi finali jitqies bħala kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli jekk iseħħ f’bini jew faċilitajiet separati riżervati għal dak l-iskop;

    (36)

    “fond mutwu” tfisser skema akkreditata mill-Istat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu għall-bdiewa affiljati sabiex jassiguraw lilhom infushom, li fiha jsiru pagamenti kumpensatorji lill-bdiewa affiljati li jesperjenzaw telf ekonomiku;

    (37)

    “żoni ta’ Natura 2000” tfisser żoni agrikoli jew forestali speċjali kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/43/KEE u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/147/KE;

    (38)

    “diżastri naturali” tfisser terremoti, valangi, uqigħ tal-art u għargħar, uragani, trombi tal-arja, eruzzjonijiet vulkaniċi u nirien fil-foresti ta’ oriġini naturali;

    (39)

    “investiment mhux produttiv” tfisser investiment li ma jwassalx għal żieda sinifikanti fil-valur jew fil-profittabbiltà tal-azjenda;

    (40)

    “operazzjonijiet qabel l-ipproċessar industrijali” tfisser il-qtugħ, id-diżintegrazzjoni, l-istrippaġġ, it-tqattigħ, il-ħżin, it-trattament protettiv u t-tnixxif tal-injam u l-operazzjonijiet l-oħra kollha tax-xogħol qabel l-isserrar industrijali tal-injam f’mitħna għall-isserrar; kif ukoll l-isserrar fejn il-kapaċità massima tal-ipproċessar hija ta’ 20 000 m3 ta’ input tal-injam tond fis-sena għall-isserrar tal-injam;

    (41)

    “eventi klimatiċi avversi oħrajn” tfisser kundizzjonijiet tat-temp mhux favorevoli li ma jaqgħux fid-definizzjoni ta’event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali;

    (42)

    “reġjuni ultraperiferiċi” tfisser ir-reġjuni msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 349 tat-Trattat;

    (43)

    “pest tal-pjanti” tfisser: kwalunkwe speċi, razza jew bijotip ta’ pjanta, annimal jew patoġenu li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti;

    (44)

    “produzzjoni agrikola primarja” tfisser il-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħamrija u tat-trobbija tal-bhejjem, elenkati fl-Anness I tat-Trattat, mingħajr it-twettiq ta’ kwalunkwe operazzjoni ulterjuri li tbiddel in-natura ta’ dawn il-prodotti;

    (45)

    “ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirriżulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, minbarra attivitajiet fil-farm meħtieġa għat-tħejjija ta’ prodott mill-annimali jew mill-pjanti għall-ewwel bejgħ;

    (46)

    “grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi” tfisser grupp jew organizzazzjoni stabbiliti għall-fini:

    (a)

    tal-adattament tal-produzzjoni u l-output tal-produtturi li huma membri ta’ tali gruppi jew organizzazzjonijiet ta’ produtturi skont ir-rekwiżiti tas-suq;

    (b)

    tat-tqegħid b’mod konġunt ta’ prodotti fis-suq, inklużi l-preparazzjoni għall-bejgħ, iċ-ċentralizzazzjoni tal-bejgħ u l-provvista lix-xerrejja bl-ingrossa;

    (c)

    l-istabbiliment ta’ regoli komuni dwar l-informazzjoni fuq il-produzzjoni, b’attenzjoni partikolari għall-ħsad u d-disponibbiltà;

    (d)

    attivitajiet oħra li jistgħu jitwettqu minn gruppi jew organizzazzjonijiet ta’ produtturi, bħall-iżvilupp ta’ ħiliet kummerċjali u ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-organizzazzjoni u l-iffaċilitar ta’ proċessi ta’ innovazzjoni, il-ġestjoni konġunta tal-art tal-membri, l-użu ta’ prattiki ta’ kultivazzjoni u tekniki ta’ produzzjoni tajbin għall-ambjent, prattiki u tekniki tajbin għall-benessri tal-annimali;

    (47)

    “annimal protett” tfisser kwalunkwe annimal protett jew mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali, inklużi speċijiet ta’ annimali li għalihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi regoli speċifiċi sabiex tiġi ppreservata l-popolazzjoni;

    (48)

    “mappa tal-għajnuna reġjonali” tfisser il-lista taż-żoni deżinjati minn Stat Membru f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat (23) u approvata mill-Kummissjoni;

    (49)

    “self bil-quddiem li jitħallas lura” tfisser għoti ta’ self għal proġett li jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti parzjali u li l-kundizzjonijiet għar-rimborż tiegħu jiddependu fuq l-eżitu tal-proġett;

    (50)

    “organizzazzjoni ta’ riċerka u tixrid tal-għarfien” tfisser entità, irrispettivament mill-istatus legali jew il-mod ta’ finanzjament tagħha, li l-għan primarju tagħha huwa li twettaq b’mod indipendenti riċerka fundamentali, riċerka industrijali jew żvilupp sperimentali, jew li xxerred b’mod wiesa’ r-riżultati ta’ tali attivitajiet permezz ta’ tagħlim, pubblikazzjoni jew trasferiment tal-għarfien.

    (51)

    “il-gżejjer minuri tal-Eġew” tfisser il-gżejjer minuri msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24);

    (52)

    “SME” jew “intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju” tfisser impriżi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Anness I;

    (53)

    “bidu ta’ xogħlijiet fuq il-proġett jew l-attività” tfisser jew il-bidu tal-attivitajiet jew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbuta mal-investiment, liema minnhom jinbeda l-ewwel, jew l-ewwel impenn legalment vinkolanti sabiex jiġi ordnat apparat jew sabiex jiġu impjegati servizzi jew kull impenn ieħor li permezz tiegħu l-proġett jew l-attività jsiru irriversibbli; ix-xiri ta’ art u xogħlijiet preparatorji bħalma huma l-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji dwar il-fattibbiltà ma humiex ikkunsidrati bħala l-bidu ta’ xogħlijiet jew attività;

    (54)

    “servizzi sussidjarji” tfisser forma ta’ għajnuna, fejn l-għajnuna tingħata lill-benefiċjarju finali indirettament, in natura, u titħallas lill-fornitur tas-servizz jew tal-attività inkwistjoni;

    (55)

    “assi tanġibbli” tfisser assi li jikkonsistu f’art, bini u impjanti, makkinarju u tagħmir;

    (56)

    “kost tat-tranżazzjoni” tfisser il-kost addizzjonali konness mat-twettiq ta’ impenn, iżda mhux direttament attribwibbli għall-implimentazzjoni tiegħu jew mhux inkluż fil-kostijiet jew l-introjtu mitluf li għalihom jingħata kumpens b’mod dirett; u li jista’ jiġi kkalkolat abbażi ta’ kost standard;

    (57)

    “kostijiet tat-testijiet tal-Enċefalopatija Sponġiformi Trażmissibbli (TSE) u Enċefalopatija Sponġiformi Bovina (BSE)” tfisser il-kostijiet kollha, inklużi dawk għall-kits tat-testijiet u għat-teħid, it-trasport, l-ittestjar, il-ħażna u l-qerda ta’ kampjuni meħtieġa għat-teħid ta’ kampjuni u ttestjar fil-laboratorju f’konformità mal-Kapitolu C tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25);

    (58)

    “siġar għat-tkabbir ta’ msaġar b’rotazzjoni qasira” tfisser speċijiet ta’ siġar tal-kodiċi NM 06 02 9041 li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, li jikkonsistu minn għelejjel perenni tal-injam, fejn ir-riżomi jew iz-zkuk tagħhom jibqgħu fl-art wara l-ħsad, bi friegħi ġodda li jikbru fl-istaġun ta’ wara u b’ċiklu massimu tal-ħsad li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri;

    (59)

    “impriża f’diffikultà” tfisser impriża li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punt (18) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014;

    (60)

    “Standard tal-Unjoni” tfisser standard obbligatorju previst fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jistabbilixxi l-livell li impriżi individwali għandhom jiksbu, b’mod partikolari fir-rigward tal-ambjent, l-iġjene u t-trattament xieraq tal-annimali; madankollu, standards jew miri stabbiliti fil-livell tal-Unjoni li huma vinkolanti għall-Istati Membri iżda mhux għal impriżi individwali ma jitqisux bħala standards tal-Unjoni;

    (61)

    “bidwi żgħażugħ” tfisser bidwi kif iddeterminat minn Stat Membru fil-Pjan Strateġiku tal-PAK tiegħu f’konformità mal-Artikolu 4(6) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    Artikolu 3

    Il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni

    Skemi ta’ għajnuna, għajnuna individwali mogħtija taħt skemi bħal dawn u għajnuna ad hoc għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat u jkunu eżenti mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat sakemm din l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kategorija rilevanti ta’ għajnuna stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    Livelli limitu ta’ notifika

    1.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwalunkwe għajnuna individwali, fejn l-ekwivalenti ta’ għotja gross tagħha jeċċedi l-livelli limitu li ġejjin:

    (a)

    għajnuna għal investimenti f’azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja kif imsemmi fl-Artikolu 14: EUR 600 000 għal kull impriża għal kull proġett ta’ investiment;

    (b)

    għajnuna għal investimenti li jikkonċernaw ir-rilokazzjoni ta’ bini ta’ farm li tirriżulta fil-modernizzazzjoni ta’ faċilitajiet jew f’żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni hekk kif imsemmi fl-Artikolu 16(4): EUR 600 000 għal kull impriża għal kull proġett ta’ investiment;

    (c)

    għajnuna għal investimenti marbuta mal-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli hekk kif imsemmi fl-Artikolu 17: EUR 7,5 miljun għal kull impriża għal kull proġett ta’ investiment;

    (d)

    għajnuna għall-impenji dwar it-trattament xieraq tal-annimali, kif imsemmi fl-Artikolu 31: EUR 500 għal kull unità ta’ bhejjem fis-sena;

    (e)

    għajnuna għal żvantaġġi relatati ma’ żoni ta’ Natura 2000 kif imsemmija fl-Artikolu 33: EUR 500 għal kull ettaru fis-sena fil-perjodu inizjali ta’ massimu ta’ ħames snin u EUR 200 għal kull ettaru fis-sena minn hemm ’il quddiem;

    (f)

    għajnuna għal impenji agroambjentali klimatiċi kif imsemmija fl-Artikolu 34: EUR 600 għal kull ettaru fis-sena għall-għelejjel annwali, EUR 900 għal kull ettaru fis-sena għall-għelejjel perenni speċjalizzati u EUR 450 għal kull ettaru fis-sena għal użi oħra tal-art;

    (g)

    għajnuna għal sistemi ta’ agrikultura organika kif imsemmi fl-Artikolu 35: EUR 600 għal kull ettaru fis-sena għall-għelejjel annwali, EUR 900 għal kull ettaru fis-sena għall-għelejjel perenni speċjalizzati u EUR 450 għal kull ettaru fis-sena għal użi oħra tal-art;

    (h)

    għajnuna għal investimenti favur il-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali li jinsab fuq l-azjenda agrikola jew fil-foresti kif imsemmi fl-Artikolu 36: EUR 600 000 għal kull impriża għal kull proġett ta’ investiment;

    (i)

    għajnuna għal riċerka u żvilupp fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija kif imsemmi fl-Artikolu 38: EUR 7,5 miljun għal kull proġett;

    (j)

    għajnuna għall-kostijiet imġarrba mill-impriżi li jipparteċipaw fi proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP kif imsemmi fl-Artikolu 39: EUR 2 miljun għal kull impriża għal kull proġett;

    (k)

    ammonti limitati ta’ għajnuna lil impriżi li jipparteċipaw fi proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP jew jibbenefikaw minnhom, kif imsemmi fl-Artikolu 40: EUR 500 000 għal kull proġett tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP.

    (l)

    għajnuna għal afforestazzjoni u l-ħolqien ta’ msaġar kif imsemmi fl-Artikolu 41: EUR 7,5 miljun għal kull proġett ta’ investiment;

    (m)

    għajnuna għal sistemi ta’ agroforestrija kif imsemmi fl-Artikolu 42: EUR 7,5 miljun għal kull proġett ta’ stabbiliment ta’ sistema tal-agroforestrija;

    (n)

    għajnuna għal investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi forestali hekk kif imsemmi fl-Artikolu 44: EUR 7,5 miljun għal kull proġett ta’ investiment;

    (o)

    għajnuna għal żvantaġġi speċifiċi għaż-żona li jirriżultaw minn ċerti rekwiżiti obbligatorji kif imsemmi fl-Artikolu 45: EUR 500 għal kull ettaru fis-sena fil-perjodu tal-bidu li ma jaqbiżx il-ħames snin u EUR 200 għal kull ettaru fis-sena minn hemm ’il quddiem;

    (p)

    għajnuna għal servizzi ambjentali u klimatiċi tal-foresti u l-konservazzjoni tal-foresti kif imsemmi fl-Artikolu 46: EUR 200 għal kull ettaru fis-sena, bl-eċċezzjoni għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 46, il-paragrafu 8;

    (q)

    għajnuna għal servizzi konsultattivi fis-settur tal-forestrija kif imsemmi fl-Artikolu 48: EUR 200 000 għal kull impriża kull sena;

    (r)

    għajnuna għal investimenti fl-infrastruttura relatati mal-iżvilupp, il-modernizzazzjoni jew l-adattazzjoni tas-settur tal-forestrija hekk kif imsemmi fl-Artikolu 49: EUR 7,5 miljun għal kull proġett ta’ investiment;

    (s)

    għajnuna għal investimenti f’teknoloġiji tal-forestrija u fl-ipproċessar, l-immobilizzar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-forestrija kif imsemmi fl-Artikolu 50: EUR 7,5 miljun għal kull proġett ta’ investiment;

    (t)

    għajnuna għall-investimenti għal servizzi bażiċi u infrastruttura f’żoni rurali kif imsemmi fl-Artikolu 55: EUR 10 miljun għal kull proġett ta’ investiment;

    (u)

    għajnuna għall-kostijiet imġarrba mill-SMEs li jipparteċipaw fi proġetti tas-CLLD, deżinjati bħala żvilupp lokali LEADER skont il-proġetti tal-FAEŻR imsemmija fl-Artikolu 60: EUR 2 miljun għal kull impriża għal kull proġett;

    (v)

    ammont limitat ta’ għajnuna lill-SMEs li jibbenefikaw minn proġetti tas-CLLD kif imsemmi fl-Artikolu 61: EUR 200 000 għal kull proġett tas-CLLD.

    2.   Il-livelli limitu stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għandhomx jiġu evitati bil-qsim artifiċjali tal-iskemi ta’ għajnuna jew tal-proġetti tal-għajnuna.

    Artikolu 5

    It-trasparenza tal-għajnuna

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal għajnuna trasparenti.

    2.   Għajnuna għandha titqies li hija trasparenti jekk ikun possibbli li jiġi kkalkolat bi preċiżjoni l-ekwivalenti tal-għotja gross ex ante mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir valutazzjoni tar-riskju.

    3.   Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, il-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin għandhom jitqiesu bħala għajnuna trasparenti:

    (a)

    għajnuna li tikkonsisti f’għotjiet, sussidji fuq ir-rati tal-imgħax u servizzi ssussidjati;

    (b)

    għajnuna li tikkonsisti f’self, fejn l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkolata abbażi tar-rata ta’ referenza prevalenti fiż-żmien tal-għotja;

    (c)

    għajnuna inkluża f’garanziji fejn tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    l-ekwivalenti tal-għotja gross ġiet ikkalkolata abbażi ta’ primjums eżentati stabbiliti f’avviż tal-Kummissjoni;

    (ii)

    qabel l-implimentazzjoni tal-għajnuna, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ekwivalenti tal-għotja gross tal-garanzija tkun ġiet aċċettata abbażi tal-Avviż dwar il-Garanziji, wara n-notifika ta’ dik il-metodoloġija lill-Kummissjoni skont kwalunkwe regolament dwar l-għajnuna mill-Istat adottat mill-Kummissjoni applikabbli dak iż-żmien, u l-metodoloġija approvata tindirizza b’mod espliċitu t-tip ta’ garanzija u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti inkwistjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

    (d)

    għajnuna fil-forma ta’ vantaġġi tat-taxxa, fejn il-miżura tipprevedi limitu massimu li jiżgura li l-limitu applikabbli ma jinqabiżx;

    (e)

    l-għajnuna fil-forma ta’ self bil-quddiem li jitħallsu lura, jekk l-ammont nominali totali tas-self bil-quddiem li jitħallas lura ma jaqbiżx il-livelli limitu applikabbli skont dan ir-Regolament jew jekk, qabel l-implimentazzjoni tal-miżura, il-metodoloġija biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-għotja gross tas-self bil-quddiem li jitħallas lura tkun ġiet aċċettata wara n-notifika tagħha lill-Kummissjoni;

    (f)

    għajnuna fil-forma ta’ bejgħ jew kiri ta’ assi tanġibbli b’rati aktar baxxi mir-rati tas-suq fejn il-valur huwa stabbilit permezz ta’ evalwazzjoni minn esperti indipendenti qabel it-tranżazzjoni jew b’referenza għal punt ta’ riferiment disponibbli pubblikament u aġġornat regolarment u ġeneralment aċċettat.

    4.   Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, il-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna trasparenti:

    (a)

    għajnuna li tikkonsisti f’injezzjonijiet ta’ kapital;

    (b)

    għajnuna li tikkonsisti f’miżuri ta’ finanzjament ta’ riskju.

    Artikolu 6

    L-effett ta’ inċentiv

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal għajnuna li għandha effett ta’ inċentiv.

    2.   Għajnuna għandha tiġi kkunsidrata li għandha effett ta’ inċentiv jekk il-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni bil-miktub għal għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat qabel ma jkun inbeda x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività. L-applikazzjoni għall-għajnuna għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    l-isem u d-daqs tal-impriża;

    (b)

    id-deskrizzjoni tal-proġett jew tal-attività, inklużi d-dati tal-bidu u t-tmiem tagħhom;

    (c)

    il-post tal-proġett jew tal-attività;

    (d)

    lista tal-kostijiet eliġibbli;

    (e)

    it-tip (għotja, self, garanzija, self bil-quddiem li jitħallas lura jew oħrajn) u l-ammont ta’ finanzjament pubbliku meħtieġ għall-proġett/attività.

    3.   Għajnuna ad hoc mogħtija lil intrapriżi kbar titqies li għandha effett ta’ inċentiv jekk, flimkien mal-iżgurar li l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 hija ssodisfata, l-Istat Membru jkun ivverifika, qabel jagħti l-għajnuna ad hoc ikkonċernata, li d-dokumentazzjoni ppreparata mill-benefiċjarju tistabbilixxi li l-għajnuna se tirriżulta f’wieħed jew f’aktar min dawn li ġejjin:

    (a)

    żieda materjali fl-ambitu tal-proġett jew l-attività minħabba l-għajnuna;

    (b)

    żieda materjali fl-ammont totali minfuq mill-benefiċjarju fuq il-proġett jew attività minħabba l-għajnuna;

    (c)

    żieda materjali fil-ħeffa tat-tlestija tal-proġett jew attività kkonċernat/a;

    (d)

    fil-każ ta’ għajnuna ad hoc għall-investiment, li l-proġett jew l-attività ma kinux jitwettqu bħala tali fiż-żona rurali kkonċernata jew ma kinux ikunu profittabbli b’mod suffiċjenti għall-benefiċjarju fiż-żona rurali kkonċernata fin-nuqqas tal-għajnuna.

    Dawn ir-rekwiżiti ma japplikawx għall-muniċipalitajiet, li huma awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun u ta’ anqas minn 5 000 abitant.

    4.   B’deroga mill-paragrafi 2 u 3, il-miżuri fil-forma ta’ vantaġġi fiskali għandhom jitqiesu li għandhom effett ta’ inċentiv jekk ikunu ġew issodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-miżura tistabbilixxi dritt għall-għajnuna f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru;

    (b)

    il-miżura tkun ġiet adottata u tkun daħħlet fis-seħħ qabel ma x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività megħjuna jkun inbeda, ħlief fil-każ ta’ skemi fiskali suċċessivi, fejn l-attività tkun diġà ġiet koperta mill-iskemi preċedenti fil-forma ta’ benefiċċji fiskali.

    5.   Barra minn hekk, b’deroga mill-paragrafi 2, 3 u 4, il-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin ma humiex meħtieġa li jkollhom jew għandhom jitqiesu li jkollhom effett ta’ inċentiv:

    (a)

    skemi ta’ għajnuna għal konsolidazzjoni ta’ art fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15 jew l-Artikolu 53 huma ssodisfati u fejn:

    (i)

    l-iskema ta’ għajnuna tistabbilixxi dritt għal għajnuna f’konformità mal-kriterji oġġettivi u mingħajr eżerċizzju ulterjuri ta’ diskrezzjoni mill-Istat Membru; kif ukoll

    (ii)

    l-iskema ta’ għajnuna tiġi adottata u tkun fis-seħħ qabel ma jkunu ġġarrbu l-kostijiet eliġibbli skont l-Artikolu 15 jew l-Artikolu 53 mill-benefiċjarju;

    (b)

    għajnuna għal azzjonijiet ta’ informazzjoni fis-settur tal-agrikoltura f’konformità mal-Artikoli 21 u 22, li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni għal għadd mhux definit ta’ benefiċjarji;

    (c)

    għajnuna għal miżuri promozzjonali fil-forma ta’ pubblikazzjonijiet immirati lejn is-sensibilizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli fost il-pubbliku ġenerali meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 24(2), il-punt (b);

    (d)

    għajnuna biex tikkumpensa t-telf ikkawżat minn event klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali b’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25;

    (e)

    għajnuna biex tikkumpensa għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali u tal-pesti tal-pjanti u għat-telf ikkawżat minn dak il-mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26;

    (f)

    għajnuna biex tkopri l-kostijiet tat-tneħħija u tal-qerda ta’ bhejjem mejta meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (c), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 27(2);

    (g)

    għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 29 jkunu ssodisfati;

    (h)

    għajnuna għal żvantaġġi relatati ma’ żoni ta’ Natura 2000 kif imsemmi fl-Artikolu 33;

    (i)

    għajnuna għal investimenti favur il-konservazzjoni tal-wirt kulturali u naturali li jinsabu fl-azjendi agrikoli jew fil-foresti meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 36;

    (j)

    għajnuna li tagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati minn diżastri naturali fis-settur tal-agrikoltura meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 37;

    (k)

    għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 38;

    (l)

    għajnuna għar-restawr ta’ ħsara lill-foresti skont l-Artikolu 43(2), il-punt (d), meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 jiġu ssodisfati;

    (m)

    għajnuna għal azzjonijiet ta’ informazzjoni fis-settur tal-forestrija f’konformità mal-Artikoli 47 u 48, li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-informazzjoni għal għadd mhux definit ta’ benefiċjarji;

    (n)

    għajnuna għall-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi fil-forestrija fejn ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 51;

    (o)

    għajnuna għall-parteċipazzjoni ta’ bdiewa attivi fl-iskemi ta’ kwalità għall-qoton u għall-oġġetti tal-ikel meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 58;

    (p)

    għajnuna għall-impriżi li jipparteċipaw fi jew li jibbenefikaw minn proġetti tas-CLLD u minn proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP, jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti fl-Artikoli 39, 40, 60 u 61.

    Artikolu 7

    L-intensità tal-għajnuna u l-kostijiet eliġibbli

    1.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna u l-kostijiet eliġibbli, għandhom jittieħdu ċ-ċifri użati kollha qabel kull tnaqqis fit-taxxa jew imposta oħra. Il-kostijiet eleġibbli għandhom ikunu appoġġati minn evidenza dokumentarja li għandha tkun ċara, speċifika u kontemporanja. L-ammonti ta’ kostijiet eliġibbli jistgħu jiġu kkalkulati f’konformità mal-għażliet tal-kostijiet issimplifikati stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1060 u r-Regolament (UE) 2021/2115, dment li l-operazzjoni tkun mill-inqas parzjalment iffinanzjata permezz tal-FAEŻR u li l-kategorija tal-kostijiet tkun eliġibbli skont id-dispożizzjoni ta’ eżenzjoni rilevanti.

    2.   Ammonti ta’ għajnuna għall-miżuri jew tipi ta’ operazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 31, 34, 33, 35, 41, 45 u 46 jistgħu jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ suppożizzjonijiet standard ta’ kostijiet addizzjonali u introjtu mitluf. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kalkoli u l-għajnuna korrispondenti jkun fihom biss elementi li huma verifikabbli, huma bbażati fuq ċifri stabbiliti minn għarfien espert xieraq, jindikaw b’mod ċar is-sors taċ-ċifri użati, huma differenzjati biex jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-sit reġjonali jew lokali u l-użu attwali tal-art, fejn applikabbli u ma fihomx elementi marbuta mal-kostijiet tal-investiment.

    3.   It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ma għandhiex tkun eliġibbli għal għajnuna, minbarra meta ma tkunx tista’ tiġi rkuprata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-VAT.

    4.   Meta l-għajnuna tingħata f’forma oħra għajr għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna.

    5.   L-għajnuna pagabbli fil-futur, inkluża għajnuna f’għadd ta’ pagamenti parzjali, għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Il-kostijiet eliġibbli għandhom jiġu skontati għall-valur tagħhom fid-data tal-għoti tal-għajnuna. Ir-rata tal-imgħax li għandha tintuża għall-finijiet ta’ skontar għandha tkun ir-rata ta’ skont applikabbli fid-data tal-għoti tal-għajnuna.

    6.   Meta l-għajnuna tingħata permezz ta’ vantaġġi fiskali, l-iskontar tal-porzjonijiet tal-għajnuna għandu jsir abbażi tar-rati ta’ skont applikabbli fid-diversi drabi meta jidħol fis-seħħ il-benefiċċju fiskali.

    7.   Meta l-għajnuna tingħata fil-forma ta’ self bil-quddiem li jitħallas lura li, fin-nuqqas ta’ metodoloġija aċċettata biex jiġi kkalkolat l-ekwivalenti ta’ għotja gross tagħhom, jiġi espress bħala perċentwal tal-kostijiet eliġibbli u l-miżura tipprovdi li fil-każ ta’ eżitu ta’ suċċess tal-proġett, kif definit fuq il-bażi ta’ ipoteżi raġonevoli u prudenti, is-self bil-quddiem għandu jitħallas lura b’rata tal-imgħax li tkun mill-anqas daqs ir-rata ta’ skont applikabbli fid-data tal-għotja tal-għajnuna, l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna stipulati fil-Kapitolu III jistgħu jiżdiedu b’10 punti perċentwali.

    Artikolu 8

    Kumulazzjoni

    1.   Sabiex jiġi stabbilit jekk humiex osservati l-livelli limitu ta’ notifika individwali previsti fl-Artikolu 4 u l-intensitajiet massimi ta’ għajnuna u l-ammonti massimi ta’ għajnuna stabbiliti fil-Kapitolu III, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat għall-attività jew il-proġett jew l-impriża megħjuna.

    2.   Meta finanzjament tal-Unjoni ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-impriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni li mhux direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istat Membru huwa kkombinat flimkien ma’ għajnuna mill-Istat, dan tal-aħħar biss għandu jitqies sabiex jiġi stabbilit jekk ġewx osservati l-livelli limitu ta’ notifika u tal-intensitajiet massimi ta’ għajnuna jew l-ammonti massimi ta’ għajnuna, dment li l-ammont totali ta’ finanzjament pubbliku mogħti għal dawn il-kostijiet eliġibbli ma jaqbiżx ir-rata ta’ finanzjament l-aktar favorevoli stabbilita fir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

    3.   Għajnuna b’kostijiet eliġibbli identifikabbli, eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat skont dan ir-Regolament, tista’ tiġi akkumulata ma’:

    (a)

    kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, sakemm dawk il-miżuri jkunu jikkonċernaw kostijiet eliġibbli differenti li jistgħu jiġu identifikati;

    (b)

    kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, b’rabta mal-istess kostijiet eliġibbli, parzjalment jew kompletament imrikkba, biss jekk tali kumulazzjoni ma twassalx biex jinqabżu l-ogħla intensità ta’ għajnuna jew l-ammont ta’ għajnuna applikabbli għal din l-għajnuna skont dan ir-Regolament.

    4.   Għajnuna mingħajr kostijiet eliġibbli identifikabbli eżentata skont l-Artikoli 18, 19, 40 u 61 tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat b’kostijiet eliġibbli identifikabbli.

    Għajnuna mingħajr kostijiet eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat oħra mingħajr kostijiet eliġibbli identifikabbli, sal-ogħla limitu tal-finanzjament totali rilevanti stabbilit fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’ dan ir-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija jew ta’ deċiżjoni adottati mill-Kummissjoni.

    5.   Għajnuna mill-Istat eżentata skont it-Taqsimiet 1, 2 u 3 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi akkumulata mal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 145(2) u l-Artikolu 146 tar-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli jekk tali akkumulazzjoni tirriżulta f’intensità ta’ għajnuna jew ammont ta’ għajnuna li jaqbeż dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    6.   Għajnuna mill-Istat mogħtija skont l-Artikoli 31, 34 u 35 ma għandhiex tiġi akkumulata mal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115 fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli jekk tali akkumulazzjoni tirriżulta f’intensità ta’ għajnuna jew ammont ta’ għajnuna li jaqbeż dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    7.   Għajnuna mill-Istat eżentata skont dan ir-regolament ma għandha tiġi akkumulata ma’ ebda għajnuna de minimis fir-rigward tal-istess kostijiet eliġibbli jekk tali akkumulu jirriżulta f’intensità ta’ għajnuna jew ammont ta’ għajnuna li jeċċedi dawk li hemm stabbiliti fil-Kapitolu III.

    8.   Għajnuna għal investimenti mmirati lejn ir-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 14(3), ma għandhiex tiġi akkumulata ma’ għajnuna għal kumpens għal ħsara materjali msemmija fl-Artikoli 25, 26, 28 u 37.

    9.   Għajnuna inizjali għal gruppi ta’ produtturi u organizzazzjonijiet fis-settur tal-agrikoltura kif imsemmi fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament m’għandiex tiġi kumulata ma għajnuna għall-istabbiliment ta’ gruppi ta’ produtturi u organizzazzjonijiet fis-settur tal-agrikoltura kif imsemmi fl-Artikolu 77 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    10.   Għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal bdiewa żgħażagħ u għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal attivitajiet agrikoli kif imsemmi fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi akkumulata mal-appoġġ għall-installazzjoni ta’ bdiewa żgħażagħ jew għall-bidu ta’ negozju rurali kif imsemmi fl-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jekk tali akkumulazzjoni tirriżulta f’ammont ta’ għajnuna li jaqbeż dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    Artikolu 9

    Pubblikazzjoni u informazzjoni

    1.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura l-pubblikazzjoni fil-modulu tal-għoti tat-trasparenza tal-Kummissjoni (26) jew fuq sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livell nazzjonali jew reġjonali ta’:

    (a)

    l-informazzjoni miġbura fil-qosor imsemmija fl-Artikolu 11 jew link għaliha;

    (b)

    it-test sħiħ ta’ kull għajnuna msemmija fl-Artikolu 11, inklużi l-emendi tagħha, jew link li tipprovdi aċċess għat-test sħiħ;

    (c)

    l-informazzjoni msemmija fl-Anness III dwar kull għotja tal-għajnuna individwali li taqbeż dawn li ġejjin:

    (i)

    EUR 10 000 għal benefiċjarji attivi fis-settur tal-produzzjoni agrikola primarja;

    (ii)

    EUR 100 000 għal benefiċjarji fis-settur tal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli, tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fis-settur tal-forestrija jew għal attivitajiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 tat-Trattat.

    2.   Għall-iskemi ta’ għajnuna fil-forma ta’ benefiċċji tat-taxxa, għandu jitqies li jkunu ntlaħqu il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jekk l-Istati Membri jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa dwar l-ammonti tal-għajnuna individwali fil-firxiet li ġejjin f’EUR miljuni:

    (a)

    0,01- 0,1 biss għal produzzjoni agrikola primarja;

    (b)

    0,1- 0,5;

    (c)

    0,5-1;

    (d)

    minn 1 sa 2;

    (e)

    minn 2 sa 5;

    (f)

    minn 5 sa 10;

    (g)

    minn 10 sa 30;

    (h)

    30 u aktar.

    3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun organizzata u għandha tkun aċċessibbli b’mod standardizzat, kif stabbilit fl-Anness III, u għandha tippermetti li jkun hemm funzjonijiet effettivi ta’ tiftix u ta’ tniżżil tagħha. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punt (c) għandha tiġi ppubblikata fi żmien sitt xhur mid-data tal-għoti tal-għajnuna jew, għal għajnuna fil-forma ta’ vantaġġ fiskali, fi żmien sena mid-data meta għandha tintbagħat id-dikjarazzjoni fiskali, u għandha tkun disponibbli mill-anqas 10 snin mid-data tal-għoti tal-għajnuna.

    4.   It-test sħiħ tal-iskema ta’ għajnuna jew tal-għajnuna ad hoc imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jinkludi, b’mod partikolari, riferiment espliċitu għal dan ir-Regolament, billi jikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Kapitolu III ikkonċernati minn dak l-att, jew fejn applikabbli, għal-liġi nazzjonali li tiżgura li tinżamm konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament. L-iskema ta’ għajnuna jew l-għajnuna ad hoc għandhom ikunu akkumpanjati mid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha u mill-emendi tagħha.

    5.   L-obbligi ta’ pubblikazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal għajnuna mogħtija lil proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP u għal proġetti tas-CLLD skont l-Artikoli 39, 40, 60 u 61.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha:

    (a)

    l-informazzjoni miġbura fil-qosor imsemmija fil-paragrafu 1;

    (b)

    il-links għas-siti web tal-għajnuna mill-Istat, tal-Istati Membri kollha, imsemmija fil-paragrafu 1.

    KAPITOLU II

    Rekwiżiti proċedurali

    Artikolu 10

    Irtirar tal-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija

    Meta Stat Membru jagħti għajnuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli I, II u III ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, wara li tkun ipprovdiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-possibbiltà li jesprimi l-fehmiet tiegħu, tadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-miżuri ta’ għajnuna futuri kollha jew uħud minnhom adottati mill-Istat Membru kkonċernat li kieku jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Il-miżuri li għandhom jiġu notifikati jistgħu jkunu limitati għal ċertu tipi ta’ għajnuna, għal għajnuna mogħtija favur ċerti benefiċjarji jew għal għajnuna adottata minn ċerti awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 11

    Rapportar

    1.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni, permezz tas-sistema ta’ notifika elettronika tal-Kummissjoni, l-informazzjoni miġbura fil-qosor dwar kull miżura ta’ għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament fil-format standardizzat stabbilit fl-Anness II, flimkien ma’ link li tipprovdi aċċess għat-test sħiħ tal-miżura ta’ għajnuna, inklużi l-emendi tagħha, fi żmien 20 jum tax-xogħol wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

    2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni f’forma elettronika rapport annwali, kif imsemmi fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 794/2004, dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ kull sena sħiħa jew ta’ kull parti tas-sena li matulha japplika dan ir-Regolament.

    3.   Ir-rapport annwali għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni li tikkonċerna dan li ġej:

    (a)

    mard tal-annimali u pesti tal-pjanti kif imsemmija fl-Artikolu 26;

    (b)

    informazzjoni meteoroloġika dwar it-tip, it-twaqqit, il-kobor relattiv u l-lokalizzazzjoni ta’ avvenimenti klimatiċi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastru naturali kif imsemmi fl-Artikolu 25 jew diżastri naturali fis-settur tal-agrikoltura kif imsemmi fl-Artikolu 37;

    4.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP u lil proġetti ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (“CLLD”) kif imsemmija fl-Artikoli 40 u 61.

    Artikolu 12

    Evalwazzjoni

    1.   Skemi ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(3) għandhom ikunu soġġetti għal evalwazzjoni ex post jekk ikollhom baġit tal-għajnuna mill-Istat jew infiq kontabilizzat ta’ aktar minn EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena partikolari jew EUR 750 miljun tul id-durata totali tagħhom, jiġifieri t-tul ta’ żmien ikkombinat tal-iskema u kwalunkwe skema predeċessura li tkopri objettiv u żona ġeografika simili, li tibda mill-1 ta’ Jannar 2023. Minħabba l-objettivi tal-evalwazzjoni, u biex jiġi evitat li jitqiegħed piż sproporzjonat fuq l-Istati Membri, evalwazzjonijiet ex post għandhom ikunu meħtieġa biss għal skemi ta’ għajnuna li t-tul ta’ żmien totali tagħhom jaqbeż it-tliet snin, li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2023.

    2.   Ir-rekwiżit tal-evalwazzjoni ex post jista’ jiġi eżentat fil-każ ta’ skemi ta’ għajnuna li huma suċċessur immedjat ta’ skema li tkopri objettiv u żona ġeografika simili li kienet soġġetta għal evalwazzjoni, li r-rapport ta’ evalwazzjoni finali tagħha kien f’konformità mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni u ma ġġenerat l-ebda sejba negattiva. Fejn ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali ta’ skema ma jkunx konformi mal-pjan ta’ evalwazzjoni approvat, dik l-iskema għandha tiġi sospiża b’effett immedjat. Kwalunkwe suċċessur ta’ tali skema sospiża ma għandux igawdi l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

    3.   L-għan tal-evalwazzjoni għandu jkun li jiġi verifikat jekk is-suppożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet sottostanti għall-kompatibbiltà tal-iskema ntlaħqux, b’mod partikolari l-ħtieġa u l-effettività tal-miżura ta’ għajnuna fid-dawl tal-objettivi ġenerali u speċifiċi tagħha. L-evalwazzjoni għandha tivvaluta wkoll l-impatt tal-iskema fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.

    4.   Għal skemi ta’ għajnuna soġġetti għar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw abbozz ta’ pjan ta’ evalwazzjoni kif ġej:

    (a)

    fi żmien 20 jum ta’ xogħol mid-dħul fis-seħħ tal-iskema, jekk il-baġit tal-għajnuna mill-Istat tal-iskema jaqbeż EUR 150 miljun fi kwalunkwe sena partikolari jew EUR 750 miljun matul id-durata totali tagħha;

    (b)

    fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara bidla sinifikanti li permezz tagħha l-baġit tal-iskema jiżdied għal aktar minn EUR 150 miljun f’xi sena partikolari jew EUR 750 miljun tul id-durata kollha tal-iskema;

    (c)

    fi żmien 30 jum ta’ xogħol wara r-reġistrazzjoni tan-nefqa fil-kontijiet uffiċjali taħt l-iskema li taqbeż il-EUR 150 miljun f’xi sena partikolari.

    5.   L-abbozz tal-pjan ta’ evalwazzjoni għandu jkun f’konformità mal-metodoloġija komuni għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat adottata mill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-pjan ta’ evalwazzjoni approvat mill-Kummissjoni.

    6.   L-evalwazzjoni ex post għandha ssir minn espert li jkun indipendenti mill-awtorità awtorizzanti tal-għajnuna fuq il-bażi tal-pjan ta’ evalwazzjoni. Kull evalwazzjoni għandha tinkludi mill-inqas rapport ta’ evalwazzjoni interim wieħed u wieħed finali. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw iż-żewġ rapporti.

    7.   Ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel l-iskadenza tal-iskema eżentata. Dak il-perjodu jista’ jitnaqqas għal skemi li jiskattaw ir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni fl-aħħar sentejn ta’ implimentazzjoni tagħhom. L-ambitu u l-arranġamenti preċiżi għal kull evalwazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fid-deċiżjoni li tapprova l-pjan ta’ evalwazzjoni. In-notifika ta’ kull miżura ta’ għajnuna sussegwenti b’objettiv simili għandha tiddeskrivi b’liema mod ġew meqjusin ir-riżultati tal-evalwazzjoni.

    Artikolu 13

    Monitoraġġ

    L-Istati Membri għandhom iżommu rekords dettaljati bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa biex jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament huma ssodisfati. Dawn ir-rekords għandhom jinżammu għal 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna ad hoc jew li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna taħt l-iskema. L-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol jew perjodu itwal skont kif jiġi stabbilit fit-talba, l-informazzjoni kollha u d-dokumentazzjoni ta’ appoġġ li l-Kummissjoni tqis neċessarja sabiex timmonitorja l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    KAPITOLU III

    Kategoriji ta’ għajnuna

    Taqsima 1

    Għajnuna favur l-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja, fl-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli jew fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli

    Artikolu 14

    Għajnuna għal investimenti f’azjendi agrikoli relatata mal-produzzjoni agrikola primarja

    1.   Għajnuna għal investimenti f’azjendi agrikoli marbuta mal-produzzjoni agrikola primarja għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-investimenti għandhom jitwettqu minn benefiċjarju wieħed jew minn aktar benefiċjarju wieħed jew ikollhom x’jaqsmu ma’ assi tanġibbli jew assi intanġibbli użati minn benefiċjarju wieħed jew minn aktar benefiċjarju wieħed.

    3.   L-investiment għandu jsegwi notevolment l-objettivi li ġejjin:

    (a)

    it-titjib tal-prestazzjoni globali u s-sostenibbiltà tal-azjenda agrikola, b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis fil-kostijiet ta’ produzzjoni jew it-titjib u t-tqassim mill-ġdid ta’ produzzjoni;

    (b)

    it-titjib tal-ambjent naturali, tal-kundizzjonijiet tal-iġjene jew tal-istandards tat-trattament xieraq tal-annimali;

    (c)

    il-ħolqien u t-titjib ta’ infrastruttura relatata mal-iżvilupp, mal-adattament u mal-modernizzazzjoni tal-agrikoltura, inkluż aċċess għall-art agrikola, il-konsolidazzjoni u t-titjib tal-art, l-effiċjenza enerġetika, il-provvista tal-enerġija sostenibbli u l-iffrankar tal-ilma jew tal-enerġija;

    (d)

    ir-restawr tal-potenzjal ta’ produzzjoni li jkun ġarrab ħsara minn diżastri naturali, minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastri naturali, minn mard tal-annimali u pesti tal-pjanti, minn annimali protetti u l-prevenzjoni tal-ħsarat ikkawżati minn dawn l-avvenimenti u l-fatturi; jekk il-ħsara tista’ tkun relatata mat-tibdil fil-klima, il-benefiċjarji għandhom, fejn xieraq, jinkludu miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima fir-restawr.

    (e)

    il-kontribuzzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, inkluż billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jittejjeb is-sekwestru tal-karbonju, kif ukoll il-promozzjoni tal-enerġija sostenibbli u l-effiċjenza enerġetika;

    (f)

    il-kontribut għal bijoekonomija ċirkolari sostenibbli u t-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija u l-arja, inkluż billi titnaqqas id-dipendenza fuq sustanzi kimiċi;

    (g)

    il-kontribuzzjoni għat-twaqqif u għat-treġġigħ lura tat-telfien tal-bijodiversità, għat-titjib tas-servizzi tal-ekosistema u għall-preservazzjoni tal-ħabitats u tal-pajsaġġi.

    4.   L-investiment jista’ jkun marbut mal-produzzjoni fil-livell tal-farm ta’ bijofjuwils jew ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, sakemm tali produzzjoni ma teċċedix il-medja annwali tal-konsum ta’ fjuwils jew enerġija ta’ farm partikolari.

    Meta l-investiment isir għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-faċilitajiet tal-produzzjoni ma għandiex tkun aktar mill-ekwivalenti għall-medja tal-konsum annwali ta’ fjuwil għat-trasport tal-azjenda agrikola u l-bijofjuwil prodott ma għandux jinbiegħ fis-suq.

    Meta l-investiment isir għall-produzzjoni ta’ enerġija termali u tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fuq azjendi agrikoli, il-faċilitajiet tal-produzzjoni għandhom jaqdu l-bżonnijiet tal-enerġija tal-benefiċjarji biss u l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom ma għandhiex tkun akbar mill-ekwivalenti tal-medja kkombinata tal-konsum annwali tal-enerġija ta’ enerġija termali u tal-elettriku fuq l-azjenda agrikola, inkluż l-unità domestika tal-farm. Il-bejgħ ta’ elettriku fil-grilja għandu jkun permess biss sa fejn jiġi osservat il-limitu annwali ta’ konsum proprju.

    Meta l-investiment isir minn aktar minn benefiċjarju wieħed bl-iskop li jaqdu l-bżonnijiet tagħhom stess tal-bijofjuwil u tal-enerġija, il-medja tal-konsum annwali għandha tiġi akkumulata mal-ammont ekwivalenti għall-medja tal-konsum annwali tal-benefiċjarji kollha.

    Investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija rinnovabbli li jikkunsmaw jew li jipproduċu l-enerġija għandhom jikkonformaw mal-istandards minimi għall-effiċjenza fl-enerġija fejn standards bħal dawn jeżistu fil-livell nazzjonali.

    Investimenti f’installazzjonijiet, li l-iskop primarju tagħhom huwa l-produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa, ma għandhomx ikunu eliġibbli għal għajnuna sakemm ma jintużax perċentwal minimu ta’ enerġija termali li jrid jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti għall-proporzjonijiet massimi ta’ ċereali u għelejjel oħra rikki fil-lamtu, zokkor u għelejjel taż-żejt li jintużaw għall-produzzjoni tal-bijoenerġija, inklużi l-bijofjuwils għal tipi differenti ta’ installazzjonijiet skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Għajnuna għal proġetti ta’ investiment fil-bijoenerġija għandha tkun limitata għall-bijoenerġija li tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    5.   Għal investimenti li jeħtieġu valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) l-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li tkun saret tali valutazzjoni u li jkun ingħata l-permess għall-iżvilupp għall-proġett ta’ investiment ikkonċernat qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna individwali.

    6.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostijiet għall-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-kiri, jew it-titjib ta’ proprjetà immobbli, inklużi investimenti f’wajers passivi interni jew kejbils strutturati għal netwerks tad-data u, jekk meħtieġ, il-parti anċillari tan-netwerk passiv fuq il-proprjetà privata barra l-bini, bl-art mixtrija tkun eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx l10 % tal-kostijiet totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata;

    (b)

    ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

    (c)

    il-kostijiet ġenerali marbuta man-nefqa msemmija fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u tal-konsultazzjoni, tariffi relatati ma’ konsulenza dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, enerġija sostenibbli, effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-istudji dwar il-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà għandhom jibqgħu nefqa eliġibbli anke fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ebda nefqa skont il-punti (a) u (b) ma tkun iġġarrbet;

    (d)

    it-tariffi tal-akkwiżizzjoni, tal-iżvilupp jew tal-użu ta’ software tal-kompjuter, ta’ cloud u ta’ soluzzjonijiet simili, u l-akkwiżizzjoni ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u trademarks;

    (e)

    l-ispejjeż għal investimenti mhux produttivi relatati mal-objettivi ambjentali u relatati mal-klima speċifiċi msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (e), (f) u (g);

    (f)

    fil-każ ta’ irrigazzjoni, il-kostijiet għall-investimenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    pjan ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara, f’konformità mad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), ikun ġie nnotifikat lill-Kummissjoni għaż-żona kollha li fiha jkun se jsir l-investiment, kif ukoll għal kwalunkwe żona oħra fejn l-ambjent jista’ jiġi affettwat mill-investiment; il-miżuri adottati taħt il-pjan ta’ mmaniġġar tal-baċir tax-xmara f’konformità mal-Artikolu 11 tal-istess Direttiva u li huma ta’ rilevanza għas-settur agrikolu għandhom ikunu ġew speċifikati fil-programm tal-miżuri rilevanti;

    (ii)

    kejl tal-ilma li jippermetti li jitkejjel l-użu tal-ilma fil-livell tal-investiment appoġġat huwa fis-seħħ jew għandu jiġi implimentat bħala parti mill-investiment;

    (iii)

    investiment f’titjib ta’ installazzjoni ta’ irrigazzjoni eżistenti jew element ta’ infrastruttura ta’ irrigazzjoni għandu jiġi vvalutat ex ante biex jiġi offrut iffrankar tal-ilma li jirrifletti l-parametri tekniċi tal-installazzjoni jew l-infrastruttura eżistenti;

    (iv)

    jekk l-investiment jaffettwa korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art jew tal-wiċċ li l-istatus tagħhom ġie identifikat bħala inqas minn tajjeb fil-pjan ta’ ġestjoni tal-baċin tax-xmara rilevanti għal raġunijiet relatati mal-kwantità tal-ilma, jew jekk il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà klimatika u tar-riskju l-aktar avvanzati jkunu ddeterminaw (29) li l-korpi tal-ilma affettwati fi stat tajjeb jistgħu jitilfu l-istatus tagħhom għal raġunijiet relatati mal-kwantità tal-ilma kkawżata mill-impatti tat-tibdil fil-klima, għandu jinkiseb tnaqqis effettiv fl-użu tal-ilma li jikkontribwixxi għall-kisba u ż-żamma ta’ status tajjeb ta’ dawk il-korpi tal-ilma, kif previst fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60/KE. Il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza preċedenti ma għandhomx japplikaw għal investiment f’installazzjoni eżistenti li taffettwa biss l-effiċjenza enerġetika jew għal investiment fil-ħolqien ta’ ġibjun jew għal investiment fl-użu ta’ ilma rriċiklat li ma jaffettwax korp ta’ ilma ta’ taħt l-art jew tal-wiċċ;

    (v)

    l-Istat Membru għandu jistabbilixxi perċentwali għall-iffrankar potenzjali tal-ilma u għat-tnaqqis effettiv fl-użu tal-ilma bħala kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, biex jiġi żgurat li jkun hemm tnaqqis effettiv tal-ammont ta’ ilma li jgħaddi mit-tagħmir meta mqabbel mal-livelli tal-2014–2020 u għalhekk biex tiġi evitata rigressjoni fil-livell ta’ ambizzjoni ambjentali:

    il-perċentwal tal-iffrankar potenzjali tal-ilma għandu jkun mill-inqas 5 %, meta il-parametri tekniċi tal-installazzjoni jew tal-infrastruttura eżistenti diġà jiżguraw livell għoli ta’ effiċjenza (qabel l-investiment), u mill-inqas 25 %, meta l-grad attwali ta’ effiċjenza jkun baxx u/jew għal investimenti li jseħħu f’żoni meta l-iffrankar tal-ilma jkun l-aktar meħtieġ biex jiġi żgurat li jinkiseb status tajjeb tal-ilma;

    il-perċentwal ta’ tnaqqis effettiv fl-użu tal-ilma għandu jkun, fil-livell tal-investiment kollu kemm hu, mill-inqas 50 % tal-iffrankar potenzjali tal-ilma li jsir possibbli permezz tal-investiment fl-installazzjoni tal-irrigazzjoni eżistenti jew fl-element tal-infrastruttura;

    tali ffrankar tal-ilma jrid jirrifletti l-ħtiġijiet stabbiliti fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċir idrografiku li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/60/KE.

    (g)

    l-appoġġ jista’ jingħata għal investimenti fl-użu tal-ilma reklamat bħala provvista alternattiva tal-ilma biss jekk il-provvista u l-użu ta’ tali ilma jkunu konformi mar-Regolament Nru (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30);

    (h)

    fil-każ ta’ investimenti mmirati għar-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola li tkun saritlu ħsara minn diżastri naturali, eventi klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastri naturali, mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti, il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu l-kostijiet imġarrba għar-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni agrikola sal-livell li kien qabel l-okkorrenza ta’ dawk l-avvenimenti;

    (i)

    fil-każ ta’ investimenti mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ ħsara kkawżata minn diżastri naturali, eventi klimatiċi avversi li jistgħu jkunu assimilati ma’ diżastri naturali, mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti, il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu l-kostijiet ta’ azzjonijiet preventivi speċifiċi.

    7.   Il-kostijiet, għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 6, relatati ma’ kuntratti ta’ kiri, bħal marġni tal-lokatur, il-kostijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tal-imgħax, il-kostijiet ġenerali u t-tariffi tal-assigurazzjoni ma għandhomx jitqiesu li huma kostijiet eliġibbli.

    Il-kapital operatorju ma għandux jiġi kkunsidrat li huwa kost eliġibbli.

    8.   Fil-każ tat-tisqija, l-għajnuna għandha titħallas biss mill-Istati Membri li jiżguraw, fir-rigward tad-distrett tal-baċir tax-xmara fejn isir l-investiment, kontribuzzjoni tal-użi differenti tal-ilma għall-irkupru tal-kostijiet tas-servizzi tal-ilma mis-settur agrikolu, f’konformità mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60/KE filwaqt li jitqiesu, meta jkun xieraq, l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjuni jew reġjuni milquta.

    9.   L-għajnuna ma għandhiex tingħata fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

    (a)

    ix-xiri ta’ intitolamenti għal pagament;

    (b)

    ix-xiri u t-tħawwil ta’ pjanti annwali bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna li tkopri l-kostijiet imsemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 6;

    (c)

    xogħlijiet ta’ drenaġġ;

    (d)

    ix-xiri ta’ annimali, bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna li tkopri l-kostijiet imsemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 6 u x-xiri ta’ klieb tal-għassa;

    (e)

    il-wajers u l-kejbils għan-networks tad-data barra mill-proprjetà privata.

    10.   L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tingħata bi ksur ta’ xi projbizzjoni jew restrizzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, anke fejn dawn il-projbizzjonijiet u restrizzjonijiet jirreferu biss għall-appoġġ tal-Unjoni previst f’dak ir-regolament.

    11.   L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-65 % tal-kostijiet eliġibbli.

    12.   L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied għal massimu ta’ 80 % għall-investimenti li ġejjin:

    (a)

    investimenti marbuta ma’ wieħed jew aktar mill-objettivi speċifiċi relatati mal-ambjent u mal-klima msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (e), (f) u (g), jew mat-trattament xieraq tal-annimali;

    (b)

    investimenti minn bdiewa żgħażagħ;

    (c)

    investimenti fir-reġjuni ultraperiferiċi jew fil-gżejjer minuri tal-Eġew.

    13.   L-intensità tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 12 punt (c), tista’ tiżdied sa massimu ta’ 85 % għal investimenti ta’ azjendi agrikoli żgħar skont it-tifsira tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    14.   L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied għal massimu ta’ 100 % għall-investimenti li ġejjin:

    (a)

    investimenti mhux produttivi marbuta mal-objettivi msemmija fil-paragrafu 3, il-punti (e), (f) u (g);

    (b)

    investimenti għar-restawr tal-potenzjal tal-produzzjoni msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3, u investimenti relatati mal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju ta’ danni kkawżati minn diżastri naturali, eventi straordinarji, eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, jew annimali protetti.

    15.   L-intensità tal-għajnuna għall-irrigazzjoni skont il-paragrafu 6, il-punt (f) għandha tkun limitata għal rata waħda jew aktar li ma taqbiżx:

    (a)

    80 % tal-kostijiet eliġibbli għall-irrigazzjoni tal-investimenti fil-farms magħmula skont il-paragrafu 6, punt (f)(iii);

    (b)

    100 % tal-kostijiet eliġibbli għall-investimenti fl-infrastruttura mhux tal-farms fl-agrikoltura li jridu jintużaw għall-irrigazzjoni;

    (c)

    65 % tal-kostijiet eliġibbli għal irrigazzjoni oħra fil-farms.

    Artikolu 15

    Għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art

    Għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art agrikola għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tiġi eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament u tingħata għall-kostijiet legali u amministrattivi u tkun limitata għalihom, inklużi kostijiet għal stħarriġ, sa mhux aktar minn 100 % tal-kostijiet reali mġarrba.

    Artikolu 16

    Għajnuna għal investimenti li jikkonċernaw ir-rilokazzjoni ta’ bini tal-farms

    1.   Għajnuna mogħtija lill-SMEs attivi fil-produzzjoni agrikola primarja għal investimenti li jirrigwardaw ir-rilokazzjoni ta’ bini ta’ farm għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu fejn tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Ir-rilokazzjoni tal-bini tal-farm għandu jkollha objettiv ta’ interess pubbliku.

    L-interess pubbliku invokat sabiex ikun ġustifikat l-għoti ta’ għajnuna skont dan l-Artikolu għandu jkun speċifikat fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat.

    3.   Meta r-rilokazzjoni ta’ bini ta’ farm tkun sempliċiment tikkonsisti fiż-żarmar, fit-tneħħija u fil-bini mill-ġdid ta’ faċilitajiet eżistenti, l-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet li fil-fatt iġġarrbu għal attivitajiet bħal dawn.

    4.   Fejn, barra ż-żarmar, it-tneħħja u l-bini mill-ġdid ta’ faċilitajiet eżistenti hekk kif imsemmija fil-Paragrafu 3, ir-rilokazzjoni tirriżulta f’modernizzazzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet jew f’żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni, l-intensitajiet tal-għajnuna għal investimenti msemmija fl-Artikolu 14(12) u (15) għandhom japplikaw fir-rigward tal-kostijiet relatati mal-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet jew iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni.

    Għall-iskop ta’ dan il-paragrafu, is-sempliċi sostituzzjoni ta’ bini eżistenti jew ta’ faċilitajiet, b’bini jew b’faċilitajiet ġodda u moderni mingħajr ma tinbidel b’mod fundamentali l-produzzjoni jew it-teknoloġija involuta, ma għandhiex titqies li hija relatata mal-modernizzazzjoni.

    5.   L-intensità massima tal-għajnuna tista’ tilħaq sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli jekk ir-rilokazzjoni tikkonċerna attivitajiet qrib villaġġ rurali, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja jew tiżdied il-prestazzjoni ambjentali tal-villaġġ rurali.

    Artikolu 17

    Għajnuna għal investimenti relatati mal-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli

    1.   Għajnuna għall-investimenti b’rabta mal-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-investiment għandu jikkonċerna assi tanġibbli jew intanġibbli b’rabta mal-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli.

    3.   Investimenti b’konnessjoni mal-produzzjoni ta’ bijofjuwils magħmula mill-ikel ma għandhomx ikunu eliġibbli għal għajnuna skont dan l-Artikolu.

    4.   Għal investiment li jeħtieġ valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE l-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li tkun saret it-tali valutazzjoni u li jkun ingħata l-permess għall-iżvilupp għall-proġett ta’ investiment ikkonċernat qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna individwali.

    5.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-kiri, jew it-titjib ta’ proprjetà immobbli, inklużi investimenti f’wajers passivi interni jew kejbils strutturati għal networks tad-data u, jekk meħtieġ, il-parti anċillari tan-network passiv fuq il-proprjetà privata barra l-bini, bix-xiri ta’ art eliġibbli biss sa punt li ma jaqbiżx l10 % tat-total tal-kostijiet eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata;

    (b)

    ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

    (c)

    il-kostijiet ġenerali li huma marbutin mal-infiq imsemmi fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk tal-konsultazzjoni, tariffi relatati ma’ pariri dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji tal-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà għandhom jibqgħu nefqa eliġibbli anke fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ebda nefqa skont il-punti (a) u (b) ma tkun iġġarrbet;

    (d)

    akkwiżizzjoni, żvilupp jew tariffi għall-użu ta’ software tal-kompjuter, soluzzjonijiet cloud u soluzzjonijiet simili, u akkwiżizzjonijiet ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur, trademarks.

    6.   Il-kostijiet, għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 5, relatati ma’ kuntratti ta’ kiri, bħal marġni tal-lokatur, il-kostijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tal-imgħax, il-kostijiet ġenerali u t-tariffi tal-assigurazzjoni ma għandhomx jitqiesu li huma kostijiet eliġibbli.

    7.   Il-kapital operatorju ma għandux jiġi kkunsidrat li huwa kost eliġibbli.

    8.   Il-wajers jew il-kejbils għan-networks tad-data barra l-proprjetà privata ma għandhomx jitqiesu bħala kost eliġibbli.

    9.   Ma għandhiex tingħata għajnuna fir-rigward ta’ investimenti għal konformità mal-istandards tal-Unjoni fis-seħħ.

    10.   L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tingħata bi ksur ta’ xi projbizzjoni jew restrizzjoni stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, anke fejn dawn il-projbizzjonijiet u restrizzjonijiet jirreferu biss għall-appoġġ tal-Unjoni previst f’dak ir-regolament.

    11.   L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-65 %, ħlief fil-każijiet indikati fil-paragrafu 12.

    12.   L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied għal massimu ta’ 80 % għall-investimenti li ġejjin:

    (a)

    investimenti marbuta ma’ objettiv wieħed jew ma’ aktar minn objettiv wieħed speċifiku relatat mal-ambjent u mal-klima msemmija fil-punti (e), (f) u (g) tal-Artikolu 14(3), jew ma’ titjib fil-benessri tal-annimali;

    (b)

    investimenti minn bdiewa żgħażagħ;

    (c)

    investimenti fir-reġjuni ultraperiferiċi jew fil-gżejjer minuri tal-Eġew.

    Artikolu 18

    Għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal bdiewa żgħażagħ u għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal attivitajiet agrikoli

    1.   Għajnuna tal-bidu għal bdiewa żgħażagħ u l-għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal attivitajiet agrikoli għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tkopri għall-bidu ta’ negozji rurali f’attivitajiet agrikoli u għad-diversifikazzjoni tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi tal-farms f’attivitajiet agrikoli oħrajn.

    3.   L-għajnuna għandha tingħata biss lil bdiewa żgħażagħ fil-forma ta’ intrapriżi mikro u żgħar.

    4.   Fejn l-għajnuna tingħata lil bidwi żagħżugħ li jkun qiegħed jistabbilixxi azjenda fil-forma ta’ persuna ġuridika, il-bidwi żagħżugħ għandu jeżerċita kontroll effettiv u fuq żmien twil fuq il-persuna ġuridika fir-rigward ta’ deċiżjonijiet relatati mat-tmexxija, mal-benefiċċji u mar-riskji finanzjarji. Fejn diversi persuni fiżiċi, inkluż persuni li ma humiex bdiewa żgħażagħ, għandhom sehem fil-kapital jew fit-tmexxija tal-persuna legali, il-bidwi żagħżugħ għandu jkun kapaċi li jeżerċita tali kontroll effettiv u fuq żmien twil jew waħdu jew b’mod konġunt ma’ persuni oħra. Fejn persuna ġuridika hija kkontrollata b’mod uniku jew b’mod konġunt minn persuna ġuridika oħra, dawn ir-rekwiżiti għandhom japplikaw għal kull persuna fiżika li għandha l-kontroll fuq dik il-persuna ġuridika l-oħra (31).

    5.   L-għajnuna għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ pjan tan-negozju lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    6.   Għall-bdiewa żgħażagħ, meta l-benefiċjarju ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet fl-Artikolu 4(6), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-benefiċjarju għandu xorta waħda jkun eliġibbli għal għajnuna għal bdiewa żgħażagħ, dment li l-benefiċjarju jimpenja ruħu li jakkwista dawk il-ħiliet u l-kompetenzi okkupazzjonali fi żmien 36-il xahar mid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tagħti l-għajnuna. Dak l-impenn għandu jiġi inkluż fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju.

    7.   L-appoġġ għandu jkun fil-forma ta’ somom f’daqqa u għandu jkun limitat għal EUR 100 000 għal kull bidwi żagħżugħ jew għal kull bidu fil-biedja jew għal kull unità domestika tal-farm.

    Artikolu 19

    Għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal gruppi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur agrikolu

    1.   Għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal gruppi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Huma biss il-gruppi jew l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ġew uffiċjalment rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna.

    3.   L-Istati Membri għandhom jaġġustaw l-għajnuna eżentata skont dan l-Artikolu biex iqisu kwalunkwe bidla fir-regolamenti li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli.

    4.   Ma għandhiex tingħata għajnuna lil:

    (a)

    organizzazzjonijiet tal-produzzjoni, entitajiet jew korpi bħalma huma kumpaniji jew kooperattivi, li l-objettiv tagħhom huwa l-ġestjoni ta’ azjenda agrikola waħda jew aktar u li huma għalhekk effettivament produtturi uniċi;

    (b)

    assoċjazzjonijiet agrikoli, li jwettqu kompiti, bħalma huma appoġġ reċiproku u sostituzzjoni tal-farms u servizzi ta’ ġestjoni tal-farms, fl-azjendi tal-membri mingħajr ma jkunu involuti fl-adattament konġunt għall-provvista lis-suq;

    (c)

    gruppi, organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet ta’ produtturi li l-objettivi tagħhom ma humiex kompatibbli mal-punt (c) tal-Artikolu 152(1), l-Artikolu 152(3), jew l-Artikolu 156 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    5.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostijiet tal-kiri ta’ bini xieraq;

    (b)

    l-akkwiżizzjoni ta’ tagħmir tal-uffiċċju;

    (c)

    il-kostijiet tal-persunal amministrattiv;

    (d)

    spejjeż ġenerali u tariffi legali u amministrattivi;

    (e)

    l-akkwiżizzjoni ta’ hardware tal-kompjuter u t-tariffi għall-akkwiżizzjoni jew l-użu ta’ software tal-kompjuter, cloud u soluzzjonijiet simili.

    Fejn jinxtara bini, il-kostijiet eliġibbli għal bini għandhom ikunu limitati għal kostijiet ta’ kera b’rati tas-suq.

    6.   L-għajnuna għandha titħallas bħala għajnuna b’rata fissa f’pagamenti akkont annwali għall-ewwel ħames snin mid-data li fiha l-grupp jew l-organizzazzjoni tal-produtturi jkun/tkun ġie(t) rikonoxxut(a) b’mod uffiċjali mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    L-Istati Membri għandhom iħallsu biss l-aħħar pagament parzjali wara li jkunu vverifikaw l-implimentazzjoni korretta tal-miżura.

    7.   L-għajnuna għandha tkun limitata għal 10 % tal-produzzjoni kummerċjalizzata annwali tal-grupp jew tal-organizzazzjoni tal-produtturi.

    8.   L-ammont tal-għajnuna għandha tkun limitata għal EUR 100 000 fis-sena. L-għajnuna għandha tkun digressiva.

    Artikolu 20

    Għajnuna għall-parteċipazzjoni ta’ produtturi ta’ prodotti agrikoli fl-iskemi ta’ kwalità

    1.   Il-kategoriji ta’ għajnuna li ġejjin lil produtturi ta’ prodotti agrikoli għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu:

    (a)

    għajnuna għal parteċipazzjoni ġdida fi skemi ta’ kwalità fejn din tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I;

    (b)

    għajnuna għall-kostijiet għal miżuri obbligatorji ta’ kontroll fir-rigward tal-iskemi ta’ kwalità imwettqa skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew nazzjonali minn jew f’isem l-awtorità kompetenti, meta din tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 4, 6, 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I;

    (c)

    għajnuna għall-kostijiet ta’ attivitajiet ta’ riċerka dwar is-suq, il-ħolqien u d-disinn tal-prodott u għat-tħejjija ta’ applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ skemi ta’ kwalità meta din tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 6, 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

    2.   L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata fir-rigward tal-iskemi ta’ kwalità li ġejjin:

    (a)

    l-iskemi ta’ kwalità stabbiliti taħt:

    (i)

    it-Taqsima 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-inbid;

    (ii)

    ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012;

    (iii)

    ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32);

    (iv)

    ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33);

    (v)

    ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34);

    (b)

    l-iskemi ta’ kwalità, inklużi skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-farms, għal prodotti agrikoli rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala skemi li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

    (i)

    l-ispeċifiċità tal-prodott finali prodott skont tali skemi ta’ kwalità għandha tinħoloq minn obbligi ċari li jiggarantixxu waħda minn dawn li ġejjin:

    il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti;

    il-metodi speċifiċi tal-biedja jew tal-produzzjoni;

    il-kwalità tal-prodott finali li teċċedi b’mod sinifikanti l-istandards tal-komoditajiet kummerċjali fir-rigward tas-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali jew il-ħarsien tal-ambjent;

    (ii)

    l-iskema ta’ kwalità għandha tkun miftuħa għall-produtturi kollha;

    (iii)

    l-iskema ta’ kwalità għandha tinvolvi speċifikazzjonijiet vinkolanti tal-prodott finali u l-konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet għandha tiġi vverifikata minn awtoritajiet pubbliċi jew minn korp ta’ spezzjoni indipendenti;

    (iv)

    l-iskema ta’ kwalità għandha tkun trasparenti u għandha tiggarantixxi traċċabbiltà kompluta ta’ prodotti agrikoli;

    (c)

    l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja ta’ prodotti agrikoli rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida tal-aqwa prattiki tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (35).

    3.   L-għajnuna msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tingħata lil produtturi ta’ prodotti agrikoli fil-forma ta’ ħlas ta’ inċentiv annwali, li l-livell tiegħu għandu jiġi determinat skont il-livell tal-kostijiet fissi li jinħolqu minn parteċipazzjoni fl-iskemi ta’ kwalità.

    4.   L-għajnuna msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ma għandhiex tingħata għall-kost ta’ kontrolli mwettqa mill-benefiċjarju nnifsu, jew meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi li l-kost għall-kontrolli għandu jiġi ssodisfat mill-produtturi tal-prodotti agrikoli u l-gruppi tagħhom, mingħajr ma jiġi speċifikat il-livell reali tal-imposti.

    5.   L-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tingħata għal perjodu massimu ta’ seba’ snin.

    6.   L-għajnuna għandha tkun aċċessibbli għal dawk l-impriżi kollha eliġibbli fiż-żona kkonċernata, abbażi ta’ kundizzjonijiet definiti b’mod oġġettiv.

    7.   L-għajnuna msemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 ma għandhiex tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji.

    Din għandha titħallas lill-korp responsabbli għall-miżuri ta’ kontroll, lill-fornitur tar-riċerka jew lill-fornitur ta’ konsulenza.

    8.   L-għajnuna msemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet reali mġarrba.

    Artikolu 21

    Għajnuna għall-iskambju tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni

    1.   Għajnuna għall-iskambju tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għajnuna għandha tkopri taħriġ vokazzjonali u azzjonijiet ta’ kisba ta’ ħiliet, inklużi korsijiet ta’ taħriġ, workshops, konferenzi u kkowċjar, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni tal-innovazzjoni.

    Għajnuna tista’ tkopri wkoll skambju ta’ mmaniġġar tal-farms fuq perjodu qasir u żjarat fil-farms.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġati skont dan l-Artikolu jkunu konsistenti mad-deskrizzjoni tas-Sistemi tal-Għarfien u l-Innovazzjoni Agrikoli (“AKIS”) mogħtija fil-Pjan Strateġiku tal-PAK.

    Għajnuna għal attivitajiet ta’ dimostrazzjoni tista’ tkopri kostijiet ta’ investiment rilevanti.

    3.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostijiet ta’ organizzazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali, azzjonijiet ta’ akkwiżizzjonijiet ta’ ħiliet, inklużi korsijiet ta’ taħriġ, workshops, konferenzi u kkowċjar, attivitajiet ta’ wiri u azzjonijiet ta’ informazzjoni;

    (b)

    il-kostijiet għall-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni u per diem tal-parteċipanti;

    (c)

    il-kost tal-provvista ta’ servizzi ta’ sostituzzjoni matul l-assenza tal-parteċipanti;

    (d)

    fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni b’relazzjoni ma’ investimenti:

    (i)

    il-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-kiri, jew it-titjib tal-beni immobbli, bix-xir tal-art tkun eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx l-10 % tal-kostijiet kollha eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata;

    (ii)

    ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

    (iii)

    il-kostijiet ġenerali marbuta man-nefqa imsemmija fil-punti (i) u (ii), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk tal-konsultazzjoni, tariffi relatati ma’ pariri dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji dwar il-fattibbiltà; studji dwar il-fattibbiltà għandhom jibqgħu nefqa eliġibbli anke fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ebda nefqa skont il-punti (i) u (ii) ma tkun iġġarbet;

    (iv)

    it-tariffi tal-akkwiżizzjoni, tal-iżvilupp jew tal-użu ta’ software tal-kompjuter, ta’ soluzzjonijiet cloud u ta’ soluzzjonijiet simili, u l-akkwiżizzjoni ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u trademarks.

    4.   Il-kostijiet imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3 għandhom ikunu eliġibbli biss safejn jiġġarrbu għall-proġett ta’ dimostrazzjoni u għad-durata tal-proġett ta’ dimostrazzjoni.

    Huma biss il-kostijiet tad-deprezzament li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett ta’ dimostrazzjoni, kif ikkalkolati abbażi ta’ prinċipji kontabilistiċi aċċettati ġeneralment, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli.

    5.   Għajnuna msemmija fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 3 ma għandhiex tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji.

    Għajnuna għall-kostijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ sostituzzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 3 tista’, alternattivament, titħallas direttament lill-fornitur tas-servizzi ta’ sostituzzjoni.

    6.   Korpi li jipprovdu skambju tal-għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni għandu jkollhom il-kapaċitajiet xierqa fil-forma ta’ kwalifiki tal-persunal u taħriġ regolari sabiex iwettqu dawn il-kompiti.

    Il-provvista ta’ attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 tista’ titwettaq minn gruppi ta’ produtturi jew organizzazzjonijiet oħra, irrispettivament mid-daqs tagħhom.

    7.   L-għajnuna għandha tkun aċċessibbli għal dawk l-impriżi kollha eliġibbli fiż-żona kkonċernata, abbażi ta’ kundizzjonijiet definiti b’mod oġġettiv.

    Fejn il-provvista tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 titwettaq minn gruppi jew organizzazzjonijiet ta’ produtturi, is-sħubija fi gruppi jew organizzazzjonijiet bħal dawn ma għandiex tkun kundizzjoni għal aċċess għal dawk l-attivitajiet.

    Kwalunkwe kontribuzzjoni ta’ dawk li ma humiex membri lejn il-kostijiet amministrattivi tal-grupp jew organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernati għandha tkun limitata għall-kostijiet tal-provvista tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2.

    8.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3, l-ammont massimu ta’ għajnuna għandu jkun limitat għal EUR 100 000 fuq 3 snin fiskali.

    Artikolu 22

    Għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza

    1.   Għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tkun imfassla sabiex tgħin lill-impriżi attivi fis-settur agrikolu u lill-bdiewa żgħażagħ jibbenefikaw mill-użu ta’ servizzi ta’ konsulenza.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġati skont dan l-Artikolu jkunu konsistenti mad-deskrizzjoni tas-Sistemi tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni Agrikoli (“AKIS”) mogħtija fil-Pjan Strateġiku tal-PAK.

    3.   Il-parir għandu jkun marbut ma’ mill-inqas objettiv speċifiku wieħed speċifikat fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2021/2115 u għandu jkopri mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    l-obbligi li jirriżultaw mir-rekwiżiti statutorji rilevanti ta’ ġestjoni u l-istandards tal-KAAT stabbiliti skont it-Titolu III, il-Kapitolu I, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (b)

    ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva 92/43/KEE, id-Direttiva 2009/147/KE, id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36), id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37), ir-Regolament (UE) 2016/2031, ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38), l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39) u d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

    (c)

    il-prattiki tal-farms li jipprevjenu l-iżvilupp tar-reżistenza għall-antimikrobiċi kif stabbilit fil-Komunikazzjoni “Pjan ta’ Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika” (41);

    (d)

    il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju;

    (e)

    il-modernizzazzjoni, it-tisħiħ tal-kompettività, l-integrazzjoni settorjali, l-orjentazzjoni tas-suq u l-promozzjoni tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni, b’mod partikolari għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP;

    (f)

    it-teknoloġiji diġitali fl-agrikoltura kif imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 114 tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (g)

    il-ġestjoni sostenibbli tan-nutrijenti, inkluż, mhux aktar tard mill-2024, l-użu ta’ Għodda ta’ Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli għan-Nutrijenti, kif imsemmi fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (h)

    kundizzjonijiet tal-impjieg u l-obbligi tal-impjegatur kif ukoll is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-appoġġ soċjali fil-komunitajiet agrikoli;

    (i)

    il-produzzjoni sostenibbli tal-għalf, l-evalwazzjoni tal-għalf f’termini tal-kontenut tan-nutrijenti u l-valuri tal-għalf, id-dokumentazzjoni, l-ippjanar u l-kontroll tal-għalf tal-annimali tar-razzett abbażi tal-ħtiġijiet.

    4.   Il-parir jista’ jkopri wkoll kwistjonijiet, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 3, marbuta mal-prestazzjoni ekonomika u ambjentali tal-azjenda agrikola, inklużi aspetti ta’ kompetittività. Dan jista’ jinkludi pariri għall-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra, il-biedja organika, l-iffrankar tal-enerġija sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika u l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli għall-agrikoltura, iż-żieda fil-prestazzjoni tal-bijodiversità jew tal-bijodiversità u l-aspetti tas-saħħa tat-trobbija tal-annimali.

    5.   L-għajnuna għandha tieħu l-forma ta’ servizz issussidjat.

    6.   Il-korpi magħżula sabiex jipprovdu s-servizz ta’ konsulenza għandu jkollhom ir-riżorsi xierqa fil-forma ta’ persunal imħarreġ b’mod regolari u kkwalifikat u esperjenza fil-konsulenza u affidabbiltà fir-rigward tal-oqsma li huma joffru l-konsulenza dwarhom.

    Il-provvediment tas-servizzi konsultattivi jista’ jitwettaq minn gruppi ta’ produtturi jew organizzazzjonijiet oħrajn, ikun xi jkun id-daqs tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur tas-servizz ta’ konsulenza jkun imparzjali u ma jkollu l-ebda kunflitt ta’ interess.

    7.   L-għajnuna għandha tkun aċċessibbli għal dawk l-impriżi kollha eliġibbli fiż-żona kkonċernata, abbażi ta’ kundizzjonijiet definiti b’mod oġġettiv.

    Fejn il-provvista tas-servizzi konsultattivi titwettaq minn gruppi jew minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi, is-sħubija fi gruppi jew f’organizzazzjonijiet bħal dawn ma għandiex tkun kundizzjoni għal aċċess għas-servizz.

    Kwalunkwe kontribuzzjoni minn dawk li ma humiex membri lejn il-kostijiet amministrattivi tal-grupp jew organizzazzjoni kkonċernata għandha tkun limitata għall-kostijiet tal-provvista tas-servizz ta’ konsulenza.

    8.   L-ammont ta’ għajnuna għandu jkun limitat għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli sa EUR 25 000 (ħlief dawk taħt il-paragrafu 4) għal kull perjodu ta’ tliet snin, għal parir ipprovdut mill-fornituri tad-servizzi lil benefiċjarju uniku attiv fil-produzzjoni agrikola primarja

    9.   L-ammont ta’ għajnuna għandu jkun limitat għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli sa EUR 200 000 (ħlief dawk taħt il-paragrafu 4) kull tliet snin, għal parir ipprovdut mill-fornituri tas-servizzi lil benefiċjarju uniku attiv fl-ipproċessar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli.

    Artikolu 23

    Għajnuna għal servizzi ta’ sostituzzjoni tal-farms

    1.   Għajnuna għal servizzi ta’ sostituzzjoni tal-farms għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet reali mġarrba għas-sostituzzjoni ta’ bidwi, ta’ persuna fiżika li hija membru ta’ unità domestika tal-farm, jew ħaddiem tal-farm, matul l-assenza tagħhom mix-xogħol minħabba mard, inkluż mard ta’ wliedhom, btajjel, liv tal-maternità u tal-ġenituri, lieva obbligatorja, f’każ ta’ mewt jew fil-każ tal-punt(c) tal-Artikolu 21(3).

    3.   Id-durata totali tas-sostituzzjoni għandha tkun limitata għal tliet xhur kull sena għal kull benefiċjarju, ħlief fil-każ ta’ sostituzzjoni għal-liv tal-maternità u tal-ġenituri u s-sostituzzjoni waqt il-lieva obbligatorja. Għal-liv tal-maternità u tal-ġenituri, id-durata tas-sostituzzjoni għandha tkun limitata għal sitt xhur f’kull każ. Għal-lieva obbligatorja, id-durata tas-sostituzzjoni għandha tkun limitata għad-durata tal-perjodu tas-servizz.

    4.   L-għajnuna għandha tieħu l-forma ta’ servizz issussidjat.

    Il-provvediment tas-servizzi ta’ sostituzzjoni tal-farms jista’ jitwettaq minn gruppi jew minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi, ikun xi jkun id-daqs tagħhom. F’każijiet bħal dawn, is-sħubija fi gruppi jew f’organizzazzjonijiet ta’ dan it-tip ma għandiex tkun kundizzjoni għall-aċċess għas-servizz.

    5.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet reali mġarrba.

    Artikolu 24

    Għajnuna għall-miżuri ta’ promozzjoni favur il-prodotti agrikoli

    1.   Għajnuna għall-miżuri ta’ promozzjoni favur prodotti agrikoli għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet għal:

    (a)

    l-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet, f’fieri kummerċjali jew f’esibizzjonijiet;

    (b)

    il-pubblikazzjonijiet immirati għas-sensibilizzazzjoni dwar prodotti agrikoli fost il-pubbliku ġenerali.

    3.   Il-pubblikazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ma għandhomx jirreferu għal xi impriża, isem tad-ditta jew oriġini partikolari.

    Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal referenzi għall-oriġini ta’ prodotti agrikoli koperti minn:

    (a)

    skemi ta’ kwalità kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 20(2) sakemm din ir-referenza tikkorrispondi eżattament għal dak protett mill-Unjoni;

    (b)

    skemi ta’ kwalità kif imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 20(2) sakemm din ir-referenza tkun sekondarja fil-messaġġ.

    4.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin għall-organizzazzjoni u għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet, f’fieri kummerċjali jew f’wirjiet:

    (a)

    it-tariffi tal-parteċipazzjoni;

    (b)

    il-kostijiet tal-ivvjaġġar, u l-kostijiet għat-trasport tal-annimali u tal-prodotti li se jkunu koperti mill-azzjoni ta’ promozzjoni;

    (c)

    il-kostijiet ta’ pubblikazzjonijiet u siti web li jħabbru l-avveniment;

    (d)

    il-kera ta’ bini għall-wirjiet u l-istands għalihom u l-kostijiet għall-istallazzjoni u ż-żarmar tagħhom;

    (e)

    il-premjijiet simboliċi sa valur ta’ EUR 3 000 għal kull premju u rebbieħ tal-kompetizzjoni.

    5.   L-għajnuna għandha tkopri l-kost eliġibbli li ġej għal pubblikazzjonijiet immirati għas-sensibilizzazzjoni dwar prodotti agrikoli fost il-pubbliku ġenerali:

    (a)

    il-kostijiet ta’ pubblikazzjonijiet fuq mezzi stampati u elettroniċi, siti web, u xandiriet fuq il-media elettronika, fuq ir-radju jew it-televiżjoni, immirati sabiex jippreżentaw tagħrif fattwali dwar benefiċjarji minn reġjun partikolari jew sabiex jipproduċu prodott agrikolu partikolari, diment li l-informazzjoni tkun newtrali u l-benefiċjarji kollha kkonċernati jkollhom l-istess opportunità sabiex jiġu rrappreżentati fil-pubblikazzjoni;

    (b)

    il-kostijiet għat-tixrid tal-għarfien xjentifiku u informazzjoni fattwali dwar:

    (i)

    skemi tal-kwalità kif imsemmi fl-Artikolu 20(2) miftuħa għal prodotti agrikoli minn Stati Membri oħra u pajjiżi terzi;

    (ii)

    il-prodotti agrikoli ġeneriċi u l-benefiċċji nutrizzjonali tagħhom u l-użu ssuġġerit għalihom.

    6.   L-għajnuna għandha tingħata f’waħda mill-forom li ġejjin:

    (a)

    in natura;

    (b)

    abbażi tar-rimborż tal-kostijiet reali mġarrba mill-benefiċjarju;

    (c)

    fir-rigward ta’ għajnuna għal premjijiet simboliċi, anke fi flus kontanti.

    Meta l-għajnuna tingħata in natura, l-għajnuna għandha tieħu l-forma ta’ servizz issussidjat.

    Il-provvista ta’ miżuri promozzjonali tista’ titwettaq minn gruppi ta’ produtturi jew minn organizzazzjonijiet oħrajn, ikun xi jkun id-daqs tagħhom.

    L-għajnuna għal premji simboliċi kif imsemmi għaliha fil-punt (e) tal-paragrafu 4, għandha titħallas biss lill-fornitur tal-miżuri promozzjonali jekk il-premju jkunu ġie attwalment mogħti u mal-preżentazzjoni ta’ prova tal-għotja.

    7.   L-għajnuna għall-miżuri ta’ promozzjoni għandha tkun aċċessibbli għal dawk l-impriżi kollha eliġibbli fil-qasam ikkonċernat, abbażi ta’ kundizzjonijiet definiti b’mod oġġettiv.

    Fejn il-provvista tas-servizzi konsultattivi titwettaq minn gruppi jew minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi, is-sħubija fi gruppi jew f’organizzazzjonijiet bħal dawn ma għandiex tkun kundizzjoni għal parteċipazzjoni. Kwalunkwe kontribuzzjoni ta’ dawk li ma humiex membri lejn it-tariffi amministrattivi tal-grupp jew organizzazzjoni tal-produtturi kkonċernati għandha tkun limitata għall-kost tal-provvista tal-miżuri promozzjonali.

    8.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 25

    Għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali

    1.   Għajnuna li tikkumpensa l-ħsara kkawżata minn event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rrikonoxxiet formalment it-tip ta’ avveniment bħala event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali;

    (b)

    hemm rabta ta’ kawżalità diretta bejn l-event klimatiku avvers li jista’ jitqabbel ma’ diżastru naturali u d-dannu mġarrab mill-impriża.

    3.   L-Istati Membri jistgħu, fejn xieraq, jistabbilixxu minn qabel kriterji li abbażi tagħhom jitqies li ngħata r-rikonoxximent formali msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2.

    4.   L-għajnuna għandha titħallas direttament lill-imrpiża kkonċernata jew lil grupp jew lil organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru tagħha.

    Meta l-għajnuna titħallas lil grupp jew lil organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont ta’ għajnuna ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ għajnuna li għalih hija eliġibbli dik l-impriża.

    5.   L-iskemi ta’ għajnuna relatati ma’ event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, għandhom jiġu stabbiliti fi żmien tliet snin u l-għajnuna għandha titħallas erba’ snin mid-data tal-okkorrenza tal-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali.

    6.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu l-ħsara mġarrba bħala konsegwenza diretta tal-event klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali, kif ivvalutati minn awtorità pubblika, minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità tal-għoti jew minn impriża tal-assigurazzjoni.

    7.   Il-ħsara mġarrba minħabba l-event klimatiku avvers li jista’ jkun assimilat ma’ diżastru naturali għandha tiġi kkalkolata fil-livell tal-benefiċjarju individwali. L-għajnuna tista’ tkun relatata ma’ dan li ġej:

    (a)

    it-telf ta’ dħul mill-qerda totali jew parzjali tal-produzzjoni agrikola u l-mezzi ta’ produzzjoni hekk kif imsemmi fil-paragrafu 8;

    (b)

    il-ħsara materjali kif imsemmi fil-paragrafu 9.

    8.   It-telf tal-introjtu għandu jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

    (a)

    ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti agrikoli prodotti fis-sena tal-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, jew kull sena ta’ wara affettwata mill-qerda sħiħa jew parzjali tal-mezzi ta’ produzzjoni, bil-prezz medju tal-bejgħ miksub matul dik is-sena;

    minn

    (b)

    ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità annwali medja ta’ prodotti agrikoli prodotti fil-perjodu ta’ tliet snin qabel ma jkun seħħ l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu tal-ħames snin qabel ma jkun seħħ l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, eskluża l-ogħla entrata u dik l-aktar baxxa bil-prezz medju tal-bejgħ miksub.

    Meta SME tkun ġiet stabbilita inqas minn tliet snin mid-data tal-okkorrenza tal-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, ir-referenza għall-perjodu ta’ tliet snin fil-punt (b) tal-paragrafu 8 għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-kwantità prodotta u mibjugħa minn impriża medja tal-istess daqs bħall-applikant, jiġifieri mikrointrapriża jew intrapriża żgħira jew intrapriża medja, rispettivament, fis-settur nazzjonali jew reġjonali affettwat mill-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali.

    It-telf ta’ introjtu jista’ jiġi kkalkolat jew fil-livell tal-produzzjoni annwali tal-farm jew fil-livell tal-għelejjel tar-raba’ jew tal-bhejjem.

    It-telf tal-ammont tal-introjtu jista’ jiżdied b’kostijiet oħrajn imġarrbin mill-benefiċjarju minħabba l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali.

    Dak it-telf tal-ammont tal-introjtu għandu jitnaqqas bi kwalunkwe kost mhux imġarrab minħabba l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali.

    Jistgħu jintużaw indiċijiet sabiex tiġi kkalkolata l-produzzjoni agrikola annwali tal-benefiċjarju sakemm il-metodu ta’ kalkolu użat jippermetti d-determinazzjoni ta’ telf reali tal-benefiċjarju f’sena partikolari.

    9.   Il-ħsara materjali mġarrba minn assi bħalma huma bini tal-farms, tagħmir u makkinarju, stokkijiet u mezzi ta’ produzzjoni, ikkawżata mill-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-kostijiet tat-tiswija jew tal-valur ekonomiku tal-assi affettwat qabel l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali.

    Ma għandhiex tkun aktar mill-kost tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ġust ikkawżat mid-diżastru, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-assi immedjatament qabel u immedjatament wara l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat għal diżastru naturali.

    Meta t-tnaqqis tal-introjtu tal-benefiċjarju msemmi fil-paragrafu 8 jiġi kkalkolat abbażi tal-livell tal-għelejjel jew tal-bhejjem, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-ħsara materjali li hija relatata ma’ dawk l-għelejjel jew ma’ dawk il-bhejjem.

    10.   L-għajnuna għandha titnaqqas b’50 % sakemm ma tingħatax lill-benefiċjarji li jkollhom assigurazzjoni li tkopri mill-anqas 50 % tal-produzzjoni annwali medja tagħhom jew tal-introjtu relatat mal-produzzjoni tagħhom u l-aktar riskji klimatiċi statistikament spissi fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat li għalihom hemm ipprovduta kopertura tal-assigurazzjoni.

    11.   L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor imħallas sabiex jikkumpensa għat-telf, inklużi pagamenti taħt miżuri nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn jew poloz tal-assigurazzjoni oħrajn, għandhom ikunu limitati għal 80 % tal-kostijiet eliġibbli.

    L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied sa 90 % f’żoni li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali.

    Artikolu 26

    Għajnuna għall-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-qerda tal-mard tal-annimali u l-pesti tal-pjanti u għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn mard tal-annimali jew minn pesti tal-pjanti

    1.   Għajnuna sabiex tkopri l-kostijiet tal-prevenzjoni, tal-kontroll u tal-qerda tal-mard tal-annimali jew tal-pesti tal-pjanti u għajnuna li tikkumpensa għal telf ikkawżat minn dak il-mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    għandha titħallas biss b’rabta ma’ mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti li għalihom jeżistu regoli tal-Unjoni jew nazzjonali, kemm jekk stabbiliti minn liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva;

    (b)

    għandha tkun parti minn wieħed/waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    programm pubbliku fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew reġjonali għall-prevenzjoni, il-kontroll jew l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali jew tal-pesti tal-pjanti kkonċernati;

    (ii)

    miżuri ta’ emerġenza imposti mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru;

    (iii)

    miżuri biex jinqered jew jitrażżan pest tal-pjanti implimentati f’konformità mal-Artikolu 18, l-Artikolu 28 (1) u (2) u l-Artikolu 29(1) u (2), 30(1) u 33(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

    (iv)

    miżuri għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-qerda tal-mard tal-annimali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/429.

    Il-programm u l-miżuri msemmija fil-punt (b) għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-miżuri kkonċernati ta’ prevenzjoni, ta’ kontroll jew ta’ qerda.

    3.   Fir-rigward tal-mard tal-annimali, l-għajnuna għandha tingħata fir-rigward tal-mard tal-annimali msemmi fil-lista ta’ mard tal-annimali msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2016/429, fil-lista ta’ żoonożi stabbilita fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42) jew fil-lista ta’ mard tal-annimali, infezzjonijiet u infestazzjonijiet tal-Kodiċi Terrestri stabbilit mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali.

    4.   Għajnuna tista’ tingħata wkoll fir-rigward ta’ mard emerġenti, li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2016/429.

    5.   L-għajnuna ma għandhiex tkun relatata ma’ miżuri li l-kost tagħhom, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni teħtieġ li jitħallas mill-benefiċjarju, sakemm il-kost ta’ tali miżuri ma jkunx kompletament paċut minn imposti obbligatorji fuq il-benefiċjarji.

    6.   L-għajnuna għandha titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li tagħhom dik l-impriża tkun membru.

    Meta l-għajnuna titħallas lil grupp jew lil organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont ta’ għajnuna ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ għajnuna li għalih hija eliġibbli dik l-impriża.

    7.   L-iskemi ta’ għajnuna relatati ma’ marda tal-annimali jew pest tal-pjanti għandhom jiġu introdotti fi żmien tliet snin u l-għajnuna għandha titħallas fi żmien erba’ snin mid-data tal-okkorrenza tal-ispiża jew tal-ħsara kkawżata mill-marda tal-annimali jew mill-pest tal-pjanti.

    8.   Fil-każ ta’ miżuri rigward mard tal-annimali, pesti tal-pjanti jew speċi aljena invażiva, jiġifieri speċi aljena invażiva li hija sors ta’ tħassib għall-Unjoni kif definita fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43) u speċi aljena invażiva li hija sors ta’ tħassib għall-Istati Membri kif definita fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014, li jkunu għadhom ma seħħewx (“miżuri ta’ prevenzjoni”), l-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    verifiki tas-saħħa;

    (b)

    analiżijiet, inklużi dijanjostiċi in-vitro;

    (c)

    testijiet u miżuri oħra ta’ skrinjar, inklużi testijiet tat-TSE u tal-BSE;

    (d)

    ix-xiri, il-ħażna, id-distribuzzjoni u l-amministrazzjoni ta’ tilqim, mediċini, sustanzi għall-kura tal-annimali u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u prodotti bijoċidali;

    (e)

    it-tbiċċir jew il-qtil ta’ annimali jew il-qerda ta’ prodotti tal-annimali u pjanti u t-tindif u d-diżinfezzjoni jew diżinfestazzjoni tal-azjenda u tat-tagħmir;

    (f)

    l-istabbiliment jew titjib ta’ miżuri ta’ bijosigurtà.

    9.   Fil-każ ta’ miżuri ta’ kontroll u ta’ qerda, l-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    testijiet u miżuri oħra ta’ skrinjar fil-każ ta’ mard ta’ annimali, inklużi testijiet tat-TSE u tal-BSE;

    (b)

    ix-xiri, il-ħażna, l-amministrazzjoni u t-tqassim ta’ tilqim, mediċini, sustanzi għall-kura tal-annimali u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u prodotti bijoċidali;

    (c)

    it-tbiċċir jew il-qtil u l-qerda ta’ annimali u l-qerda ta’ prodotti marbuta magħhom, jew il-qerda ta’ pjanti, inklużi dawk li jmutu jew li jinqerdu bħala riżultat ta’ tilqim jew miżuri oħra ordnati mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti;

    (d)

    it-tindif, id-diżinfezzjoni u d-diżinfestazzjoni tal-azjenda u t-tagħmir ibbażati fuq l-epidemjoloġija u l-karatteristiċi tal-patoġenu jew tal-vettur.

    10.   Fil-każ ta’ għajnuna li tagħmel tajjeb għat-telf ikkawżat minn mard tal-annimali jew minn pesti tal-pjanti, il-kumpens għandu jiġi kkalkolat biss abbażi ta’:

    (a)

    il-valur tas-suq tal-annimali maqtula jew imneħħija jew li jkunu mietu jew il-prodotti marbuta magħhom jew il-pjanti meqruda:

    (i)

    bħala riżultat tal-mard tal-annimali jew il-pesti tal-pjanti;

    (ii)

    bħala parti minn programm pubbliku jew miżura kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2;

    (b)

    it-telf ta’ introjtu minħabba obbligi ta’ kwarantina, diffikultajiet fl-istokkjar mill-ġdid jew it-tħawwil mill-ġdid u rotazzjoni tal-għelejjel obbligatorja imposti bħala parti minn xi programm pubbliku jew xi miżura msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2;

    (c)

    il-kostijiet tas-sostituzzjoni tat-tagħmir li nqered skont l-ordni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu tal-punt (a), il-valur tas-suq għandu jiġi stabbilit abbażi tal-valur tal-annimali, tal-prodotti u tal-pjanti immedjatament qabel ma jkun hemm suspett jew konferma ta’ mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti.

    11.   Il-kumpens ikkalkulat skont il-paragrafu 10 għandu jitnaqqas bi:

    (a)

    kwalunkwe kostijiet mhux imġarrba direttament minħabba l-mard tal-annimali jew il-pesti tal-pjanti u li kieku xorta kienu jiġġarbu mill-benefiċjarju;

    (b)

    bi kwalunkwe dħul magħmul mill-bejgħ ta’ prodotti relatati mal-annimali mbiċċra jew maqtula jew mal-pjanti meqruda għal finijiet preventivi jew ta’ eradikazzjoni fuq ordni tal-awtoritajiet kompetenti.

    12.   L-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata mill-mard tal-annimali jew mill-pesti tal-pjanti għandha tkun limitata għall-kostijiet u għall-ħsara kkawżata mill-mard tal-annimali u mill-pesti tal-pjanti li għaliha l-awtorità kompetenti tal-Istati Membri għamlet waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    tkun irrikonoxxiet formalment tifqigħa, fil-każ ta’ marda tal-annimali;

    (b)

    tkun irrikonoxxiet formalment il-preżenza tagħhom, fil-każ ta’ pesti tal-pjanti.

    13.   Għajnuna fir-rigward tal-kostijiet eliġibbli msemmija fil-paragrafi 8 u 9 għandha tingħata in natura u għandha titħallas lill-fornitur tal-miżuri ta’ prevenzjoni, ta’ kontroll u ta’ qerda.

    Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, għajnuna relatata mal-kostijiet eliġibbli msemmija fid-dispożizzjonijiet li ġejjin tista’ tingħata direttament lill-benefiċjarju abbażi tar-rimborż tal-kostijiet reali mġarrba mill-benefiċjarju:

    (a)

    il-paragrafu 8, il-punti (d) u (e) u l-paragrafu 9, il-punt (b), fil-każ ta’ mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti;

    (b)

    il-punt (e) tal-paragrafu 8, u l-punt (c) tal-paragrafu 9, fil-każ tal-pesti tal-pjanti u għat-tindif u d-diżinfettar tal-azjenda u tat-tagħmir.

    14.   L-ebda għajnuna individwali ma għandha tingħata fejn jiġi stabbilit li l-mard tal-annimali jew il-pesti tal-pjanti kienu kkawżati intenzjonalment jew minħabba n-negliġenza tal-benefiċjarju.

    15.   L-għajnuna u kull pagament ieħor riċevut mill-benefiċjarju, inklużi pagamenti skont miżuri oħra nazzjonali jew tal-Unjoni jew mill-poloz tal-assigurazzjoni jew fondi mutwi għall-istess kostijiet eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafi 8, 9 u 10 għandhom ikunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 27

    Għajnuna lis-settur tal-bhejjem u għajnuna għal bhejjem mejta

    1.   L-għajnuna li ġejja għal bdiewa li jrabbu l-bhejjem għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I.

    2.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet għal:

    (a)

    il-kostijiet amministrattivi sabiex jinħolqu u jinżammu l-kotba tal-merħla;

    (b)

    it-testijiet imwettqa minn jew f’isem partijiet terzi, sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ġenetika jew ir-rendiment tal-bhejjem, bl-eċċezzjoni ta’ kontrolli mwettqa mis-sid tal-bhejjem u ta’ kontrolli ta’ rutina tal-kwalità tal-ħalib;

    (c)

    it-tneħħija ta’ bhejjem mejta;

    (d)

    il-qerda tal-bhejjem mejta;

    (e)

    it-tneħħija u l-qerda ta’ stokk mitluf meta l-għajnuna tkun iffinanzjata permezz ta’ tariffi jew kontribuzzjonijiet obbligatorji destinati għall-finanzjament tat-tneħħija u l-qerda tat-tali stokk mitluf, dment li t-tali tariffi jew kontribuzzjonijiet ikunu limitati għas-settur tal-laħam u imposti direttament fuqu;

    (f)

    il-kostijiet għat-tneħħija u l-qerda ta’ bhejjem mejta fejn hemm obbligu ta’ twettiq ta’ testijiet għat-TSE fuq il-bhejjem mejta kkonċernati jew fil-każ ta’ tfaqqigħa ta’ marda tal-annimali msemmija fl-Artikolu 26(3).

    3.   L-għajnuna msemmija fil-punti (c), (d), (e) u (f) tal-paragrafu 2 għandha tkun kondizzjonali fuq l-eżistenza ta’ programm konsistenti ta’ monitoraġġ li jiżgura r-rimi sikur tal-bhejjem mejta kollha fl-Istat Membru.

    L-għajnuna għall-kostijiet tal-primjums imħallsa mill-bdiewa għal assigurazzjoni li tkopri l-kostijiet tat-tneħħija u tal-qerda ta’ bhejjem mejta msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28(2).

    4.   L-għajnuna għandha tingħata in natura u ma għandiex tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji.

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tal-għajnuna msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (c), (d), (e) u (f) l-għajnuna tista’ titħallas lil operaturi ekonomiċi jew korpi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ikunu attivi downstream mill-impriżi attivi fis-settur tal-bhejjem;

    (b)

    dawn jipprovdu servizzi marbuta mat-tneħħija u mal-qerda ta’ bhejjem mejta.

    5.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal:

    (a)

    70 % tal-kostijiet tat-testijiet kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2;

    (b)

    75 % tal-kostijiet marbuta mal-qerda msemmija fil-paragrafu 2;

    (c)

    100 % tal-kostijiet relatati mal-kostijiet amministrattivi, mat-tneħħija, mal-qerda u mal-primjums tal-assigurazzjoni marbuta mat-tneħħija kif imsemmi fil-punti (a), (d), (e) u (f) tal-paragrafu 2.

    Artikolu 28

    Għajnuna għall-ħlasijiet ta’ primjums tal-assigurazzjoni u għal kontribuzzjonijiet finanzjarji għal fondi mutwi

    1.   Għajnuna għall-ħlasijiet ta’ primjums tal-assigurazzjoni u għal kontribuzzjonijiet finanzjarji għal fondi mutwi għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għall-ħlasijiet ta’ primjums tal-assigurazzjoni ma għandhiex:

    (a)

    tikkostitwixxi ostaklu għat-tħaddim tas-suq intern għas-servizzi tal-assigurazzjoni;

    (b)

    tkun limitata għall-assigurazzjoni pprovduta minn kumpanija tal-assigurazzjoni unika jew grupp ta’ kumpaniji;

    (c)

    tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-kuntratt tal-assigurazzjoni jsir ma’ kumpanija stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat.

    3.   L-assigurazzjoni għandha tkun maħsuba sabiex tkopri telf ikkawżat minn:

    (a)

    diżastri naturali;

    (b)

    event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali u eventi klimatiċi avversi oħrajn;

    (c)

    mard tal-annimali jew pesti tal-pjanti jew annimali protetti;

    (d)

    jikkumpensaw għall-primjums tal-assigurazzjoni għall-assigurazzjoni li tkopri l-kostijiet tat-tneħħija u l-qerda ta’ bhejjem mejta.

    4.   L-assigurazzjoni għandha:

    (a)

    tikkumpensa biss il-kost biex tagħmel tajjeb għat-telf imsemmi fil-paragrafu 3;

    (b)

    ma teħtieġx jew tispeċifikax it-tip jew il-kwantità ta’ produzzjoni agrikola futura.

    5.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ammont tal-primjum tal-assigurazzjoni li huwa eliġibbli għall-għajnuna billi japplikaw limiti massimi xierqa.

    6.   Il-fond mutwu kkonċernat għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    ikun akkreditat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali;

    (b)

    ikollu politika trasparenti dwar il-pagamenti fil-fond u l-ġbid minnu;

    (c)

    ikollu regoli ċari li jattribwixxu r-responsabbiltajiet għal kwalunkwe dejn imġarrab.

    7.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-regoli għall-kostituzzjoni u l-ġestjoni tal-fondi mutwi, b’mod partikolari għall-għoti ta’ pagamenti bħala kumpens, kif ukoll għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn ir-regoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti tal-fondi jipprevedu penali f’każ ta’ negliġenza min-naħa tal-benefiċjarju.

    8.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 70 % tal-kostijiet tal-primjum tal-assigurazzjoni jew tal-kontribuzzjoni finanzjarja għal fond mutwu.

    Artikolu 29

    Għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti

    1.   L-għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkawżata minn annimali protetti għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-Istat Membru għandu jistabbilixxi rabta kawżali diretta, skont il-paragrafu 5, bejn il-ħsara mġarrba u l-imġiba tal-annimal protett.

    3.   L-għajnuna għandha titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi li tagħhom dik l-impriża tkun membru. Meta l-għajnuna titħallas lil grupp jew organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont ta’ għajnuna ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ għajnuna li għalih tkun eliġibbli dik l-impriża.

    4.   L-iskema ta’ għajnuna għandha tiġi stabbilita fi żmien tliet snin u l-għajnuna għandha titħallas fi żmien erba’ snin mid-data tal-okkorrenza tal-avveniment dannuż.

    5.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu l-kostijiet imġarrba bħala konsegwenza diretta tal-avveniment li kkawża l-ħsara kif ivvalutat minn awtorità pubblika, minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità awtorizzanti jew minn impriża tal-assigurazzjoni.

    Il-kostijiet eliġibbli jistgħu jinkludu dan li ġej:

    (a)

    annimali maqtula jew pjanti meqruda: il-kostijiet eliġibbli huma bbażati fuq il-valur tas-suq tal-annimal maqtul jew tal-pjanti meqruda mill-annimali protetti;

    (b)

    il-kostijiet indiretti: il-kostijiet veterinarji li jirriżultaw mit-trattament ta’ annimali midruba u l-kostijiet tax-xogħol relatati mat-tfittxija għal annimali neqsin, it-telf tal-introjtu minħabba rendiment tal-produzzjoni aktar baxx marbut ma’ attakki minn annimali protetti;

    (c)

    il-ħsara materjali għall-assi li ġejjin: it-tagħmir tal-farm, il-makkinarju, il-binjiet tal-farm u l-istokkijiet; il-kalkolu tal-ħsara materjali għandu jkun ibbażat fuq il-kost tat-tiswija jew il-valur ekonomiku tal-assi affettwat qabel l-avveniment li kkawża l-ħsara; dan ma għandux jaqbeż il-kost tat-tiswija jew it-tnaqqis fil-valur tas-suq ġust ikkawżat mill-avveniment li kkawża d-danni, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-proprjetà eżatt qabel u eżatt wara l-event.

    6.   Il-ħsara għandha tiġi kkalkolata fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

    Dak l-ammont għandu jitnaqqas bi kwalunkwe kost mhux imġarrab minħabba l-avveniment li jikkawża l-ħsara, li kieku xorta waħda kien jiġġarrab mill-benefiċjarju.

    7.   Għandu jintalab sforz minimu mill-benefiċjarji mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex itaffu r-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex jipprovdu inċentiv biex jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju. Dan l-isforz għandu jieħu l-forma ta’ miżuri ta’ prevenzjoni, bħal sisien tas-sikurezza fejn possibbli, jew klieb li jżommu għassa tal-bhejjem, li huma proporzjonati għar-riskju ta’ ħsara kkawżata minn annimali protetti fiż-żona kkonċernata, sakemm tali miżuri ma jkunux raġonevolment possibbli. Dan il-paragrafu m’għandux japplika għall-ewwel attakk ta’ annimal protett f’żona partikolari.

    8.   L-għajnuna skont dan l-Artikolu għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    9.   L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor riċevut biex jagħmel tajjeb għall-ħsara, inklużi pagamenti taħt miżuri nazzjonali jew tal-Unjoni jew poloz tal-assigurazzjoni oħrajn għall-ħsara li għaliha tingħata għajnuna, għandhom ikunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 30

    Għajnuna għall-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura

    1.   L-għajnuna għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura, marbuta mal-impenji agroambjentali klimatiċi għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “konservazzjoni in situ” tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ekosistemi u l-ambjenti naturali u ż-żamma u l-irkupru ta’ populazzjoni vijabbli ta’ speċi jew razez selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom tal-madwar u, fil-każ ta’ razez ta’ annimali domestiċi jew speċi ta’ pjanti kkultivati, fl-ambjent tar-razzett fejn huma żviluppaw il-proprjetajiet distintivi tagħhom;

    (b)

    “konservazzjoni in situ/fil-farm” tfisser konservazzjoni in situ u żvilupp fuq livell tal-farm;

    (c)

    “konservazzjoni ex situ” tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura barra l-ambjent naturali tagħhom;

    (d)

    “ġabra ex situ” tfisser ġabra ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura miżmuma barra l-ambjent naturali tagħhom.

    3.   L-impenji biex jitrabbew razez lokali fil-periklu li jintilfu għall-biedja jew biex jiġu ppreservati r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti taħt theddida ta’ erożjoni ġenetika għandhom jinkludu waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    li jitrabbew annimali tar-razzett ta’ razez lokali fil-periklu;

    (b)

    li jinżammu r-riżorsi ġenetiċi adattati naturalment għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda mill-erożjoni ġenetika.

    4.   Ir-razez lokali għandhom jitqiesu bħala razez f’periklu jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, il-punt (24) tar-Regolament (UE) 2016/1012 u jekk dawk il-kundizzjonijiet huma stabbiliti u inklużi wkoll fl-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament.

    5.   L-ispeċi ta’ annimali tar-razzett li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ: baqar; nagħaġ; mogħoż; żwiemel; ħnieżer; għasafar; fniek u naħal.

    6.   Ir-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għandhom jitqiesu bħala mhedda ta’ erożjoni ġenetika bil-kundizzjoni li tiġi deskritta u inkluża fl-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata skont l-Artikolu 9(1), il-punt (b), evidenza suffiċjenti ta’ erożjoni ġenetika, ibbażata fuq riżultati xjentifiċi jew indikaturi għat-tnaqqis ta’ razez lokali jew varjetajiet lokali primittivi, id-diversità tal-popolazzjoni tagħhom u, fejn rilevanti, għal modifiki fil-prattiki agrikoli prevalenti fil-livell lokali.

    7.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet għall-operazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-azzjonijiet immirati: l-azzjonijiet li jippromwovu l-konservazzjoni in situ u ex situ, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fil-forestrija, inklużi inventarji bbażati fuq siti web ta’ riżorsi ġenetiċi li bħalissa huma kkonservati in situ, u ta’ ġabriet u bażijiet ta’ data ex situ;

    (b)

    l-azzjonijiet miftiehma: azzjonijiet li jippromwovu l-iskambju ta’ tagħrif għall-konservazzjoni, il-ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura tal-Unjoni, fost organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri;

    (c)

    l-azzjonijiet ta’ akkumpanjament: l-azzjonijiet ta’ informazzjoni, disseminazzjoni u konsulenza li jinvolvu organizzazzjonijiet mhux governattivi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, korsijiet ta’ taħriġ u l-preparazzjoni ta’ rapporti tekniċi.

    8.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 31

    Għajnuna għal impenji tat-trattament xieraq tal-annimali

    1.   Għajnuna għall-impenji tal-benessri tal-annimali għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tingħata lil impriżi li jimpenjaw ruħhom, fuq bażi volontarja, li jwettqu operazzjonijiet li jikkonsistu f’impenn wieħed jew aktar dwar it-trattament xieraq tal-annimali msemmija fil-paragrafu 7.

    3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna biss għal impenji li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji rilevanti stabbiliti mit-Titolu III, Kapitolu I, Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2021/2115 u rekwiżiti obbligatorji rilevanti oħra stabbiliti mil-liġi nazzjonali u tal-Unjoni.

    4.   Għajnuna skont dan l-Artikolu għandha tingħata biss għal impenji li huma differenti minn impenji li fir-rigward tagħhom jingħataw pagamenti skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    5.   L-istandards u r-rekwiżiti obbligatorji kollha msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu identifikati u deskritti fil-bażi ġuridika nazzjonali.

    6.   Fejn il-liġi nazzjonali timponi rekwiżiti ġodda li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi korrispondenti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, jista’ jingħata appoġġ għal impenji li jikkontribwixxu għall-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti għal massimu ta’ 24 xahar mid-data li fiha jsiru obbligatorji għall-azjenda.

    7.   L-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali eliġibbli biex jirċievu għajnuna għandhom jipprovdu standards imtejba tal-metodi ta’ produzzjoni f’wieħed mill-oqsma li ġejjin:

    (a)

    l-ilma, l-għalf u l-kura tal-annimali f’konformità mal-ħtiġijiet naturali tal-annimali;

    (b)

    il-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni li jtejbu l-kumdità tal-annimali u l-libertà ta’ moviment tagħhom, bħal żieda fil-konċessjonijiet ta’ spazju, superfiċi tal-art, dawl naturali, kontroll tal-mikroklima, kif ukoll kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni bħall-ħlas fil-miftuħ jew l-akkomodazzjoni fi gruppi, skont il-ħtiġijiet naturali tal-annimali;

    (c)

    il-kundizzjonijiet li jippermettu espressjoni ta’ mġiba naturali, bħall-arrikkiment tal-ambjent tal-għajxien jew il-ftim tard;

    (d)

    aċċess u ragħa fil-beraħ;

    (e)

    prattiki li jżidu r-robustezza u t-tul tal-ħajja tal-annimali, inklużi razez li jikbru aktar bil-mod;

    (f)

    prattiki li jevitaw il-mutilazzjoni jew il-kastrazzjoni tal-annimali. F’każijiet speċifiċi meta l-mutilazzjoni jew il-kastrazzjoni tal-annimali titqies meħtieġa, iridu jintużaw anestetiċi, analġeżija u medikazzjoni antiinfjammatorja jew immunokastrazzjoni;

    (g)

    miżuri sanitarji, li jipprevjenu l-mard mhux trażmissibbli, li ma jeħtiġux l-użu ta’ sustanzi mediċi bħal vaċċini, insettiċidi jew mediċini kontra l-parassiti.

    8.   L-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali għandhom jittieħdu għal perjodu ta’ bejn sena u seba’ snin. Meta jkun hemm bżonn li jinkisbu jew jinżammu ċerti benefiċċji tat-trattament xieraq tal-annimali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu itwal għal tipi partikolari ta’ impenji, anki billi jipprovdu għall-estensjoni annwali tagħhom wara tmiem il-perjodu inizjali.

    9.   It-tiġdid ta’ kuntratti ta’ impenji jista’ jkun awtomatiku wkoll, jekk id-dettalji tiegħu jkunu deskritti fil-kuntratt. Il-mekkaniżmu ta’ tiġdid tal-impenji għat-trattament xieraq tal-annimali stipulat aktar ’il fuq għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri skont ir-regoli nazzjonali rilevanti. Tali mekkaniżmu għandu jiġi deskritt fil-bażi ġuridika nazzjonali. It-tiġdid għandu dejjem ikun soġġett għar-rispett tal-kondizzjonijiet skont dan l-Artikolu.

    10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jwettqu operazzjonijiet skont dan l-Artikolu jkollhom aċċess għall-għarfien u għall-informazzjoni rilevanti meħtieġa sabiex jimplimentaw tali operazzjonijiet, u li jkun hemm disponibbli taħriġ xieraq għal dawk li jeħtiġuh, kif ukoll aċċess għall-għarfien espert sabiex jgħin lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jibdlu s-sistemi ta’ produzzjoni tagħhom.

    11.   Għal impenji meħuda skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jipprovdi klawżola ta’ reviżjoni sabiex jiżgura l-aġġustament tagħhom fil-każ ta’ emendi tar-rekwiżiti u l-istandards mandatorji rilevanti msemmija fil-paragrafi 3 u 7.

    12.   Għajnuna għandha tingħata kull sena sabiex tikkumpensa għall-kostijiet addizzjonali kollha jew parti minnhom u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-impenji dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

    13.   L-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 12 u ma għandhiex taqbeż EUR 500 għal kull unità ta’ bhejjem.

    Artikolu 32

    Għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur agrikolu

    1.   Għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur agrikolu għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għajnuna għandha tingħata biss biex tippromwovi l-kooperazzjoni, li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ wieħed jew aktar mill-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    3.   Il-forom ta’ kooperazzjoni koperti minn dan l-Artikolu għandhom jinvolvu mill-inqas żewġ atturi irrispettivament minn jekk humiex attivi fis-settur agrikolu, iżda soġġetti għall-kooperazzjoni li tibbenefika prinċipalment lis-settur agrikolu.

    4.   Il-forom li ġejjin ta’ koperazzjoni għandhom ikunu eliġibbli:

    (a)

    kooperazzjoni fost impriżi differenti fis-settur agrikolu, fil-katina alimentari u atturi oħra attivi fis-settur agrikolu, inklużi gruppi ta’ produtturi, kooperattivi u organizzazzjonijiet interprofessjonali, li jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u l-prijoritajiet tal-politika ta’ żvilupp rurali;

    (b)

    il-ħolqien ta’ raggruppamenti u networks;

    (c)

    is-suċċessjoni tal-farms, b’mod partikolari għat-tiġdid ġenerazzjonali fil-livell tal-farms (l-għajnuna għandha tkun limitata għal bdiewa li jkollhom, jew li sa tmiem l-operazzjoni se jkunu laħqu l-età tal-irtirar, iddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu).

    5.   Għajnuna ma għandhiex tingħata għal kooperazzjoni li tinvolvi biss korpi ta’ riċerka.

    6.   Għajnuna tista’ tingħata għall-kooperazzjoni relatata mal-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    proġetti pilota;

    (b)

    l-iżvilupp ta’ prodotti, prattiki, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-setturi agrikolu u alimentari, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-prodotti agrikoli;

    (c)

    kooperazzjoni bejn operaturi żgħar fis-settur agrikolu fl-organizzazzjoni ta’ proċessi ta’ ħidma konġunta u l-qsim ta’ faċilitajiet u riżorsi;

    (d)

    kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn l-atturi tal-katina tal-provvista sabiex jinħolqu u jiġu żviluppati ktajjen qosra tal-provvista u swieq lokali;

    (e)

    attivitajiet ta’ promozzjoni f’kuntest lokali marbuta mal-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra u swieq lokali;

    (f)

    azzjoni kollettiva mwettqa bil-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew adattament għalih;

    (g)

    approċċi konġunti għal proġetti ambjentali u prattiki ambjentali attwali inkluż il-ġestjoni effiċjenti tal-ilma, l-użu tal-enerġija rinnovabbli (44) u l-preżervazzjoni tal-pajsaġġi agrikoli;

    (h)

    kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn l-atturi tal-katina tal-provvista fil-forniment sostenibbli ta’ bijomassa għall-użu fil-produzzjoni tal-ikel jekk ir-riżultat ikun prodott agrikolu u produzzjoni tal-enerġija għall-konsum proprju;

    (i)

    l-implimentazzjoni, b’mod partikolari minn gruppi ta’ sħab pubbliċi u privati għajr dawk imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/1060.

    7.   L-għajnuna għandha tingħata biss għal forom ġodda ta’ kooperazzjoni, inklużi dawk eżistenti jekk tinbeda attività ġdida.

    8.   Għajnuna għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra, kif imsemmi fil-paragrafu 6, il-punti (d) u (e), għandha tkopri biss ktajjen tal-provvista li jinvolvu mhux aktar minn intermedjarju wieħed bejn il-bidwi u l-konsumatur.

    9.   Għajnuna skont dan l-Artikolu għandha tikkonforma mal-Artikoli 206 sa 210a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    10.   Operazzjonijiet li jikkonsistu f’investimenti għandhom jikkonformaw mar-regoli u r-rekwiżiti, kif speċifikati fl-Artikolu applikabbli dwar l-għajnuna għall-investiment ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll mal-Artikolu 4 dwar il-limiti ta’ notifika.

    11.   Il-kostijiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli, sa fejn jikkonċernaw attivitajiet agrikoli:

    (a)

    il-kostijiet tal-appoġġ preparatorju, il-bini tal-kapaċità, it-taħriġ u n-networking għall-għanijiet ta’ tħejjija u implimentazzjoni ta’ proġett ta’ kooperazzjoni;

    (b)

    il-kostijiet għal studji dwar iż-żona kkonċernata, u għal studji tal-fattibbiltà, u għat-tfassil ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jew strateġija tal-iżvilupp lokali minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/1060;

    (c)

    il-kostijiet operazzjonali tal-kooperazzjoni;

    (d)

    il-kostijiet tal-operazzjonijiet li għandhom jiġu implimentati, inklużi l-kostijiet marbuta mal-animazzjoni;

    (e)

    il-kostijiet għall-attivitajiet ta’ promozzjoni.

    12.   Għajnuna għandha tkun limitata għal perjodu massimu ta’ seba’ snin.

    13.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    14.   Fil-każ ta’ operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 11, punt (d) li jikkonsistu f’investimenti, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-intensità massima tal-għajnuna għall-investiment, kif speċifikat fit-Taqsima rilevanti dwar l-għajnuna għall-investiment.

    Taqsima 2

    Għajnuna għall-ħarsien ambjentali fl-agrikultura

    Artikolu 33

    Għajnuna għall-iżvantaġġi relatati maż-żoni ta’ Natura 2000

    1.   Għajnuna għall-iżvantaġġi relatati maż-żoni agrikoli ta’ Natura 2000 għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’dan ir-Regolament.

    2.   Għajnuna għandha tingħata kull sena u għal kull ettaru ta’ art agrikola sabiex jiġu kkumpensati l-benefiċjarji għall-kostijiet addizzjonali u għall-introjtu mitluf, li jirriżultaw minn żvantaġġi fiż-żoni agrikoli affettwati direttament mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE u tad-Direttiva 2009/147/KE.

    3.   Għajnuna għandha tingħata biss b’rabta mal-iżvantaġġi li jirriżultaw mir-rekwiżiti li jmorru lil hinn mill-istandards tal-Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajbin rilevanti (“KAAT”) stabbiliti skont it-Titolu III, il-Kapitolu I, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2021/2115 kif ukoll il-kundizzjonijiet stabbiliti għaż-żamma taż-żona agrikola f’konformità mal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    4.   L-għajnuna għandha titħallas biss fir-rigward taż-żoni agrikoli li ġejjin:

    (a)

    żoni agrikoli Natura 2000;

    (b)

    żoni oħrajn delimitati ta’ ħarsien tan-natura b’restrizzjonijiet ambjentali applikabbli għall-biedja li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/43/KEE; dawn iż-żoni ma għandhomx jaqbżu l-5 % taż-żoni ddeżinjati ta’ Natura 2000 koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Pjan Strateġiku rilevanti tal-PAK.

    5.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u ma għandhiex taqbeż EUR 500 għal kull ettaru fis-sena fil-perjodu inizjali ta’ massimu ta’ ħames snin u EUR 200 għal kull ettaru fis-sena minn hemm’ il quddiem.

    Artikolu 34

    L-għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi

    1.   Għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna tista’ tingħata lill-impriżi u l-gruppi kollha ta’ tali impriżi li jimpenjaw ruħhom, fuq bażi volontarja, li jwettqu operazzjonijiet li jikkonsistu f’wieħed jew aktar mill-impenji msemmija fil-paragrafu 1 bil-ħsieb li jippreservaw u jippromwovu l-bidliet meħtieġa fil-prattiki agrikoli li jagħtu kontribut pożittiv għall-ambjent u l-klima.

    3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna biss għal impenji li jmorru lil hinn minn:

    (a)

    ir-rekwiżiti statutorji rilevanti ta’ ġestjoni u l-istandards tal-KAAT stabbiliti skont it-Titolu III, il-Kapitolu I, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (b)

    ir-rekwiżiti minimi għall-użu tal-fertilizzanti u l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll kull rekwiżit obbligatorju rilevanti stabbilit mill-liġi nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni;

    (c)

    il-kundizzjonijiet stabbiliti għaż-żamma taż-żona agrikola f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    4.   L-istandards u r-rekwiżiti obbligatorji kollha msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu identifikati u deskritti fil-bażi ġuridika nazzjonali.

    5.   Għall-impenji msemmija fil-paragrafu 3, punt (b), fejn il-liġi nazzjonali timponi rekwiżiti ġodda li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi korrispondenti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, l-għajnuna tista’ tingħata għal impenji li jikkontribwixxu għall-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti għal massimu ta’ 24 xahar mid-data li fiha jsiru obbligatorji għall-azjenda.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jirċievu l-għajnuna skont dan l-Artikolu jkollhom aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet, u li jsir disponibbli taħriġ xieraq għal dawk li jeħtiġuh, kif ukoll aċċess għall-għarfien espert sabiex jgħinu lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jbiddlu s-sistemi ta’ produzzjoni tagħhom.

    7.   L-impenji skont dan l-Artikolu għandhom jittieħdu għal perjodu ta’ bejn ħames u seba’ snin. Madankollu, meta jkun hemm bżonn li jinkisbu jew jinżammu l-benefiċċji ambjentali mfittxija, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perjodu itwal għal tipi partikolari ta’ impenji, anki billi jipprovdu għall-estensjoni annwali tagħhom wara tmiem il-perjodu inizjali. Għal impenji għall-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u l-iżvilupp ta’ riżorsi ġenetiċi, għal impenji ġodda li jsegwu direttament l-impenn imwettaq fil-perjodu inizjali jew f’każijiet oħrajn debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw perjodu iqsar ta’ mill-anqas sena.

    8.   Għajnuna għall-impenji agroambjentali klimatiċi lil benefiċjarji għajr impriżi attivi fis-settur agrikolu tista’ tingħata skont it-Taqsima 7.

    9.   Impenji għall-estensifikazzjoni tat-trobbija tal-bhejjem għandhom jikkonformaw mill-inqas mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-mergħa kollha tal-azjenda għandha titmexxa u tinżamm biex jiġi evitat ragħa mhux biżżejjed jew eċċessiv;

    (b)

    id-densità tal-bhejjem għandha tiġi ddefinita filwaqt li jitqiesu l-bhejjem kollha li jirgħu miżmuma fil-farm jew, fil-każ ta’ impenn għal limiti tal-lissija ta’ nutrijenti, l-annimali kollha miżmuma fil-farm li huma rilevanti għall-impenn inkwistjoni.

    10.   Għajnuna tista’ tkopri skemi kollettivi u skemi ta’ pagamenti bbażati fuq ir-riżultati, bħal skemi ta’ sekwestru tal-karbonju, sabiex il-benefiċjarji jitħeġġu jsaħħu b’mod sinifikanti l-kwalità tal-ambjent fuq skala akbar jew b’mod li jista’ jitkejjel. L-iskemi ta’ sekwestru tal-karbonju f’art agrikola bbażati fuq ir-riżultati għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mal-kriterji tal-kwalità rigward il-kwantifikazzjoni, l-addizzjonalità, il-ħżin fit-tul u s-sostenibbiltà, filwaqt li titqies ukoll il-Komunikazzjoni dwar Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli (45) fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju.

    11.   Għal impenji meħuda skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jipprovdi klawżola ta’ reviżjoni sabiex jiżgura l-aġġustament tagħhom fil-każ ta’ emendi tar-rekwiżiti, l-istandards u l-kundizzjonijiet mandatorji rilevanti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 9.

    12.   L-għajnuna għandha tingħata kull sena sabiex tikkumpensa għall-kostijiet addizzjonali kollha jew parti minnhom u d-dħul mitluf, li jirriżultaw mill-impenji agroambjentali klimatiċi.

    13.   L-ebda għajnuna taħt dan l-Artikolu ma għandha tingħata għal impenji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 35.

    14.   L-għajnuna għandha titħallas għal kull ettaru.

    15.   L-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli u ma għandhiex taqbeż EUR 600 għal kull ettaru fis-sena għal għelejjel annwali, EUR 900 għal kull ettaru fis-sena għal għelejjel perenni speċjalizzati u EUR 450 għal kull ettaru fis-sena għal użi oħra tal-art.

    Artikolu 35

    Għajnuna għal agrikoltura organika

    1.   Għajnuna għal agrikultura organika għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna tista’ tingħata lill-impriżi jew lill-gruppi ta’ impriżi kollha li jimpenjaw ruħhom b’mod volontarju li jikkonvertu jew li jżommu prattiki u metodi tal-agrikoltura organika kif inhu definit fir-Regolament (UE) 2018/848.

    3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għajnuna biss għal impenji li jmorru lil hinn minn:

    (a)

    ir-rekwiżiti statutorji rilevanti ta’ ġestjoni u l-istandards tal-KAAT stabbiliti skont it-Titolu III, il-Kapitolu I, it-Taqsima 2, tar-Regolament (UE) 2021/2115;

    (b)

    ir-rekwiżiti minimi għall-użu tal-fertilizzanti u tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għat-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll kull rekwiżit obbligatorju ieħor stabbilit mil-liġi nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni;

    (c)

    il-kundizzjonijiet stabbiliti għaż-żamma taż-żona agrikola f’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    4.   Tali standards u rekwiżiti mandatorji għandhom jiġu identifikati u deskritt fil-bażi ġuridika nazzjonali.

    5.   Għall-impenji msemmija fil-paragrafu 3, punt (b), fejn il-liġi nazzjonali timponi rekwiżiti ġodda li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi korrispondenti stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni, l-għajnuna tista’ tingħata għal impenji li jikkontribwixxu għall-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti għal massimu ta’ 24 xahar mid-data li fiha jsiru obbligatorji għall-azjenda.

    6.   L-impenji msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jitwettqu fuq perjodu inizjali ta’ ħames sa seba’ snin. Sabiex jinkisbu jew jinżammu ċerti benefiċċji ambjentali mfittxija, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw perjodu itwal, inkluż billi jipprovdu għall-estensjoni annwali tagħhom wara tmiem il-perjodu inizjali. Meta tingħata għajnuna għall-konverżjoni għall-biedja organika, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw perjodu iqsar ta’ mill-anqas sena. Fir-rigward ta’ impenji ġodda li jikkonċernaw iż-żamma direttament wara l-impenn imlesti fil-perjodu inizjali, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw perjodu iqsar ta’ mill-anqas sena.

    7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li jwettqu operazzjonijiet skont dan l-Artikolu jkollhom aċċess għall-għarfien u għall-informazzjoni rilevanti meħtieġa sabiex jimplimentaw tali operazzjonijiet, u li jkun hemm disponibbli taħriġ xieraq għal dawk li jeħtiġuh, kif ukoll aċċess għall-għarfien espert sabiex jgħin lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jibdlu s-sistemi ta’ produzzjoni tagħhom.

    8.   Għal impenji meħuda skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jipprovdi klawżola ta’ reviżjoni sabiex jiżgura l-aġġustament tagħhom fil-każ ta’ emendi tar-rekwiżiti, l-istandards u l-kundizzjonijiet mandatorji rilevanti msemmija fil-paragrafu 3.

    9.   L-għajnuna għandha tingħata kull sena sabiex tikkumpensa għall-kostijiet addizzjonali kollha jew parti minnhom u d-dħul mitluf li jirriżulta mill-impenji. L-għajnuna skont dan l-Artikolu ma għandhiex tingħata għal impenji koperti mill-Artikolu 34, jew għal kostijiet koperti mill-Artikolu 20.

    10.   Għajnuna għall-investiment fil-produzzjoni primarja u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti organiċi għandha tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 u 17.

    11.   L-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli u ma għandhiex taqbeż EUR 600 għal kull ettaru fis-sena għal għelejjel annwali, EUR 900 għal kull ettaru fis-sena għal għelejjel perenni speċjalizzati u EUR 450 għal kull ettaru fis-sena għal użi oħra tal-art.

    Taqsima 3

    Għajnuna għal investimenti favur il-konservazzjoni tal-wirt kulturali u naturali

    Artikolu 36

    Għajnuna għal investimenti favur il-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali li jkun jinsab fl-azjendi agrikoli jew fil-foresti

    1.   Għajnuna għal investimenti mmirati lejn il-konservazzjoni ta’ patrimonju kulturali u naturali lokalizzat fuq l-azjendi agrikoli jew fil-foresti għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), punt (c), tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta din tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna tista’ tingħata għal investimenti bl-għan tal-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali u naturali lokalizzat fuq l-azjendi agrikoli jew fil-foresti.

    3.   L-għajnuna għandha tingħata għall-konservazzjoni ta’ patrimonju kulturali u naturali fil-forma ta’ pajsaġġi naturali u bini, li huwa formalment rikonoxxut bħala patrimonju kulturali jew naturali mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    4.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin intenzjonati għall-konservazzjoni ta’ patrimonju kulturali u naturali:

    (a)

    il-kostijiet ta’ investiment f’assi tanġibbli;

    (b)

    ix-xogħlijiet kapitalizzati.

    5.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    6.   Għajnuna għax-xogħlijiet kapitalizzati għandha tkun limitata għal EUR 10 000 kull sena.

    Taqsima 4

    Għajnuna li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati minn diżastri naturali fis-settur tal-agrikoltura

    Artikolu 37

    Għajnuna biex tagħmel tajjeb għall-ħsarat ikkawżati minn diżastri naturali fis-settur tal-agrikoltura

    1.   L-iskemi tal-għajnuna biex jagħmlu tajjeb għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali għandhom ikunu kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(2), punt (b) tat-Trattat u għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    għandha titħallas biss meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tkun irrikonoxxiet formalment in-natura tal-avveniment bħala diżastru naturali;

    (b)

    meta jkun hemm rabta kawżali diretta bejn id-diżastru naturali u l-ħsara mġarrba mill-impriża.

    3.   L-għajnuna għandha titħallas direttament lill-impriża kkonċernata jew lil grupp jew lil organizzazzjoni ta’ produtturi li l-impriża hija membru tagħha.

    Meta l-għajnuna titħallas lil grupp jew lil organizzazzjoni ta’ produtturi, l-ammont ta’ għajnuna ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ għajnuna li għalih hija eliġibbli dik l-impriża.

    4.   Skemi ta’ għajnuna relatati ma’ diżastru naturali għandhom jiġu stabbiliti fi żmien tliet snin u l-għajnuna għandha titħallas fi żmien erba’ snin mid-data tal-okkorrenza tad-diżastru naturali.

    5.   Il-kostijiet eliġibbli għandha tkun il-ħsara mġarrba bħala konsegwenza diretta tad-diżastru naturali, kif stmat minn awtorità pubblika, minn espert indipendenti rikonoxxut mill-awtorità tal-għoti jew minn impriża tal-assigurazzjoni.

    6.   Il-ħsara mġarrba minħabba d-diżastru naturali għandha tiġi kkalkolata fil-livell tal-benefiċjarju individwali.

    7.   L-għajnuna tista’ tkun relatata ma’ dan li ġej:

    (a)

    it-telf ta’ introjtu li jirriżulta mill-qerda totali jew parzjali tal-produzzjoni agrikola u tal-mezzi ta’ produzzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 8;

    (b)

    il-ħsara materjali kif imsemmija fil-paragrafu 9.

    8.   It-telf tal-introjtu għandu jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

    (a)

    ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità tal-prodotti agrikoli prodotti fis-sena tad-diżastru naturali, jew kull sena sussegwenti milquta mill-qerda totali jew parzjali tal-mezzi tal-produzzjoni, skont il-prezz medju tal-bejgħ miksub matul dik is-sena,

    minn

    (b)

    ir-riżultat tal-multiplikazzjoni tal-kwantità annwali medja ta’ prodotti agrikoli prodotti fil-perjodu ta’ tliet snin preċedenti għad-diżastru naturali jew medja ta’ tliet snin ibbażata fuq il-perjodu tal-ħames snin preċedenti għad-diżastru naturali, bl-esklużjoni tal-ogħla u tal-anqas entrata bil-prezz medju tal-bejgħ miksub.

    Meta SME tkun ġiet stabbilita inqas minn tliet snin mid-data tal-okkorrenza tad-diżastru naturali, ir-referenza għall-perjodu ta’ tliet snin fil-punt (b) tal-paragrafu 8 għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-kwantità prodotta u mibjugħa minn impriża medja tal-istess daqs bħall-applikant, jiġifieri mikrointrapriża jew intrapriża żgħira jew intrapriża medja, rispettivament, fis-settur nazzjonali jew reġjonali affettwat mid-diżastru naturali.

    It-telf ta’ introjtu jista’ jiġi kkalkolat jew fil-livell tal-produzzjoni annwali tal-farm jew fil-livell tal-għelejjel tar-raba’ jew tal-bhejjem.

    Dak l-ammont jista’ jiżdied b’kostijiet oħra mġarrba mill-benefiċjarju direttament relatati mad-diżastru naturali.

    Dak l-ammont għandu jitnaqqas bi kwalunkwe kost li ma jkunx iġġarrab minħabba d-diżastru naturali.

    Jistgħu jintużaw indiċijiet sabiex tiġi kkalkolata l-produzzjoni agrikola annwali tal-benefiċjarju diment li l-metodu ta’ kalkolu użat jippermetti d-determinazzjoni ta’ telf attwali tal-benefiċjarju f’sena partikolari.

    9.   Il-ħsara materjali lil assi bħall-bini tal-farms, it-tagħmir u l-makkinarju, l-istokkijiet u l-mezzi ta’ produzzjoni kkawżati mid-diżastru naturali għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-kost tat-tiswija jew tal-valur ekonomiku tal-assi affettwat immedjatament qabel id-diżastru.

    Dan l-ammont ma għandux jaqbeż il-kost għat-tiswijiet jew għat-tnaqqis fil-valur ġust tas-suq ikkawżat mid-diżastru, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-proprjetà eżatt qabel id-diżastru u eżatt warajh.

    10.   L-għajnuna u kwalunkwe pagament ieħor riċevut bħala kumpens għat-telf, inklużi pagamenti taħt poloz tal-assigurazzjoni għandhom jiġu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Taqsima 5

    Għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

    Artikolu 38

    Għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija

    1.   Għajnuna għal proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp fis-settur u fis-subsetturi tal-agrikoltura u tal-forestrija għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta din tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-proġett megħjun għandu jkun ta’ interess ġenerali għall-impriżi kollha attivi fis-settur jew is-sottosettur ikkonċernat kif imsemmi fil-paragrafu 1.

    3.   Qabel id-data tal-bidu tal-proġett megħjun, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi ppubblikata fuq sit web aċċessibbli għall-pubbliku fil-livell nazzjonali jew reġjonali:

    (a)

    li l-proġett megħjun irid jitwettaq;

    (b)

    l-għanijiet tal-proġett megħjun;

    (c)

    data approssimattiva għall-pubblikazzjoni tar-riżultati mistennija mill-proġett megħjun;

    (d)

    il-post ta’ pubblikazzjoni tar-riżultati mistennija mill-proġett megħjun fuq l-Internet;

    (e)

    li r-riżultati tal-proġett megħjun ikunu disponibbli bla ħlas għall-impriżi kollha attivi fis-setturi jew is-subsetturi kkonċernati.

    4.   Ir-riżultati tal-proġett megħjun għandhom ikunu disponibbli fuq sit web aċċessibbli pubblikament mid-data tat-tmiem tal-proġett megħjun jew id-data li fiha kull informazzjoni dwar dawn ir-riżultati tingħata lill-membri ta’ xi organizzazzjoni partikolari, liema minnhom tiġi l-ewwel. Ir-riżultati għandhom jibqgħu disponibbli fuq l-Internet għal perjodu ta’ mill-anqas ħames snin mid-data tat-tmiem tal-proġett megħjun.

    5.   Għandha tingħata għajnuna direttament lill-organizzazzjoni tar-riċerka u/jew tat-tixrid tal-għarfien.

    6.   L-għajnuna ma għandiex tinvolvi pagamenti lil impriżi attivi fis-settur agrikolu jew forestali abbażi tal-prezz ta’ prodotti agrikoli jew forestali.

    7.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    (a)

    kostijiet tal-persunal relatati mar-riċerkaturi, mat-teknixins u ma’ persunal ieħor ta’ appoġġ diment li dawn ikunu impjegati fuq il-proġett;

    (b)

    il-kostijiet tal-istrumenti u t-tagħmir diment li jkunu użati fil-proġett u għall-perjodu li jintużaw fih; fejn tali strumenti u tagħmir ma jintużawx tul ħajjithom kollha fil-proġett, jitqiesu eliġibbli biss il-kostijiet ta’ deprezzament li jikkorrispondu għall-ħajja tal-proġett, kif ikkalkolati abbażi ta’ prinċipji ta’ kontabbiltà aċċettati b’mod ġenerali;

    (c)

    il-kostijiet tal-bini u tal-art, sal-punt u għall-perjodu tad-durata użati għall-proġett u taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    fir-rigward tal-bini, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli biss dawk il-kostijiet tad-deprezzament li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett, kif ikkalkolati abbażi ta’ prinċipji ta’ kontabbiltà aċċettati b’mod ġenerali;

    (ii)

    fir-rigward tal-artijiet, huma eliġibbli l-kostijiet tat-trasferiment kummerċjali jew il-kostijiet tal-kapital realment imġarrba;

    (d)

    il-kostijiet tar-riċerka kuntrattwali, l-għarfien u privattivi mixtrija jew liċenzjati minn sorsi barranin b’kundizzjonijiet distakkati, kif ukoll il-kostijiet tal-konsulenzi u s-servizzi ekwivalenti użati esklussivament għall-proġett;

    (e)

    spejjeż ġenerali addizzjonali u spejjeż operazzjonali oħrajn, li jinkludu kostijiet ta’ materjali, fornimenti u prodotti simili, magħmula direttament bħala riżultat tal-proġett.

    8.   Meta organizzazzjoni tar-riċerka u/jew tat-tixrid tal-għarfien twettaq ukoll attivitajiet ekonomiċi, il-finanzjament, il-kostijiet u d-dħul ta’ dawk l-attivitajiet ekonomiċi għandhom ikunu kontabilizzati b’mod separat.

    9.   L-impriżi li jistgħu jeżerċitaw influwenza fuq organizzazzjoni tar-riċerka u t-tixrid tal-għarfien, fil-kapaċità tagħhom, pereżempju bħala azzjonisti jew membri, ma għandhom igawdu l-ebda aċċess preferenzjali għall-kapaċitajiet ta’ riċerka tagħha jew għar-riżultati ġġenerati minnha.

    10.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 39

    Għajnuna għall-kostijiet imġarrba minn impriżi li jipparteċipaw fi proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP

    1.   Għajnuna għall-kostijiet imġarrba mill-impriżi li jipparteċipaw fi proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP koperti mill-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-kostijiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP:

    (a)

    il-kostijiet tal-appoġġ preparatorju, il-bini tal-kapaċità, it-taħriġ u n-networking għall-għanijiet ta’ tħejjija u implimentazzjoni ta’ proġett tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP;

    (b)

    l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet approvati;

    (c)

    it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tal-grupp;

    (d)

    kostijiet operazzjonali marbuta mal-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-proġett tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP;

    (e)

    animazzjoni tal-komunità tal-EIP sabiex tiffaċilita l-iskambju bejn il-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu informazzjoni u jippromwovu l-proġetti, u biex jappoġġaw benefiċjarji potenzjali bil-għan li jiżviluppaw operazzjonijiet u jħejju applikazzjonijiet.

    3.   L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż ir-rati massimi ta’ appoġġ previsti għal kull tip ta’ operazzjoni fir-Regolament (UE) 2021/2115.

    Artikolu 40

    Ammonti limitati ta’ għajnuna lill-impriżi li jibbenefikaw minn proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP

    1.   Għajnuna lil impriżi li jipparteċipaw fi proġetti tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP, jew li jibbenefikaw minnhom, kif imsemmi fl-Artikolu 39(1) ta’ dan ir-Regolament, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-ammont totali ta’ għajnuna mogħtija għal kull proġett tal-Grupp Operazzjonali tal-EIP ma għandux jaqbeż il-EUR 500 000.

    Taqsima 6

    Għajnuna favur il-forestrija

    Artikolu 41

    Għajnuna għall-afforestazzjoni u għall-ħolqien ta’ msaġar

    1.   Għajnuna għall-afforestazzjoni u għall-ħolqien ta’ msaġar għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għall-afforestazzjoni u għall-ħolqien ta’ msaġar għandha tkopri l-kostijiet ta’ stabbiliment u primjum annwali għal kull ettaru.

    L-għajnuna għall-afforestazzjoni u għall-ħolqien ta’ msaġar tista’ tkopri operazzjonijiet ta’ investiment.

    3.   L-għajnuna għall-afforestazzjoni u għall-ħolqien ta’ msaġar relatata ma’ operazzjonijiet ta’ investiment għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostruzzjoni, l-akkwiżizzjoni, inkluż il-lokazzjoni, jew it-titjib ta’ beni immobbli, bix-xiri tal-art eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx l-10 % tal-kostijiet totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata bl-eċċezzjoni tax-xiri tal-art jekk l-għajnuna tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK;

    (b)

    ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

    (c)

    il-kostijiet ġenerali li huma marbutin man-nefqa imsemmija fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk tal-konsultazzjoni, tariffi relatati ma’ pariri dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji dwar il-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà għandhom jibqgħu nefqa eliġibbli anki fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ma tkun iġġarrbet ebda nefqa skont il-punti (a) u (b);

    (d)

    it-tariffi tal-akkwiżizzjoni, tal-iżvilupp jew tal-użu ta’ software tal-kompjuter, ta’ soluzzjonijiet cloud u ta’ soluzzjonijiet simili, u l-akkwiżizzjoni ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur, trademarks;

    (e)

    il-kostijiet sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti u strument ekwivalenti.

    Għajnuna li tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK u li hija pprovduta fil-forma ta’ strumenti finanzjarji tista’ tkopri kostijiet eliġibbli minbarra dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu, dment li l-kostijiet ikunu kompletament eliġibbli skont il-Pjan Strateġiku rilevanti tal-PAK u li l-għajnuna tidħol fis-seħħ wara l-approvazzjoni tal-Pjan Strateġiku rilevanti mill-Kummissjoni.

    Ħlief meta l-appoġġ jingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, il-kapital operatorju ma għandux jitqies bħala spiża eliġibbli.

    4.   Għal operazzjonijiet ta’ investimenti li jeħtieġu valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE l-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li tkun saret tali valutazzjoni u li jkun ingħata l-permess għall-iżvilupp għall-proġett ta’ investiment ikkonċernat qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna individwali.

    5.   Il-kostijiet ta’ stabbiliment li ġejjin għandhom jkunu eliġibbli:

    (a)

    il-kostijiet tal-materjal tal-pjantaġġun u ta’ propagazzjoni;

    (b)

    il-kostijiet tal-pjantaġġun u l-kostijiet direttament marbuta mal-pjantaġġun;

    (c)

    il-kostijiet ta’ operazzjonijiet relatati bħall-ħażna u t-trattamenti tan-nibbieta bil-materjali ta’ prevenzjoni u protezzjoni neċessarji;

    (d)

    il-kostijiet tas-sostituzzjoni tad-dieta matul l-ewwel sena u s-sostituzzjoni ta’ ikel fuq skala żgħira matul l-ewwel snin wara t-tħawwil. Il-kostijiet tas-sostituzzjoni ta’ mewt fuq skala kbira jistgħu jiġu appoġġati biss skont l-Artikolu 43.

    6.   Il-primjum annwali għal kull ettaru għandu jkopri l-kostijiet għad-dħul mitluf u l-kostijiet ta’ manutenzjoni, inkluż tindif bikri u tard, għal perjodu massimu ta’ 12-il sena mid-data tal-għoti tal-għajnuna.

    7.   L-għajnuna ma għandhiex tingħata għat-tħawwil tas-siġar li ġejjin:

    (a)

    is-siġar għal imsaġar ta’ rotazzjoni qasira;

    (b)

    is-siġar tal-Milied;

    (c)

    siġar li jikbru malajr għall-produzzjoni tal-enerġija;

    (d)

    speċijiet mhux indiġeni għaż-żona, ħlief fejn jingħata appoġġ fil-qafas tal-Pjan Strateġiku tal-PAK;

    (e)

    investimenti fit-tisġir li ma jkunux konsistenti mal-objettivi klimatiċi u ambjentali f’konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, kif żviluppati fil-Linji Gwida Pan-Ewropej għall-Afforestazzjoni u r-Riforestazzjoni (46).

    8.   L-ispeċi mħawla għandhom ikunu adattati għall-kundizzjonijiet ambjentali u klimatiċi taż-żona u jridu jkunu konformi ma’ rekwiżiti ambjentali minimi fil-punt (12).

    9.   Fiż-żoni fejn l-afforestazzjoni hija diffiċli minħabba kundizzjonijiet pedoklimatiċi severi, tista’ tingħata għajnuna għat-tħawwil ta’ speċijiet oħra tal-injam perenni bħal arbuxelli jew siġar żgħar adatti għall-kundizzjonijiet lokali.

    10.   L-għajnuna għal intrapriżi kbar għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti minn pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jew strument ekwivalenti skont il-Linji Gwida Ġenerali għall-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti fl-Ewropa (47).

    Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-muniċipalitajiet, li huma awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun u ta’ anqas minn 5 000 abitant.

    11.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    12.   Ir-rekwiżiti ambjentali minimi li ġejjin għandhom japplikaw fil-kuntest tal-għajnuna għat-tisġir u l-ħolqien ta’ msaġar:

    (a)

    l-għażla tal-ispeċi li għandhom jitħawlu, taż-żoni u tal-metodi li għandhom jintużaw għandha tevita l-afforestazzjoni mhux xierqa ta’ ħabitats sensittivi bħall-artijiet mimlija pit u l-artijiet mistagħdra u l-effetti negattivi fuq żoni ta’ valur ekoloġiku għoli fosthom żoni fejn issir biedja b’valur naturali għoli. Skont id-Direttiva 92/43/KEE u d-Direttiva 2009/147/KE dwar siti indikati bħala ta’ Natura 2000 għandha tiġi permessa biss afforestazzjoni konsistenti mal-objettivi ta’ ġestjoni tas-siti kkonċernati u miftiehma mal-awtorità tal-Istat Membru responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ Natura 2000;

    (b)

    l-għażla tal-ispeċi, il-varjetajiet, l-ekotipi u l-provenjenzi tas-siġar għandha tqis il-ħtieġa għar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u għal diżastri naturali u l-kundizzjoni pedoloġika u idroloġika taż-żona kkonċernata, kif ukoll il-karattru invażiv potenzjali tal-ispeċi fil-kundizzjonijiet lokali kif definiti mill-Istati membri. Il-benefiċjarju għandu jkun meħtieġ jipproteġi u jieħu ħsieb il-foresta tal-anqas matul il-perjodu li għalih jitħallas il-primjum għall-introjtu agrikolu mitluf u l-manutenzjoni. Dan għandu jinkludi l-indukrar, iż-żbir jew ir-ragħa, kif xieraq, fl-interess tal-iżvilupp tal-foresta fil-futur u r-regolazzjoni tal-kompetizzjoni b’veġetazzjoni erbaċea u l-evitar tal-akkumulazzjoni ta’ materjal li jikber minn taħt suxxettibbli għan-nar. Fir-rigward ta’ speċi li jikbru malajr, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu ż-żmien minimu u massimu ta’ qabel il-qtugħ. Iż-żmien minimu ma għandux ikun ta’ anqas minn 8 snin u ż-żmien massimu ma għandux jaqbeż l-20 sena;

    (c)

    f’każijiet fejn, minħabba kundizzjonijiet tal-ħamrija, ambjentali jew klimatiċi diffiċli, inklużi d-degradazzjoni ambjentali, it-tħawwil ta’ speċijiet imsaġġra perenni ma jistax ikun mistenni li jwassal għall-istabbiliment ta’ kopertura ta’ foresta kif definit f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jippermetti lill-benefiċjarju jistabbilixxi kopertura ta’ veġetazzjoni ta’ siġar oħrajn bħalma huma l-arbuxelli jew buxxijiet xierqa għall-kundizzjonijiet lokali. Il-benefiċjarju għandu jiżgura l-istess livell ta’ attenzjoni u protezzjoni kif applikabbli għall-foresti;

    (d)

    fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ afforestazzjoni li jwasslu sabiex il-foresti jikbru aktar minn ċertu limitu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, l-operazzjoni trid tikkonsisti minn dan li ġej:

    (i)

    it-tħawwil ta’ speċijiet adatti għall-ekoloġija jew speċi reżiljenti għat-tibdil fil-klima fiż-żona bijoġeografika kkonċernata, u li valutazzjoni tal-impatti tkun sabet li ma jheddux il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, jew li jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem;

    (ii)

    taħlita ta’ speċijiet ta’ siġar li tinkludi jew tal-anqas 10 % tas-siġar b’weraq wesgħin fiż-żona, jew minimu ta’ tliet speċijiet ta’ siġar jew varjetajiet, bl-anqas waħda komuni minnhom li tieħu tal-anqas 10 % taż-żona.

    Artikolu 42

    Għajnuna għal sistemi tal-agroforestrija

    1.   Għajnuna għal sistemi tal-agroforestrija għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għajnuna għal sistemi tal-agroforestrija għandha tkopri l-kostijiet ta’ stabbiliment, riġenerazzjoni jew rinnovazzjoni u primjum annwali għal kull ettaru.

    3.   Għajnuna għal sistemi tal-agroforestrija tista’ tkopri operazzjonijiet ta’ investiment.

    4.   Għajr meta l-appoġġ jingħata fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, l-għajnuna għas-sistemi tal-agroforestrija relatati ma’ operazzjonijiet ta’ investiment, għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostruzzjoni, l-akkwiżizzjoni, inkluż il-lokazzjoni, jew it-titjib ta’ beni immobbli, bix-xiri tal-art eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx l-10 % tal-kostijiet totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata bl-eċċezzjoni tax-xiri tal-art jekk l-għajnuna tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK;

    (b)

    ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

    (c)

    il-kostijiet ġenerali li huma marbutin man-nefqa imsemmija fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk tal-konsultazzjoni, tariffi relatati ma’ pariri dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji dwar il-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà għandhom jibqgħu nefqa eliġibbli anki meta ma tkun saret l-ebda nefqa kif imsemmi fil-punti (a) u (b);

    (d)

    it-tariffi tal-akkwiżizzjoni, tal-iżvilupp jew tal-użu ta’ software tal-kompjuter, ta’ cloud u ta’ soluzzjonijiet simili, u l-akkwiżizzjoni ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur, trademarks;

    (e)

    il-kostijiet sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti u strument ekwivalenti.

    Ħlief meta l-appoġġ jingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, il-kapital operatorju ma għandux jitqies bħala spiża eliġibbli.

    5.   Għal operazzjonijiet ta’ investimenti li jeħtieġu valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE, l-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li tkun saret valutazzjoni ta’ dan it-tip u li jkun ingħata l-permess għall-iżvilupp għall-proġett ta’ investiment ikkonċernat qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna individwali.

    L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-għajnuna li tingħata fil-forma ta’ strumenti finanzjarji.

    6.   Il-kostijiet li ġejjin għall-istabbiliment, għar-riġenerazzjoni jew għar-rinnovazzjoni tas-sistema tal-agroforestrija għandhom ikunu eliġibbli:

    (a)

    il-kostijiet tat-tħawwil tas-siġar, inklużi l-kostijiet tal-materjal tat-tħawwil, tal-pjantaġġun, tal-ħażna u tat-trattamenti tan-nebbieta bil-materjali neċessarji ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni;

    (b)

    il-kostijiet tal-konverżjoni ta’ foresti eżistenti jew ta’ msaġar oħrajn, inklużi l-kostijiet tat-tqaċċit tas-siġar, tal-irmondar u taż-żbir u tal-protezzjoni kontra annimali li jirgħu;

    (c)

    kostijiet oħrajn marbutin direttament mal-istabbiliment, mar-riġenerazzjoni jew mar-rinnovazzjoni ta’ sistema tal-agroforestrija bħalma huma kostijiet għal studji dwar il-fattibbiltà, għal pjan ta’ stabbiliment, għal eżami tal-ħamrija, għall-preparazzjoni u għall-protezzjoni tal-ħamrija;

    (d)

    il-kostijiet tas-silvopastoral, jiġifieri l-faċilitajiet ta’ tisqija u ta’ protezzjoni għas-sistema tar-ragħa;

    (e)

    il-kostijiet tat-trattament neċessarju konness mal-istabbiliment, mar-riġenerazzjoni jew mar-rinnovazzjoni ta’ sistema ta’ agroforestrija, inkluż it-tisqija u l-qtugħ;

    (f)

    il-kostijiet tat-tħawwil mill-ġdid matul l-ewwel sena wara l-istabbiliment, ir-riġenerazzjoni jew ir-rinnovazzjoni ta’ sistema ta’ agroforestrija.

    7.   Il-primjum annwali għal kull ettaru għandu jkopri wkoll il-kostijiet għall-manutenzjoni tas-sistema tal-agroforestrija, u għandu jitħallas għal perjodu massimu ta’ 12-il sena mid-data tal-għoti tal-għajnuna.

    Il-kostijiet eliġibbli ta’ manutenzjoni jistgħu jirrelataw mal-faxex stabbiliti tas-siġar, l-azzjonijiet tat-tneħħija tal-ħaxix ħażin, taż-żbir, tal-irmondar u ta’ protezzjoni u investimenti bħalma huma ċnut jew tubi individwali ta’ protezzjoni.

    8.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-istruttura u l-kompożizzjoni tas-sistema tal-agroforestrija, filwaqt li jqisu dan li ġej:

    (a)

    il-kundizzjonijiet lokali pedoklimatiċi u ambjentali;

    (b)

    l-ispeċijiet tal-forestrija;

    (c)

    il-ħtieġa li jkun żgurat użu sostenibbli agrikolu tal-art.

    9.   L-intensità massima tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 43

    Għajnuna għall-prevenzjoni u r-restawr tal-ħsara lill-foresti

    1.   L-għajnuna għall-prevenzjoni u għar-restawr ta’ ħsara lill-foresti minn nirien fil-foresti, diżastri naturali, eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastru naturali, eventi klimatiċi avversi oħrajn, pesti tal-pjanti, avvenimenti katastrofiċi, avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 107(2), jew rispettivament il-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat, u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu, meta tissodisfa il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    l-istabbiliment ta’ infrastruttura protettiva, inkluż il-kostijiet tal-manutenzjoni fil-każ ta’ tifqigħat ta’ nar;

    (b)

    attivitajiet lokali ta’ prevenzjoni fuq skala żgħira kontra n-nar, jew perikli naturali oħrajn, inkluż il-kostijiet tal-użu ta’ annimali li jirgħu, bħal għatjiet, tisqija, sisien, u trasport tal-annimali;

    (c)

    l-istabbiliment u titjib ta’ faċilitajiet għall-monitoraġġ tan-nirien fil-foresti, tal-pesti u ta’ mard u tat-tagħmir ta’ komunikazzjoni;

    (d)

    ir-restawr tal-potenzjal tal-forestrija li jkun ġarrab ħsara minħabba nirien, diżastri naturali, eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastri naturali, eventi klimatiċi avversi oħra, pesti tal-pjanti, avvenimenti katastrofiċi u avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima.

    3.   L-għajnuna ma għandhiex tingħata għal attivitajiet relatati mal-agrikoltura f’żoni koperti mill-impenji msemmija fl-Artikolu 34.

    4.   Huma biss iż-żoni tal-foresti li jappartjenu għall-pjan ta’ protezzjoni tal-foresti stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat li għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna għall-prevenzjoni tan-nirien.

    5.   Fil-każ tar-restawr tal-potenzjal tal-forestrija msemmi fil-paragrafu 2, il-punt (d), l-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ir-rikonoxximent formali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li jkun seħħ in-nar, id-diżastru naturali, l-event klimatiku avvers li jista’ jiġi assimilat ma’ diżastru naturali, event klimatiku avvers ieħor, pesti tal-pjanti, avveniment katastrofiku jew avveniment relatat mat-tibdil fil-klima u mas-sottomissjoni mill-benefiċjarji ta’ prova ta’ għodod xierqa għall-ġestjoni tar-riskju biex tiġi indirizzata l-okkorrenza potenzjali tal-avveniment dannuż fil-futur fejn xieraq;

    (b)

    ir-rikonoxximent formali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li l-miżuri f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031 biex jiġi miġġieled, eradikat jew ikkontrollat pest tal-pjanti jkunu ġew implimentati;

    (c)

    fil-każ ta’ għajnuna skont l-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-Trattat, il-preżentazzjoni mill-benefiċjarji ta’ prova li tali restawr se jinkludi miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima, sakemm tali miżuri ta’ adattament ma jiffurmawx parti integrali mill-iskema u japplikaw għall-benefiċjarji kollha.

    6.   Fil-każ ta’ għajnuna għall-prevenzjoni ta’ ħsara lil foresta minn pesti tal-pjanti, ir-riskju tal-okkorrenza tal-pesti tal-pjanti għandu jkun appoġġat minn evidenza xjentifika u rikonoxxut minn organizzazzjoni xjentifika pubblika.

    Il-lista ta’ speċijiet ta’ pesti tal-pjanti li jikkawżaw jew jistgħu jikkawżaw ħsara għandha tiġi inkluża fl-iskema ta’ għajnuna jew fl-għajnuna ad hoc sottomessa mill-Istat Membru rilevanti.

    7.   L-attivitajiet jew proġetti megħjuna għandhom ikunu konsistenti mal-pjan ta’ protezzjoni tal-foresti stabbilit mill-Istati Membri.

    Fil-każ tar-restawr tal-potenzjal tal-forestrija msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 2, l-għajnuna għal intrapriżi kbar għandha tkun kondizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti minn pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jew strument ekwivalenti skont il-Linji Gwida Ġenerali għall-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti fl-Ewropa. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-muniċipalitajiet, li huma awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun u ta’ anqas minn 5 000 abitant.

    8.   Ma għandiex tingħata għajnuna għat-telf ta’ introjtu kkawżat min-nirien, diżastri naturali, eventi klimatiċi avversi li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastri naturali, eventi klimatiċi avversi oħra, pesti tal-pjanti, avvenimenti katastrofiċi u avvenimenti relatati mat-tibdil fil-klima.

    9.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    L-għajnuna mogħtija għall-kostijiet eliġibbli kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 2, u kwalunkwe pagament ieħor imħallas lill-benefiċjarju, inklużi pagamenti skont miżuri oħrajn nazzjonali jew tal-Unjoni jew poloz tal-assigurazzjoni għall-istess kostijiet eliġibbli għandhom ikunu limitati għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 44

    Għajnuna għall-investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti

    1.   Għajnuna għall-investimenti li jtejbu r-reżiljenza u l-valur ambjentali tal-ekosistemi tal-foresti għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-investimenti għandhom ikunu mmirati lejn l-ilħuq tal-impenji għal għanijiet ambjentali, għall-provvista ta’ servizzi ekosistemiċi jew għal titjib tal-valur tal-amenitajiet pubbliċi ta’ art forestali u msaġġra fiż-żona kkonċernata jew it-titjib tal-potenzjal ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-potenzjal tal-adattament ta’ ekosistemi, mingħajr ma jiġu esklużi benefiċċji ekonomiċi fuq żmien twil. L-ispeċijiet mhux indiġeni għaż-żona għandhom jiġu esklużi, ħlief meta l-appoġġ jingħata fil-qafas tal-Pjan Strateġiku tal-PAK.

    3.   Għal investiment li jeħtieġ valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE l-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li tkun saret it-tali valutazzjoni u li jkun ingħata l-permess għall-iżvilupp għall-proġett ta’ investiment ikkonċernat qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna individwali. Madankollu, l-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ strumenti finanzjarji għandha tkun eżentata minn dik il-kundizzjoni.

    4.   Ħlief meta l-appoġġ jingħata fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, l-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostruzzjoni, l-akkwiżizzjoni, inkluż il-lokazzjoni, jew it-titjib ta’ beni immobbli, bix-xiri tal-art eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx l-10 % tal-kostijiet totali eliġibbli tal-operazzjoni kkonċernata bl-eċċezzjoni tax-xiri tal-art jekk l-għajnuna tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK;

    (b)

    ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

    (c)

    il-kostijiet ġenerali relatati man-nefqa msemmija fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-arkitett, tal-inġinier u dawk tal-konsultazzjoni, tariffi relatati ma’ konsulenza dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inkluż studji tal-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà għandhom jibqgħu nefqa eliġibbli anke fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ebda nefqa skont il-punti (a) u (b) ma tkun iġġarrbet;

    (d)

    it-tariffi tal-akkwiżizzjoni, tal-iżvilupp jew tal-użu ta’ software tal-kompjuter, ta’ soluzzjonijiet cloud u ta’ soluzzjonijiet simili, u l-akkwiżizzjoni ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u trademarks;

    (e)

    il-kostijiet sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti u strument ekwivalenti.

    (f)

    il-kostijiet tal-materjal tal-pjantaġġun u ta’ propagazzjoni;

    (g)

    il-kostijiet tal-pjantaġġun u l-kostijiet direttament marbuta mal-pjantaġġun;

    (h)

    il-kostijiet ta’ operazzjonijiet relatati bħall-ħażna u t-trattamenti tan-nibbieta bil-materjali ta’ prevenzjoni u protezzjoni neċessarji;

    (i)

    il-kostijiet tas-sostituzzjoni tad-dieta matul l-ewwel sena u s-sostituzzjoni ta’ ikel fuq skala żgħira matul l-ewwel snin wara t-tħawwil. Il-kostijiet tas-sostituzzjoni ta’ mewt fuq skala kbira jistgħu jiġu appoġġati biss skont l-Artikolu 43.

    5.   Ħlief meta l-appoġġ jingħata fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, il-kostijiet, ħlief dawk li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 4(a) u (b), relatati ma’ kuntratti ta’ lokazzjoni, bħall-marġni tal-lokatur, kostijiet ta’ finanzjament mill-ġdid tal-imgħax, spejjeż ġenerali u tariffi tal-assigurazzjoni ma għandhomx jitqiesu li huma kostijiet eliġibbli.

    Ħlief meta l-appoġġ jingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, il-kapital operatorju ma għandux jitqies bħala spiża eliġibbli.

    6.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 45

    Għajnuna għal żvantaġġi speċifiċi għaż-żona li jirriżultaw minn ċerti rekwiżiti obbligatorji

    1.   Għajnuna relatata mal-iżvantaġġi speċifiċi għaż-żona imposti minn rekwiżiti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE jew tad-Direttiva 2009/147/KE mogħtija lid-detenturi tal-foresti, lill-maniġers tal-foresti u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), il-punt (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tingħata kull sena u għal kull ettaru ta’ żona forestali sabiex tikkumpensa lill-benefiċjarji għal kostijiet addizzjonali u introjtu mitluf, li jirriżultaw minn żvantaġġi fiż-żoni forestali msemmija fil-paragrafu 3, relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE u d-Direttiva 2009/147/KE.

    3.   L-għajnuna għandha titħallas biss fir-rigward taż-żoni tal-forestrija li ġejjin:

    (a)

    żoni forestali Natura 2000;

    (b)

    fatturi tal-pajsaġġ li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/43/KEE; li ma għandhomx jaqbżu 5 % taż-żoni inklużi fin-network ta’ Natura 2000 koperti mill-ambitu territorjali tal-Pjan Strateġiku kkonċernat.

    4.   L-għajnuna tista’ tingħata lil detenturi tal-foresti, maniġers tal-foresti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom.

    5.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u ma għandhiex taqbeż EUR 500 għal kull ettaru fis-sena fil-perjodu inizjali li ma jaqbiżx il-ħames snin u EUR 200 għal kull ettaru fis-sena minn hemm ’il quddiem.

    Artikolu 46

    Għajnuna għal servizzi ambjentali u klimatiċi tal-foresti u konservazzjoni tal-foresti

    1.   Għajnuna għal servizzi ambjentali u klimatiċi tal-foresti u għall-konservazzjoni tal-foresti għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għajnuna għandha tkopri biss impenji ta’ ġestjoni volontarji mmirati lejn il-kisba ta’ wieħed jew aktar mill-objettivi speċifiċi relatati mal-klima u l-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti obbligatorji rilevanti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-forestrija jew leġiżlazzjoni rilevanti oħra nazzjonali jew tal-Unjoni.

    3.   Ir-rekwiżiti mandatorji kollha msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu identifikati u deskritti fil-bażi ġuridika nazzjonali.

    4.   Dawn l-impenji għandhom jittieħdu għal perjodu ta’ bejn ħames u seba’ snin. Madankollu, fejn meħtieġ u ġġustifikat kif xieraq, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw perjodu itwal għal tipi partikolari ta’ impenji.

    5.   Għal impenji meħuda skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru għandu jipprovdi klawżola ta’ reviżjoni sabiex jiżgura l-aġġustament tagħhom fil-każ ta’ emendi tar-rekwiżiti mandatorji rilevanti imsemmija fil-paragrafu 2.

    6.   Il-ħlasijiet għandhom jikkumpensaw lill-benefiċjarji b’mod totali jew parzjali għall-kostijiet addizzjonali u l-introjtu mitluf li jirriżultaw mill-impenji msemmija fil-paragrafu 2 aċċettati minnhom.

    7.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli u ma għandhiex taqbeż EUR 200 għal kull ettaru fis-sena.

    8.   Meta l-għajnuna tiġi prevista fl-ambitu ta’ Pjan Strateġiku, l-ammont massimu previst fil-paragrafu 7 jista’ jiġi miżjud f’każijiet eċċezzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi speċifiċi kif previst f’dak il-Pjan Strateġiku.

    Artikolu 47

    Għajnuna għal skambju ta’ għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni fis-settur tal-forestrija

    1.   Għajnuna għal skambju ta’ għarfien u azzjonijiet ta’ informazzjoni favur impriżi attivi fis-settur tal-forestrija għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġati skont dan l-Artikolu jkunu konsistenti mad-deskrizzjoni tal-AKIS ipprovduta fil-Pjan Strateġiku tal-PAK.

    2.   Għajnuna għandha tkopri taħriġ vokazzjonali u azzjonijiet ta’ kisba ta’ ħiliet, inklużi korsijiet ta’ taħriġ, workshops u kkowċjar, attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, azzjonijiet ta’ informazzjoni, u promozzjoni tal-innovazzjoni.

    L-għajnuna tista’ tkopri wkoll skambji ta’ ġestjoni tal-foresti u żjarat fil-foresti għal żmien qasir li għandhom jiffokaw, b’mod partikolari, fuq metodi jew fuq teknoloġiji sostenibbli tal-forestrija, l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ġodda ta’ negozju u teknoloġiji ġodda, u fuq it-titjib tar-reżiljenza tal-foresti.

    Għajnuna għal attivitajiet ta’ dimostrazzjoni tista’ tkopri kostijiet ta’ investiment rilevanti.

    3.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostijiet għall-organizzazzjoni u l-forniment tat-trasferiment tal-għarfien jew l-azzjoni ta’ informazzjoni;

    (b)

    fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni relatati ma’ investimenti:

    (i)

    il-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-lokazzjoni, jew it-titjib ta’ beni immobbli, bix-xiri tal-art ikun eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx 10 % tan-nefqa eliġibbli totali l-oħra tal-operazzjoni kkonċernata bl-eċċezzjoni tax-xiri tal-art jekk l-għajnuna tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK;

    (ii)

    ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

    (iii)

    il-kostijiet ġenerali marbuta man-nefqa imsemmija fil-punti (i) u (ii), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk tal-konsultazzjoni, tariffi relatati ma’ pariri dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji dwar il-fattibbiltà; studji dwar il-fattibbiltà għandhom jibqgħu nefqa eliġibbli anke fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ebda nefqa skont il-punti (i) u (ii) ma tkun iġġarbet;

    (iv)

    akkwiżizzjoni, żvilupp jew tariffi għall-użu ta’ software tal-kompjuter, soluzzjonijiet cloud u soluzzjonijiet simili, u akkwiżizzjonijiet ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u trademarks;

    (c)

    il-kostijiet tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u per diem tal-parteċipanti.

    Il-kapital operatorju ma għandux jiġi kkunsidrat li huwa kost eliġibbli.

    4.   Il-kostijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 għandhom ikunu eliġibbli biss safejn jiġġarrbu għall-proġett ta’ dimostrazzjoni u għad-durata tal-proġett ta’ dimostrazzjoni.

    5.   Huma biss il-kostijiet tad-deprezzament li jikkorrispondu mal-ħajja tal-proġett ta’ dimostrazzjoni, kif ikkalkolati abbażi ta’ prinċipji kontabilistiċi aċċettati ġeneralment, li għandhom ikunu eliġibbli.

    6.   L-għajnuna msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3, ma għandhiex tinvolvi pagamenti diretti lill-benefiċjarji. Din l-għajnuna għandha titħallas lill-fornitur tal-iskambju tal-għarfien u tal-azzjonijiet ta’ informazzjoni.

    7.   Korpi li jipprovdu servizzi ta’ skambju tal-għarfien u ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni għandu jkollhom il-kapaċitajiet xierqa fil-forma ta’ kwalifiki tal-persunal u taħriġ regolari sabiex iwettqu dawn il-kompiti.

    8.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 48

    Għajnuna għas-servizzi konsultattivi fis-settur tal-forestrija

    1.   Għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza fis-settur tal-forestrija għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Is-servizzi kkonċernati ma għandhomx ikunu attività kontinwa jew perjodika u lanqas ma għandhom ikunu relatati mal-kostijiet operatorji tal-impriża. Is-servizzi konsultattivi għandhom ikopru d-dimensjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali u jagħtu informazzjoni teknoloġika u xjentifika aġġornata żviluppata mir-riċerka u l-innovazzjoni.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet appoġġati skont dan l-Artikolu jkunu konsistenti mad-deskrizzjoni tal-AKIS ipprovduta fil-Pjan Strateġiku tal-PAK.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistema ta’ servizzi ta’ konsulenza tkopri bħala minimu kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE, id-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva 2008/50/KE, id-Direttiva 2009/147/KE, ir-Regolament (UE) 2016/2031, l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u d-Direttiva 2009/128/KE.

    4.   L-għajnuna għandha tieħu l-forma ta’ servizz sussidjat.

    Il-korpi magħżula sabiex jipprovdu s-servizz ta’ konsulenza għandu jkollhom ir-riżorsi xierqa fil-forma ta’ persunal imħarreġ b’mod regolari u kkwalifikat u esperjenza fil-konsulenza u affidabbiltà fir-rigward tal-oqsma li huma joffru l-konsulenza dwarhom.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornitur tas-servizz ta’ konsulenza jkun imparzjali u ma jkollu l-ebda kunflitt ta’ interess.

    6.   Fejn ikun iġġustifikat u xieraq, il-parir jista’ jingħata b’mod parzjali fi grupp, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji individwali tas-servizzi konsultattivi.

    7.   L-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli, u ma għandhiex taqbeż EUR 200 000 għal kull impriża fi kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin.

    Artikolu 49

    Għajnuna għal investimenti fl-infrastruttura relatata mal-iżvilupp, il-modernizzazzjoni jew l-adattazzjoni tas-settur tal-forestrija

    1.   Għajnuna għal investimenti fl-infrastruttura relatata mal-iżvilupp, il-modernizzazzjoni jew l-adattament tas-settur tal-forestrija għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet imniżżla f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għal investiment li jeħtieġ valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE l-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li tkun saret it-tali valutazzjoni u li jkun ingħata l-permess għall-iżvilupp għall-proġett ta’ investiment ikkonċernat qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna individwali.

    L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-għajnuna li tingħata fil-forma ta’ strumenti finanzjarji.

    3.   Għajnuna għal intrapriżi kbar għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti minn pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jew strument ekwivalenti skont il-Linji Gwida Ġenerali għall-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti fl-Ewropa.

    Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-muniċipalitajiet, li huma awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ anqas minn EUR 10 miljun u ta’ anqas minn 5 000 abitant.

    4.   L-għajnuna tista’ tkopri investimenti li jikkonċernaw infrastruttura relatata mal-iżvilupp, mal-modernizzazzjoni jew mal-adattament tal-foresti. Jekk l-għajnuna tingħata barra mill-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK, din għandha tinkludi biss dan li ġej:

    (a)

    l-aċċess għall-art tal-foresti;

    (b)

    il-konsolidazzjoni u t-titjib tal-art;

    (c)

    il-provvista ta’ enerġija sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika, il-provvista u l-iffrankar tal-ilma;

    (d)

    l-użu tal-bhejjem minflok tal-makkinarju;

    (e)

    l-istabbiliment ta’ faċilitajiet ta’ ħażna temporanja.

    5.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostruzzjoni, l-akkwist, inkluż il-kiri, jew it-titjib tal-proprjetà immobbli, bix-xiri tal-art li jkun eliġibbli biss sa limitu li ma jaqbiżx l-10 % tan-nefqa totali eliġibbli l-oħra tal-operazzjoni kkonċernata, bl-eċċezzjoni tax-xiri tal-art għall-konservazzjoni ambjentali jekk l-għajnuna tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK;

    (b)

    ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir inkluż l-użu tal-bhejjem minflok makkinarju sal-valur tas-suq tal-assi;

    (c)

    il-kostijiet ġenerali li huma marbutin man-nefqa imsemmija fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk tal-konsultazzjoni, tariffi relatati ma’ pariri dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji dwar il-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà għandhom jibqgħu nefqa eliġibbli anke fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ebda nefqa skont il-punti (a) u (b) ma tkun iġġarrbet;

    (d)

    it-tariffi tal-akkwiżizzjoni, tal-iżvilupp jew tal-użu ta’ software tal-kompjuter, ta’ soluzzjonijiet cloud jew ta’ soluzzjonijiet simili u akkwiżizzjonijiet ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u trademarks;

    (e)

    il-kostijiet sabiex jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti u l-istrumenti ekwivalenti għalihom.

    6.   Ħlief meta l-appoġġ jiġi pprovdut fil-qafas tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, il-kostijiet li ġejjin ma għandhomx jitqiesu eliġibbli:

    (a)

    il-kostijiet għajr dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 5, relatati ma’ kuntratti ta’ lokazzjoni, bħall-marġni tal-lokatur, il-kostijiet tal-rifinanzjament tal-imgħax, il-kostijiet ġenerali u t-tariffi tal-assigurazzjoni u

    (b)

    il-kapital operatorju.

    7.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 65 % tal-kostijiet eliġibbli.

    L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied għal massimu ta’ 80 % għall-investimenti li ġejjin:

    (a)

    investimenti marbuta ma’ objettiv wieħed jew ma’ aktar ma’ aktar minn objettiv wieħed speċifiku relatat mal-ambjent u mal-klima msemmija fil-punti (e), (f) u (g) tal-Artikolu 14(3);

    (b)

    investimenti fir-reġjuni ultraperiferiċi jew fil-gżejjer minuri tal-Eġew.

    8.   L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied għal 100 % għal investimenti mhux produttivi, konsolidazzjoni tal-art għat-titjib tal-art u investimenti għal toroq forestali li huma miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas u li jaqdu l-aspetti multifunzjonali tal-foresta.

    Artikolu 50

    Għajnuna għal investimenti f’teknoloġiji tal-forestrija u fl-ipproċessar, fl-immobilizzar u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-forestrija

    1.   L-għajnuna għal investimenti f’teknoloġiji tal-forestrija u fl-ipproċessar, fl-immobilizzar u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-forestrija għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għal investiment li jeħtieġ valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont id-Direttiva 2011/92/UE l-għajnuna għandha tkun soġġetta għall-kundizzjoni li tkun saret it-tali valutazzjoni u li jkun ingħata l-permess għall-iżvilupp għall-proġett ta’ investiment ikkonċernat qabel id-data tal-għoti tal-għajnuna individwali.

    3.   Għajnuna għal intrapriżi kbar għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti minn pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jew strument ekwivalenti skont il-Linji Gwida Ġenerali għall-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti fl-Ewropa.

    4.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostruzzjoni, l-akkwiżizzjoni, inkluż il-lokazzjoni, jew it-titjib ta’ beni immobbli, bl-art tkun eliġibbli biss sa punt li ma jaqbiżx l-10 % tan-nefqa eliġibbli totali l-oħra tal-operazzjoni kkonċernata, bl-eċċezzjoni tax-xiri tal-art għall-konservazzjoni ambjentali jekk l-għajnuna tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK;

    (b)

    ix-xiri jew il-lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri ta’ makkinarju u tagħmir sal-valur tas-suq tal-assi;

    (c)

    il-kostijiet ġenerali li huma marbutin man-nefqa imsemmija fil-punti (a) u (b), bħal tariffi tal-perit, tal-inġinier u dawk tal-konsultazzjoni, tariffi relatati ma’ pariri dwar is-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, inklużi studji dwar il-fattibbiltà; l-istudji dwar il-fattibbiltà għandhom jibqgħu nefqa eliġibbli anke fejn, abbażi tar-riżultati tagħhom, ebda nefqa skont il-punti (a) u (b) ma tkun iġġarrbet;

    (d)

    it-tariffi tal-akkwiżizzjoni, tal-iżvilupp jew tal-użu ta’ software tal-kompjuter, ta’ soluzzjonijiet cloud jew ta’ soluzzjonijiet simili, u akkwiżizzjonijiet ta’ privattivi, liċenzji, drittijiet tal-awtur u trademarks;

    (e)

    il-kostijiet tal-istabbiliment ta’ pjanijiet għall-ġestjoni tal-foresti u l-ekwivalenti tagħhom.

    5.   Ħlief meta l-appoġġ jiġi pprovdut fil-qafas tar-Regolament dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK fil-forma ta’ strumenti finanzjarji, il-kostijiet li ġejjin ma għandhomx jitqiesu eliġibbli:

    (a)

    il-kostijiet marbuta ma’ kuntratti ta’ lokazzjoni, bħall-marġni tal-lokatur, il-kostijiet ta’ rifinanzjament tal-imgħax, spejjeż ġenerali u t-tariffi tal-assigurazzjoni u

    (b)

    il-kapital operatorju.

    6.   Investimenti relatati mat-titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti għandhom ikunu ġġustifikati fir-rigward ta’ titjib mistenni għal foresti fuq azjenda waħda jew aktar u jistgħu jinkludu investimenti relatati ma’ makkinarju u prattiki tal-ħsad li ma jagħmlux ħsara lill-ħamrija u lir-riżorsi.

    7.   L-investimenti marbuta mal-użu tal-injam bħala materja prima jew sors ta’ enerġija għandhom ikunu limitati għall-operazzjonijiet ta’ ħidma kollha qabel l-ipproċessar industrijali.

    8.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 65 % tal-kostijiet eliġibbli.

    9.   L-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied għal massimu ta’ 80 % għall-investimenti li ġejjin:

    (a)

    investimenti marbuta ma’ objettiv wieħed jew ma’ aktar ma’ aktar minn objettiv wieħed speċifiku relatat mal-ambjent u mal-klima msemmija fil-punti (e), (f) u (g) tal-Artikolu 14(3);

    (b)

    investimenti fir-reġjuni ultraperiferiċi jew fil-gżejjer minuri tal-Eġew.

    Artikolu 51

    Konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fil-forestrija

    1.   L-għajnuna għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fil-forestrija, marbuta mal-impenji agroambjentali u klimatiċi tal-foresti u l-konservazzjoni tal-foresti għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “konservazzjoni in situ” tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku f’ekosistemi u f’ħabitats naturali u l-manutenzjoni u l-irkupru ta’ popolazzjoni vijabbli ta’ speċijiet fl-ambjent naturali tagħhom;

    (b)

    “konservazzjoni f’azjenda fil-foresta” tfisser il-konservazzjoni in situ u l-iżvilupp fil-livell ta’ azjenda fil-foresta;

    (c)

    “konservazzjoni ex situ” tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku għal forestrija ’il barra mill-ħabitat naturali tiegħu;

    (d)

    “ġbir ex situ” tfisser il-ġbir ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura jew il-forestrija miżmum barra mill-ħabitat naturali tiegħu.

    3.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet għall-operazzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-azzjonijiet immirati: l-azzjonijiet li jippromwovu l-konservazzjoni in situ u ex situ, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fil-forestrija, inklużi inventarji bbażati fuq siti web ta’ riżorsi ġenetiċi li bħalissa huma kkonservati in situ, inkluża l-konservazzjoni f’azjenda fil-foresta, u l-ġabriet u l-bażijiet ta’ data ex-situ;

    (b)

    l-azzjonijiet miftiehma: l-azzjonijiet li jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni għall-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fil-forestrija tal-Unjoni, bejn l-organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri;

    (c)

    l-azzjonijiet ta’ akkumpanjament: l-azzjonijiet ta’ informazzjoni, disseminazzjoni u konsulenza li jinvolvu organizzazzjonijiet mhux governattivi u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, korsijiet ta’ taħriġ u l-preparazzjoni ta’ rapporti tekniċi.

    4.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 52

    Għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal gruppi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-forestrija

    1.   Għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal gruppi u organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-forestrija għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament. Il-membri tal-grupp jew organizzazzjoni tal-produtturi ma għandhomx ikunu intrapriżi kbar, bl-eċċezzjoni ta’ muniċipalitajiet.

    2.   Bħala alternattiva għall-għoti ta’ għajnuna lil gruppi jew lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi, għajnuna sal-ammont globali ta’ għajnuna li l-grupp jew l-organizzazzjoni tal-produtturi kien ikun intitolat għaliha skont dan l-Artikolu, tista’ tingħata direttament lill-produtturi biex ipaċu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-kostijiet tat-tmexxija tal-gruppi jew tal-organizzazzjonijiet matul l-ewwel ħames snin wara l-istabbiliment tal-grupp jew tal-organizzazzjoni.

    3.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostijiet tal-kiri ta’ bini xieraq, bir-rati tas-suq;

    (b)

    il-kostijiet għall-akkwist ta’ tagħmir tal-uffiċċju;

    (c)

    il-kostijiet ta’ persunal amministrattiv u l-kostijiet ta’ maniġer tal-foresti kwalifikat;

    (d)

    spejjeż ġenerali u tariffi legali u amministrattivi;

    (e)

    il-kostijiet għall-akkwist ta’ hardware tal-kompjuter u t-tariffi għall-akkwist jew l-użu ta’ software tal-kompjuter, soluzzjonijiet fuq cloud u soluzzjonijiet simili;

    (f)

    fil-każ ta’ xiri ta’ bini, ammont li jikkorrispondi għall-kostijiet tal-kiri bir-rati tas-suq.

    4.   L-għajnuna ma għandhiex titħallas fir-rigward tal-kostijiet imġarrba wara l-ħames sena wara r-rikonoxximent uffiċjali tal-grupp jew tal-organizzazzjoni tal-produtturi mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru abbażi tal-pjan tan-negozju tagħha, ħlief għall-azzjonijiet ambjentali u klimatiċi kollettivi biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    5.   Meta l-għajnuna titħallas f’pagamenti annwali, l-Istati Membri għandhom iħallsu l-aħħar pagament parzjali biss wara li jkunu vverifikaw l-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju.

    6.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 53

    Għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art tal-forestrija

    1.   Għajnuna għall-konsolidazzjoni tal-art tal-forestrija għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tingħata u tkun limitata għall-kostijiet legali u amministrattivi, inklużi l-kostijiet tal-istħarriġ.

    3.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet reali mġarrba.

    Artikolu 54

    Għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur tal-forestrija

    1.   Għajnuna għall-kooperazzjoni fis-settur tal-forestrija għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Għajnuna għandha tingħata biss sabiex tippromwovi l-kooperazzjoni, li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ wieħed jew aktar mill-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

    3.   Forom ta’ kooperazzjoni koperti minn dan l-Artikolu għandhom jinvolvu mill-inqas żewġ atturi irrispettivament minn jekk humiex attivi fis-settur tal-forestrija jew fis-setturi tal-forestrija u tal-agrikoltura. Il-kooperazzjoni għandha tkun ta’ benefiċċju prinċipalment għas-settur tal-forestrija jew għas-setturi tal-forestrija u tal-agrikoltura.

    4.   Il-forom li ġejjin ta’ koperazzjoni għandhom ikunu eliġibbli:

    (a)

    kooperazzjoni fost impriżi differenti fis-settur tal-forestrija u atturi oħrajn attivi fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija li jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ wieħed jew aktar mill-objettivi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2021/2115, inklużi gruppi ta’ produtturi, u kooperattivi;

    (b)

    il-ħolqien ta’ raggruppamenti u networks.

    5.   Għajnuna ma għandhiex tingħata għal kooperazzjoni li tinvolvi biss korpi ta’ riċerka.

    6.   L-għajnuna se tingħata għall-kooperazzjoni relatata, b’mod partikolari, mal-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    proġetti pilota;

    (b)

    l-iżvilupp ta’ prodotti, prattiki, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur tal-forestrija;

    (c)

    kooperazzjoni fost operaturi żgħar fis-settur tal-forestrija fl-organizzazzjoni ta’ proċessi ta’ ħidma konġunta u l-qsim ta’ faċilitajiet u riżorsi;

    (d)

    kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn l-atturi tal-katina tal-provvista sabiex jinħolqu u jiġu żviluppati ktajjen qosra tal-provvista u swieq lokali;

    (e)

    attivitajiet ta’ promozzjoni f’kuntest lokali marbuta mal-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra u swieq lokali;

    (f)

    azzjoni kollettiva mwettqa bil-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew adattament għalih;

    (g)

    l-implimentazzjoni, b’mod partikolari minn gruppi ta’ sħab pubbliċi u privati għajr dawk imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2021/1060, ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament.

    7.   L-għajnuna għandha tingħata biss għal forom ġodda ta’ kooperazzjoni, inklużi dawk eżistenti jekk tinbeda attività ġdida.

    8.   L-għajnuna għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra, kif imsemmi fil-paragrafu 6, punti (d) u (e), għandha tkopri biss ktajjen tal-provvista li jinvolvu mhux aktar minn intermedjarju wieħed bejn id-detentur/maniġer tal-foresti u l-konsumatur.

    9.   Operazzjonijiet, li jikkonsistu f’investimenti u kostijiet diretti ta’ proġetti speċifiċi marbuta mal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-foresti jew ekwivalenti, għandhom jikkonformaw mar-regoli u r-rekwiżiti kif speċifikati fl-Artikolu dwar l-għajnuna għall-investiment ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll fl-Artikolu 4 dwar il-limiti ta’ notifika.

    10.   Il-kostijiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli, sa fejn jikkonċernaw attivitajiet tal-forestrija:

    (a)

    il-kostijiet għal studji dwar iż-żona kkonċernata, u għal studji tal-fattibbiltà, u għat-tfassil ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jew strateġija tal-iżvilupp lokali minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/1060;

    (b)

    il-kostijiet operazzjonali tal-kooperazzjoni, bħalma huma l-paga tal-“koordinatur”;

    (c)

    il-kostijiet tal-operazzjonijiet li jridu jiġu implimentati;

    (d)

    il-kostijiet għall-attivitajiet ta’ promozzjoni;

    (e)

    il-kostijiet għat-tfassil ta’ pjanijiet għall-ġestjoni tal-foresti jew strumenti ekwivalenti.

    11.   Għajnuna għandha tkun limitata għal perjodu massimu ta’ seba’ snin.

    12.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Taqsima 7

    Għajnuna favur l-SMEs fiż-Żoni Rurali

    Artikolu 55

    Għajnuna għal servizzi bażiċi u infrastruttura f’żoni rurali

    1.   Għajnuna għal servizzi bażiċi u infrastruttura f’żoni rurali mogħtija fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta din tidħol fis-seħħ wara l-approvazzjoni tal-Pjan Strateġiku rilevanti tal-PAK mill-Kummissjoni u meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    din tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115 f’waħda minn dawn il-forom li ġejjin:

    (i)

    bħala għajnuna kofinanzjata mill-FAEŻR;

    (ii)

    bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għall-għajnuna kofinanzjata mill-FAEŻR;

    (b)

    hija identika għall-miżura rilevanti prevista fil-Pjan Strateġiku tal-PAK imsemmi fil-punt (a).

    3.   L-għajnuna għandha tkopri:

    (a)

    investimenti fil-ħolqien, fit-titjib jew fl-espansjoni tat-tipi kollha ta’ infrastrutturi b’kostijiet eliġibbli limitati għal EUR 2 miljun (“infrastruttura fuq skala żgħira”), bl-eċċezzjoni ta’ investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika u fl-infrastruttura tal-broadband li ma għandhomx ikunu eliġibbli;

    (b)

    investimenti fl-istabbiliment, fit-titjib jew fl-espansjoni ta’ servizzi bażiċi lokali għall-popolazzjoni rurali, inklużi servizzi soċjali, dawk relatati mad-divertiment u l-kultura, u l-infrastruttura relatata;

    (c)

    investimenti għall-użu pubbliku fl-infrastruttura rikreazzjonali, fl-informazzjoni għat-turisti u fl-infrastruttura tat-turiżmu fuq skala żgħira;

    (d)

    investimenti assoċjati mal-manutenzjoni, ir-restawr u t-titjib tal-wirt kulturali u naturali tal-irħula, pajsaġġi rurali u siti ta’ valur naturali għoli, inklużi aspetti soċjoekonomiċi relatati, kif ukoll azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni ambjentali;

    (e)

    investimenti li jolqtu r-rilokazzjoni ta’ attivitajiet u l-konverżjoni ta’ bini jew faċilitajiet oħrajn li jinsabu f’villaġġi residenzjali rurali jew viċin tagħhom, bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-ħajja jew li jżidu l-prestazzjoni ambjentali tal-villaġġ rurali.

    4.   L-operazzjonijiet koperti mill-investimenti msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu implimentati skont il-pjanijiet għall-iżvilupp ta’ muniċipalitajiet u rħula f’żoni rurali u s-servizzi bażiċi tagħhom, fejn jeżistu tali pjanijiet, u għandhom ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe strateġija ta’ żvilupp lokali rilevanti. Dawn il-pjanijiet ma humiex meħtieġa fir-rigward tal-investimenti appoġġati minn strumenti finanzjarji.

    5.   L-għajnuna għandha tkopri l-kostijiet eliġibbli li ġejjin:

    (a)

    il-kostijiet għat-tfassil u l-aġġornament ta’ pjanijiet ta’ żvilupp u ta’ ġestjoni relatati maż-żoni rurali u s-servizzi bażiċi tagħhom, u għal siti ta’ valur naturali għoli;

    (b)

    il-kostijiet sabiex jitħejjew studji assoċjati mal-wirt kulturali u naturali, il-pajsaġġ rurali u s-siti ta’ valur naturali kbir;

    (c)

    il-kostijiet ta’ investiment għal assi tanġibbli u intanġibbli;

    (d)

    il-kostijiet marbuta mal-azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni ambjentali.

    Il-kostijiet ta’ xogħlijiet kapitalizzati jistgħu jkunu eliġibbli wkoll għall-għajnuna msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3.

    Il-kapital operatorju ma għandux jiġi kkunsidrat li huwa kost eliġibbli. L-għajnuna ma għandhiex tingħata bħala għajnuna operatorja.

    6.   Fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) tal-paragrafu 3, l-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Sabiex ma taqbiżx l-intensità massima tal-għajnuna, għall-attivitajiet imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 3, id-dħul nett għandu jitnaqqas mill-kostijiet eliġibbli ex ante abbażi ta’ projezzjonijiet raġonevoli jew permezz ta’ mekkaniżmu ta’ rkupru. Inkella, għal għajnuna li ma taqbiżx EUR 1 miljun, l-intensità massima tal-għajnuna tista’ tiġi stabbilita għal 80 % tal-kostijiet eliġibbli.

    7.   Fir-rigward tal-investimenti msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 3, l-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż il-100 % tal-kostijiet reali mġarrba għal tali attivitajiet meta r-rilokazzjoni tal-attivitajiet jew il-konverżjoni ta’ bini jew faċilitajiet oħrajn tikkonsisti fiż-żarmar, fit-tneħħija u fil-bini mill-ġdid ta’ faċilitajiet eżistenti.

    Meta r-rilokazzjoni tal-attivitajiet jew il-konverżjoni ta’ bini jew ta’ faċilitajiet oħrajn tirriżulta f’modernizzazzjoni ta’ dawk il-faċilitajiet jew f’żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni, minbarra ż-żarmar, it-tneħħija u l-bini mill-ġdid ta’ faċilitajiet eżistenti kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-intensitajiet tal-għajnuna ma għandhomx jaqbżu l-intensità massima tal-għajnuna stabbilita fil-mappa tal-għajnuna reġjonali li tkun fis-seħħ fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna fiż-żona kkonċernata fir-rigward tal-kostijiet relatati mal-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet jew maż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni. Is-sempliċi sostituzzjoni ta’ bini jew faċilitajiet eżistenti b’bini jew b’faċilitajiet aġġornati ġodda mingħajr ma fundamentalment tinbidel il-produzzjoni tat-teknoloġija involuta, ma hijiex se titqies bħala relatata mal-immodernizzar.

    Artikolu 56

    Għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali

    1.   Għajnuna għall-bidu ta’ negozju għal attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    din tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115 f’waħda minn dawn il-forom li ġejjin:

    (i)

    għajnuna kofinanzjata mill-FAEŻR;

    (ii)

    finanzjament nazzjonali addizzjonali għall-għajnuna msemmija fil-punt (i);

    (b)

    hija identika għall-miżura rilevanti prevista fil-Pjan Strateġiku tal-PAK imsemmi fil-punt (a).

    3.   L-għajnuna għandha tingħata lill-kategoriji li ġejjin ta’ benefiċjarji:

    (a)

    bdiewa jew membri ta’ unità domestika li tgħix fil-farm f’żoni rurali li jiddiversifikaw f’attivitajiet mhux agrikoli;

    (b)

    intrapriżi mikro u żgħar f’żoni rurali;

    (c)

    persuni fiżiċi f’żoni rurali.

    4.   Fejn il-membru ta’ unità domestika li tgħix fil-farm imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 3, huwa persuna ġuridika jew grupp ta’ persuni ġuridiċi, din il-persuna jew dan il-grupp ta’ persuni għandu jkun jeżerċita attività agrikola fil-farm fiż-żmien li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna.

    5.   L-għajnuna għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ pjan tan-negozju lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

    Il-pjan tan-negozju għandu jiddeskrivi dawn li ġejjin:

    (a)

    is-sitwazzjoni ekonomika inizjali tal-benefiċjarju;

    (b)

    il-miri u l-għanijiet għall-iżvilupp tal-attivitajiet il-ġodda tal-benefiċjarju;

    (c)

    id-dettalji tal-azzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-benefiċjarju, bħal dettalji ta’ investimenti, taħriġ, pariri.

    Il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju għandu jkollu durata massima ta’ ħames snin.

    6.   Il-pagament tal-aħħar ħlas parzjali għandu jkun kondizzjonali fuq l-implimentazzjoni korretta tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju msemmi fil-paragrafu 5. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-ammont ta’ għajnuna filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żona koperta mill-Pjan Strateġiku tal-PAK.

    7.   L-għajnuna għandha tkun limitata għal EUR 100 000 għal kull benefiċjarju.

    Artikolu 57

    Għajnuna għal parteċipazzjoni ġdida tal-bdiewa fi skemi ta’ kwalità għal qoton jew għal oġġetti tal-ikel

    1.   Għajnuna għal parteċipazzjoni ġdida, jew għal parteċipazzjoni fil-ħames snin preċedenti, ta’ bdiewa fi skemi ta’ kwalità għall-qoton jew għall-oġġetti tal-ikel, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    din tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115 f’waħda mill-forom li ġejjin:

    (i)

    għajnuna kofinanzjata mill-FAEŻR;

    (ii)

    finanzjament nazzjonali addizzjonali għall-għajnuna msemmija fil-punt (i);

    (b)

    hija identika għall-miżura rilevanti previst fil-Pjan Strateġiku tal-PAK imsemmi fil-punt (a).

    3.   Għajnuna għandha tingħata għal parteċipazzjoni ġdida f’wieħed minn dawn it-tipi ta’ skemi ta’ kwalità:

    (a)

    l-iskemi ta’ kwalità għall-qoton u għall-oġġetti tal-ikel stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012;

    (b)

    l-iskemi ta’ kwalità għall-qoton u għall-oġġetti tal-ikel, inklużi skemi ta’ ċertifikazzjoni rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala skemi li jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

    (i)

    l-ispeċifiċità tal-prodott finali prodott taħt skemi ta’ kwalità bħal dawn hija derivata minn obbligi ċari li jiggarantixxu wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

    il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti;

    il-metodi speċifiċi tal-biedja jew tal-produzzjoni;

    il-kwalità tal-prodott finali li tmur sew lil hinn mill-istandards tal-komoditajiet kummerċjali rigward is-saħħa pubblika, tal-annimali jew tal-pjanti, it-trattament xieraq tal-annimali jew il-protezzjoni ambjentali;

    (ii)

    l-iskema tkun miftuħa għall-produtturi kollha;

    (iii)

    l-iskema tinvolvi speċifikazzjonijiet vinkolanti tal-prodott finali u l-konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet hija vverifikata mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn korp indipendenti ta’ spezzjoni;

    (iv)

    l-iskema hija trasparenti u tiggarantixxi traċċabbiltà sħiħa tal-prodotti agrikoli;

    (c)

    l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja ta’ oġġetti tal-ikel rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida tal-aqwa prattiki tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel (48).

    4.   L-għajnuna għandha tingħata fil-forma ta’ ħlas ta’ inċentiv annwali, li l-livell tiegħu huwa ddeterminat skont il-livell tal-kostijiet fissi li jinħolqu minn parteċipazzjoni fi skemi ta’ kwalità.

    5.   L-għajnuna għandha tingħata għal perjodu massimu ta’ seba’ snin.

    6.   Jekk il-parteċipazzjoni tal-bidu fl-iskema ta’ kwalità tkun bdiet qabel l-applikazzjoni għall-appoġġ, il-perjodu massimu ta’ ħames snin għandu jitnaqqas bin-numru ta’ snin li jkunu għaddew bejn il-parteċipazzjoni tal-bidu u ż-żmien tal-applikazzjoni għall-appoġġ.

    7.   L-għajnuna għandha tkun limitata għal EUR 3 000 għal kull benefiċjarju kull sena.

    Artikolu 58

    Għajnuna għal attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-qoton u mal-oġġetti tal-ikel koperti minn skema ta’ kwalità

    1.   Għajnuna għal attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-qoton u mal-oġġetti tal-ikel koperti minn skema ta’ kwalità għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-punt (c) tal-Artikolu 107(3) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    din tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115 f’waħda mill-forom li ġejjin:

    (i)

    għajnuna kofinanzjata mill-FAEŻR

    (ii)

    finanzjament nazzjonali addizzjonali għall-għajnuna msemmija fil-punt (i);

    (b)

    hija identika għall-miżura rilevanti prevista fil-Pjan Strateġiku tal-PAK imsemmi fil-punt (a).

    3.   L-għajnuna għandha tingħata lil gruppi ta’ produtturi li jkunu qegħdin jimplimentaw l-attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni.

    4.   L-attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni biss li huma implimentati fis-suq intern għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna.

    5.   L-għajnuna għandha tingħata għal attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li jikkonċernaw il-qoton u l-oġġetti tal-ikel li huma koperti minn skema ta’ kwalità u li għalihom tingħata għajnuna f’konformità mal-Artikolu 57.

    6.   Il-kostijiet eliġibbli għandhom ikunu il-kostijiet għal azzjonijiet li għandhom il-karatteristiċi li ġejjin:

    (a)

    dawn huma mfassla sabiex iħajru lill-konsumaturi jixtru l-oġġetti tal-ikel jew il-qoton koperti bi skema ta’ kwalità kif imsemmi fl-Artikolu 57(3);

    (b)

    dawn jiġbdu l-attenzjoni għal karatteristiċi jew għal vantaġġi speċifiċi tal-oġġetti tal-ikel jew il-qoton, b’mod partikolari għall-kwalità, il-metodu ta’ produzzjoni speċifiku, l-istandards għoljin ta’ trattament xieraq tal-annimali u r-rispett għall-ambjent b’rabta mal-iskema ta’ kwalità kkonċernata.

    7.   L-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 ma għandhomx jinċitaw lill-konsumaturi sabiex jixtru ikel jew qoton minħabba l-oriġini partikolari tagħhom, ħlief għal dawk koperti mill-iskemi ta’ kwalità introdotti mit-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    8.   L-oriġini tal-prodott tal-ikel jew tal-qoton tista’ tkun indikata, sakemm ir-riferiment għall-oriġini jkun subordinat għall-messaġġ prinċipali.

    9.   L-attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni relatati ma’ impriżi partikolari jew ta’ marki kummerċjali ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-għajnuna.

    10.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 70 % tal-kostijiet eliġibbli.

    Artikolu 59

    Għajnuna għal kooperazzjoni f’żoni rurali

    1.   Għajnuna għall-kooperazzjoni f’żoni rurali għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3) (c) tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tiegħu jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-għajnuna għandha tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    din tingħata fil-qafas ta’ Pjan Strateġiku tal-PAK f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115 f’waħda mill-forom li ġejjin:

    (i)

    għajnuna kofinanzjata mill-FAEŻR

    (ii)

    finanzjament nazzjonali addizzjonali għall-għajnuna msemmija fil-punt (i);

    (b)

    hija identika għall-miżura rilevanti prevista fil-Pjan Strateġiku tal-PAK imsemmi fil-punt (a).

    3.   Forom ta’ kooperazzjoni koperti minn dan l-Artikolu għandhom jinvolvu mill-inqas żewġ atturi u jistgħu jinkludu impriżi attivi fis-settur agrikolu, impriżi attivi fil-katina alimentari u atturi oħra, inklużi gruppi ta’ produtturi, kooperattivi u organizzazzjonijiet interprofessjonali, fejn il-kooperazzjoni tkun ta’ benefiċċju għaż-żoni rurali.

    4.   Il-forom li ġejjin ta’ koperazzjoni għandhom ikunu eliġibbli:

    (a)

    kooperazzjoni bejn impriżi u atturi oħrajn kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

    (b)

    il-ħolqien ta’ raggruppamenti u networks.

    5.   Għajnuna ma għandhiex tingħata għal kooperazzjoni li tinvolvi biss korpi ta’ riċerka.

    6.   Għajnuna tista’ tingħata għall-kooperazzjoni relatata mal-attivitajiet li ġejjin:

    (a)

    proġetti pilota;

    (b)

    l-iżvilupp ta’ prodotti, prattiki, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-setturi tal-ikel;

    (c)

    koperazzjoni bejn operaturi żgħar fl-organizzazzjoni ta’ proċessi ta’ ħidma konġunta u l-qsim ta’ faċilitajiet u riżorsi u għall-iżvilupp u/jew il-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi tat-turiżmu relatati mat-turiżmu rurali;

    (d)

    kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn atturi tal-katina tal-provvista għat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra u swieq lokali;

    (e)

    attivitajiet ta’ promozzjoni f’kuntest lokali relatati mal-iżvilupp ta’ katina tal-provvista qasira u swieq lokali;

    (f)

    azzjonijiet konġunti mwettqa bil-għan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew adattament għalih;

    (g)

    approċċi konġunti għal proġetti ambjentali u prattiki ambjentali attwali inkluż il-ġestjoni effiċjenti tal-ilma, l-użu tal-enerġija rinnovabbli u l-konservazzjoni tal-pajsaġġi agrikoli;

    (h)

    kooperazzjoni orizzontali u vertikali bejn l-atturi tal-katina tal-provvista għall-forniment sostenibbli tal-bijomassa għall-użu fl-ikel, fil-produzzjoni tal-enerġija u fil-proċessi industrijali;

    (i)

    l-implimentazzjoni, b’mod partikolari minn gruppi ta’ sħab pubbliċi u privati minbarra dawk definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali għajr dawk definiti fl-Artikolu 2, il-punt (19) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jindirizzaw waħda jew aktar mill-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali;

    (j)

    id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tal-biedja f’attivitajiet li jikkonċernaw il-kura tas-saħħa, l-integrazzjoni soċjali, l-agrikoltura appoġġjata mill-komunità u l-edukazzjoni dwar l-ambjent u l-ikel;

    (k)

    implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ villaġġi intelliġenti.

    7.   L-għajnuna għandha tingħata biss għal forom ġodda ta’ kooperazzjoni, inklużi dawk eżistenti jekk tinbeda attività ġdida.

    8.   Għajnuna għall-proġetti pilota msemmija fil-paragrafu 6, punt (a), u għall-iżvilupp ta’ prodotti, prattiki, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur tal-ikel imsemmija fil-paragrafu 6, punt (b), tista’ tingħata wkoll lil atturi individwali meta din il-possibbiltà tkun prevista fil-Pjanijiet Strateġiċi nazzjonali. Ir-riżultati tal-proġetti pilota imsemmija fil-paragrafu 6, punt (a), u attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 6, punt (b), imwettqa minn atturi individwali għandhom jiġu mxerrda.

    9.   Għajnuna għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ ktajjen tal-provvista qosra, kif imsemmi fil-paragrafu 6, punti (d) u (e), għandha tkopri biss ktajjen tal-provvista li jinvolvu mhux aktar minn intermedjarju wieħed bejn il-bidwi u l-konsumatur.

    10.   Għajnuna skont dan l-Artikolu għandha tikkonforma mal-Artikoli 206 sa 210a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    11.   Għajnuna għandha tkun limitata għal perjodu massimu ta’ seba’ snin.

    12.   Il-kostijiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli:

    (a)

    il-kostijiet tal-appoġġ preparatorju, il-bini tal-kapaċità, it-taħriġ u n-networking għall-għanijiet ta’ tħejjija u implimentazzjoni ta’ proġett ta’ kooperazzjoni;

    (b)

    kostijiet għal studji dwar iż-żona kkonċernata, għal studji tal-fattibbiltà, u għal tfassil ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jew strateġija tal-iżvilupp lokali minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/1060;

    (c)

    kostijiet għall-animazzjoni taż-żona kkonċernata sabiex isir fattibbli proġetti kollettiv territorjali; fil-każ ta’ raggruppamenti, l-animazzjoni tista’ tikkonċerna wkoll it-tfassil ta’ netwerk bejn membri u l-ħatra ta’ membri ġodda;

    (d)

    il-kostijiet operazzjonali tal-kooperazzjoni, bħall-paga tal-“koordinatur”;

    (e)

    il-kostijiet diretti ta’ proġetti speċifiċi marbuta mal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, pjan ambjentali, strateġija ta’ żvilupp lokali minbarra dik imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/1060 jew azzjonijiet oħra mmirati għall-innovazzjoni, inkluż l-ittestjar;

    (f)

    il-kostijiet għall-attivitajiet ta’ promozzjoni.

    13.   L-intensità tal-għajnuna għandha tkun limitata għal 100 % tal-kostijiet eliġibbli.

    14.   Kostijiet diretti skont il-paragrafu 12, punt (e) li għandhom x’jaqsmu mal-investimenti, għandhom ikunu limitati għall-kostijiet eliġibbli tal-għajnuna għall-investiment, u għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikoli korrispondenti tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 u fl-Artikoli rilevanti ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-livelli limitu tan-notifika.

    Artikolu 60

    Għajnuna għall-proġetti tas-CLLD

    1.   Għajnuna għall-kostijiet imġarrba mill-SMEs li jipparteċipaw fi proġetti tas-CLLD, imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/1060 u maħtura bħala żvilupp lokali LEADER taħt il-FAEŻR, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    Għajnuna għall-kostijiet imġarrba mill-muniċipalitajiet li jipparteċipaw fi proġetti tas-CLLD, imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/1060 u maħtura bħala żvilupp lokali LEADER taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali favur proġetti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-kostijiet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-proġetti tas-CLLD:

    (a)

    il-kostijiet tal-appoġġ preparatorju, il-bini tal-kapaċità, it-taħriġ u n-networking bil-ħsieb tat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ strateġija tas-CLLD;

    (b)

    l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet approvati;

    (c)

    it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni;

    (d)

    l-ispejjes tat-tmexxija marbutin mal-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità;

    (e)

    l-animazzjoni tal-istrateġija tas-CLLD sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju bejn il-partijiet ikkonċernati biex tiġi pprovduta informazzjoni u biex jiġu promossi l-istrateġija u l-proġetti, u biex jiġu appoġġati l-benefiċjarji potenzjali bil-ħsieb li jiġu żviluppati operazzjonijiet u jitħejjew l-applikazzjonijiet.

    3.   Il-kostijiet imġarrba mill-muniċipalitajiet li jipparteċipaw fil-proġetti tas-CLLD, imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna skont dan l-Artikolu dment li jkunu maħsubin għal waħda mill-oqsma li ġejjin:

    (a)

    ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

    (b)

    l-ambjent;

    (c)

    l-impjiegi u t-taħriġ;

    (d)

    il-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju;

    (e)

    il-foresterija;

    (f)

    il-promozzjoni ta’ prodotti tal-ikel li mhumiex elenkati fl-ANNESS I tat-Trattat;

    (g)

    l-isport.

    4.   L-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż ir-rati massimi ta’ appoġġ previsti għal kull tip ta’ operazzjoni fir-Regolament (UE) 2021/2115.

    Artikolu 61

    Ammonti limitati ta’ għajnuna għal proġetti tas-CLLD

    1.   Għajnuna lill-impriżi li jipparteċipaw fil-proġetti tas-CLLD, jew li jibbenefikaw minnhom, kif imsemmi fl-Artikolu 60(1), għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    Għajnuna lill-muniċipalitajiet li jipparteċipaw fil-proġetti tas-CLLD, jew li jibbenefikaw minnhom, kif imsemmi fl-Artikolu 60(1), għandha tkun kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3), il-punt (c), tat-Trattat u għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u fil-Kapitolu I ta’ dan ir-Regolament.

    2.   Il-kostijiet imġarrba mill-muniċipalitajiet li jipparteċipaw fil-proġetti tas-CLLD, imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna skont dan l-Artikolu dment li jkunu maħsubin għal waħda mill-oqsma li ġejjin:

    (a)

    ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

    (b)

    l-ambjent;

    (c)

    l-impjiegi u t-taħriġ;

    (d)

    il-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju;

    (e)

    il-foresterija;

    (f)

    il-promozzjoni ta’ prodotti tal-ikel li mhumiex elenkati fl-ANNESS I tat-Trattat;

    (g)

    l-isport.

    3.   L-ammont totali ta’ għajnuna skont dan l-Artikolu mogħtija għal kull proġett tas-CLLD ma għandux jaqbeż il-EUR 200 000.

    KAPITOLU IV

    Dispożizzjonijiet tranżitorji u finali

    Artikolu 62

    Sostituzzjoni u applikazzjoni kontinwa tar-Regolament (UE) Nru 702/2014

    1.   L-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 jiddikjara li r-regolament għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2022. Dan ir-Regolament se jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 702/2014 mal-iskadenza tiegħu.

    2.   Madankollu, ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 702/2014 għandhom ikomplu japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2025 għall-għajnuna mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (49).

    Artikolu 63

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal għajnuna individwali mogħtija qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jekk l-għajnuna individwali tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 9.

    2.   Kwalunkwe għajnuna mhux eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Linji Gwida tal-2023 u ma’ kwalunkwe oqfsa, linji gwida, komunikazzjonijiet u avviżi rilevanti oħrajn.

    3.   Kwalunkwe għajnuna individwali li tingħata qabel l-1 ta’ Jannar 2023 bis-saħħa ta’ kwalunkwe regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2015/1588 li jkun fis-seħħ fi żmien tal-għoti tal-għajnuna, għandha tkun kompatibbli mas-suq intern u eżentata mir-rekwiżit tan-notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    4.   Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe skema ta’ għajnuna eżentata skont dan ir-Regolament għandha tibqa’ eżentata matul perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur.

    B’deroga mill-ewwel subparagrafu, fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, skemi ta’ għajnuna li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 u jew li huma kofinanzjati mill-FAEŻR jew inkella mogħtija bħala finanzjament nazzjonali addizzjonali għal miżuri kofinanzjati bħal dawn għandhom jibqgħu eżentati għat-tul tal-perjodu ta’ programmazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/2115.

    Artikolu 64

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2029.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

    (5)  Il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali, 2014, ĠU C 204, 1.7.2014, p. 1. Emendati bl-Avviżi ppubblikati f’Il-ĠU C 390, 24.11.2015, p. 4; ĠU C 139, 20.4.2018, p. 3 u ĠU C 403, 9.11.2018, p. 10, u bir-Rettifika ppubblikata f’Il-ĠU C 265, 21.7.2016, p. 5.

    (6)  ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.

    (7)  L-Avviż dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

    (8)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji gwida għall-għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u fiż-żoni rurali [ĠU C 485, 21.12.2022, p. 1).

    (9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-abitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

    (10)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

    (11)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

    (12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

    (13)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

    (14)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

    (15)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

    (16)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

    (17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

    (18)  ĠU L 336, 23.12.1994, p. 22.

    (19)  WT/MIN(15)/45 — WT/L/980.

    (20)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

    (21)  Ir-Regolament (UE) 2016/1012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi għat-tnissil, kummerċ u dħul fl-Unjoni ta’ annimali ta’ razza pura għat-tnissil, ħnieżer tat-tnissil ibridi u tal-prodotti ġerminali tagħhom u li jemenda r- Regolament (UE) Nru 652/2014, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE u 90/425/KEE u jħassar ċerti atti fil-qasam tat-tnissil tal-annimali (“ir-Regolament dwar it-Tnissil tal-Annimali”), (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 66).

    (22)  Ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

    (23)  Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat (ĠU C 153, 29.4.2021, p. 1)

    (24)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).

    (25)  Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

    (26)  “Tiftix Pubbliku dwar it-Trasparenza tal-Għajnuna mill-Istat”, disponibbli fuq is-sit web li ġej: https://webgate.ec.europa.eu/competition/transparency/public?lang=mt

    (27)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

    (28)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

    (29)  Technical guidance on the climate proofing of infrastructure in the period 2021-2027 tal-Kummissjoni (ĠU C 373, 16.9.2021, p. 1).

    (30)  Ir-Regolament (UE) 2020/741 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma (ĠU L 177, 5.6.2020, p. 32).

    (31)  Fir-rigward tal-kunċett ta’ kontroll, il-punt 1 tal-Kapitolu II, tal-Avviż Ġurisdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU C 95, 16.4.2008, p. 1) għandu japplika b’analoġija.

    (32)  Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).

    (33)  Ir-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb spirituż, l-użu tal-ismijiet ta’ xorb spirituż fil-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ oġġetti tal-ikel oħra, il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż, l-użu ta’ alkoħol etiliku u distillati ta’ oriġini agrikola f’xorb alkoħoliku, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1).

    (34)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).

    (35)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida tal-aqwa prattiki tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU C 341, 16.12.2010, p. 5).

    (36)  Id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1).

    (37)  Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1).

    (38)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

    (39)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

    (40)  Id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).

    (41)  “Pjan ta’ Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)” (COM(2017) 339 final).

    (42)  Ir-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 99/2013, (UE) Nru 1287/2013, (UE) Nru 254/2014 u (UE) Nru 652/2014 (ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1).

    (43)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).

    (44)  Dan japplika wkoll għall-kooperazzjoni relatata mal-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew il-produzzjoni ta’ bijokarburanti f’azjendi, dment li jitħarsu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14.

    (45)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli (COM (2021) 800 final).

    (46)  https://foresteurope.org/wp-content/uploads/2016/08/Pan-EuropeanAfforestationReforestationGuidelines.pdf

    (47)  Linji Gwida Ġenerali għall-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti fl-Ewropa adottati fit-Tieni Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa li saret f’Ħelsinki fis-16 sas-17 ta’ Ġunju 1993 (https://www.foresteurope.org/docs/MC/MC_helsinki_resolutionH1.pdf).

    (48)  ĠU C 341, 16.12.2010, p. 5.

    (49)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).


    ANNESS I

    Id-definizzjoni ta’ SME

    Artikolu 1

    Intrapriża

    Kull entità li twettaq attività ekonomika titqies li hi intrapriża, irrispettivament mill-forma legali tagħha. L-intrapriżi jinkludu, b’mod partikolari, il-persuni li jaħdmu għal rashom u n-negozji tal-familja involuti fi snajja’ jew attivitajiet oħrajn, u s-sħubiji jew l-assoċjazzjonijiet li jwettqu regolarment xi attività ekonomika.

    Artikolu 2

    L-għadd ta’ persunal u l-limiti finanzjarji li jiddeterminaw il-kategoriji tal-intrapriżi

    1.   Il-kategorija ta ’ intrapriżi mikro, żgħar u medji (“SMEs”) hija magħmula minn intrapriżi li jħaddmu anqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, u/jew it-total annwali tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jaqbiżx it-EUR 43 miljun.

    2.   Fil-kategorija tal-SMEs, intrapriża żgħira hija definita bħala intrapriża li timpjega anqas minn 50 ruħ u li l-valur tal-introjtu annwali tagħha u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun.

    3.   Fil-kategorija tal-IŻM, mikrointrapriża hija definita bħala intrapriża li tħaddem anqas minn 10 persuni u li l-fatturat annwali tagħha u/jew it-total annwali tal-karta tal-bilanċ tagħha ma jaqbiżx l-EUR 2 miljun.

    Artikolu 3

    Tipi ta’ intrapriżi meqjusin fil-kalkolu tal-għadd ta’ impjegati u tal-ammonti finanzjarji

    1.   “Intrapriża awtonoma” hija kull intrapriża li mhix ikklassifikata bħala intrapriża msieħba skont it-tifsira tal-paragrafu 2 jew bħala intrapriża assoċjata skont it-tifsira tal-paragrafu 3.

    2.   “Intrapriżi msieħba” huma l-intrapriżi kollha li mhumiex ikklassifikati bħala intrapriżi assoċjati skont it-tifsira tal-paragrafu 3 u li bejniethom hemm ir-relazzjoni li ġejja: intrapriża (intrapriża upstream) ikollha, waħedha jew flimkien ma’ intrapriża assoċjata waħda oħra jew aktar, skont it-tifsira tal-paragrafu 3, 25 % jew aktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot ta’ intrapriża oħra (intrapriża downstream).

    Madankollu, intrapriża tista’ tiġi kklassifikata bħala awtonoma, u għalhekk bħala intrapriża li m’għandha l-ebda intrapriża msieħba, anke jekk dan il-limitu ta’ 25 % jintlaħaq jew jinqabeż mill-investituri li ġejjin, dment li dawk l-investituri ma jkunux assoċjati mal-intrapriża inkwistjoni jew individwalment jew b’mod konġunt, skont it-tifsira tal-paragrafu 3:

    (a)

    il-korporazzjonijiet ta’ investiment pubbliku, il-kumpaniji b’kapital ta’ riskju, l-individwi jew il-gruppi ta’ individwi b’attività regolari ta’ investiment f’kapital ta’ riskju li jinvestu l-kapital ta’ ekwità f’negozji mhux ikkwotati (investituri informali), diment li l-investiment totali ta’ dawk l-investituri informali fl-istess intrapriża jkun ta’ inqas minn EUR 1 250 000;

    (b)

    l-universitajiet jew iċ-ċentri ta’ riċerka mingħajr skop ta’ qligħ;

    (c)

    l-investituri istituzzjonali, li jinkludu l-fondi għall-iżvilupp reġjonali;

    (d)

    awtoritajiet lokali awtonomi b’baġit annwali ta’ inqas minn EUR 10 miljun u ta’ inqas minn 5 000 abitant.

    3.   “Intrapriżi assoċjati” huma intrapriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom:

    (a)

    intrapriża waħda jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’intrapriża oħra;

    (b)

    intrapriża waħda jkollha d-dritt taħtar jew tneħħi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta’ ġestjoni jew ta’ sorveljanza ta’ intrapriża oħra;

    (c)

    intrapriża waħda għandha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih ma’ dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni fil-memorandum jew fl-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha;

    (d)

    intrapriża li tkun azzjonista f’intrapriża oħra jew membru tagħha waħedha tkun tikkontrolla, skont ftehim mal-azzjonisti l-oħra f’dik l-intrapriża jew mal-membri l-oħra tagħha, maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-intrapriża.

    Hemm preżunzjoni li ma teżisti l-ebda influwenza dominanti jekk l-investituri elenkati fit-tieni subparagrafu tal-punt 2 ma jinvolvux ruħhom direttament jew indirettament fil-ġestjoni tal-intrapriża inkwistjoni, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħhom bħala azzjonisti.

    L-intrapriżi li għandhom xi waħda mir-relazzjonijiet deskritti fl-ewwel subparagrafu permezz ta’ intrapriża waħda oħra jew aktar, jew li għandhom xi wieħed mill-investituri msemmija fil-paragrafu 2, huma meqjusa wkoll bħala intrapriżi assoċjati.

    L-intrapriżi li għandhom xi waħda minn dawn ir-relazzjonijiet jew aktar permezz ta’ persuna fiżika jew ta’ grupp ta’ persuni fiżiċi li jaġixxu flimkien ukoll huma meqjusin bħala intrapriżi assoċjati jekk iwettqu l-attività tagħhom jew parti mill-attività tagħhom fl-istess suq rilevanti jew fi swieq qrib.

    Jitqies li hu “suq qrib” is-suq għall-prodotti jew is-servizzi li jinsab direttament upstream jew downstream mis-suq rilevanti.

    4.   Barra mill-każijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, intrapriża ma tistax titqies bħala SME jekk 25 % jew aktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot tagħha jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati, b’mod konġunt jew b’mod individwali, minn korp wieħed pubbliku jew aktar.

    5.   L-intrapriżi jistgħu jiddikjaraw l-istatus tagħhom bħala intrapriża awtonoma, intrapriża msieħba jew intrapriża assoċjata, inkluża d-data dwar il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 2. Din id-dikjarazzjoni tista’ ssir anki jekk il-kapital ikun mifrux b’tali mod li ma jkunx jista’ jiġi stabbilit eżattament f’idejn min jinsab, f’liema każ l-intrapriża tista’ tiddikjara in bona fede li tista’ tissoponi b’mod leġittimu li 25 % tal-kapital tagħha jew aktar mhuwiex il-proprjetà ta’ intrapriża waħda, jew mhuwiex proprjetà konġunta ta’ intrapriżi assoċjati ma’ xulxin. Dawn id-dikjarazzjonijiet isiru mingħajr ħsara għall-kontrolli u l-investigazzjonijiet previsti fir-regoli nazzjonali jew tal-Unjoni.

    Artikolu 4

    Id-data użata għall-għadd ta’ persunal u l-ammonti finanzjarji u referenza perjodu

    1.   Id-data li għandha tiġi applikata għall-kalkolu tal-għadd ta’ persunal u tal-ammonti finanzjarji hija dik li tirrigwarda l-aħħar perjodu kontabilistiku approvat u din tiġi kkalkulata fuq bażi annwali. Dawn jiġu kkunsidrati mid-data tal-għeluq tal-kontijiet. L-ammont magħżul għall-fatturat huwa kkalkulat mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) u taxxi indiretti oħrajn.

    2.   Meta, fid-data tal-għeluq tal-kontijiet, intrapriża ssib li, fuq bażi annwali, hija tkun qabżet il-limiti tal-għadd ta’ persunal jew tal-limiti finanzjarji ddikjarati fil-punt 2, jew tkun niżlet taħthom, dan ma jirriżultax fit-telf jew fl-akkwiżizzjoni tal-istatus ta’ mikrointrapriża jew ta’ intrapriża ta’ daqs medju jew żgħir, sakemm dawk il-limiti ma jinqabżux fuq żewġ perjodi kontabilistiċi konsekuttivi.

    3.   Fil-każ ta’ intrapriża li tkun għadha kemm ġiet stabbilita u li l-kontijiet tagħha jkunu għadhom ma ġewx approvati, id-data li għandha tiġi applikata trid tittieħed minn stima magħmula in bona fede li tkun saret matul is-sena finanzjarja.

    Artikolu 5

    L-għadd ta’ persunal

    L-għadd ta’ persunal jikkorrispondi mal-għadd ta’ unitajiet annwali tax-xogħol (AWU), jiġifieri l-għadd ta’ persuni li ħadmu full-time fl-intrapriża inkwistjoni jew f’isimha matul is-sena kollha ta’ referenza li tkun qed titqies. Ix-xogħol tal-persuni li ma jkunux ħadmu s-sena kollha, ix-xogħol ta’ dawk li jkunu ħadmu part-time, irrispettivament minn kemm ħadmu, u x-xogħol tal-ħaddiema staġjonali jingħaddu bħala frazzjonijiet tal-AWU. Il-persunal jikkonsisti minn dawn li ġejjin:

    (a)

    l-impjegati;

    (b)

    persuni li jaħdmu għall-intrapriża li taqa’ taħtha u li jitqiesu bħala impjegati tagħha skont il-liġi nazzjonali;

    (c)

    is-sidien maniġers;

    (d)

    msieħba li jkunu involuti f’attività regolari fl-intrapriża u li jibbenefikaw minn vantaġġi finanzjarji mill-intrapriża.

    L-apprendisti jew l-istudenti li jkunu qed jagħmlu taħriġ vokazzjonali skont kuntratt ta’ apprendistat jew ta’ taħriġ vokazzjonali mhumiex inklużi bħala parti mill-persunal. It-tul ta’ żmien tal-liv tal-maternità jew tal-ġenituri ma jingħaddx.

    Artikolu 6

    L-istabbiliment tad-data ta’ intrapriża

    1.   Fil-każ ta’ intrapriża awtonoma, id-data, inkluż l-għadd ta’ persunal, tiġi ddeterminata esklussivament abbażi tal-kontijiet ta’ dik l-intrapriża.

    2.   Id-data, inkluż l-għadd ta’ persunal, ta’ intrapriża li għandha intrapriżi msieħba jew intrapriżi assoċjati magħha, tiġi ddeterminata abbażi tal-kontijiet jew ta’ data oħra tal-intrapriża, jew, fejn ikunu jeżistu, abbażi tal-kontijiet konsolidati tal-intrapriża, jew tal-kontijiet konsolidati li fihom l-intrapriża tkun inkluża permezz ta’ konsolidament.

    Mad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiżdied id-data ta’ kull intrapriża msieħba mal-intrapriża inkwistjoni li tkun tinsab immedjatament upstream jew downstream minnha. L-aggregazzjoni ssir b’mod proporzjonat mal-perċentwali tal-parteċipazzjoni fil-kapital jew fid-drittijiet tal-vot (skont liema minnhom ikun l-ikbar). Fil-każ ta’ parteċipazzjonijiet inkroċjati, għandu japplika l-akbar perċentwali minn fost dawn it-tnejn.

    Mad-data msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu għandu jiżdied il-100 % tad-data ta’ kwalunkwe intrapriża li tkun assoċjata direttament jew indirettament mal-intrapriża inkwistjoni, meta dik id-data ma tkunx diġà ġiet inkluża fil-kontijiet permezz tal-konsolidament.

    3.   Għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2, id-data tal-intrapriżi msieħba mal-intrapriża inkwistjoni għandha tittieħed mill-kontijiet tagħhom u mid-data l-oħra tagħhom, ikkonsolidata jekk tkun teżisti. Ma’ dawn għandu jiżdied il-100 % tad-data tal-intrapriżi li jkunu assoċjati ma’ dawn l-intrapriżi msieħba, dejjem jekk id-data tal-kontijiet tagħhom ma tkunx diġà ġiet inkluża permezz tal-konsolidament.

    Biex jiġi applikat l-istess paragrafu 2, id-data tal-intrapriżi li huma assoċjati mal-intrapriża inkwistjoni għandha tittieħed mill-kontijiet tagħhom u mid-data l-oħra tagħhom, ikkonsolidata jekk tkun teżisti. Ma’ din id-data tiżdied, pro rata, id-data ta’ kwalunkwe intrapriża msieħba possibbli ta’ dik l-intrapriża assoċjata, li tkun tinsab immedjatament upstream jew downstream minnha, sakemm ma tkunx ġiet inkluża diġà fil-kontijiet konsolidati b’persentaġġ li jkun mill-inqas proporzjonat mal-persentaġġ identifikat taħt il-punt 2 tat-tieni subparagrafu.

    4.   Meta fil-kontijiet konsolidati ma tkun tidher l-ebda data dwar l-impjegati ta’ intrapriża partikolari, iċ-ċifri tal-impjegati għandhom jiġu kkalkulati billi tiġi aggregata b’mod proporzjonat id-data mill-intrapriżi msieħba tagħha u billi tiżdied id-data mill-intrapriżi li magħhom l-intrapriża inkwistjoni tkun assoċjata.


    ANNESS II

    Informazzjoni rigward l-għajnuna mill-Istat eżentata skont il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li għandha tiġi pprovduta permezz tal-applikazzjoni tal-IT tal-Kummissjoni stabbilita kif stipulata fl-Artikolu 11

    PARTI I

    Ir-referenza tal-għajnuna

    (Għandha timtela mill-Kummissjoni)

    L-Istat Membru

     

    Numru ta’ referenza tal-Istat Membru

     

    Reġjun

    Isem ir-Reġjun(i) (NUTS  (1))

    ……

    Status tal-għajnuna reġjonali  (2)

    Image 1
    Ir-reġjuni ultraperiferiċi

    Image 2
    Il-gżejjer minuri tal-Eġew

    Image 3
    Oħrajn

    L-awtorità awtorizzanti

    Isem

    Indirizz postali

    Indirizz tal-Internet

    Titlu tal-miżura ta’ għajnuna

    ……

    Il-bażi ġuridika nazzjonali (Referenza għall-pubblikazzjoni uffiċjali nazzjonali rilevanti)

    ….…

    ….…

    Ħolqa tal-Internet għat-test sħiħ tal-miżura ta’ għajnuna

    …..…

    Tip ta’ miżura

    Image 4

    Skema

    Image 5

    Għajnuna ad hoc

    Isem il-benefiċjarju u l-grupp (3) li jappartjeni għalih

    Emenda ta’ skema tal-għajnuna eżistenti jew tal-għajnuna ad hoc

     

    In-numru ta’ referenza attribwit mill-Kummissjoni għall-għajnuna

    Image 6

    Estensjoni

    Image 7

    Modifika

    Tul ta’ żmien (4)

    Image 8

    Skema

    minn jj/xx/ssss sa jj/xx/ssss

    Id-data tal-għotja tal-għajnuna

    Image 9

    Għajnuna ad hoc

    jj/xx/ssss

    Is-settur(i) ekonomiku/ekonomiċi kkonċernat(i)

    Image 10

    Jekk jogħġbok speċifika fil-livell tal-grupp NACE (5)

    Tip ta’ benefiċjarju

    Image 11

    SME

    Image 12

    Impriżi kbar

    Il-baġit

    Skema: Ammont ġenerali (6) Munita nazzjonali … (ammonti sħaħ)

    ……

    Għajnuna ad hoc: Ammont ġenerali (7) Munit