EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0975

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/975 tas-17 ta’ Marzu 2022 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/653 fir-rigward tal-estensjoni tal-arranġament tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 14(2) ta’ dak ir-Regolament u li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2021/2268 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/1541

OJ L 167, 24.6.2022, p. 35–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/975/oj

24.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/35


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/975

tas-17 ta’ Marzu 2022

li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2017/653 fir-rigward tal-estensjoni tal-arranġament tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 14(2) ta’ dak ir-Regolament u li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2021/2268 fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(5) u l-Artikolu 10(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija li għandu jitfassal mill-manifatturi tal-PRIIP u dwar l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investituri fil-livell tal-konsumatur sabiex jippermetti li l-investituri fil-livell tal-konsumatur jifhmu u jipparagunaw il-karatteristiċi ewlenin u r-riskji tal-PRIIP. Madankollu, skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament, il-kumpaniji maniġerjali kif definiti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-kumpaniji ta’ investiment kif imsemmija fl-Artikolu 27 tagħha u l-persuni li jagħtu konsulenza dwar l-unitajiet tal-UCITS jew ibigħuhom, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tagħha huma eżentati mill-obbligi skont dak ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2021. Meta Stat Membru japplika r-regoli dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, kif stabbilit fl-Artikoli minn 78 sa 81 tad-Direttiva 2009/65/KE, għall-fondi mhux UCITS offruti lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur, l-arranġament tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 32(1) ta’ dak ir-Regolament japplika għal kumpaniji amministrattivi, il-kumpaniji tal-investiment u l-persuni li jagħtu konsulenza dwar l-unitajiet ta’ tali fondi jew ibigħuhom lill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Ir-Regolament (UE) 2021/2259 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 biex jestendi dak l-arranġament tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 (4), li ġie adottat abbażi tal-Artikoli 8(5), 10(2) u 13(5) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014, jistabbilixxi regoli fir-rigward tal-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti. L-Artikolu 14(2) ta’ dak ir-Regolament Delegat ippermetta li l-manifatturi tal-PRIIP jużaw id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-investitur imfassal skont l-Artikoli minn 78 sa 81 tad-Direttiva 2009/65/KE biex jipprovdu informazzjoni speċifika għall-finijiet tal-Artikoli minn 11 sa 13 ta’ dak ir-Regolament Delegat, minflok id-dokument bl-informazzjoni ewlenija msemmi f’dak ir-Regolament Delegat (UE) 2017/653, sal-31 ta’ Diċembru 2019, dment li mill-inqas waħda mill-opzjonijiet ta’ investiment sottostanti msemmija fl-Artikolu 14(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat tkun fond tal-UCITS jew mhux tal-UCITS kif imsemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1866 (5) estenda dak l-arranġament tranżizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2021, u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2021/2268 (6) emenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/653 biex jestendi ulterjorment dak l-arranġament tranżizzjonali sal-30 ta’ Ġunju 2022.

(3)

Peress li r-Regolament (UE) 2021/2259 issa estenda l-arranġament tranżizzjonali msemmi fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 sal-31 ta’ Diċembru 2022, hemm bżonn li din l-estensjoni tiġi riflessa wkoll fir-Regolament Delegat (UE) 2017/653, u li l-arranġament tranżizzjonali jiġi estiż ulterjorment mill-30 ta’ Ġunju 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022. Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2017/653 jiġi emendat skont dan.

(4)

Hemm bżonn jiġi ggarantit li r-Regolament Delegat (UE) 2021/2268 japplika biss mill-jum li jsegwi t-tmiem tal-arranġament tranżizzjonali stabbilit fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014. Għalhekk, jenħtieġ li d-data stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2268 tiġi sostitwita. Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2021/2268 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2017/653

Fl-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/653, it-tielet paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Artikolu 14(2) għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2022.”

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2021/2268

Fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2268, “l-1 ta’ Lulju 2022” hija sostitwita b’“l-1 ta’ Jannar 2023”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 352, 9.12.2014, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2259 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 fir-rigward tal-estensjoni tal-arranġament tranżitorju għall-kumpaniji tal-maniġment, il-kumpaniji ta’ investiment u l-persuni li jagħtu pariri dwar unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u mhux UCITS jew li jbigħuhom (ĠU L 455, 20.12.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 tat-8 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il-preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (ĠU L 100, 12.4.2017, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1866 tat-3 ta’ Lulju 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2017/653 biex jiġi allinjat l-arranġament tranżitorju għall-manifatturi tal-PRIIP li joffru unitajiet ta’ fondi msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala għażliet ta’ investiment sottostanti mal-perjodu ta’ eżenzjoni estiż skont dak l-Artikolu (ĠU L 289, 8.11.2019, p. 4).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2268 tas-6 ta’ Settembru 2021 li jemenda l-istandards tekniċi regolatorji stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/653 dwar il-metodoloġija sottostanti u l-preżentazzjoni tax-xenarji tal-prestazzjoni, il-preżentazzjoni tal-kostijiet u l-metodoloġija għall-kalkolu tal-indikaturi sommarji tal-kostijiet, il-preżentazzjoni u l-kontenut tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni fil-passat u l-preżentazzjoni tal-kostijiet tal-prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) li joffru firxa ta’ opzjonijiet għall-investiment u jallinjaw l-arranġament tranżizzjonali għall-manifatturi tal-PRIIP li joffru unitajiet ta’ fondi msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bħala opzjonijiet ta’ investiment sottostanti b’arranġament tranżitorju estiż stabbilit f’dan l-Artikolu (ĠU L 455I , 20.12.2021, p. 1).


Top