EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1023

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/1023 tat-28 ta’ Ġunju 2022 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-użu tal-leċitina tal-ħafur fil-prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata kif koperti bid-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/4315

OJ L 172, 29.6.2022, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1023/oj

29.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 172/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1023

tat-28 ta’ Ġunju 2022

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-użu tal-leċitina tal-ħafur fil-prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata kif koperti bid-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 10(3) u 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Huma biss l-addittivi tal-ikel inklużi fil-lista tal-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 li jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala tali u jintużaw fl-ikel fil-kundizzjonijiet ta’ użu speċifikati fih.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(4)

Il-lista tal-Unjoni u l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, b’inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li tkun saret applikazzjoni.

(5)

Fil-25 ta’ Jannar 2018, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-leċitina tal-ħafur bħala addittiv tal-ikel fil-kategorija tal-ikel 5.1 “Prodotti tal-Kawkaw u taċ-Ċikkulata kif koperti mid-Direttiva 2000/36/KE” tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, f’livell massimu ta’ 20 000 mg/kg. Wara dan, l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(6)

L-awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) evalwat is-sikurezza tal-leċitina tal-ħafur bħala addittiv tal-ikel u, fl-opinjoni (5) tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2019, ikkonkludiet li ma hemm l-ebda tħassib għas-sikurezza tal-leċitina tal-ħafur biex tintuża bħala addittiv tal-ikel għall-użu u l-livelli tal-użu proposti.

(7)

Il-leċitina tal-ħafur hija żejt tal-ħafur frazzjonat, li jaġixxi bħala emulsifikant u jiffaċilita l-manifattura ta’ prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata billi jnaqqas il-viskożità u jrendi l-valur tal-prodotti taċ-ċikkulata. Dan jippermetti li ċ-ċikkulata mdewba tiġi ppumpjata faċilment matul l-ipproċessar. Barra minn hekk, il-leċitina tal-ħafur tipprevjeni t-tixrid tax-xaħam, u ċ-ċpar griż, milli jiżviluppa fuq il-wiċċ tal-prodotti matul il-ħażna..

(8)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-leċitina tal-ħafur bħala emulsjonant fil-kategorija tal-ikel “prodotti tal-kawkaw u taċ-ċikkulata kif koperti mid-Direttiva 2000/36/KE”, fil-livell massimu tal-użu ta’ 20 000 mg/kg, u li jiġi assenjat E 322a bħala n-numru E għal dak l-addittiv.

(9)

L-ispeċifikazzjonijiet għal-leċitina tal-ħafur (E 322a) jeħtieġ li jiġu inklużi fir-Regolament (UE) Nru 231/2012, peress li hi inkluża għall-ewwel darba fil-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 u (UE) Nru 231/2012 jiġu emendati skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1)

(4)  Id-Direttiva 2000/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2000 rigward il-prodotti mill-kawkaw u miċ-ċikkulata maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 197, 3.8.2000, p. 19).

(5)  EFSA Journal 2020;18(1):5969.


ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti B, il-punt 3 “Addittivi għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa” l-entrata l-ġdida li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 322:

“E 322a

Leċitina tal-ħafur”

(2)

fil-Parti E, fil-kategorija tal-ikel 5.1 “Prodotti tal-Kawkaw u taċ-Ċikkulata kif koperti mid-Direttiva 2000/36/KE”, l-entrata l-ġdida li ġejja għal “Leċitina tal-ħafur” tiddaħħal wara l-entrata għal E322:

 

“E 322a

Leċitina tal-ħafur

20 000 ”

 

 

 


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 322:

E 322a LEĊITINA TAL-ĦAFUR

Sinonimi

Żejt tal-ħafur frazzjonat

Definizzjoni

Il-leċitina tal-ħafur hija żejt tal-ħafur frazzjonat li fih ħafna lipidi polari, prinċipalment galattolipidi. Il-leċitina tal-ħafur hija prodotta minn qlub tal-ħafur tajbin għall-ikel li huma mgħarbula u estratti bl-użu ta’ etanol f’temperatura elevata biex jiġi prodott estratt lipidu mhux raffinat. Dan l-estratt mhux raffinat jgħaddi minn evaporazzjoni u filtrazzjoni f’diversi stadji, li jipproduċi żejt tal-ħafur mhux raffinat, li jiġi separat, evaporat u ffiltrat biex jipproduċi l-leċitina tal-ħafur.

L-etanol biss jista’ jintuża fl-estrazzjoni bħala solvent tal-estrazzjoni.

Formola kimika

281-672-4

Analiżi

Mhux inqas minn 30 % ta’ lipidi polari li ma jinħallux fl-aċeton

Deskrizzjoni

Likwidu viskuż kannella fl-isfar

Identifikazzjoni

 

Kolina

Mhux aktar minn 2 g/100 g

Fosfru

Mhux inqas minn 0,5 %

Lipidi polari

Mhux anqas minn 35 % w/w

Lipidi newtrali

55–65 % (piż skont il-piż)

Saturati

17–20 % (piż skont il-piż)

Monoinsaturati

38–42 % (piż skont il-piż)

Polinsaturati

38–42 % (piż skont il-piż)

Purità

 

Telf fit-tnixxif

Mhux aktar minn 2 %

Materja li ma tinħallx fit-toluwen

Mhux aktar minn 1 % w/w

Valur ta’ aċidu

Mhux aktar minn 30 mg KOH/g

Valur ta’ perossidu

anqas minn 10 meq O2/kg xaħam

Residwi tas-solvent

Etanol: mhux aktar minn 300 mg/kg

Arseniku

Mhux iktar minn 0,1 mg/kg

Ċomb

Mhux iktar minn 0,05 mg/kg

Merkurju

Mhux iktar minn 0,02 mg/kg

Kadmju

Mhux iktar minn 0,05 mg/kg

Kriterji mikrobijoloġiċi

 

Għadd tal-kolonji aerobiċi

Mhux aktar minn 1 000 CFU/g

Ħmira

Mhux aktar minn 100 CFU/g

Mofof

Mhux aktar minn 100 CFU/g

Enterobatteriċi

Mhux aktar minn 10 CFU/g

Spori aerobiċi

Mhux aktar minn 1 CFU/g

Oħrajn

 

Glutina

Mhux aktar minn 20 mg/kg”


Top