EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2114

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2114 tat-13 ta’ Lulju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw it-test inizjali tal-għarfien u s-simulazzjoni tal-kapaċità li jiġġarrab telf għal investituri mhux sofistikati prospettivi fi proġetti ta’ finanzjament kollettiv (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/4849

OJ L 287, 8.11.2022, p. 26–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2114/oj

8.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/26


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2114

tat-13 ta’ Lulju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw it-test inizjali tal-għarfien u s-simulazzjoni tal-kapaċità li jiġġarrab telf għal investituri mhux sofistikati prospettivi fi proġetti ta’ finanzjament kollettiv

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari ir-raba subparagrafu tal-Artikolu 21(8) tiegħu

Billi:

(1)

Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv iwettqu t-test inizjali tal-għarfien għall-investituri mhux sofistikati prospettivi msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2020/1503 b’mod armonizzat, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-valutazzjoni ta’ jekk u liema servizzi ta’ finanzjament kollettiv offruti ikunu xierqa għall-investituri mhux sofistikati prospettivi.

(2)

Sabiex jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jaċċertaw li l-investituri mhux sofistikati prospettivi jifhmu l-livell ta’ riskju assoċjat mal-investimenti ta’ finanzjament kollettiv, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni li tinġabar minn investituri mhux sofistikati prospettivi tkun affidabbli u tirrifletti b’mod preċiż l-għarfien, il-ħiliet, l-esperjenza u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, l-objettivi ta’ investiment u l-fehim bażiku tar-riskji involuti.

(3)

L-investituri jenħtieġ li jiġu infurmati b’mod ċar u uniformi dwar ir-riskji li jġarrbu jekk jiddeċiedu li jinvestu f’servizzi ta’ finanzjament kollettiv. Għaldaqstant jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv joħorġu twissija ta’ riskju armonizzata lil investituri mhux sofistikati prospettivi li ma jirnexxilhomx jagħmlu t-test inizjali tal-għarfien skont rekwiżiti speċifiċi dwar kif it-twissija jenħtieġ li tintwera lil tali investituri.

(4)

Sabiex tiġi promossa l-protezzjoni tal-investitur u jiġi żgurat li s-simulazzjoni tal-kapaċità li jġarrbu t-telf titwettaq b’mod adegwat minn investituri mhux sofistikati prospettivi, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jagħmlu disponibbli fuq is-sit web tagħhom għodda ta’ kalkolu online bil-għan li tgħin lill-investituri mhux sofistikati prospettivi jissimulaw il-kapaċità tagħhom li jġarrbu telf. Madankollu, minħabba n-natura sensittiva tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn investituri mhux sofistikati prospettivi f’tali għodda ta’ kalkolu online, jenħtieġ li dik l-għodda tiġi stabbilita b’mod li tipprevjeni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv milli jkunu jistgħu jaċċessaw jew jirreġistraw l-informazzjoni mdaħħla minn investituri mhux sofistikati prospettivi.

(5)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta minn investituri mhux sofistikati prospettivi fl-għodda ta’ kalkolu online ma tkunx tista’ tinġabar mingħajr il-kunsens espliċitu tagħhom, jenħtieġ li dik l-għodda tiġi stabbilita b’mod li tipprevjeni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv milli jbiddlu jew jinterferixxu mar-riżultat tas-simulazzjoni mwettqa minn investituri mhux sofistikati prospettivi. Barra minn hekk, sabiex jiġu protetti l-investituri mhux sofistikati prospettivi u b’mod partikolari biex ikunu jistgħu jivverifikaw li l-informazzjoni li jkunu daħħlu hija korretta u preċiża, jenħtieġ li r-riżultat tas-simulazzjoni tal-kapaċità li jiġġarrab it-telf ma jinġabarx direttament mill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv iżda pjuttost jenħtieġ li jiġi kondiviż biss minn investituri mhux sofistikati prospettivi ladarba jqisu li r-riżultat tas-simulazzjoni jirrifletti b’mod adegwat il-kapaċità tagħhom li jiġġarrab it-telf.

(6)

Sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà fil-mod kif titwettaq is-simulazzjoni tal-kapaċità li jġarrbu t-telf, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ikunu jistgħu joffru lill-investituri mhux sofistikati prospettivi l-possibbiltà li jissimulaw il-kapaċità tagħhom li jġarrbu t-telf permezz ta’ metodu differenti mingħajr l-għajnuna tal-għodda ta’ kalkolu online, dment li tali possibbiltà tiġi offruta u li l-għodda ta’ kalkolu online ssir disponibbli fuq is-sit web tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

(7)

Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat fis-simulazzjoni tal-kapaċità tal-investituri mhux sofistikati prospettivi li jġarrbu telf, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli fir-rigward ta’ kif il-valur nett tal-investituri mhux sofistikati prospettivi għandu jiġi kkalkulat, abbażi tal-introjtu annwali tagħhom, it-total tal-assi likwidi u l-impenji finanzjarji annwali tagħhom.

(8)

Minħabba r-riskji ta’ approċċi diverġenti, u l-konsegwenzi negattivi potenzjali ta’ tali diverġenzi fuq is-sinifikat tas-simulazzjoni tal-kapaċità tal-investituri mhux sofistikati prospettivi li jġarrbu t-telf, ikun xieraq li jiġi speċifikat bi grad suffiċjenti ta’ dettall kif kull wieħed mill-komponenti użati għall-kalkolu tal-valur nett jenħtieġ li jiġi kkalkolat u li tiġi stabbilita data komuni għall-valutazzjoni tad-diversi komponenti.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u żviluppat f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Awtorità Bankarja Ewropea.

(10)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(11)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ta l-opinjoni tiegħu fl-1 ta’ Ġunju 2022,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Valutazzjoni tal-adegwatezza tas-servizzi ta’ finanzjament kollettiv

1.   Fil-valutazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503, dwar jekk u liema servizzi ta’ finanzjament kollettiv offruti ikunu xierqa għal investituri mhux sofistikati prospettivi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jikkunsidraw dan li ġej:

(a)

jekk l-investitur mhux sofistikat prospettiv għandux l-esperjenza u l-għarfien meħtieġa biex jifhem ir-riskji involuti fl-investiment b’mod ġenerali;

(b)

jekk l-investitur mhux sofistikat prospettiv għandux l-esperjenza u l-għarfien meħtieġa biex jifhem ir-riskji involuti fit-tipi ta’ investimenti offruti fuq il-pjattaforma tal-finanzjament kollettiv.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b), il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jivvalutaw il-fehim tal-investitur mhux sofistikat prospettiv ta’ x’jikkostitwixxi servizz ta’ finanzjament kollettiv u r-riskji involuti fih.

Artikolu 2

Informazzjoni li trid tintalab f’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2020/1503

1.   L-informazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jitolbu minn investituri mhux sofistikati prospettivi rigward l-esperjenza tagħhom u l-fehim bażiku tar-riskji involuti fl-investiment għandha tinkludi, sa fejn xieraq għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tas-servizz ta’ finanzjament kollettiv offrut u t-tip ta’ investiment previst, dan li ġej:

(a)

it-tipi ta’ servizzi ta’ investiment u investimenti finanzjarji familjari għall-investitur mhux sofistikat prospettiv;

(b)

in-natura, il-volum u l-frekwenza tat-tranżazzjonijiet passati tal-investitur mhux sofistikat prospettiv f’titoli trasferibbli, strumenti ammessi għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv jew self, inkluż f’negozji fi stadju bikri jew ta’ espansjoni, u l-perjodu li matulu twettqu dawk it-tranżazzjonijiet;

(c)

il-livell ta’ edukazzjoni u professjoni jew il-professjoni preċedenti rilevanti tal-investitur mhux sofistikat prospettiv, inkluż kwalunkwe esperjenza professjonali jew ħiliet miksuba b’rabta mal-investimenti ta’ finanzjament kollettiv.

2.   L-informazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jitolbu minn investituri mhux sofistikati prospettivi rigward l-objettivi ta’ investiment tagħhom għandha tinkludi, fejn rilevanti fir-rigward tat-tip ta’ servizz ta’ finanzjament kollettiv offrut, dan li ġej:

(a)

informazzjoni dwar il-perjodu ta’ żamma mistenni tal-investimenti tal-investituri mhux sofistikati prospettivi;

(b)

il-profil tar-riskju tal-investituri mhux sofistikati prospettivi u l-preferenzi tagħhom rigward is-sostenibbiltà tal-investimenti;

(c)

l-għanijiet tal-investiment tal-investituri mhux sofistikati prospettivi.

3.   Meta jivvalutaw is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ investituri mhux sofistikati prospettivi, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom iqisu r-riżultati tas-simulazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE) 2020/1503.

Artikolu 3

Affidabbiltà tal-informazzjoni li tintalab f’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2020/1503

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jieħdu passi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni li tinġabar minn investituri mhux sofistikati prospettivi f’konformità mal-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tkun affidabbli u tirrifletti b’mod preċiż l-għarfien, il-ħiliet, l-esperjenza u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-investituri mhux sofistikati prospettivi, l-objettivi ta’ investiment u l-fehim bażiku tar-riskji involuti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jieħdu l-passi li ġejjin:

(a)

jinformaw lill-investituri mhux sofistikati prospettivi dwar l-importanza li tingħata informazzjoni preċiża u aġġornata;

(b)

jiżguraw li l-mezzi użati biex tinġabar l-informazzjoni jkunu xierqa għall-għanijiet ta’ dawk l-investituri mhux sofistikati prospettivi u mfassla b’mod xieraq għall-użu minn dawk l-investituri mhux sofistikati prospettivi;

(c)

jiżguraw li l-mistoqsijiet li jsiru x’aktarx jinftiehmu minn investituri mhux sofistikati prospettivi u preċiżi biżżejjed biex jiġbru informazzjoni li tirrifletti b’mod adegwat u preċiż is-sitwazzjoni ta’ investituri mhux sofistikati prospettivi.

Artikolu 4

Twissija ta’ riskju skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) 2020/1503

1.   Meta joħorġu t-twissija ta’ riskju msemmija fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv ma għandhomx iħeġġu lill-investituri mhux sofistikati prospettivi biex jipproċedu bl-investiment.

2.   It-twissija ta’ riskju msemmija fil-paragrafu 1 għandha jkun fiha dan it-test li ġej:

“Investiment fi proġett ta’ finanzjament kollettiv jinkludi r-riskju li jintilfu l-flus kollha li jiġu investiti.”

3.   It-twissija ta’ riskju msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintwera lil investituri mhux sofistikati prospettivi b’mod li jinqara faċilment u b’mod prominenti fuq is-sit web tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

4.   It-tieqa li turi t-twissija ta’ riskju msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun prominenti u tibqa’ viżibbli fuq is-sit web tal-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv sakemm l-investituri mhux sofistikati prospettivi jkunu rrikonoxxew li rċevew u fehmu dik it-twissija.

Artikolu 5

Simulazzjoni tal-kapaċità li ġġarrab telf bl-użu ta’ għodda ta’ kalkolu online

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jagħmlu disponibbli fuq is-sit web tagħhom għodda ta’ kalkolu online li tippermetti lill-investituri mhux sofistikati prospettivi jissimulaw il-kapaċità tagħhom li jġarrbu t-telf.

2.   L-għodda online msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkalkula l-kapaċità li ġġarrab telf ta’ investituri mhux sofistikati prospettivi, abbażi tal-informazzjoni elenkata fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE) 2020/1503, kif previst mill-investitur mhux sofistikat.

3.   L-għodda online msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun faċli biex tintuża u ma għandhiex tirrikjedi li investituri mhux sofistikati prospettivi jwettqu xi kompitu ieħor għajr li jipprovdu l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 21(5), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2020/1503.

4.   L-għodda online msemmija fil-paragrafu 1 għandha turi r-riżultat tas-simulazzjoni b’mod li jkun ċar u li jinftiehem minn investituri mhux sofistikati prospettivi.

5.   L-għodda online msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi stabbilita b’mod li ma jippermettix lill-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jaċċessaw jew jirreġistraw l-informazzjoni mdaħħla minn investituri prospettivi skont il-paragrafu 3 jew li jemendaw jew jinterferixxu mar-riżultat tas-simulazzjoni msemmija fil-paragrafu 4. Madankollu, l-għodda online tista’ tinkorpora karatteristika li tippermetti lill-investituri mhux sofistikati prospettivi jittrażmettu r-riżultat tas-simulazzjoni lill-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv.

Artikolu 6

Simulazzjoni tal-kapaċità li jiġġarrab telf minbarra l-għodda ta’ kalkolu online

Minbarra l-għodda online msemmija fl-Artikolu 5(1), il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jistgħu joffru lill-investituri mhux sofistikati prospettivi l-possibbiltà li jissimulaw il-kapaċità tagħhom li jġarrbu telf permezz ta’ metodu differenti, dment li l-fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv jipprovdi lill-investituri mhux sofistikati prospettivi b’informazzjoni xierqa dwar il-metodu użat għas-simulazzjoni tal-kapaċità li jġarrbu t-telf.

Artikolu 7

Kalkolu tal-valur nett ta’ investitur mhux sofistikat prospettiv

Għall-finijiet tas-simulazzjoni msemmija fl-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE) 2020/1503, il-valur nett tal-investituri mhux sofistikati prospettivi għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

 

Valur nett = (introjtu annwali nett) + (total tal-assi likwidi) — (impenji finanzjarji annwali)

Artikolu 8

Introjtu annwali nett

1.   L-introjtu annwali nett imsemmi fil-formula stabbilita fl-Artikolu 7 għandu jiġi kkalkulat bħala l-introjtu annwali totali riċevut mill-investitur mhux sofistikat wara t-tnaqqis tal-kostijiet u l-imposti, il-kontribuzzjonijiet soċjali u t-taxxi assoċjati.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-introjtu annwali totali għandu jkun is-somma ta’ kwalunkwe introjtu mix-xogħol, kwalunkwe mgħax fuq depożiti bankarji jew strumenti oħra ta’ dejn, kwalunkwe pagament ta’ dividendi jew kwalunkwe introjtu minn proprjetà immobbli, fejn:

(a)

“introjtu mix-xogħol” għandu jinkludi l-pagi, il-benefiċċji tal-qgħad u l-pagamenti tal-pensjoni riċevuti mill-investitur mhux sofistikat, bl-esklużjoni ta’ pagamenti eċċezzjonali;

(b)

“imgħaxijiet fuq depożiti bankarji jew strumenti oħra ta’ dejn” għandhom jinkludi pagamenti fuq depożiti bankarji jew strumenti oħra ta’ dejn riċevuti mill-investitur mhux sofistikat matul is-sena kalendarja preċedenti, bl-esklużjoni ta’ pagamenti eċċezzjonali;

(c)

“pagamenti ta’ dividendi” għandhom jinkludu pagamenti riċevuti mill-investitur mhux sofistikat prospettiv permezz taż-żamma ta’ ishma jew unitajiet ta’ skema ta’ investiment kollettiv jew strumenti azzjonarji oħra, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe gwadann kapitali realizzat mill-bejgħ ta’ tali parteċipazzjoni kollha jew parti minnha;

(d)

“introjtu minn proprjetà immobbli” għandu jinkludi kwalunkwe pagament riċevut b’rabta mal-kiri ta’ proprjetajiet immobbli, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe qligħ kapitali miksub mill-bejgħ ta’ tali proprjetajiet immobbli kollha jew parti minnhom.

Artikolu 9

Total tal-assi likwidi

1.   L-assi likwidi totali msemmija fil-formula stabbilita fl-Artikolu 7 għandhom jiġu kkalkulati bħala s-somma tal-flus totali miżmuma minn investitur mhux sofistikat fil-kontijiet tat-tfaddil u l-kontijiet kurrenti, u l-valur tal-assi li jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment u malajr fi flus kontanti, inklużi:

(a)

Prodotti ta’ tfaddil li jistgħu jinbidlu fi flus kontanti f’mhux aktar minn 30 jum kalendarju;

(b)

strumenti finanzjarji nnegozjati f’suq regolat skont it-tifsira tal-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(c)

ishma u unitajiet ta’ skemi kollettivi ta’ investiment li joffru drittijiet ta’ tifdija mill-inqas fuq bażi ta’ kull ġimgħa.

2.   L-assi li ġejjin ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu assi likwidi:

(a)

proprjetajiet immobbli;

(b)

ammonti mħallsa fi skema ta’ pensjoni għal skopijiet ta’ rtirar mix-xogħol;

(c)

ishma ta’ kumpaniji li mhumiex mifdija jew trasferibbli liberament, inklużi investimenti ta’ finanzjament kollettiv preċedenti.

Artikolu 10

Impenji finanzjarji annwali

L-impenji finanzjarji annwali msemmija fil-formula stabbilita fl-Artikolu 7 għandhom jinkludu l-infiq kollu li għalih investitur mhux sofistikat ikun impenja ruħu fir-rigward ta’ sena kalendarja partikolari, inklużi:

(a)

pagamenti ta’ manteniment u manteniment għat-tfal;

(b)

pagamenti ta’ kera u ipoteka;

(c)

ripagament ta’ self;

(d)

pagamenti ta’ primia tal-assigurazzjoni;

(e)

pagamenti għall-ispejjeż tal-utilitajiet, inklużi dawk magħmula biex ikopru l-ispejjeż tal-elettriku, tat-tisħin u tal-ilma;

(f)

pagamenti ta’ abbonament għas-servizz;

(g)

taxxa fuq l-introjtu u taxxi fuq il-proprjetà.

Artikolu 11

Data tal-valwazzjoni tat-total tal-assi likwidi u l-impenji finanzjarji annwali

1.   It-total tal-assi likwidi msemmija fl-Artikolu 9 l-impenji finanzjarji annwali msemmija fl-Artikolu 10 għandhom jiġu stmati mill-31 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja ta’ qabel dik li fiha titwettaq is-simulazzjoni.

2.   Madankollu, fejn valwazzjoni f’tali data ma tirriflettix b’mod preċiż is-sitwazzjoni attwali tal-valur nett tal-investitur prospettiv, il-valwazzjoni għandha titwettaq f’data aktar reċenti li tippermetti valwazzjoni aktar preċiża.

3.   Għall-fini tal-paragrafu 2, data aktar reċenti tista’ tkun kwalunkwe data bejn l-31 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja ta’ qabel dik li fiha titwettaq is-simulazzjoni u d-data li fiha titwettaq is-simulazzjoni u għandha tkun l-istess għall-valutazzjoni tat-total tal-assi likwidi u l-impenji finanzjarji annwali. Meta jiddeterminaw din id-data, l-investituri mhux sofistikati prospettivi għandhom jikkunsidraw jekk it-teħid ta’ tali data bħala d-data ta’ referenza jippermettix valutazzjoni preċiża fir-rigward tal-introjtu annwali nett, it-total tal-assi likwidi u l-impenji finanzjarji annwali msemmija fil-formula stabbilita fl-Artikolu 7.

4.   L-introjtu annwali nett imsemmi fl-Artikolu 8 għandu jkun l-introjtu tas-sena kalendarja ta’ qabel is-sena li fiha titwettaq is-simulazzjoni. Madankollu, fejn il-valwazzjoni tat-total tal-assi likwidi u l-impenji finanzjarji annwali titwettaq bl-użu ta’ data aktar reċenti skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-introjtu annwali nett għandu jkun l-introjtu riċevut matul it-12-il xahar li jippreċedu tali data aktar reċenti.

Artikolu 12

Trażmissjoni tar-riżultat tas-simulazzjoni tal-kapaċità li jiġġarrab telf

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għandhom jitolbu lill-investituri mhux sofistikati prospettivi biex jipprovdulhom ir-riżultat tas-simulazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE) 2020/1503.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


Top