Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1219

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1219 tal-14 ta’ Lulju 2022 li jemenda l-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati għad-dħul fl-Unjoni u għat-tranżitu minnha ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti komposti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/4884

ĠU L 188, 15.7.2022, p. 75–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1219/oj

15.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/75


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1219

tal-14 ta’ Lulju 2022

li jemenda l-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 fir-rigward tal-mudelli taċ-ċertifikati għad-dħul fl-Unjoni u għat-tranżitu minnha ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti komposti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 238(3) u 239(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 90, l-ewwel paragrafu, il-punti (a) u (b), u l-Artikolu 126(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 (4) jistabbilixxi regoli dwar iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali previsti fir-Regolament (UE) 2016/429, iċ-ċertifikati uffiċjali previsti fir-Regolament (UE) 2017/625, u ċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali bbażati fuq dawk ir-Regolamenti, meħtieġa għad-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti kunsinni ta’ annimali u oġġetti (minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa “iċ-ċertifikati”). B’mod partikolari, l-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 jistabbilixxi, fost oħrajn, mudelli taċ-ċertifikati għad-dħul fl-Unjoni u għat-tranżitu minnha ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti komposti.

(2)

Il-Kapitolu 50 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għad-dħul fl-unjoni ta’ prodotti komposti mhux stabbli fuq l-ixkaffa u ta’ prodotti komposti li huma stabbli fuq l-ixkaffa, li fihom kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tal-laħam minbarra l-ġelatina, il-kollaġen u prodotti raffinati ħafna, u maħsuba għall-konsum mill-bniedem (mudell COMP). Il-Kapitolu 52 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għat-tranżitu mill-unjoni lejn pajjiż terz, jew bi tranżitu immedjat jew wara l-ħżin fl-Unjoni, ta’ prodotti komposti mhux stabbli fuq l-ixkaffa u ta’ prodotti komposti stabbli fuq l-ixkaffa li fihom kwalunkwe kwantità ta’ prodotti tal-laħam u maħsuba għall-konsum mill-bniedem (mudell TRANSIT-COMP). Dawn iż-żewġ mudelli jinkludu attestazzjoni speċifika tas-saħħa tal-annimali għall-prodotti tal-ħalib li jinsabu fil-prodotti komposti. Ir-rekwiżiti tat-trattamenti bis-sħana f’dawk l-attestazzjonijiet jenħtieġ li jiġu allinjati mat-trattamenti stabbiliti fl-Anness XXVII tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 (5). Barra minn hekk, ir-rekwiżit li jiġu indikati d-dati tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib u tal-prodotti bbażati fuq il-kolostru li jinsabu fil-prodotti komposti jenħtieġ li jitħassar bħala superfluwu fid-dawl tad-deskrizzjoni pprovduta fin-nota ta’ qiegħ il-paġna (2) li tkopri l-kostitwenti kollha ta’ oriġini mill-annimali. Barra minn hekk, ċerti noti f’qiegħ il-paġna fin-Noti tal-Parti II ta’ dawk il-mudelli jenħtieġ li jiġu ssupplimentati u ċċarati. Għalhekk, jeħtieġ li l-Kapitoli 50 u 52 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 jiġu emendati skont dan.

(3)

Barra minn hekk, fil-Kapitolu 52 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235, ir-rekwiżit li jiġi indikat in-numru tal-approvazzjoni tal-istabbiliment ta’ oriġini tal-prodotti tal-ħalib li jinsabu fil-prodotti komposti li jgħaddu mill-Unjoni jenħtieġ li jitħassar peress li l-Unjoni mhijiex destinazzjoni finali ta’ dawk il-prodotti komposti. Għalhekk, jeħtieġ li l-Kapitolu 52 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 jiġi emendat skont dan.

(4)

Għalhekk, l-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tal-kummerċ fir-rigward tad-dħul fl-Unjoni u għat-tranżitu minnha ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti komposti, l-użu taċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235, kif applikabbli qabel l-emendi li saru b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkomplu jiġu awtorizzati matul perjodu ta’ tranżizzjoni soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(6)

Billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 japplika mill-21 ta’ April 2021, fl-interess taċ-ċertezza ġuridika, u għall-faċilitazzjoni tan-negozju, jenħtieġ li l-emendi li jridu jsiru fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 b’dan ir-Regolament isiru effettivi b’urġenza.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għal perjodu ta’ tranżizzjoni sal-15 ta’ April 2023, il-kunsinni ta’ ċerti prodotti komposti, akkumpanjati miċ-ċertifikati xierqa, maħruġa f’konformità mal-mudelli stabbiliti fil-Kapitoli 50 u 52 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235, kif applikabbli qabel l-emendi li saru lil dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni b’dan ir-Regolament, għandhom ikomplu jiġu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni u għat-tranżitu minnha dment li ċ-ċertifikat ikun inħareġ mhux aktar tard mill-15 ta’ Jannar 2023.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(3)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2235 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, mudelli taċ-ċertifikati uffiċjali u mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, ċertifikazzjoni uffiċjali dwar dawn iċ-ċertifikati u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 599/2004, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 636/2014 u (UE) 2019/628, id-Direttiva 98/68/KE u d-Deċiżjonijiet 2000/572/KE, 2003/779/KE u 2007/240/KE (ĠU L 442, 30.12.2020, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).


ANNESS

L-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2235 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Kapitolu 50 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 50

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI/UFFIĊJALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ PRODOTTI KOMPOSTI MHUX STABBLI FUQ L-IXKAFFA U TA’ PRODOTTI KOMPOSTI LI HUMA STABBLI FUQ L-IXKAFFA, LI FIHOM KWALUNKWE KWANTITÀ TA’ PRODOTTI TAL-LAĦAM MINBARRA L-ĠELATINA, IL-KOLLAĠEN U PRODOTTI RAFFINATI ĦAFNA, U MAĦSUBA GĦALL-KONSUM MILL-BNIEDEM (MUDELL COMP)

Image 1

Image 2