EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0858

Regolament (UE) 2022/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 909/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/88/2021/REV/2

OJ L 151, 2.6.2022, p. 1–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/858/oj

2.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 151/1


REGOLAMENT (UE) 2022/858 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2022

dwar reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 909/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji tkun adattata għall-era diġitali u tikkontribwixxi għal ekonomija li tibqa’ valida fil-futur li taħdem għaċ-ċittadini, inkluż billi tiffaċilita l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi. L-Unjoni għandha interess ta’ politika fl-esplorazzjoni, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ teknoloġiji trasformattivi fis-settur finanzjarju, inkluż l-adozzjoni ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit (“DLT”). Il-kriptoassi huma waħda mill-applikazzjonijiet ewlenin tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit fis-settur finanzjarju.

(2)

Il-biċċa l-kbira tal-kriptoassi huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji u joħolqu, fost l-oħrajn, sfidi f’termini ta’ protezzjoni tal-investituri, integrità tas-suq, konsum ta’ enerġija u stabbiltà finanzjarja. Tali kriptoassi, għalhekk, jirrikjedu qafas regolatorju ddedikat fil-livell tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, kriptoassi oħra jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Sa fejn kriptoassi jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji skont dik id-Direttiva, sett sħiħ ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, inklużi r-Regolamenti (UE) Nru 236/2012 (5), (UE) Nru 596/2014 (6), (UE) Nru 909/2014 (7) u (UE) 2017/1129 (8) u d-Direttivi 98/26/KE (9) u 2013/50/UE (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill potenzjalment japplika għall-emittenti ta’ tali kriptoassi u għal ditti li jwettqu attivitajiet relatati ma’ tali kriptoassi.

(3)

L-hekk imsejħa “tokenizzazzjoni” tal-istrumenti finanzjarji, jiġifieri r-rappreżentazzjoni diġitali ta’ strumenti finanzjarji f’reġistri distribwiti jew il-ħruġ ta’ klassijiet ta’ assi tradizzjonali f’forma tokenizzata biex ikunu jistgħu jinħarġu, jinħażnu u jiġu ttrasferiti fuq reġistru distribwit, hija mistennija li tiftaħ opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza fil-proċess tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar. Madankollu, peress li kompromessi fundamentali li jinvolvu r-riskju tal-kreditu u l-likwidità jibqgħu f’dinja tokenizzata, is-suċċess tas-sistemi bbażati fuq it-token se jiddependi, tal-anqas għalissa, minn kemm jinteraġixxu tajjeb mas-sistemi tradizzjonali bbażati fuq il-kontabbiltà.

(4)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji ġiet imfassla mingħajr ma tqiesu t-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u l-kriptoassi, u fiha dispożizzjonijiet li potenzjalment jipprekludu jew jillimitaw l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit fil-ħruġ, fin-negozjar u fis-saldu ta’ kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. Bħalissa, hemm ukoll nuqqas ta’ infrastrutturi tas-suq finanzjarji awtorizzati li jużaw id-DLT biex jipprovdu servizzi ta’ negozjar jew ta’ saldu, jew taħlita ta’ tali servizzi, għal kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. L-iżvilupp ta’ suq sekondarju għal tali kriptoassi jista’ jġib benefiċċji multipli, bħal effiċjenza, trasparenza u kompetizzjoni msaħħa fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ negozjar u saldu.

(5)

Fl-istess ħin, jeżistu lakuni regolatorji minħabba speċifiċitajiet legali, teknoloġiċi u operazzjonali relatati mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u mal-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. Pereżempju, ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ trasparenza, affidabbiltà jew sikurezza impost fuq il-protokolli u l-“kuntratti intelliġenti”, li jirfdu l-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. It-teknoloġija sottostanti tista’ wkoll toħloq xi forom ġodda ta’ riskji li mhumiex indirizzati b’mod adegwat mir-regoli eżistenti. Diversi proġetti għan-negozjar ta’ kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u servizzi u attivitajiet ta’ wara n-negozjar relatati ġew żviluppati fl-Unjoni, iżda ftit minnhom diġà qed joperaw, u dawk li qed joperaw huma ta’ portata limitata. Barra minn hekk, kif enfasizzat mill-Grupp Konsultattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar l-Infrastrutturi tas-Suq għat-Titoli u l-Kollateral u l-Grupp Konsultattiv tiegħu dwar l-Infrastrutturi tas-Suq għall-Ħlasijiet, l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit jinvolvi sfidi simili għal dawk li qed iħabbtu wiċċhom magħhom it-teknoloġija konvenzjonali, bħal kwistjonijiet ta’ frammentazzjoni u ta’ interoperabbiltà u, fl-istess ħin, potenzjalment joħolqu kwistjonijiet ġodda, pereżempju rigward il-validità legali tat-tokens. Minħabba l-esperjenza limitata fir-rigward tan-negozjar ta’ kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u servizzi u attivitajiet ta’ wara n-negozjar, bħalissa kmieni wisq biex isiru modifiki sinifikanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji sabiex ikun possibbli l-użu sħiħ ta’ dawn il-kriptoassi u t-teknoloġija sottostanti tagħhom. Fl-istess ħin, il-ħolqien ta’ infrastruttura tas-suq finanzjarju għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji bħalissa huwa ristrett minn rekwiżiti inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, li ma mhumiex adattati kompletament għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji jew għall-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Pereżempju, il-pjattaformi għan-negozjar tal-kriptoassi normalment jagħtu aċċess dirett lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, filwaqt li ċ-ċentri tan-negozjar tradizzjonali normalment jagħtu aċċess lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biss permezz ta’ intermedjarji finanzjarji.

(6)

Sabiex ikun possibbli l-iżvilupp tal-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u l-iżvilupp ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri, integrità tas-suq, stabbiltà finanzjarja u trasparenza u jiġu evitati arbitraġġ regolatorju u lakuni, ikun utli li jinħoloq reġim pilota biex l-infrastrutturi tas-suq ibbażat fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit jittestjaw tali infrastrutturi tas-suq tad-DLT (ir-“reġim pilota”). Ir-reġim pilota jenħtieġ li jippermetti li ċertu infrastruttura tas-suq tad-DLT tiġi temporanjament eżentata minn xi rekwiżiti speċifiċi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji li altrimenti jistgħu jżommu lil operaturi milli jiżviluppaw soluzzjonijiet għan-negozjar u għas-saldu ta’ tranżazzjonijiet fi kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, mingħajr ma jiddgħajjef kwalunkwe rekwiżit u salvagwardja eżistenti applikati għall-infrastrutturi tradizzjonali tas-suq. L-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-operaturi tagħhom jenħtieġ li jkollhom stabbiliti salvagwardji adegwati relatati mal-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-investituri, inklużi ktajjen definiti b’mod ċar ta’ responsabbiltà fil-konfront tal-klijenti għal kwalunkwe telf minħabba fallimenti operazzjonali. Jenħtieġ ukoll li r-reġim pilota jippermetti lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) (ESMA) u lill-awtoritajiet kompetenti jisiltu tagħlimiet mir-reġim pilota u jiksbu esperjenza mill-opportunitajiet u r-riskji speċifiċi marbuta mal-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, u mat-teknoloġija sottostanti tagħhom. Jenħtieġ li l-esperjenza miksuba bir-reġim pilota tgħin biex jiġu identifikati proposti prattiċi possibbli għal qafas regolatorju xieraq sabiex isiru aġġustamenti mmirati lil-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-ħruġ, il-kustodja u l-amministrazzjoni tal-assi, in-negozjar u s-saldu ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT.

(7)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tar-reġim pilota, jenħtieġ li jinħoloq status tal-Unjoni ġdid bħala infrastruttura tas-suq tad-DLT sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ taqdi rwol ta’ tmexxija fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji f’forma tokenizzata u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ suq sekondarju għal tali assi. Jenħtieġ li l-istatus bħala l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikun fakultattiv u ma jżommx lill-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, bħaċ-ċentri tan-negozjar, id-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u l-kontropartijiet ċentrali (CCPs), milli jiżviluppaw servizzi u attivitajiet tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, jew li huma bbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji eżistenti.

(8)

Jenħtieġ li infrastrutturi tas-suq tad-DLT jammettu għan-negozjar jew jirreġistraw biss strumenti finanzjarji f’reġistru distribwit. Jenħtieġ li l-istrumenti finanzjarji tad-DLT ikunu kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u li jinħarġu, jiġu ttrasferiti u jinħażnu f’reġistru distribwit.

(9)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji hija maħsuba biex tkun newtrali fir-rigward tal-użu ta’ kwalunkwe teknoloġija partikolari meta mqabbla ma’ oħra. Għalhekk, ir-referenzi għal tip speċifiku ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit għandhom jiġu evitati. Jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiżguraw li jkunu jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti applikabbli kollha, irrispettivament mit-teknoloġija użata.

(10)

Meta jiġi applikat dan ir-Regolament, il-prinċipji tan-newtralità teknoloġika, tal-proporzjonalità, il-kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni, u “l-istess attività, l-istess riskji, l-istess regoli” jenħtieġ li jitqiesu sabiex jiġi żgurat li l-parteċipanti fis-suq ikollhom l-ispazju regolatorju biex ikunu innovattivi, sabiex jirrispettaw il-valuri tat-trasparenza, l-ekwità, l-istabbiltà, il-protezzjoni tal-investituri, l-obbligu ta’ rendikont u l-integrità tas-suq, u sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif garantit mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

L-aċċess għar-reġim pilota jenħtieġ li ma jkunx limitat għall-operaturi stabbiliti iżda jenħtieġ li jkun miftuħ ukoll għall-parteċipanti l-ġodda. Entità li mhijiex awtorizzata skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew id-Direttiva 2014/65/UE tista’ tapplika għal awtorizzazzjoni skont dak ir-Regolament jew skont dik id-Direttiva, rispettivament, u, simultanjament, għal permess speċifiku skont dan ir-Regolament. F’każijiet bħal dawn, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li ma tivvalutax jekk entità bħal din tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew tad-Direttiva 2014/65/UE li fir-rigward tagħhom tkun intalbet eżenzjoni skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali entitajiet ikunu jistgħu jħaddmu biss infrastrutturi tas-suq tad-DLT f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tagħhom tiġi revokata ladarba l-permess speċifiku tagħhom ikun skada, sakemm l-entitajiet ma jissottomettux talba kompluta għal awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew skont id-Direttiva 2014/65/UE.

(12)

Il-kunċett tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT tinkludi faċilitajiet multilaterali tan-negozjar tad-DLT (MTF tad-DLT), sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT (SS tad-DLT) u sistemi ta’ negozjar u saldu tad-DLT (TSS tad-DLT). Jenħtieġ li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikunu jistgħu jikkooperaw ma’ parteċipanti oħra fis-suq biex jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi bbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit f’diversi segmenti tal-katina tal-valur għas-servizzi finanzjarji.

(13)

Jenħtieġ li MTF tad-DLT tkun faċilità multilaterali tan-negozjar li titħaddem minn ditta tal-investiment jew operatur tas-suq awtorizzat skont id-Direttiva 2014/65/UE u li jkun irċieva permess speċifiku skont dan ir-Regolament. Istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE li tipprovdi servizzi ta’ investiment jew li twettaq attivitajiet ta’ investiment jenħtieġ li titħalla topera MTF tad-DLT biss meta tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment jew operatur tas-suq skont id-Direttiva 2014/65/UE. Jenħtieġ li MTFs tad-DLT u l-operatur tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti kollha li japplikaw għal faċilità multilaterali tan-negozjar u l-operaturi tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), skont id-Direttiva 2014/65/UE jew skont kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra applikabbli tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, għajr għar-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat eżenzjoni mill-awtorità kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(14)

L-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, b’liema teknoloġija t-tranżazzjonijiet kollha jiġu rreġistrati f’reġistru distribwit, jista’ jħaffef u jikkombina n-negozjar u s-saldu kważi fil-ħin reali u jista’ jippermetti l-kombinament ta’ attivitajiet ta’ negozjar u ta’ wara n-negozjar. Madankollu, il-kombinament ta’ attivitajiet ta’ negozjar u ta’ servizzi u attivitajiet ta’ wara n-negozjar f’entità ġuridika unika bħalissa mhijiex prevista fir-regoli eżistenti, irrispettivament mit-teknoloġija użata, minħabba għażliet ta’ politika relatati mal-ispeċjalizzazzjoni u s-separazzjoni tar-riskji sabiex titħeġġeġ il-kompetizzjoni. Jenħtieġ li r-reġim pilota ma jkunx preċedent li jiġġustifika għal bidla fundamentali tas-separazzjoni tal-attivitajiet tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar jew tax-xenarju tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju. Madankollu, fid-dawl tal-benefiċċji potenzjali tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit f’termini ta’ kombinament tan-negozjar u s-saldu, huwa ġġustifikat li tiġi prevista infrastruttura tas-suq tad-DLT iddedikata fir-reġim pilota, jiġifieri, it-TSS tad-DLT, li tikkombina l-attivitajiet normalment imwettqa minn faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u sistemi ta’ saldu tat-titoli.

(15)

Jenħtieġ li TSS tad-DLT tkun jew MTF tad-DLT li tikkombina s-servizzi mwettqa minn MTF tad-DLT u minn SS tad-DLT, u jenħtieġ li titħaddem minn ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jkunu rċevew permess speċifiku biex iħaddmu TSS tad-DLT skont dan ir-Regolament, jew jenħtieġ li tkun SS tad-DLT li tikkombina s-servizzi mwettqa minn MTF tad-DLT u minn SS tad-DLT, u jenħtieġ li titħaddem minn CSD li jkun irċieva permess speċifiku biex iħaddem TSS tad-DLT skont dan ir-Regolament. Istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE li tipprovdi servizzi ta’ investiment jew li twettaq attivitajiet ta’ investiment jenħtieġ li titħalla topera TSS tad-DLT biss meta tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment jew operatur tas-suq skont id-Direttiva 2014/65/UE. Jenħtieġ li ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem TSS tad-DLT ikunu soġġetti għar-rekwiżiti kollha li japplikaw għal MTF tad-DLT, u CSD li jħaddem TSS tad-DLT jenħtieġ li jkun soġġett għar-rekwiżiti kollha li japplikaw għal SS tad-DLT. Peress li TSS tad-DLT tippermetti lil ditta tal-investiment jew operatur tas-suq jipprovdu wkoll servizzi ta’ saldu, u tippermetti lil CSD jipprovdi wkoll servizzi ta’ negozjar, huwa meħtieġ li d-ditti tal-investiment jew l-operaturi tas-suq jikkonformaw ukoll mar-rekwiżiti li japplikaw għal SS tad-DLT, u li s-CSDs jikkonformaw mar-rekwiżiti li japplikaw għal MTF tad-DLT. Peress li s-CSDs mhumiex soġġetti għal ċerti rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u organizzazzjonali skont id-Direttiva 2014/65/UE meta jipprovdu servizzi jew attivitajiet ta’ investiment f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 909/2014, huwa xieraq li jittieħed approċċ simili fir-reġim pilota kemm għad-ditti tal-investiment u l-operaturi tas-suq kif ukoll għas-CSDs li jħaddmu TSS tad-DLT. Għalhekk, ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem TSS tad-DLT jenħtieġ li jkunu eżentati minn sett limitat ta’ awtorizzazzjoni u rekwiżiti organizzazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, peress li d-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq se jkunu meħtieġa jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u organizzazzjonali skont id-Direttiva 2014/65/UE. Min-naħa l-oħra, CSD li jħaddem TSS tad-DLT jenħtieġ li jiġi eżentat minn sett limitat ta’ rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u organizzazzjonali skont id-Direttiva 2014/65/UE, peress li s-CSD se jkun meħtieġ jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u organizzazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014. Jenħtieġ li tali eżenzjonijiet ikunu temporanji u jenħtieġ li ma japplikawx għal infrastruttura tas-suq tad-DLT li topera barra r-reġim pilota. L-ESMA jenħtieġ li tkun tista’ tivvaluta l-istandards tekniċi dwar iż-żamma tar-reġistri u r-riskji operazzjonali adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 bil-għan li tiżgura li dawn jiġu applikati b’mod proporzjonat għad-ditti tal-investiment jew għall-operaturi tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT.

(16)

Jenħtieġ li l-operaturi tat-TSSs tad-DLT ikunu jistgħu jitolbu l-istess eżenzjonijiet bħal dawk disponibbli għall-operaturi tal-MTFs tad-DLT u tal-SSs tad-DLT, dment li dawn jikkonformaw mal-kundizzjonijiet marbuta mal-eżenzjonijiet u ma’ kwalunkwe miżurata’ kumpens rikjesta mill-awtoritajiet kompetenti. Kunsiderazzjonijiet simili għal dawk li japplikaw għall-MTFs tad-DLT u għall-SSs tad-DLT jenħtieġ li japplikaw għall-eżenzjonijietli huma disponibbli għat-TSSs tad-DLT, għal kwalunkwe kundizzjoni marbuta ma’ dawk l-eżenzjonijiet, u l-miżuri ta’ kumpens.

(17)

Sabiex tiġi prevista flessibbiltà addizzjonali fl-applikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għad-ditti tal-investiment jew l-operaturi tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT filwaqt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi mas-CSDs li jipprovdu servizzi ta’ saldu taħt ir-reġim pilota, jenħtieġ li ċerti eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament li jikkonċernaw miżuri għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-fallimenti tas-saldu, mir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni u t-trasparenza, u mir-rekwiżiti biex jintużaw ċerti proċeduri ta’ komunikazzjoni mal-parteċipanti u infrastrutturi oħra tas-suq ikunu disponibbli għas-CSDs li jħaddmu SS tad-DLT jew TSS tad-DLT, u għad-ditti tal-investiment jew għall-operaturi tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT. Dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet marbuta magħhom, inkluż ċerti rekwiżiti minimi, u kwalunkwe kwalunkwe miżura ta’ kumpens rikjesta mill-awtorità kompetenti, sabiex tissodisfa l-objettivi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li fir-rigward tagħhom tintalab eżenzjoni, jew sabiex tissalvagwardja l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja. Jenħtieġ li l-operatur ta’ TSS tad-DLT juri li l-eżenzjoni mitluba hija proporzjonata u ġġustifikata mill-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit.

(18)

Jenħtieġ li SS tad-DLT tkun sistema ta’ saldu mħaddma minn CSD awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jkun irċieva permess speċifiku biex iħaddem SS tad-DLT skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li SS tad-DLT, u s-CSD li jħaddimha, ikunu soġġetti għar-rekwiżiti rilevanti kollha skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, u kwalunkwe leġiżlazzjoni applikabbli oħra tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, ħlief għar-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom tkun ingħatat eżenzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(19)

Meta l-BĊE u l-banek ċentrali Ewropej, jew istituzzjonijiet oħra mmexxija minn Stati Membri li jwettqu funzjonijiet simili, jew korpi pubbliċi oħra inkarigati mill-ġestjoni tad-dejn pubbliku fl-Unjoni jew li jintervjenu fih, iħaddmu SS tad-DLT, jenħtieġ li dawn ma jkunux meħtieġa jitolbu permess minn awtorità kompetenti sabiex jibbenefikaw minn eżenzjoni skont dan ir-Regolament, peress li tali entitajiet mhumiex meħtieġa jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti jew jikkonformaw mal-istruzzjonijiet tagħhom, u huma soġġetti għal sett limitat ta’ rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(20)

Jenħtieġ li l-ħolqien tar-reġim pilota jkun mingħajr preġudizzju għall-kompiti u għar-responsabbiltajiet tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali fis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fil-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, biex jiġi promoss l-operat bla xkiel tas-sistemi ta’ pagament u jiġu żgurati sistemi ta’ kklerjar u ta’ pagament effiċjenti u sodi fl-Unjoni u ma’ pajjiżi terzi.

(21)

L-assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet superviżorji previsti f’dan ir-Regolament hija ġġustifikata mill-karatteristiċi u r-riskji speċifiċi tar-reġim pilota. Għalhekk, l-arkitettura superviżorja tar-reġim pilota ma għandhiex tinftiehem bħala li tistabbilixxi preċedent għal kwalunkwe att futur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji.

(22)

Jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikunu responsabbli fil-każ ta’ telf ta’ fondi, ta’ kollateral jew ta’ strument finanzjarju tad-DLT. Jenħtieġ li r-responsabbiltà tal-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT tkun limitata għall-valur tas-suq tal-assi mitluf meta jseħħ it-telf. Jenħtieġ li l-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT ma jkunx responsabbli għal avvenimenti li mhumiex attribwibbli għall-operatur, b’mod partikolari, kwalunkwe avveniment li l-operatur juri li seħħ indipendentement mill-operazzjonijiet tiegħu, inklużi problemi dovuti għal xi ħaġa li ġrat esternament lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu.

(23)

Sabiex l-innovazzjoni u l-isperimentazzjoni f’ambjent regolatorju sod ikunu possibbli filwaqt li jinżammu l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li t-tip ta’ strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar jew irreġistrati f’infrastruttura tas-suq tad-DLT, ikunu limitati għal ishma, bonds, u unitajiet fl-impriżi għal investiment kollettiv li jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ eżekuzzjoni biss skont id-Direttiva 2014/65/UE. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi limiti ta’ valur li jistgħu jitbaxxew f’ċerti sitwazzjonijiet. B’mod partikolari, sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ kwalunkwe riskju għall-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li l-valur tas-suq totali tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT ammessi għan-negozjar jew irreġistrati f’infrastruttura tas-suq tad-DLT ikunu limitati.

(24)

Sabiex nimxu lejn kundizzjonijiet ekwi għall-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f’ċentri tan-negozjar tradizzjonali skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE u sabiex jiġu żgurati livelli għolja ta’ protezzjoni tal-investituri, ta’ integrità tas-suq u ta’ stabbilità finanzjarja, jenħtieġ li l-istrumenti finanzjarji tad-DLT, ammessi għan-negozjar f’MTF tad-DLT jew f’TSS tad-DLT, ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-abbuż tas-suq skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014.

(25)

Fuq it-talba ta’ operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jitħallew jagħtu eżenzjoni waħda jew aktar fuq bażi temporanja, jekk l-operatur jikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn l-eżenzjonijiet kif ukoll ma’ kwalunkwe rekwiżit addizzjonali stabbilit skont dan ir-Regolament biex jiġu indirizzati forom ġodda ta’ riskji li jirriżultaw mill-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Jenħtieġ ukoll li operatur ta’ MTF tad-DLT jikkonforma ma’ kwalunkwe miżura ta’ kumpens rikjesti mill-awtorità kompetenti sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjoni li għaliha tkun ġiet rikjesta eżenzjoni, jew sabiex jiġu salvagwardati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja.

(26)

Fuq it-talba ta’ operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jitħallew jagħtu eżenzjoni mill-obbligu ta’ intermedjazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE. Bħalissa, il-faċilitajiet ta’ negozjar tradizzjonali jitħallew jammettu bħala membri jew parteċipanti biss ditti tal-investiment, istituzzjonijiet ta’ kreditu u persuni oħra li għandhom livell suffiċjenti ta’ kapaċità ta’ negozjar u kompetenza u li jżommu arranġamenti u riżorsi organizzattivi adegwati. Għall-kuntrarju, ħafna pjattaformi għan-negozjar tal-kriptoassi joffru aċċess diżintermedjat u jipprovdu aċċess dirett għal investituri fil-livell tal-konsumatur. Għalhekk, ostaklu regolatorju potenzjali għall-iżvilupp ta’ faċilitajiet multilaterali tan-negozjar għal strumenti finanzjarji tad-DLT jista’ jkun l-obbligu tal-intermedjazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE. Fuq it-talba ta’ operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtorità kompetenti għalhekk jenħtieġ li titħalla tagħti eżenzjoni temporanja minn dak l-obbligu ta’ intermedjazzjoni sabiex tipprovdi aċċess dirett għall-investituri fil-livell tal-konsumatur u tippermettilhom jinnegozjaw f’isimhom stess, dment li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati rigward il-protezzjoni tal-investituri, li tali investituri fil-livell tal-konsumatur jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u li l-operatur jikkonformi ma’ kwalunkwe miżura addizzjonali ta’ protezzjoni tal-investituri li tirrikjedi l-awtorità kompetenti. L-investituri fil-livell tal-konsumatur li jkollhom aċċess dirett għal MTF tad-DLT bħala membri jew parteċipanti taħt eżenzjoni mill-obbligu ta’ intermedjazzjoni jenħtieġ li ma jitqisux bħala ditti tal-investiment fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE unikament minħabba li jkunu membri ta’ MTF tad-DLT jew parteċipanti fiha.

(27)

Fuq it-talba ta’ operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ ukoll li jitħallew jagħtu eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ rapportar tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, dment li l-MTF tad-DLT tissodisfa ċerti kundizzjonijiet.

(28)

Biex ikun eliġibbli għal eżenzjoni skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li operatur ta’ MTF tad-DLT juri li l-eżenzjoni mitluba hija proporzjonata u limitata għall-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit kif deskritt fil-pjan tan-negozju tiegħu, u li l-eżenzjoni mitluba hija limitata għall-MTF tad-DLT u ma testendix għal kwalunkwe faċilità tan-negozjar multilaterali oħra mħaddma mill-istess ditta tal-investiment jew operatur tas-suq.

(29)

Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu permessi li jagħtu eżenzjoni waħda jew aktar fuq bażi temporanja, jekk jikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ tali eżenzjonijiet kif ukoll ma’ kwalunkwe rekwiżit addizzjonali stabbilit skont dan ir-Regolament biex jiġu indirizzati forom ġodda ta’ riskji li jirriżultaw mill-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Jenħtieġ ukoll li CSD li jħaddem SS tad-DLT jikkonforma ma’ kwalunkwe miżura ta’ kumpens rikjesta mill-awtorità kompetenti sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjoni li għaliha ġiet mitluba eżenzjoni, jew sabiex jiġu salvagwardati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja.

(30)

Jenħtieġ li jkun permess li jiġu eżentati CSDs li jħaddmu SS tad-DLT minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li x’aktarx joħolqu ostakli regolatorji għall-iżvilupp tal-SSs tad-DLT. Pereżempju, l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jkunu possibbli sal-punt li r-regoli ta’ dak ir-Regolament applikabbli għal CSDs u li jirreferu għat-termini “forma dematerjalizzata”, “kont ta’ titoli” jew “ordnijiet ta’ trasferiment” ma japplikawx għal CSDs li jħaddmu SS tad-DLT, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti għal rabtiet tas-CSD li jenħtieġ li japplikaw mutatis mutandis. Fir-rigward tat-terminu “kont ta’ titoli”, l-eżenzjoni tkun tkopri r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tat-titoli, l-integrità tal-ħruġ u s-segregazzjoni tal-kontijiet. Filwaqt li s-CSDs iħaddmu sistemi ta’ saldu tat-titoli billi jikkreditaw u jiddebitaw il-kontijiet tat-titoli tal-parteċipanti tagħhom, kontijiet tat-titoli biż-żamma tal-kotba b’kontroentrati jew b’entrati multipli mhux dejjem jistgħu jkunu fattibbli f’SS tad-DLT. Għalhekk, eżenzjoni jenħtieġ li tkun possibbli wkoll għal CSD li jħaddem SS tad-DLT mir-regoli fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 li jirreferu għat-terminu ta’ “forma dematerjalizzata” fejn tali eżenzjoni tkun meħtieġa biex tkun possibbli r-reġistrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT f’reġistru distribwit. Madankollu, CSD li jħaddem SS tad-DLT jenħtieġ li xorta jiżgura l-integrità tal-ħruġ tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT fir-reġistru distribwit u s-segregazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT li jappartjenu għal diversi parteċipanti.

(31)

CSD li jħaddem SS tad-DLT jenħtieġ li dejjem jibqa’ soġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, li skontu CSD li jesternalizza s-servizzi jew l-attivitajiet lil parti terza jibqa’ kompletament responsabbli mir-rispett tal-obbligi kollha tiegħu skont dak ir-Regolament u huwa meħtieġ jiżgura li kwalunkwe esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-delega tar-responsabbiltà tiegħu. Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, jippermetti biss CSDs li jħaddmu SS tad-DLT biex jesternalizzaw servizz jew attività ewlenija wara li jirċievu awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti. CSD li jħaddem SS tad-DLT jenħtieġ, għalhekk, li jkun jista’ jitlob eżenzjoni minn dak ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni meta s-CSD juri li r-rekwiżit huwa inkompatibbli mal-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit kif previst fil-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju tiegħu. Jenħtieġ li d-delega ta’ kompiti li jappartjenu għall-funzjonament ta’ SS tad-DLT, jew għall-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit, biex jitwettaq is-saldu, ma titqiesx bħala esternalizzazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(32)

L-obbligu ta’ intermedjazzjoni permezz ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment sabiex l-investituri fil-livell tal-konsumaturi jinżammu milli jiksbu aċċess dirett għas-sistemi ta’ saldu u ta’ kunsenja mħaddma minn CSD jista’ joħloq ostaklu regolatorju għall-iżvilupp ta’ mudelli alternattivi ta’ saldu bbażati fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit li jippermetti aċċess dirett minn investituri fil-livell tal-konsumaturi. Għalhekk, jenħtieġ li tkun permessa eżenzjoni għas-CSDs li jħaddmu SS tad-DLT fis-sens li t-terminu “parteċipant” fid-Direttiva 98/26/KE huwa meqjus li jinkludi, taħt ċerti kundizzjonijiet, persuni oħra barra dawk imsemmija f’dik id-Direttiva. Meta jitlob eżenzjoni mill-obbligu ta’ intermedjazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, jenħtieġ li s-CSD li jħaddem SS tad-DLT jiżgura li l-persuni li għandhom jiġu ammessi bħala parteċipanti jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Jenħtieġ ukoll li CSD li jħaddem SS tad-DLT jiżgura li l-parteċipanti tagħha jkollhom livell suffiċjenti ta’ abbiltà, kompetenza, esperjenza u għarfien dwar attivitajiet ta’ wara n-negozjar u l-funzjonament ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit.

(33)

Entitajiet li huma eliġibbli li jipparteċipaw f’CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jikkorrispondu għall-entitajiet li huma eliġibbli li jipparteċipaw f’sistema ta’ saldu tat-titoli li hija nnominata u nnotifikata f’konformità mad-Direttiva 98/26/KE, minħabba li r-Regolament (UE) Nru 909/2014 jeħtieġ li s-sistemi ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs jiġu nnominati u nnotifikati skont id-Direttiva 98/26/KE. B’dan, operatur ta’ sistema ta’ saldu tat-titoli abbażi ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit li jitlob li jiġi eżentat mir-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jirriżulta f’nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tad-Direttiva 98/26/KE. Konsegwentement, dik is-sistema ta’ saldu tat-titoli ma setgħetx tiġi nnominata u nnotifikata skont dik id-Direttiva u għal dik ir-raġuni ma tissejjaħx “sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT” f’dan ir-Regolament iżda pjuttost bħala SS tad-DLT. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jippermetti lil CSD iħaddem SS tad-DLT li ma tikkwalifikax bħala sistema ta’ saldu tat-titoli nnominata skont id-Direttiva 98/26/KE, u jenħtieġ li tkun disponibbli eżenzjoni mir-regoli dwar il-finalità tas-saldu fir-Regolament (UE) Nru 909/2014, soġġetta għal ċerti miżuri ta’ kumpens, inklużi miżuri speċifiċi ta’ kumpens biex inaqqsu r-riskji li jirriżultaw mill-insolvenza, peress li l-miżuri ta’ protezzjoni f’każ ta’ insolvenza skont id-Direttiva 98/26/KE ma japplikawx. Madankollu, tali eżenzjoni ma tipprekludix SS tad-DLT li tikkonforma mar-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 98/26/KE milli tiġi nnominata u nnotifikata bħala sistema ta’ saldu tat-titoli f’konformità ma’ dik id-Direttiva.

(34)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jinkoraġġixxi s-saldu ta’ tranżazzjonijiet fi flus tal-bank ċentrali. Meta s-saldu ta’ pagamenti fi flus kontanti fi flus tal-bank ċentrali ma jkunx prattiku u disponibbli, għandu jkun possibbli li s-saldu jsir permezz tal-kontijiet proprji tas-CSD f’konformità ma’ dak ir-Regolament jew permezz ta’ kontijiet miftuħa ma’ istituzzjoni ta’ kreditu (“flus tal-bank kummerċjali”). Madankollu, din ir-regola tista’ tkun diffiċli biex tapplika għal CSD li jħaddem SS tad-DLT, minħabba li CSD bħal dan ikollu jaffettwa l-movimenti fil-kontijiet tal-flus fl-istess ħin mal-kunsenja tat-titoli rreġistrati fir-reġistru distribwit. Għalhekk jenħtieġ li tkun permessa eżenzjoni temporanja għas-CSDs li jħaddmu SS tad-DLT mid-dispożizzjoni ta’ dak ir-Regolament dwar is-saldu fi flus kontanti sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi taħt ir-reġim pilota billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-flus tal-banek kummerċjali, jew l-użu ta’ “tokens tal-flus elettroniċi”. Is-saldu fi flus tal-bank ċentrali jista’ jitqies bħala mhux prattiku u disponibbli jekk is-saldu fi flus tal-bank ċentrali f’reġistru distribwit ma jkunx disponibbli.

(35)

Minbarra r-rekwiżiti li wrew bi provi li mhumiex prattiċi f’ambjent ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit, ir-rekwiżiti marbuta mas-saldu fi flus kontanti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 ikomplu japplikaw barra mir-reġim pilota. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT jiddeskrivu fil-pjanijiet tan-negozju tagħhom kif beħsiebhom jikkonformaw mat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 f’każ li eventwalment joħorġu mir-reġim pilota.

(36)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jeħtieġ li CSD jipprovdi aċċess għal CSD ieħor, jew għal infrastrutturi tas-suq oħra, fuq bażi nondiskriminatorja u trasparenti. L-għoti ta’ aċċess lil CSD li jħaddem SS tad-DLT jista’ jkun teknikament aktar kumpless, oneruż jew diffiċli biex jinkiseb, minħabba li l-interoperabbiltà tas-sistemi miruta mat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit għadha ma ġietx ittestjata. Għalhekk jenħtieġ ukoll li jkun possibbli li tingħata lil SS tad-DLT eżenzjoni minn dak ir-rekwiżit jekk din turi li l-applikazzjoni tar-rekwiżit tkun sproporzjonata għall-iskala tal-attivitajiet tal-SS tad-DLT.

(37)

Irrispettivament mir-rekwiżit li ntalbet eżenzjoni relatata miegħu, jenħtieġ li CSD li jħaddem SS tad-DLT juri li l-eżenzjoni mitluba hija proporzjonata u ġġustifikata bl-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Jenħtieġ li l-eżenzjoni tkun limitata għall-SS tad-DLT u jenħtieġ li ma tkoprix sistemi ta’ saldu oħra mħaddma mill-istess CSD.

(38)

Jenħtieġ li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-operaturi tagħhom ikunu soġġetti għal aktar rekwiżiti meta mqabbla mal-infrastrutturi tas-suq tradizzjonali. Ir-rekwiżiti addizzjonali huma meħtieġa biex jiġu evitati riskji relatati mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit jew il-mod li bih topera l-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Għalhekk, jenħtieġ li operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jistabbilixxi pjan tan-negozju ċar li jagħti dettalji dwar kif se tintuża t-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u t-termini legali applikabbli.

(39)

L-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT jenħtieġ li jistabbilixxu, jew jiddokumentaw, skont il-każ, regoli dwar il-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit li dawn jużaw, inklużi regoli dwar l-aċċess għal, u l-ammissjoni għan-negozjar dwar ir-reġistru distribwit, regoli dwar il-parteċipazzjoni ta’ nodi ta’ validazzjoni u regoli biex jiġu indirizzati l-kunflitti ta’ interess potenzjali, kif ukoll il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju.

(40)

Operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jenħtieġ li jkun meħtieġ li jipprovdi informazzjoni lill-membri, lill-parteċipanti, lill-emittenti u lill-klijenti dwar kif hu beħsiebu jwettaq l-attivitajiet tiegħu u kif l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit jiddevja mill-mod kif servizzi normalment jiġi pprovduti minn faċilità tan-negozjar multilaterali tradizzjonali jew minn CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli.

(41)

Jenħtieġ li infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikollha arranġamenti speċifiċi u robusti tal-IT u dawk ċibernetiċi relatati mal-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Jenħtieġ li tali arranġamenti jkunu proporzjonati man-natura, il-portata u l-kumplessità tal-pjan ta’ negozju tal-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ ukoll li dawk l-arranġamenti jiżguraw il-kontinwità u t-trasparenza kontinwa, id-disponibbiltà, l-affidabbiltà u s-sigurtà tas-servizzi pprovduti, inkluża l-affidabbiltà ta’ kwalunkwe kuntratt intelliġenti li jintuża, irrispettivament minn jekk dawk il-kuntratti intelliġenti jinħolqu mill-infrastruttura tas-suq tad-DLT innifisha jew minn parti terza wara proċeduri ta’ esternalizzazzjoni. Jenħtieġ ukoll li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiżguraw l-integrità, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data maħżuna fir-reġistru distribwit. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti għal infrastruttura tas-suq tad-DLT titħalla tirrikjedi awditu biex tiżgura li l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT huma adattati għall-iskop tagħhom. Jenħtieġ li l-kostijiet tal-awditu jitħallsu mill-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT.

(42)

Meta l-pjan tan-negozju ta’ operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jinvolvi l-kustodja tal-fondi tal-klijenti, bħal flus kontanti jew ekwivalenti ta’ flus, jew ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT, jew tal-mezzi ta’ aċċess għal tali strumenti finanzjarji tad-DLT, inkluż fil-forma ta’ ċwievet kriptografiċi, jenħtieġ li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikollha arranġamenti adegwati fis-seħħ biex tissalvagwardja dawk l-assi. Jenħtieġ li operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT ma jużawx l-assi tal-klijenti f’isem dawk l-operaturi stess, għajr bil-kunsens espliċitu bil-miktub minn qabel mill-klijenti tagħhom. Jenħtieġ li infrastrutturi tas-suq tad-DLT jissegregaw il-fondi tal-klijenti u l-istrumenti finanzjarji tad-DLT, u l-mezzi ta’ aċċess għal dawn l-assi, mill-assi tagħhom stess jew minn assi ta’ klijenti oħra. Jenħtieġ li l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiżguraw li l-assi tal-klijenti jiġu protetti kontra l-frodi, l-attakki ċibernetiċi u malfunzjonijiet operazzjonali serji oħra.

(43)

Fiż-żmien meta jingħata permess speċifiku, jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikollhom fis-seħħ ukoll strateġija ta’ ħruġ kredibbli f’każ li r-reġim pilota jiġi sospiż, il-permess speċifiku jew uħud mill-eżenzjonijiet mogħtija jiġu rtirati, jew il-limiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jinqabżu. Dik l-istrateġija għandha tinkludi t-tranżizzjoni jew it-treġġigħ lura tal-operazzjonijiet tat-teknoloġija tar-reġistru distribwit tagħhom f’infrastrutturi tas-suq tradizzjonali. Għal dak il-għan, parteċipanti ġodda jew operaturi tat-TSS tad-DLT li ma jħaddmux infrastruttura tas-suq tradizzjonali fuq liema jistgħu jittrasferixxu strumenti finanzjarji tad-DLT jenħtieġ li jfittxu li jikkonkludu arranġamenti ma’ operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tradizzjonali. Dan huwa ta’ importanza partikolari għar-reġistrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT. Għalhekk, is-CSDs jenħtieġ li jkunu soġġetti għal ċerti rekwiżiti biex jistabbilixxu tali arranġamenti. Barra minn hekk, is-CSDs jenħtieġ li jikkonkludu tali arranġamenti b’mod mhux diskriminatorju u jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddebitaw dritt kummerċjali raġonevoli bbażat fuq il-kostijiet reali.

(44)

Jenħtieġ li permess speċifiku mogħti lil operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT isegwi b’mod wiesa’ l-istess proċeduri bħal dawk għall-awtorizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew id-Direttiva 2014/65/UE. Madankollu, meta japplika għal permess speċifiku skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-applikant jindika l-eżenzjonijiet li jkun qed jitlob. Qabel ma jingħata permess speċifiku lil infrastruttura tas-suq tad-DLT, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tagħti lill-ESMA l-informazzjoni rilevanti kollha. Meta meħtieġ, jenħtieġ li l-ESMA toħroġ opinjoni mhux vinkolanti dwar l-eżenzjonijiet mitluba jew dwar l-adegwatezza tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tali opinjoni mhux vinkolanti ma titqiesx bħala opinjoni skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Jenħtieġ li l-ESMA tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra meta tkun qed tħejji l-opinjoni tagħha. Mal-opinjoni mhux vinkolanti tagħha, jenħtieġ li l-ESMA jkollha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta fis-suq intern kollu, jenħtieġ li l-opinjoni mhux vinkolanti tal-ESMA u l-linji gwida jimmiraw li jiżguraw il-konsistenza u l-proporzjonalità tal-eżenzjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kompetenti differenti fl-Unjoni, inkluż meta tiġi evalwata l-adegwatezza ta’ diversi tipi ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użati minn operaturi għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(45)

Ir-reġistrazzjoni tat-titoli, iż-żamma tal-kontijiet tat-titoli u l-ġestjoni tas-sistemi tas-saldu huma attivitajiet li huma koperti minn dispożizzjonijiet mhux armonizzati tal-liġi nazzjonali, bħal-liġi soċjetarja u dwar it-titoli. Għalhekk huwa importanti li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jikkonformaw mar-regoli applikabbli kollha u jippermettu lill-utenti tagħhom jagħmlu dan.

(46)

Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti li teżamina applikazzjoni ppreżentata minn operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT ikollha l-possibbiltà li tirrifjuta li tagħti permess speċifiku jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ma tkunx tista’ tikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, jekk ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tkun ta’ riskju għall-protezzjoni tal-investituri, għall-integrità tas-suq jew għall-istabbiltà finanzjarja, jew jekk l-applikazzjoni tkun tentattiv biex jiġu evitati r-rekwiżiti eżistenti.

(47)

Jenħtieġ li permess speċifiku mogħti minn awtorità kompetenti lil operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jindika l-eżenzjonijiet mogħtija lil dik l-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ li jkun validu fl-Unjoni kollha, iżda għall-perijodu ta’ żmien biss tar-reġim pilota. Jenħtieġ li l-ESMA tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u lista tal-eżenzjonijiet mogħtija lil kull waħda minnhom.

(48)

Jenħtieġ li l-permessi speċifiċi u l-eżenzjonijiet jingħataw fuq bażi temporanja, għal perijodu ta’ mhux aktar minn sitt snin mid-data tal-permess speċifiku, u jenħtieġ li jkunu validi biss għat-tul tar-reġim pilota. Dak il-perijodu ta’ sitt snin jenħtieġ li jagħti lill-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT biżżejjed ħin biex jadattaw il-mudelli ta’ negozju tagħhom għal kwalunkwe modifika tar-reġim pilota u joperaw taħt ir-reġim pilota b’mod kummerċjalment vijabbli. Dan jippermetti wkoll lill-ESMA u lill-Kummissjoni jiġbru sett ta’ data utli dwar l-operazzjoni tar-reġim pilota wara l-għoti ta’ massa kritika ta’ permessi speċifiċi u eżenzjonijiet relatati. Fl-aħħar, dan jippermetti wkoll biżżejjed żmien lill-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT biex jieħdu l-passi meħtieġa jew biex iwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom jew biex jgħaddu għal qafas regolatorju ġdid wara r-rapporti maħruġa mill-ESMA u mill-Kummissjoni.

(49)

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u għad-Direttiva 2014/65/UE, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jirtiraw permess speċifiku jew kwalunkwe eżenzjoni mogħtija lil infrastruttura tas-suq tad-DLT meta jkun ġie skopert difett fit-teknoloġija sottostanti jew fis-servizzi u fl-attivitajiet ipprovduti mill-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT, jekk dak id-difett ikun akbar mill-benefiċċji tas-servizz u tal-attivitajiet inkwistjoni, jew meta l-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikun kiser kwalunkwe obbligazzjoni marbuta mal-permessi jew l-eżenzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti, jew meta l-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikun irreġistra strumenti finanzjarji li jaqbżu l-limiti stipulati f’dan ir-Regolament jew li ma jissodisfawx kundizzjonijiet oħra li japplikaw għall-istrumenti finanzjarji tad-DLT skont dan ir-Regolament. Matul l-attività tiegħu, l-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jitlob eżenzjonijiet addizzjonali għal dawk mitluba fiż-żmien tal-applikazzjoni inizjali. F’każ bħal dan, jenħtieġ li l-eżenzjonijiet addizzjonali mitluba mingħand l-awtorità kompetenti, bl-istess mod bħal dawk mitluba fiż-żmien tat-talba inizjali għal permess għall-infrastruttura tas-suq tad-DLT.

(50)

Peress li, taħt ir-reġim pilota, l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikunu jistgħu jirċievu eżenzjonijiet temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, jenħtieġ li dawn jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti u mal-ESMA matul il-perijodu li fih il-permess speċifiku tagħhom ikun validu. Jenħtieġ li l-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe bidla materjali fil-pjanijiet tan-negozju tagħhom jew għall-persunal kritiku tagħhom, bi kwalunkwe evidenza ta’ attakki ċibernetiċi jew theddid ċibernetiku ieħor, frodi jew malprassi serja, dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta fiż-żmien tal-applikazzjoni inizjali għall-permess speċifiku, dwar kwalunkwe diffikultà teknika jew operazzjonali, b’mod partikolari dawk marbuta mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, u dwar kwalunkwe riskju għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja li ma kinux previsti fiż-żmien meta ngħata l-permess speċifiku. Sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, meta tiġi nnotifikata b’din il-bidla materjali, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tkun tista tirrikjedi li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tapplika għal permess speċifiku ġdid jew eżenzjoni, jew biex tieħu kwalunkwe miżura korrettiva l-awtorità kompetenti tqis li hi xierqa. Jenħtieġ li l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jipprovdu wkoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti lill-awtorità kompetenti meta jintalbu jagħmlu dan. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jibgħatu l-informazzjoni li jirċievu mingħand l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-informazzjoni dwar il-miżuri korrettivi lill-ESMA.

(51)

Jenħtieġ ukoll li operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jissottomettu rapporti regolari lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Jenħtieġ li l-ESMA torganizza diskussjonijiet dwar dawk ir-rapporti sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti kollha fl-Unjoni jiksbu esperjenza mill-impatt tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u biex jifhmu jekk ikunx hemm emendi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li jista’ jkun meħtieġ biex it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit tkun tista’ tintuża fuq skala akbar.

(52)

Matul ir-reġim pilota, huwa importanti li l-qafas u l-funzjonament tiegħu jkunu soġġetti għal monitoraġġ u evalwazzjoni frekwenti sabiex tiġi massimizzata l-informazzjoni għall-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ li l-ESMA tippubblika rapporti annwali sabiex tipprovdi lill-parteċipanti fis-suq fehim aħjar tal-funzjonament u l-iżvilupp tas-swieq u tipprovdi kjarifika dwar l-applikazzjoni tar-reġim pilota. Dawk ir-rapporti annwali jenħtieġ li jinkludu aġġornamenti dwar l-aktar xejriet u riskji importanti. Dawk ir-rapporti annwali jenħtieġ li jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(53)

Tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-ESMA tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li jkun fih valutazzjoni tar-reġim pilota. Abbażi tar-rapport tal-ESMA, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Jenħtieġ li dak ir-rapport jivvaluta l-kostijiet u l-benefiċċji tal-estensjoni tar-reġim pilota għal perijodu ulterjuri, bl-estensjoni tar-reġim pilota għal tipi oħra ta’ strumenti finanzjarji, inkella bl-emendar tar-reġim pilota, biex ir-reġim pilota jsir permanenti billi jipproponi emendi xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, jew itemm ir-reġim pilota. Ma jkunx mixtieq li jkun hemm żewġ reġimi paralleli għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq id-DLT u dawk mhux ibbażati fuq id-DLT. Jekk ir-reġim pilota jkun wieħed ta’ suċċess, dan jista’ jsir permanenti billi tiġi emendata l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji biex tistabbilixxi qafas uniku u koerenti.

(54)

Ġew identifikati xi lakuni potenzjali fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għal kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. B’mod partikolari, l-istandards tekniċi regolatorji skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 b’rabta ma’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar tad-data u rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel u ta’ wara n-negozjar mhumiex adattati sew għall-istrumenti finanzjarji maħruġa permezz ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Is-swieq sekondarji fl-istrumenti finanzjarji maħruġa permezz ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit jew teknoloġija simili għadhom fil-bidu u għalhekk il-karatteristiċi tagħhom potenzjalment ivarjaw mis-swieq fl-istrumenti finanzjarji li jużaw teknoloġija tradizzjonali. Jenħtieġ li dawk l-istandards tekniċi regolatorji jiġu applikati għall-istrumenti finanzjarji kollha, irrispettivament mit-teknoloġija użata. Għalhekk, f’konformità mal-mandati eżistenti fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 biex jiġi żviluppat abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, jenħtieġ li l-ESMA twettaq valutazzjoni komprensiva ta’ dawk l-istandards tekniċi regolatorji u tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa biex tiżgura li r-regoli stabbiliti fih ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv għall-istrumenti finanzjarji tad-DLT. Fit-twettiq ta’ dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-ESMA tqis l-ispeċifiċitajiet tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT u jekk jeħtiġux l-adattament ta’ standards biex jippermettu l-iżvilupp ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji mingħajr ma jimminaw l-objettivi tar-regoli stabbiliti fl-istandards tekniċi regolatorji skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(55)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-ostakoli għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni billi jiġu integrati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(56)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Fl-istess ħin, fir-rigward tal-entitajiet awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE, jenħtieġ li jintużaw il-mekkaniżmi għar-rappurtar ta’ ksur tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew tad-Direttiva 2014/65/UE kif stabbiliti skont dik id-Direttiva. Fir-rigward tal-entitajiet awtorizzati skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, jenħtieġ li jintużaw il-mekkaniżmi għar-rappurtar ta’ ksur ta’ dak ir-Regolament kif stabbilit skont dak ir-Regolament.

(57)

It-tħaddim tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jista’ jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali. Meta huwa meħtieġ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament li tiġi pproċessata data personali, dak l-ipproċessar jenħtieġ li jitwettaq f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (UE) 2016/679 (14) u (UE) 2018/1725 (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, u ta l-opinjoni tiegħu fit-23 ta’ April 2021.

(58)

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 jipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li matulu l-aċċess mhux diskriminatorju għal CCP jew għal ċentru tan-negozjar skont ir-Regolament ma japplikax għas-CCPs jew għaċ-ċentri tan-negozjar li applikaw mal-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jibbenefikaw minn arranġamenti ta’ tranżizzjoni fir-rigward tad-derivattivi nnegozjati fil-borża. Il-perijodu li matulu CCP jew ċentru tan-negozjar jista’ jiġi eżentat mill-awtorità kompetenti tiegħu fir-rigward ta’ derivattivi nnegozjati fil-borża mir-regoli dwar l-aċċess mhux diskriminatorju skada fit-3 ta’ Lulju 2020. Iż-żieda fl-inċertezza u l-volatilità tas-swieq kellha impatt negattiv fuq ir-riskji operazzjonali tas-CCPs u taċ-ċentri tan-negozjar u, għalhekk, id-data ta’ applikazzjoni tar-reġim il-ġdid ta’ aċċess miftuħ għas-CCP u għaċ-ċentri tan-negozjar li joffru servizzi ta’ negozjar u kklerjar fir-rigward ta’ derivattivi nnegozjati fil-borża ġiet posposta mill-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) b’sena, sat-3 ta’ Lulju 2021. Ir-raġunijiet għall-posponiment tad-data ta’ applikazzjoni tar-reġim il-ġdid ta’ aċċess miftuħ għadhom jippersistu. Barra minn hekk, ir-reġim ta’ aċċess miftuħ jista’ jmur kontra l-objettivi ta’ politika paralleli biex jitrawmu l-kummerċ u l-innovazzjoni fl-Unjoni, peress li jista’ jiddiżinċentiva l-innovazzjoni fid-derivattivi nnegozjati fil-borża billi jippermetti lill-kompetituri, li huma benefiċjarji ta’ aċċess miftuħ, li jiddependu mill-infrastruttura u l-investimenti tal-operaturi stabbiliti sabiex joffru prodotti kompetituri bi spejjeż bil-quddiem baxxi. Iż-żamma ta’ sistema li fiha d-derivattivi jiġu kklerjati u nnegozjati f’entità integrata vertikalment hija konsistenti wkoll max-xejriet internazzjonali li ilhom jeżistu. Id-data ta’ applikazzjoni tar-reġim il-ġdid tal-aċċess miftuħ għandha għalhekk tiġi posposta b’sentejn oħra, sat-3 ta’ Lulju 2023.

(59)

Bħalissa, id-definizzjoni ta’ strument finanzjarju fid-Direttiva 2014/65/UE ma tinkludix b’mod espliċitu strumenti finanzjarji li jinħarġu permezz ta’ klassi ta’ teknoloġiji li tappoġġa r-reġistrazzjoni distribwita ta’ data kriptata, bħal, teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Sabiex jiġi żgurat li tali strumenti finanzjarji jistgħu jiġu nnegozjati fis-suq taħt il-qafas ġuridiku eżistenti, id-definizzjoni ta’ strumenti finanzjarji fid-Direttiva 2014/65/UE jenħtieġ li tiġi emendata biex tinkludihom.

(60)

Filwaqt li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas regolatorju għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, inklużi dawk li jipprovdu servizzi ta’ saldu, il-qafas regolatorju ġenerali għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs huwa stipulat fir-Regolament (UE) Nru 909/2014, li jinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dixxiplina tas-saldu. Ir-reġim tad-dixxiplina tas-saldu jinkludi regoli għar-rappurtar ta’ fallimenti tas-saldu, il-ġbir u d-distribuzzjoni ta’ penali fi flus u xiri sfurzat obbligatorju. Skont standards tekniċi regolatorji adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, id-dispożizzjonijiet dwar id-dixxiplina tas-saldu japplikaw mill-1 ta’ Frar 2022. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati pprovdew evidenza li x-xiri sfurzat obbligatorju jista’ jżid il-pressjoni tal-likwidità u l-kostijiet tat-titoli f’riskju li jinxtraw b’xiri sfurzat. Impatt bħal dan jista’ jkompli jiġi aggravat f’każijiet ta’ volatilità tas-suq. F’dan il-kuntest, l-applikazzjoni tar-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-effiċjenza u l-kompetittività tas-swieq kapitali fl-Unjoni. Dak l-impatt jista’ mbagħad iwassal għal firxiet usa’ bejn it-talba u l-offerta, tnaqqis fl-effiċjenza tas-suq u tnaqqis fl-inċentivi għas-self ta’ titoli fis-swieq tas-self u repo ta’ titoli u għas-saldu ta’ tranżazzjonijiet ma’ CSDs stabbiliti fl-Unjoni. Il-kostijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju huma, għalhekk, mistennija li jkunu akbar mill-benefiċċji potenzjali. Filwaqt li jitqies dak l-impatt negattiv potenzjali, ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jenħtieġ li jiġi emendat biex jippermetti data differenti ta’ applikazzjoni għal kull miżura ta’ dixxiplina tas-saldu, sabiex id-data tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju tkun tista’ tiġi posposta aktar. Dak il-posponiment jippermetti lill-Kummissjoni tivvaluta, fil-kuntest tal-proposta leġiżlattiva li jmiss li tirrevedi r-Regolament (UE) Nru 909/2014, kif il-qafas tad-dixxiplina tas-saldu, u b’mod partikolari r-regoli dwar ix-xiri sfurzat obbligatorju, għandhom jiġu emendati biex iqisu u jindirizzaw il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. Barra minn hekk, tali posponiment jiżgura li l-parteċipanti fis-suq, inklużi dawk l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT li jkunu soġġetti għar-reġim tad-dixxiplina tas-saldu, ma jinkorrix f’kostijiet ta’ implimentazzjoni darbtejn f’każ li dawk ir-regoli jiġu emendati bħala riżultat tar-rieżami tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

(61)

Jenħtieġ li t-tħaddim ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT ma jdgħajjifx il-politiki dwar il-klima tal-Istati Membri. Għalhekk, huwa importanti li jitħeġġeġ aktar l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ reġistru distribwit b’emissjonijiet żero jew baxxi jew mingħajr emissjonijiet, kif ukoll l-investiment f’tali teknoloġiji,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-operaturi tagħhom fir-rigward ta’:

(a)

l-għoti u l-irtirar ta’ permessi speċifiċi biex iħaddmu infrastrutturi tas-suq tad-DLT f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

l-għoti, il-modifika u l-irtirar ta’ eżenzjonijiet relatati ma’ permessi speċifiċi;

(c)

il-mandat, il-modifika u l-irtirar tal-kundizzjonijiet marbuta ma’ eżenzjonijiet u fir-rigward tal-mandat, il-modifika u l-irtirar ta’ miżuri ta’ kumpens jew korrettivi;

(d)

it-tħaddim ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT;

(e)

is-superviżjoni ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT; u

(f)

il-kooperazzjoni bejn l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (ESMA).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“teknoloġija ta’ reġistru distribwit” jew “DLT” tfisser teknoloġija li tippermetti t-tħaddim u l-użu ta’ reġistri distribwiti;

(2)

“reġistru distribwit” tfisser repożitorju ta’ informazzjoni li jirreġistra t-tranżazzjonijiet u li jkun kondiviż fost u sinkronizzat ma’ sett ta’ nodi ta’ network DLT u sinkronizzata bejn in-nodi tan-network tad-DLT, bl-użu ta’ mekkaniżmu ta’ kunsens;

(3)

“mekkaniżmu ta’ kunsens” tfisser ir-regoli u proċeduri li permezz tagħhom jintlaħaq ftehim, bejn in-nodi tan-network tad-DLT, li tranżazzjoni tkun ġiet ivvalidata;

(4)

“nodu tan-network tad-DLT” tfisser apparat jew proċess li huma parti minn network u li għandhom replika sħiħa jew parzjali tar-reġistri tat-tranżazzjonijiet kollha fuq reġistru distribwit;

(5)

“infrastruttura tas-suq tad-DLT” tfisser faċilità multilaterali tan-negozjar tad-DLT, sistema ta’ saldu tad-DLT jew sistema ta’ negozjar u saldu tal-DLT;

(6)

“faċilità multilaterali tan-negozjar tad-DLT” jew “MTF tad-DLT” tfisser faċilità multilaterali tan-negozjar li tammetti għan-negozjar ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT biss;

(7)

“sistema ta’ saldu tad-DLT” jew “SS tad-DLT” tfisser sistema ta’ saldu li ssalda tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji tad-DLT bi ħlas jew b’kunsenja, irrispettivament minn jekk dik is-sistema ta’ saldu tkunx ġiet innominata u nnotifikata f’konformità mad-Direttiva 98/26/KE, u li tippermetti r-reġistrazzjoni inizjali ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT jew tippermetti l-forniment ta’ servizzi ta’ kustodja fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT;

(8)

“saldu” tfisser saldu kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (7), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(9)

“falliment tas-saldu” tfisser falliment tas-saldu kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (15) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(10)

“sistema ta’ negozjar u saldu tad-DLT” jew “TSS tad-DLT” tfisser MTF tad-DLT jew SS tad-DLT li jikkombinaw is-servizzi mwettqa minn MTF tad-DLT kif ukoll minn SS tad-DLT;

(11)

“strument finanzjarju tad-DLT” tfisser strument finanzjarju li jinħareġ, jiġi rreġistrat, trasferit u maħżun bl-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit;

(12)

“strument finanzjarju” tfisser strument finanzjarju kif iddefinit fl-Artikolu 4(1), il-punt (15) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(13)

“faċilità multilaterali tan-negozjar” tfisser “faċilità multilaterali tan-negozjar” kif iddefinita fl-Artikolu 4(1), il-punt (22) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(14)

“depożitorju ċentrali tat-titoli” jew “CSD” tfisser depożitorju ċentrali tat-titoli kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(15)

“sistema ta’ saldu tat-titoli” tfisser sistema ta’ saldu tat-titoli kif iddefinita fl-Artikolu 2(1), il-punt (10) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(16)

“jum ta’ negozju” tfisser jum ta’ negozju kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (14) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(17)

" kunsenja kontra ħlas” tfisser kunsenja kontra ħlas kif iddefinita fl-Artikolu 2(1), il-punt (27), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(18)

“istituzzjonijiet ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif iddefinita fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

(19)

“ditta tal-investiment” tfisser ditta tal-investiment kif iddefinita fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(20)

“operatur tas-suq” tfisser operatur tas-suq kif iddefinit fl-Artikolu 4(1), il-punt (18), tad-Direttiva 2014/65/UE;

(21)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti waħda jew aktar:

(a)

innominata f’konformità mal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b)

innominata f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014; jew

(c)

li nkella tinħatar minn Stat Membru għas-sorveljanza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Limitazzjonijiet fuq l-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f’infrastruttura tas-suq tad-DLT jew irreġistrati minnha

1.   L-istrumenti finanzjarji tad-DLT għandhom biss jiġu ammessi għan-negozjar f’infrastruttura tas-suq tad-DLT, jew jiġu rreġistrati f’infrastruttura tas-suq tad-DLT, jekk, fil-mument tal-ammissjoni għan-negozjar jew fil-mument tar-reġistrazzjoni f’reġistru distribwit, l-istrumenti finanzjarji tad-DLT ikunu:

(a)

ishma, li l-emittent tagħhom għandu kapitalizzazzjoni tas-suq jew kapitalizzazzjoni tas-suq tentattiva ta’ anqas minn EUR 500 miljun;

(b)

bonds, forom oħra ta’ dejn titolizzat, inklużi riċevuti depożitarji fir-rigward ta’ tali titoli,jew strumenti tas-suq monetarju, b’daqs ta’ ħruġ ta’ anqas minn EUR 1 biljun minbarra dawk li jkun fihom derivattiv ġo fihom jew li jinkorporaw struttura li tagħmilha diffiċli għall-klijent li jifhem ir-riskju involut; jew

(c)

unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv koperti mill-Artikolu 25(4), il-punt (a)(iv), tad-Direttiva 2014/65/UE, li l-valur tas-suq tal-assi mmaniġġjati tagħhom huwa inqas minn EUR 500 miljun.

Il-bonds korporattivi maħruġa minn emittenti li l-kapitalizzazzjoni tas-suq tagħhom ma kinitx taqbeż il-EUR 200 miljun fiż-żmien tal-ħruġ tagħhom għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-valur limitu imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b).

2.   Il-valur tas-suq aggregat tal-istrumenti finanzjarji kollha tad-DLT li huma ammessi għan-negozjar f’infrastruttura tas-suq tad-DLT jew li huma rreġistrati f’infrastruttura tas-suq tad-DLT ma għandux jaqbeż is-EUR 6 biljun fil-mument tal-ammissjoni għan-negozjar, jew tar-reġistrazzjoni inizjali, ta’ strument finanzjarju ġdid tad-DLT.

Fejn l-ammissjoni għan-negozjar jew tar-reġistrazzjoni inizjali ta’ strument finanzjarju ġdid tad-DLT tkun tirriżulta li l-valur aggregat tas-suq imsemmi fl-ewwel subparagrafu jlaħħaq is-EUR 6 biljun, l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ma għandhiex tammetti dak l-istrument finanzjarju tad-DLT għan-negozjar jew għar-reġistrazzjoni tiegħu.

3.   Fejn il-valur tas-suq aggregat tal-istrumenti finanzjarji kollha tad-DLT li huma ammessi għan-negozjar f’infrastruttura tas-suq tad-DLT jew li huma rreġistrati f’infrastruttura tas-suq tad-DLT ilaħħaq id-EUR 9 biljun, l-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jattiva l-istrateġija ta’ tranżizzjoni msemmija fl-Artikolu 7(7). L-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti dwar l-attivazzjoni tal-istrateġija ta’ tranżizzjoni tiegħu u dwar l-iskala temporali għat-tranżizzjoni fir-rapport ta’ kull xahar previst fil-paragrafu 5.

4.   L-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jikkalkula l-medja ta’ kull xahar tal-valur aggregat tas-suq tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT innegozjati jew irreġistrati f’dik l-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Dik il-medja ta’ kull xahar għandha tiġi kkalkulata bħala l-medja tal-prezzijiet tal-għeluq ta’ kuljum ta’ kull strument finanzjarju tad-DLT, immultiplikata bl-għadd ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT li huma nnegozjati jew irreġistrati f’dik l-infrastruttura tas-suq tad-DLT bl-istess Numru Internazzjonali għall-Identifikazzjoni tat-Titoli (ISIN).

L-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu juża dik il-medja ta’ kull xahar:

(a)

meta jivvaluta jekk l-ammissjoni għan-negozjar jew għar-reġistrazzjoni ta’ strument finanzjarju ġdid tad-DLT fix-xahar ta’ wara twassalx biex il-valur tas-suq aggregat tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT jilħaq il-limitu msemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu; u

(b)

meta jiddeċiedi jekk għandux jattiva l-istrateġija ta’ tranżizzjoni msemmija fl-Artikolu 7(7).

5.   L-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jissottometti rapporti ta’ kull xahar lill-awtorità kompetenti tiegħu li juru li l-istrumenti finanzjarji kollha tad-DLT li huma ammessi għan-negozju jew irreġistrati fl-infrastruttura tas-suq tad-DLT ma jaqbżux il-limiti stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

6.   Awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi limiti aktar baxxi mill-valuri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2. Jekk awtorità kompetenti tbaxxi l-limitu msemmi fil-paragrafu 2, il-valur stabbilit fil-paragrafu 3 għandu jitqies li tnaqqas proporzjonalment.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti għandha tqis id-daqs tas-suq u l-kapitalizzazzjoni medja tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT ta’ tip partikolari li jkunu ġew ammessi fil-pjattaformi għan-negozjar fl-Istati Membri fejn se jitwettqu s-servizzi u l-attivitajiet u għandha tqis ir-riskji relatati mal-emittenti, mat-tip ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użat u mas-servizzi u l-attivitajiet tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT.

7.   Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 japplika għall-istrumenti finanzjarji tad-DLT ammessi għan-negozjar f’MTF tad-DLT jew f’TSS tad-DLT.

Artikolu 4

Rekwiżiti u eżenzjonijiet fir-rigward tal-MTFs tad-DLT

1.   MTF tad-DLT għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti li japplikaw għal faċilità multilaterali tan-negozjar skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE.

L-ewwel subparagrafu ma japplikax fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti li minnhom id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddmu MTF tad-DLT ikun ġie eżentat skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, dment li dik id-ditta tal-investiment jew operatur tas-suq jirrispettaw:

(a)

l-Artikolu 7;

(b)

il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu; u

(c)

kwalunkwe miżura ta’ kumpens li l-awtorità kompetenti tqis xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjonijiet li minnhom tkun intalbet eżenzjoni jew biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja.

2.   Minbarra l-persuni speċifikati fl-Artikolu 53(3) tad-Direttiva 2014/65/UE, jekk mitlub minn operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lil dak l-operatur jammetti lil persuni fiżiċi u ġuridiċi biex jinnegozjaw f’isimhom stess bħala membri jew parteċipanti, dment li tali persuni jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikollhom reputazzjoni tajba suffiċjenti;

(b)

ikollhom livell suffiċjenti ta’ kapaċità, kompetenza u esperjenza fin-negozjar, inkluż għarfien dwar il-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit;

(c)

ma jkunux ġeneraturi tas-suq fil-MTF tad-DLT;

(d)

ma jużawx teknika ta’ negozjar algoritmiku bi frekwenza għolja fil-MTF tad-DLT;

(e)

ma jipprovdux lil persuni oħra l-aċċess elettroniku dirett għall-MTF tad-DLT;

(f)

ma jinnegozjawx f’isimhom stess meta jeżegwixxu ordnijiet tal-klijenti fuq l-infrastruttura tas-suq tad-DLT; u

(g)

ikunu taw kunsens infurmat għan-negozjar dwar l-MTF tad-DLT bħala membri jew parteċipanti u jkunu ġew infurmati mill-MTF tad-DLT dwar ir-riskji potenzjali tal-użu tas-sistemi tagħha għan-negozjar tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT.

Meta l-awtorità kompetenti tagħti l-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, hija tista’ tirrikjedi miżuri addizzjonali għall-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi ammessi għall-MTF tad-DLT bħala membri jew parteċipanti. Dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati mal-profil tar-riskju ta’ dawk il-membru jew tal-parteċipanti.

3.   Fuq talba ta’ operatur ta’ MTF tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta lil dak l-operatur jew lill-membri jew lill-parteċipanti tiegħu mill-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Meta l-awtorità kompetenti tagħti eżenzjoni kif msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-MTF tad-DLT għandha żżomm reġistru tat-tranżazzjonijiet kollha eżegwiti permezz tas-sistemi tagħha. Dawk ir-reġistrazzjonijiet għandu jkun fihom id-dettalji kollha speċifikati fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 li jkunu rilevanti, b’kont meħud tas-sistema użata mill-MTF tad-DLT u mill-membru jew mill-parteċipant li jeżegwixxi t-tranżazzjoni. L-MTF tad-DLT għandha tiżgura wkoll li l-awtoritajiet kompetenti intitolati li jirċievu d-data direttament mill-faċilità multilaterali tan-negozjar f’konformità mal-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament ikollhom aċċess dirett u immedjat għal dawk id-dettalji. Bil-għan li jkollha aċċess għal dawk ir-reġistrazzjonijiet tali awtorità kompetenti għandha tkun ammessa għall-MTF tad-DLT bħala parteċipant regolatorju osservatur.

L-awtorità kompetenti għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ESMA kwalunkwe informazzjoni li hi aċċessat f’konformità ma’ dan l-Artikolu mingħajr dewmien żejjed.

4.   Meta operatur ta’ MTF tad-DLT jitlob eżenzjoni skont il-paragrafu 2 jew 3, dan għandu juri li l-eżenzjoni mitluba hija:

(a)

proporzjonata mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u ġġustifikata bih; u

(b)

limitata għall-MTF tad-DLT u ma testendi għall-ebda MTF oħra mħaddma minn dak l-operatur.

5.   Il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu japplikaw, mutatis mutandis, għal CSD li jħaddem TSS tad-DLT f’konformità mal-Artikolu 6(2).

6.   L-ESMA għandha tħejji linji gwida dwar il-miżuri ta’ kumpens msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (c).

Artikolu 5

Rekwiżiti u eżenzjonijiet fir-rigward tal-SSs tad-DLT

1.   CSD li jħaddem SS tad-DLT għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti li japplikawi għal CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

L-ewwel subparagrafu ma japplikax fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti li minnhom is-CSD li jħaddem l-SS tad-DLT ikun ġie eżentat skont il-paragrafi 2 sa 9 ta’ dan l-Artikolu, dment li dak is-CSD jirrispetta:

(a)

l-Artikolu 7;

(b)

il-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu; u

(c)

kwalunkwe miżura ta’ kumpens li l-awtorità kompetenti tqis xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjonijiet li minnhom tkun intalbet eżenzjoni jew biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja.

2.   Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta lil dak is-CSD mill-Artikolu 2(1), il-punti (4), (9) jew (28), jew l-Artikoli 3, 37 jew 38 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, dment li dak is-CSD:

(a)

juri li l-użu ta’ “kont ta’ titoli” kif iddefinit fl-Artikolu 2(1), il-punt (28), ta’ dak ir-Regolament, jew l-użu ta’ forma dematerjalizzata kif previst fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament ikun inkompatibbli mat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit partikolari;

(b)

jipproponi miżuri ta’ kumpens biex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjonijiet li minnhom tkun intalbet eżenzjoni, u jiżgura tal-anqas li:

(i)

l-istrumenti finanzjarji tad-DLT jiġu rreġistrati fir-reġistru distribwit;

(ii)

l-għadd ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT f’ħarġa jew f’parti minn ħarġa irreġistrat mis-CSD li jħaddem is-SS tad-DLT ikun daqs l-għadd totali ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT li jkunu jiffurmaw din il-ħarġa jew parti minn ħarġa, irreġistrata fir-reġistru distribwit fi kwalunkwe mument partikolari;

(iii)

iżomm reġistrazzjonijiet li jippermettu lis-CSD li jħaddem l-SS tad-DLT fi kwalunkwe mument partikolari, biex jissegrega l-istrumenti finanzjarji tad-DLT ta’ membru, parteċipant, emittent jew klijent minn dawk ta’ kwalunkwe membru, parteċipant, emittent jew klijent ieħor mingħajr dewmien; u

(iv)

ma jippermettix self kurrenti ta’ titoli, bilanċi ta’ debitu jew il-ħolqien jew it-tħassir mhux xieraq ta’ titoli.

3.   Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta lil dak is-CSD mill-Artikolu 6 jew 7 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 dment li tali CSD, bħala minimu, permezz ta’ proċeduri u arranġamenti robusti, jiżgura li s-SS tad-DLT:

(a)

tippermetti konferma ċara, preċiża u f’waqtha tad-dettalji tat-tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji tad-DLT, inkluż kwalunkwe pagamenti li jsiru fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT, kif ukoll ir-rilaxx ta’ kwalunkwe kollateral rigward dawk l-istrumenti jew sejħiet għal kollateral rigward tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT; u

(b)

jew tipprevjeni l-fallimenti tas-saldu jew tindirizza l-fallimenti tas-saldu jekk ma jkunx possibbli li dawn jiġu prevenuti.

4.   Fuq it-talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta lil dak is-CSD mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward biss tal-esternalizzazzjoni ta’ servizz ewlieni lil parti terza, dment li l-applikazzjoni ta’ tali Artikolu tkun inkompatibbli mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit kif previst mill-SS tad-DLT imħaddma minn tali CSD.

5.   Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ tippermetti lil dak is-CSD jammetti persuni fiżiċi u ġuridiċi b’żieda ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 2, il-punt (f), tad-Direttiva 98/26/KE bħala parteċipanti fl-SS tad-DLT, dment li dawn il-persuni:

(a)

ikunu ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed;

(b)

ikollhom livell suffiċjenti ta’ abbiltà, kompetenza, esperjenza u għarfien fir-rigward tas-saldu, il-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, u tal-valutazzjoni tar-riskju; u

(c)

ikunu taw kunsens infurmat biex jiġu inklużi fir-reġim pilota previst f’dan ir-Regolament u jkunu ġew infurmati b’mod adegwat dwar in-natura sperimentali tiegħu u r-riskji potenzjali assoċjati miegħu.

6.   Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta lil CSD mill-Artikoli 33, 34 jew 35 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, dment li tali CSD jipproponi miżuri ta’ kumpens biex jintlaħqu l-objettivi ta’ tali Artikoli u, bħala minimu, jiżgura li:

(a)

l-SS tad-DLT tiddivulga pubblikament il-kriterji tal-parteċipazzjoni li jippermettu aċċess ġust u miftuħ għall-persuni kollha li biħsiebhom isiru parteċipanti, u li dawk il-kriterji jkunu trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji; u

(b)

l-SS tad-DLT tiddivulga pubblikament il-prezzijiet u t-tariffi assoċjati mas-servizzi ta’ saldu li tipprovdi.

7.   Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta lil CSD mill-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, dment li tali CSD jipproponi miżuri ta’ kumpens biex jintlaħqu l-objettivi ta’ tali Artikolu u, bħala minimu, jiżgura, permezz ta’ proċeduri u arranġamenti robusti, li:

(a)

l-SS tad-DLT tissalda tranżazzjonijiet fi strumenti finanzjarji tad-DLT kważi f’ħin reali jew dakinhar, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ negozju wara l-konklużjoni tan-negozjar;

(b)

l-SS tad-DLT tiddivulga pubblikament ir-regoli li jirregolaw is-sistema ta’ saldu; u

(c)

l-SS tad-DLT timmitiga kwalunkwe riskju li jinqala’ min-nonnomina ta’ SS ta’ DLT bħala sistema għall-iskopijiet tad-Direttiva 98/26/KE, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri ta’ insolvenza.

Għall-iskopijiet tat-tħaddim ta’ SS ta’ DLT, id-definizzjoni ta’ CSD fir-Regolament (UE) Nru 909/2014 bħala persuna ġuridika li tħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli ma għandhiex tirriżulta fl-obbligu min-naħa tal-Istati Membri li jinnominaw u jinnotifikaw SS tad-DLT bħala sistema ta’ saldu tat-titoli fl-ambitu tad-Direttiva 98/26/KE. Madankollu, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu preklużi milli jinnominaw u jinnotifikaw SS tad-DLT jew sistema ta’ saldu tat-titoli fl-ambitu tad-Direttiva 98/26/KE meta l-SS tad-DLT tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva.

Meta SS ta’ DLT ma tiġix innominata jew innotifikata bħala sistema ta’ saldu tat-titoli fl-ambitu tad-Direttiva 98/26/KE, is-CSD li jħaddem SS tad-DLT għandu jipproponi miżuri ta’ kumpens maħsuba biex inaqqsu r-riskji li jirriżultaw mill-insolvenza.

8.   Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta tali CSD mill-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, dment li tali CSD jissalda abbażi tal-kunsenja kontra ħlas.

Is-saldu tal-ħlasijiet għandu jsir permezz ta’ flus tal-bank ċentrali, anki f’forma tokenizzata, meta jkun prattiku u disponibbli, jew meta ma jkunx prattiku u disponibbli, permezz tal-kont tas-CSD f’konformità mat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew permezz ta’ flus ta’ bank kummerċjali, anki f’forma tokenizzata, f’konformità ma’ tali Titolu, jew bl-użu ta’ tokens tal-flus elettroniċi.

B’deroga mit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, it-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 ma japplikax għal istituzzjoni ta’ kreditu meta tipprovdi s-saldu ta’ ħlasijiet bl-użu ta’ flus ta’ bank kummerċjali lil infrastruttura tas-suq tad-DLT li tirreġistra strumenti finanzjarji tad-DLT li l-valur aggregat tas-suq tagħhom, fil-mument tar-reġistrazzjoni inizjali ta’ strument finanzjarju tad-DLT ġdid, ma jaqbiżx is-EUR 6 biljun, kif ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-Regolament.

Meta s-saldu jsir bl-użu ta’ flus ta’ bank kummerċjali pprovdut minn istituzzjoni ta’ kreditu li għaliha ma japplikax it-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 bis-saħħa tat-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, jew meta s-saldu tal-ħlasijiet isir bl-użu ta’ tokens tal-flus elettroniċi, is-CSD li jħaddem SS tad-DLT għandu jidentifika, ikejjel, jimmontorja, jimmaniġġja u jimminimizza kwalunkwe riskju li jirriżulta mill-użu ta’ tali mezz.

Is-servizzi relatati mat-“tokens tal-flus elettroniċi” li huma ekwivalenti għas-servizzi elenkati fit-Taqsima C, il-punti (b) u (c), tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandhom jiġu pprovduti mis-CSD li jħaddem SS tad-DLT f’konformità mat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew minn istituzzjoni ta’ kreditu.

9.   Fuq talba ta’ CSD li jħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teżenta tali CSD mill-Artikolu 50, 51 jew 53 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, dment li tali CSD juri li l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit huwa inkompatibbli mas-sistemi miruta ta’ CSDs oħra jew infrastrutturi oħra tas-suq jew li l-għoti ta’ aċċess lil CSD ieħor jew aċċess għal infrastruttura oħra tas-suq bl-użu ta’ sistemi miruta jkun jinvolvi kostijiet sproporzjonati, minħabba l-iskala tal-attivitajiet tal-SS tad-DLT.

Meta CSD li jħaddem SS tad-DLT ikun ġie eżentat f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, dan għandu jagħti lill-operaturi l-oħra tal-SS tad-DLT jew lill-operaturi l-oħra tat-TSSs tad-DLT aċċess lill-SS tad-DLT tiegħu. Is-CSD li jħaddem SS tad-DLT għandu jinforma lill-awtorità kompetenti bl-intenzjoni tiegħu li jagħti aċċess bħal dan. L-awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi tali aċċess sal-punt li tali aċċess ikun jagħmel ħsara lill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, jew tas-sistema finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat.

10.   Meta CSD li jħaddem SS tad-DLT jitlob eżenzjoni skont il-paragrafi 2 sa 9, dan għandu juri li l-eżenzjoni mitluba hija:

(a)

proporzjonata mal-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit u ġġustifikata bih; u

(b)

limitata għall-SS tad-DLT u ma testendix għal sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma mill-istess CSD.

11.   Il-paragrafi 2 sa 10 ta’ dan l-Artikolu japplikaw, mutatis mutandis, għal ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT f’konformità mal-Artikolu 6(1).

12.   L-ESMA għandha tħejji linji gwida dwar il-miżuri ta’ kumpens imsemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Rekwiżiti u eżenzjonijiet fir-rigward tat-TSS tad-DLT

1.   Ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT għandhom ikunu suġġetti:

(a)

għar-rekwiżiti li japplikaw għal faċilità multilaterali tan-negozjar skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u tad-Direttiva 2014/65/UE; u

(b)

mutatis mutandis, għar-rekwiżiti li japplikaw għal CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 9, 16, 17, 18, 20, 26, 27, 28, 31, 42, 43, 44, 46 u 47 ta’ dak ir-Regolament.

L-ewwel subparagrafu ma japplikax fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti li minnhom id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT ġew eżentati skont l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 5(2) sa (9), dment li d-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq jirrispettaw:

(a)

l-Artikolu 7;

(b)

l-Artikolu 4(2), (3) u (4) u l-Artikolu 5(2) sa (10); u

(c)

kwalunkwe miżura ta’ kumpens li l-awtorità kompetenti tqis xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom tkun intalbet eżenzjoni, jew sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja.

2.   CSD li jħaddem TSS tad-DLT għandu jkun suġġett:

(a)

għar-rekwiżiti li japplikaw għal CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014; u

(b)

mutatis mutandis, għar-rekwiżiti li japplikaw għal faċilità multilaterali tan-negozjar skont ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u tad-Direttiva 2014/65/UE, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 sa 13 ta’ dik id-Direttiva.

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma japplikax fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti li minnhom CSD li jħaddem TSS tad-DLT ġie eżentat skont l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 5(2) sa (9), dment li dak is-CSD jirrispetta:

(a)

l-Artikolu 7;

(b)

l-Artikolu 4(2), (3) u (4) u l-Artikolu 5(2) sa (10); u

(c)

kwalunkwe miżura ta’ kumpens addizzjonali li l-awtorità kompetenti tqis xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-dispożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom tkun intalbet eżenzjoni, jew bil-għan li jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja.

Artikolu 7

Rekwiżiti addizzjonali għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT

1.   L-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jistabbilixxu pjanijiet tan-negozju ċari u dettaljati li jiddeskrivu kif dawn biħsiebhom iwettqu s-servizzi u l-attivitajiet tagħhom, li għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-persunal kritiku, tal-aspetti tekniċi u tal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, u tal-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 3.

L-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandu jkollhom ukoll dokumentazzjoni bil-miktub disponibbli pubblikament, aġġornata, ċara u dettaljata, li jistgħu jagħmlu disponibbli b’mezzi elettroniċi, li tiddefinixxi r-regoli li skonthom għandhom iħaddmu l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-operaturi tagħhom, inklużi t-termini legali li jiddefinixxu d-drittijiet, l-obbligi, ir-responsabbiltajiet u l-obbligazzjonijiet tal-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, kif ukoll dawk tal-membri, tal-parteċipanti, tal-emittenti u tal-klijenti li jużaw l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT tagħhom. Dawn it-termini legali għandhom jispeċifikaw il-liġi applikabbli, il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ qabel il-litigazzjoni, kwalunkwe miżura ta’ protezzjoni f’każ ta’ insolvenza skont id-Direttiva 98/26/KE u l-ġuriżdizzjonijiet biex tittieħed azzjoni legali. L-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jistgħu jagħmlu disponibbli d-dokumentazzjoni bil-miktub tagħhom permezz ta’ mezzi elettroniċi.

2.   L-operaturi tal-infrastutturi tas-suq tad-DLT għandhom jistabbilixxu jew jiddokumentaw, kif jixraq, ir-regoli dwar il-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit li jużaw, inklużi r-regoli dwar l-aċċess għar-reġistru distribwit, dwar il-parteċipazzjoni tan-nodi ta’ validazzjoni, dwar l-indirizzar tal-kunflitti ta’ interess potenzjali, u dwar il-ġestjoni tar-riskju inkluża kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja.

3.   L-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jipprovdu lill-membri, lill-parteċipanti, lill-emittenti u lill-klijenti tagħhom informazzjoni ċara u mhux ambigwa fuq is-sit web tagħhom dwar kif l-operaturi jwettqu l-funzjonijiet, is-servizzi u l-attivitajiet tagħhom u kif it-twettiq tagħhom ta’ funzjonijiet, servizzi u attivitajiet ikun jiddevja minn dawk imwettqa minn faċilità multilaterali tan-negozjar jew minn sistema ta’ saldu tat-titoli li mhumiex ibbażati fuq t-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Din l-informazzjoni għandha tinkludi t-tip ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata.

4.   L-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi relatati mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit tagħhom ikunu proporzjonati man-natura, il-portata u l-kumplessità tan-negozju tagħhom. Dawn l-arranġamenti għandhom jiżguraw il-kontinwità u t-trasparenza, id-disponibbiltà, l-affidabbiltà u s-sigurtà kontinwi tas-servizzi u l-attivitajiet tagħhom, inkluża l-affidabbiltà tal-kuntratti intelliġenti użati fl-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Dawn l-arranġamenti għandhom jiżguraw ukoll l-integrità, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe data maħżuna minn tali operaturi, u għandhom jiżguraw li tali data tkun disponibbli u aċċessibbli.

L-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandu jkollhom proċeduri speċifiċi ta’ ġestjoni tar-riskju operazzjonali għar-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit u ta’ kriptoassi u dwar kif dawn ir-riskji jiġu indirizzati jekk dawn jimmaterjalizzaw.

Sabiex tivvaluta l-affidabbiltà tal-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ awditu ta’ tali arranġamenti. Jekk l-awtorità kompetenti teħtieġ awditu, għandha taħtar awditur indipendenti biex iwettqu. L-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandha tħallas il-kostijiet tal-awditu.

5.   Meta l-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jiżgura l-kustodja tal-fondi tal-membri, tal-parteċipanti, tal-emittenti jew tal-klijenti, tal-kollateral jew tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT, u jiżgura l-mezzi ta’ aċċess għal tali assi, inkluż fil-forma ta’ ċwievet kriptografiċi, tali operatur għandu jkollu arranġamenti adegwati fis-seħħ biex jiġi evitat l-użu ta’ dawk l-assi f’isem l-operatur stess mingħajr il-kunsens espliċitu bil-miktub minn qabel tal-membru, tal-parteċipant, tal-emittent jew tal-klijent ikkonċernat, li jista’ jsir permezz ta’ mezzi elettroniċi.

L-operaturi ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandhom iżommu reġistrazzjonijiet sikuri, preċiżi, affidabbli u li jistgħu jiġu rkuprati tal-fondi, tal-kollateral u tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT miżmuma mill-infrastruttura tas-suq DLT tagħhom għall-membri, il-parteċipanti, l-emittenti jew il-klijenti tagħhom kif ukoll tal-mezzi ta’ aċċess għal tali fondi, kollateral u strumenti finanzjarji tad-DLT.

L-operaturi ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandhom jissegregaw il-fondi, il-kollateral u l-istrumenti finanzjarji tad-DLT tal-membri, tal-parteċipanti, tal-emittenti jew tal-klijenti li jużaw l-infrastruttura tas-suq tad-DLT, u l-mezzi għall-aċċess għal tali assi, minn dawk tal-operatur, kif ukoll minn dawk ta’ membri, parteċipanti, emittenti u klijenti oħra.

L-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi, imsemmija fil-paragrafu 4, għandhom jiżguraw li tali fondi, kollateral u strumenti finanzjarji tad-DLT miżmuma minn infrastruttura tas-suq tad-DLT għall-membri, għall-parteċipanti, għall-emittenti jew għall-klijenti tagħha, kif ukoll il-mezzi ta’ aċċess għalihom, jiġu protetti mir-riskji ta’ aċċess mhux awtorizzat, hacking, degradazzjoni, telf, attakk ċibernetiku, serq, frodi, negliġenza jew malfunzjonijiet operattivi serji oħra.

6.   F’każ ta’ telf ta’ fondi, telf ta’ kollateral jew telf ta’ strument finanzjarju tad-DLT, l-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT li tilef il-fondi, il-kollateral jew l-istrument finanzjarju tad-DLT għandu jinżamm responsabbli mit-telf sal-valur tas-suq tal-assi mitluf. L-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT ma għandux jinżamm responsabbli mit-telf jekk jista’ jipprova li t-telf kien dovut għal xi ħaġa li ġrat esternament lil hinn mill-kontroll raġonevoli tiegħu, li l-konsegwenzi tagħha kienu jkunu inevitabbli minkejja kull sforz raġonevoli biex ikunu evitati.

L-operaturi ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandhom jistabbilixxu arranġamenti trasparenti u adegwati biex jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi għat-trattament tal-ilmenti mill-klijenti u proċeduri għal kumpens jew rimedju f’każijiet ta’ telf għall-investituri b’riżultat ta’ kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew b’riżultat tal-waqfien tan-negozju minħabba kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikoli 8(13), 9(11) u 10(10).

Awtorità kompetenti jistgħu jiddeċiedu, fuq bażi ta’ każ b’każ, li jirrikjedu salvagwardji prudenzjali addizzjonali min-naħa tal-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT fil-forma ta’ fondi proprji jew ta’ polza ta’ assigurazzjoni jekk l-awtorità kompetenti tistabbilixxi li l-obbligazzjonijiet potenzjali għad-danni kkawżati lill-klijenti tal-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT b’riżultat ta’ kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma tkunx koperta adegwatament mir-rekwiżiti prudenzjali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 909/2014, fir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), fid-Direttiva 2014/65/UE jew fid-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), bil-għan li tkun żgurata l-protezzjoni tal-investituri.

7.   Operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jistabbilixxi u jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku strateġija ċara u dettaljata biex tonqos l-attività ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT partikolari jew għat-tranżizzjoni, jew il-waqfien tal-attività ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT partikolari (minn hawn il quddiem imsejħa l-“istrateġija ta’ tranżizzjoni”), inkluża t-tranżizzjoni jew it-treġġigħ lura tal-operazzjonijiet tiegħu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit għall-infrastrutturi tas-suq tradizzjonali, fil-każ li:

(a)

il-valur limitu msemmi fl-Artikolu 3(3) jinqabeż;

(b)

ikollhom jiġu rtirati jew inkella sospiżi permess speċifiku jew eżenzjoni mogħtija skont dan ir-Regolament, inkluż fejn il-permess speċifiku jew l-eżenzjoni ġew sospiżi b’konsegwenza tal-avvenimenti previsti skont l-Artikolu 14(2); jew

(c)

ikun hemm waqfien volontarju jew involontarju tan-negozju tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT.

L-istrateġija ta’ tranżizzjoni għandha tkun lesta biex tiġi implimentata f’waqtha.

L-istrateġija ta’ tranżizzjoni għandha tistabbilixxi kif il-membri, il-parteċipanti, l-emittenti u l-klijenti jiġu ttrattati, fil-każ ta’ rtirar jew sospensjoni ta’ permess speċifiku jew il-waqfien tan-negozju kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. L-istrateġija ta’ tranżizzjoni għandha tistabbilixxi l-mod ta’ protezzjoni tal-klijenti, b’mod partikolari tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, kontra kwalunkwe impatt sproporzjonat mill-irtirar jew sospensjoni ta’ permess speċifiku jew il-waqfien tan-negozju. L-istrateġija ta’ tranżizzjoni għandha tiġi aġġornata fuq bażi kontinwa suġġetta għall-kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti.

L-istrateġija ta’ tranżizzjoni għandha tispeċifika l-mod kif dak li jkun għandu jġib ruħu f’każ li jinqabeż il-limitu msemmi fl-Artikolu 3(3).

8.   Id-ditti tal-investiment jew l-operaturi tas-suq li għandhom biss il-permess li joperaw MTF tad-DLT skont l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament u li ma jindikawx fl-istrateġiji ta’ tranżizzjoni tagħhom li biħsiebhom jiksbu awtorizzazzjoni biex joperaw faċilità multilaterali tan-negozjar skont id-Direttiva 2014/65/UE, kif ukoll CSDs li jħaddmu TSS tad-DLT, għandhom jistinkaw kemm jista’ jkun biex jikkonkludu arranġamenti mad-ditti tal-investiment jew mal-operaturi tas-suq li jħaddmu faċilità multilaterali tan-negozjar skont id-Direttiva 2014/65/UE biex jieħdu f’idejhom l-operazzjonijiet tagħhom, u għandhom jispeċifikaw tali arranġamenti fl-istrateġiji ta’ tranżizzjoni tagħhom.

9.   CSDs li jħaddmu SS tad-DLT li għandhom biss il-permess li jħaddmu SS tad-DLT skont l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-Regolament u li ma jindikawx fl-istrateġiji ta’ tranżizzjoni tagħhom li biħsiebhom jiksbu awtorizzazzjoni biex iħaddmu sistema ta’ saldu tat-titoli skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, kif ukoll ditti tal-investiment jew operaturi tas-suq li jħaddmu TSS tad-DLT, għandhom jistinkaw kemm jista’ jkun biex jikkonkludu arranġamenti mas-CSDs li jħaddmu sistema ta’ saldu tat-titoli biex jieħdu f’idejhom l-operazzjonijiet tagħhom, u għandhom jispeċifikaw tali arranġamenti fl-istrateġiji ta’ tranżizzjoni tagħhom.

Is-CSDs li jħaddmu sistema ta’ saldu tat-titoli li jirċievu talba biex jikkonkludu l-arranġamenti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom iwieġbu fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jirċievu t-talba. Is-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli għandu jikkonkludi l-arranġamenti b’mod mhux diskriminatorju u jista’ jiddebita dritt kummerċjali raġonevoli bbażat fuq il-kostijiet effettivi. Huwa għandu jiċħad tali talba biss meta jqis li l-arranġamenti jkunu jaffettwaw il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew jirrappreżentaw riskju sistemiku. Ma għandux jiċħad talba għal raġunijiet ta’ telf ta’ sehem mis-suq. Jekk jiċħad talba, għandu jinforma bil-miktub lill-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT li kien ippreżenta t-talba.

10.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 8 u 9 għandhom ikunu lesti sa mhux aktar tard minn ħames snin mid-data li fiha jingħata l-permess speċifiku jew għandhom ikunu lesti f’data qabel meta dan ikun rikjest mill-awtorità kompetenti bil-għan li jiġi indirizzat kwalunkwe riskju li jintemm antiċipatament il-permess speċifiku.

Artikolu 8

Permess speċifiku biex titħaddem MTF tad-DLT

1.   Persuna ġuridika li tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment jew awtorizzata biex tħaddem suq regolat skont id-Direttiva 2014/65/UE, tista’ tapplika għal permess speċifiku biex tħaddem MTF tad-DLT skont dan ir-Regolament.

2.   Meta persuna ġuridika tapplika għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment jew għal awtorizzazzjoni biex tħaddem suq regolat skont id-Direttiva 2014/65/UE u, simultanjament, tapplika għal permess speċifiku skont dan l-Artikolu, bl-iskop uniku li tħaddem MTF tad-DLT, l-awtorità kompetenti ma għandhiex tivvaluta jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/65/UE li fir-rigward tagħhom l-applikant ikun talab eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta, kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, persuna ġuridika tapplika simultanjament għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment, jew għal awtorizzazzjoni biex tħaddem suq operat, u għal permess speċifiku, għandha tippreżenta, fl-applikazzjoni tagħha, l-informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/65/UE, għajr għall-informazzjoni li tkun neċessarja biex turi l-konformità mar-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom l-applikant ikun talab eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Applikazzjoni għal permess speċifiku biex titħaddem MTF tad-DLT skont dan ir-Regolament għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-pjan tan-negozju tal-applikant, ir-regoli tal-MTF tad-DLT u kwalunkwe termini legali assoċjati kif imsemmi fl-Artikolu 7(1), kif ukoll l-informazzjoni dwar il-funzjonament, is-servizzi u l-attivitajiet tal-MTF tad-DLT kif imsemmi fl-Artikolu 7(3);

(b)

deskrizzjoni tal-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata, kif imsemmi fl-Artikolu 7(2);

(c)

deskrizzjoni tal-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tal-applikant kif imsemmi fl-Artikolu 7(4);

(d)

il-provi li juru li l-applikant għandu stabbiliti biżżejjed salvagwardji prudenzjali biex jissodisfa l-obbligazzjonijiet tiegħu u jikkumpensa lill-klijenti tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(6), it-tielet subparagrafu;

(e)

fejn ikun applikabbli, deskrizzjoni tal-arranġamenti ta’ kustodja għall-istrumenti finanzjarji tad-DLT tal-klijenti kif imsemmi fl-Artikolu 7(5);

(f)

deskrizzjoni tal-arranġamenti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri u deskrizzjoni tal-mekkaniżmi għat-trattament tal-ilmenti tal-klijenti u r-rimedju fir-rigward tal-klijenti, kif imsemmi fl-Artikolu 7(6), it-tieni subparagrafu;

(g)

l-istrateġija ta’ tranżizzjoni tal-applikant; u

(h)

l-eżenzjonijiet li l-applikant qiegħed jitlob skont l-Artikolu 4, il-ġustifikazzjoni għal kull eżenzjoni mitluba u kwalunkwe miżura ta’ kumpens proposta u l-mezzi li bihom biħsiebu jikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn l-eżenzjonijiet.

5.   Sat-23 ta’ Marzu 2023, l-ESMA għandha telabora linji gwida biex tistabbilixxi forom, formati u templates standard għall-iskopijiet tal-paragrafu 4.

6.   Fi żmien 30 jum ta’ xogħol mid-data li tasal l-applikazzjoni għal permess speċifiku biex titħaddem MTF tad-DLT, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih l-applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni nieqsa jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali. Meta l-awtorità kompetenti tqis li l-applikazzjoni hija kompluta, għandha tinforma b’dan lill-applikant.

Malli l-awtorità kompetenti tqis li l-applikazzjoni hija kompluta, għandha tibgħat kopja ta’ tali applikazzjoni lill-ESMA.

7.   Meta jkun neċessarju għall-promozzjoni tal-konsistenza u tal-proporzjonalità tal-eżenzjonijiet, jew meta neċessarju biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, l-ESMA għandha tagħti lill-awtorità kompetenti opinjoni mhux vinkolanti rigward l-eżenzjonijiet mitluba jew l-adegwatezza tat-tip ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, fi żmien 30 jum ta’ kalendarju minn meta tirċievi l-kopja ta’ tali applikazzjoni.

Qabel ma toħroġ opinjoni mhux vinkolanti, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u għandha tieħu l-ogħla kont tal-fehmiet tagħhom meta toħroġ l-opinjoni tagħha.

Meta l-ESMA toħroġ opinjoni mhux vinkolanti, l-awtorità kompetenti għandha tqis b’mod dovut tali opinjoni u, fuq talba tal-ESMA, għandha tagħti lil din tal-aħħar dikjarazzjoni dwar kwalunkwe devjazzjoni sinifikanti minn tali opinjoni. L-opinjoni tal-ESMA u d-dikjarazzjoni tal-awtorità kompetenti ma għandhomx isiru pubbliċi.

8.   Sal-24 ta’ Marzu 2025, l-ESMA għandha telabora linji gwida għall-promozzjoni tal-konsistenza u tal-proporzjonalità ta’:

(a)

eżenzjonijiet mogħtija lill-operaturi tal-MTFs tad-DLT fl-Unjoni kollha, anki fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-adegwatezza tad-diversi tipi ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata mill-operaturi tal-MTFs tad-DLT għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament; u

(b)

l-eżerċizzju tal-għażla prevista fl-Artikolu 3(6).

Tali linji gwida għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja.

L-ESMA għandha taġġorna perjodikament tali linji gwida.

9.   Fi żmien 90 jum ta’ xogħol mid-data li tasal applikazzjoni kompluta għal permess speċifiku biex titħaddem MTF tad-DLT, l-awtorità kompetenti għandha twettaq valutazzjoni tal-applikazzjoni u tiddeċiedi jekk tagħtix il-permess speċifiku. Meta applikant japplika simultanjament għal awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE u għal permess speċifiku skont dan ir-Regolament, il-perijodu ta’ valutazzjoni jista’ jiġi estiż għal perijodu ulterjuri sa dak speċifikat fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/65/UE.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 44 tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tagħti permess biex titħaddem MTF tad-DLT jekk ikun hemm raġunijiet biex temmen li:

(a)

hemm riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja li mhumiex indirizzati u mitigati kif xieraq mill-applikant;

(b)

il-permess speċifiku biex titħaddem MTF tad-DLT u l-eżenzjonijiet mitluba huma mfittxija bl-iskop li jiġu evitati r-rekwiżiti ġuridiċi jew regolatorji; jew

(c)

l-operatur tal-MTF tad-DLT mhux se jkun jista’ jikkonforma, jew mhux se jħalli lill-utenti tiegħu jikkonformaw, mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

11.   Permess speċifiku għandu jkun validu fl-Unjoni kollha sa sitt snin mid-data tal-ħruġ. Il-permess speċifiku għandu jispeċifika l-eżenzjonijiet li jingħataw f’konformità mal-Artikolu 4, kwalunkwe miżura ta’ kumpens u kwalunkwe limitu aktar baxx stabbilit mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 3(6).

L-awtorità kompetenti għandha tinforma mill-aktar fis lill-ESMA bl-għoti, bir-rifjut jew bl-irtirar ta’ permess speċifiku skont dan l-Artikolu, inkluża kwalunkwe informazzjoni speċifikata skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha:

(a)

il-lista ta’ MTFs tad-DLT, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-permessi speċifiċi tagħhom, il-lista ta’ eżenzjonijiet mogħtija lil kull waħda minnhom, u kwalunkwe limiti aktar baxx stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti għal kull waħda minnhom; u

(b)

l-għadd totali ta’ talbiet għal eżenzjonijiet li saru skont l-Artikolu 4, li jindikaw l-għadd u t-tipi ta’ eżenzjonijiet mogħtija jew irrifjutati, flimkien mal-ġustifikazzjonijiet għar-rifjuti eventwali.

L-informazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu, il-punt (b), għandha tkun ippubblikata fuq bażi anonima.

12.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8 u 44 tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtorità kompetenti għandha tirtira permess speċifiku jew kwalunkwe waħda mill-eżenzjonijiet, f’każ li:

(a)

ikun instab difett fil-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata, jew fis-servizzi u fl-attivitajiet ipprovduti mill-operatur tal-MTF tad-DLT, li joħloq riskju għall-protezzjoni tal-investituri, għall-integrità tas-suq jew għall-istabbiltà finanzjarja, u li r-riskju jegħleb il-benefiċċji tas-servizzi u tal-attivitajiet fil-fażi ta’ sperimentazzjoni;

(b)

l-operatur tal-MTF tad-DLT ikun kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-eżenzjonijiet;

(c)

l-operatur tal-MTF tad-DLT ikun ammetta għan-negozjar ta’ strumenti finanzjarji li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1);

(d)

l-operatur tal-MTF tad-DLT ikun qabeż il-limitu msemmi fl-Artikolu 3(2);

(e)

l-operatur tal-MTF tad-DLT ikun qabeż il-limitu msemmi fl-Artikolu 3(3) u ma jkunx attiva l-istrateġija ta’ tranżizzjoni; jew

(f)

l-operatur tal-MTF tad-DLT ikun kiseb il-permess speċifiku jew l-eżenzjonijiet relatati abbażi ta’ informazzjoni qarrieqa jew ommissjoni materjali.

13.   Meta operatur tal-MTF tad-DLT biħsiebu jintroduċi bidla materjali għall-funzjonament tat- teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata, jew għas-servizzi jew għall-attivitajiet ta’ tali operatur, u li tali bidla materjali teħtieġ permess speċifiku ġdid, eżenzjoni ġdida, jew il-modifika ta’ waħda jew aktar mill-eżenzjonijiet eżistenti tal-operatur jew ta’ kwalunkwe kundizzjoni marbuta ma’ eżenzjoni, l-operatur tal-MTF tad-DLT għandu jitlob permess speċifiku ġdid, eżenzjoni ġdida jew modifika.

Meta operatur tal-MTF tad-DLT jitlob permess ġdid, eżenzjoni ġdida jew modifika, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4. Tali talba għandha tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Permess speċifiku biex titħaddem SS tad-DLT

1.   Persuna ġuridika li hija awtorizzata bħala CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, tista’ tapplika għal permess speċifiku biex tħaddem SS tat-DLT skont dan ir-Regolament.

2.   Meta persuna ġuridika tapplika għall-awtorizzazzjoni bħala CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u simultanjament tapplika għal permess speċifiku skont dan l-Artikolu, bl-iskop uniku li tħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti ma għandhiex tivvaluta jekk l-applikant jissodisfax tali rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li fir-rigward tagħhom l-applikant ikun talab eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta, kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, persuna ġuridika tapplika simultanjament għal awtorizzazzjoni bħala CSD u għal permess speċifiku, għandha tippreżenta, fl-applikazzjoni tagħha, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, għajr għall-informazzjoni li tkun neċessarja biex turi l-konformità mar-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom l-applikant ikun talab eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Applikazzjoni għal permess speċifiku biex titħaddem SS tad-DLT skont dan ir-Regolament għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-pjan tan-negozju tal-applikant, ir-regoli tal-SS tad-DLT u kwalunkwe terminu legali kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) kif ukoll l-informazzjoni dwar il-funzjonament, is-servizzi u l-attivitajiet tal-SS tad-DLT kif imsemmi fl-Artikolu 7(3);

(b)

deskrizzjoni tal-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata, kif imsemmi fl-Artikolu 7(2);

(c)

deskrizzjoni tal-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tal-applikant kif imsemmi fl-Artikolu 7(4);

(d)

il-provi li juru li l-applikant għandu stabbiliti biżżejjed salvagwardji prudenzjali biex jissodisfa l-obbligazzjonijiet tiegħu u jikkumpensa lill-klijenti tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(6), it-tielet subparagrafu;

(e)

fejn ikun applikabbli, deskrizzjoni tal-arranġamenti ta’ kustodja għall-istrumenti finanzjarji tad-DLT tal-klijenti kif imsemmi fl-Artikolu 7(5);

(f)

deskrizzjoni tal-arranġamenti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri u deskrizzjoni tal-mekkaniżmi għat-trattament tal-ilmenti tal-klijenti u r-rimedju fir-rigward tal-klijenti, kif imsemmi fl-Artikolu 7(6), it-tieni subparagrafu;

(g)

l-istrateġija ta’ tranżizzjoni tal-applikant; u

(h)

l-eżenzjonijiet li l-applikant qiegħed jitlob skont l-Artikolu 5, il-ġustifikazzjoni għal kull eżenzjoni mitluba u kwalunkwe miżura ta’ kumpens proposta u l-mezzi li bihom biħsiebu jikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn l-eżenzjonijiet.

5.   Sat-23 ta’ Marzu 2023, l-ESMA għandha telabora linji gwida biex tistabbilixxi forom, formati u templates standard għall-iskopijiet tal-paragrafu 4.

6.   Fi żmien 30 jum ta’ xogħol mid-data li tasal l-applikazzjoni għal permess speċifiku biex titħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih l-applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni nieqsa jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali. Meta l-awtorità kompetenti tqis li l-applikazzjoni hija kompluta, għandha tinforma b’dan lill-applikant.

Malli l-awtorità kompetenti tqis li l-applikazzjoni hija kompluta, għandha tibgħat kopja ta’ tali applikazzjoni:

(a)

lill-ESMA; u

(b)

lill-awtoritajiet kompetenti speċifikati fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

7.   Meta jkun neċessarju għall-promozzjoni tal-konsistenza u tal-proporzjonalità tal-eżenzjonijiet, jew meta neċessarju biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, l-ESMA għandha tagħti lill-awtorità kompetenti opinjoni mhux vinkolanti rigward l-eżenzjonijiet mitluba jew l-adegwatezza tat-tip ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, fi żmien 30 jum ta’ kalendarju mir-riċeviment tal-kopja ta’ tali applikazzjoni.

Qabel ma toħroġ opinjoni mhux vinkolanti, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u għandha tieħu l-ogħla kont tal-fehmiet tagħhom meta toħroġ fl-opinjoni tagħha.

Meta l-ESMA toħroġ opinjoni mhux vinkolanti, l-awtorità kompetenti għandha tqis b’mod dovut tali opinjoni u, fuq talba tal-ESMA, għandha tagħti lil din tal-aħħar dikjarazzjoni dwar kwalunkwe devjazzjoni sinifikanti minn tali opinjoni. L-opinjoni tal-ESMA u d-dikjarazzjoni tal-awtorità kompetenti ma għandhomx isiru pubbliċi.

L-awtoritajiet rilevanti speċifikati fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandhom jagħtu lill-awtorità kompetenti opinjoni mhux vinkolanti dwar il-karatteristiċi tal-SS tad-DLT imħaddma mill-applikant fi żmien 30 jum ta’ kalendarju mir-riċeviment ta’ tali applikazzjoni.

8.   Sal-24 ta’ Marzu 2025, l-ESMA għandha telabora linji gwida għall-promozzjoni tal-konsistenza u tal-proporzjonalità ta’:

(a)

eżenzjonijiet mogħtija lis-CSDs li jħaddmu SSs fl-Unjoni kollha, anki fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-adegwatezza tad-diversi tipi ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata mill-operaturi tas-suq għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament; u

(b)

l-eżerċizzju tal-għażla prevista fl-Artikolu 3(6).

Tali linji gwida għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja.

L-ESMA għandha taġġorna perjodikament tali linji gwida.

9.   Fi żmien 90 jum ta’ xogħol mid-data li tasal applikazzjoni kompluta għal permess speċifiku biex titħaddem SS tad-DLT, l-awtorità kompetenti għandha twettaq valutazzjoni tal-applikazzjoni u tiddeċiedi jekk tagħtix il-permess speċifiku. Meta l-applikant japplika simultanjament għal awtorizzazzjoni bħala CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u għal permess speċifiku skont dan ir-Regolament, il-perijodu ta’ valutazzjoni jista’ jiġi estiż għal perijodu ulterjuri sa dak speċifikat fl-Artikolu 17(8) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tagħti permess speċifiku li tħaddem SS tad-DLT jekk ikun hemm raġunijiet biex temmen li:

(a)

hemm riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja li mhumiex indirizzati u mitigati kif xieraq mill-applikant;

(b)

il-permess speċifiku biex titħaddem SS tad-DLT u l-eżenzjonijiet mitluba huma mfittxija bl-iskop li jiġu evitati r-rekwiżiti ġuridiċi jew regolatorji; jew

(c)

is-CSD mhux se jkun jista’ jikkonforma, jew mhux se jħalli lill-utenti tiegħu jikkonformaw, mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

11.   Permess speċifiku għandu jkun validu fl-Unjoni kollha sa sitt snin mid-data tal-ħruġ. Il-permess speċifiku għandu jispeċifika l-eżenzjonijiet li jingħataw f’konformità mal-Artikolu 5, kwalunkwe miżura ta’ kumpens u kwalunkwe limitu aktar baxx stabbilit mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 3(6).

L-awtorità kompetenti għandha tinforma mill-aktar fis lill-ESMA u lill-awtoritajiet rilevanti speċifikati fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu bl-għoti, bir-rifjut jew bl-irtirar ta’ permess speċifiku skont dan l-Artikolu, inkluża kwalunkwe informazzjoni speċifikata skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha:

(a)

il-lista ta’ SSs tad-DLT, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-permessi speċifiċi tagħhom, il-lista ta’ eżenzjonijiet mogħtija lil kull waħda minnhom, u kwalunkwe limitu aktar baxx stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti għal kull waħda minnhom; u

(b)

l-għadd totali ta’ talbiet għal eżenzjonijiet li saru skont l-Artikolu 5, li jindikaw l-għadd u t-tipi ta’ eżenzjonijiet mogħtija jew irrifjutati, flimkien mal-ġustifikazzjonijiet għar-rifjuti eventwali.

L-informazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu, il-punt (b), għandha tkun ippubblikata fuq bażi anonima.

12.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-awtorità kompetenti għandha tirtira permess speċifiku jew kwalunkwe waħda mill-eżenzjonijiet, f’każ li:

(a)

ikun instab difett fil-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata, jew fis-servizzi u fl-attivitajiet ipprovduti mis-CSD li jħaddem SS tad-DLT, li joħloq riskju għall-protezzjoni tal-investituri, għall-integrità tas-suq jew għall-istabbiltà finanzjarja, u li r-riskju jegħleb il-benefiċċji tas-servizzi u tal-attivitajiet fil-fażi ta’ sperimentazzjoni;

(b)

is-CSD li jħaddem SS tad-DLT ikun kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-eżenzjonijiet;

(c)

is-CSD li jħaddem SS tad-DLT ikun irreġistra strumenti finanzjarji li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1);

(d)

is-CSD li jħaddem l-SS tad-DLT ikun qabeż il-limitu msemmi fl-Artikolu 3(2);

(e)

is-CSD li jħaddem l-SS tad-DLT ikun qabeż il-limitu msemmi fl-Artikolu 3(3) u ma jkunx attiva l-istrateġija ta’ tranżizzjoni; jew

(f)

is-CSD li jħaddem l-SS tal-MTF tad-DLT ikun kiseb il-permess speċifiku jew l-eżenzjonijiet relatati abbażi ta’ informazzjoni qarrieqa jew ommissjoni materjali.

13.   Meta CSD li jħaddem SS tad-DLT biħsiebu jintroduċi bidla materjali għall-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata, jew għas-servizzi jew għall-attivitajiet ta’ tali CSD, u li tali bidla materjali teħtieġ permess speċifiku ġdid, eżenzjoni ġdida, jew il-modifika ta’ waħda jew aktar mill-eżenzjonijiet eżistenti tas-CSD jew ta’ kwalunkwe kundizzjoni marbuta ma’ eżenzjoni, is-CSD li jħaddem l-SS tad-DLT għandu jitlob permess speċifiku ġdid, eżenzjoni ġdida jew modifika.

Meta CSD li jħaddem SS tad-DLT jitlob permess ġdid, eżenzjoni ġdida jew modifika, għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 5. Tali talba għandha tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Permess speċifiku biex titħaddem TSS tad-DLT

1.   Persuna ġuridika li tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment, jew awtorizzata biex topera suq regolat, skont id-Direttiva 2014/65/UE, jew awtorizzata bħala CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, tista’ tapplika għal permess speċifiku biex tħaddem TSS tad-DLT skont dan ir-Regolament.

2.   Meta persuna ġuridika tapplika għall-awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment jew għal awtorizzazzjoni biex tħaddem suq regolat skont id-Direttiva 2014/65/UE, jew bħala CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u, simultanjament, tapplika għal permess speċifiku skont dan l-Artikolu, bl-iskop uniku li tħaddem TSS tad-DLT, l-awtorità kompetenti ma għandhiex tivvaluta jekk l-applikant jissodisfax tali rekwiżiti tad-Direttiva 2014/65/UE jew dawk tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li fir-rigward tagħhom l-applikant ikun talab eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta, kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, persuna ġuridika tapplika simultanjament għal awtorizzazzjoni bħala ditta tal-investiment jew għal awtorizzazzjoni biex tħaddem suq regolati jew għal awtorizzazzjoni bħala CSD, u għal permess speċifiku, għandha tippreżenta, fl-applikazzjoni tagħha, l-informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/65/UE jew l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 rispettivament, għajr għall-informazzjoni li tkun neċessarja biex turi l-konformità mar-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom l-applikant ikun talab eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Applikazzjoni għal permess speċifiku biex titħaddem TSS tad-DLT skont dan ir-Regolament għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-pjan tan-negozju tal-applikant, ir-regoli tat-TSS tad-DLT u kwalunkwe terminu legali kif imsemmi fl-Artikolu 7(1), kif ukoll l-informazzjoni dwar il-funzjonament, is-servizzi u l-attivitajiet tat-TSS tad-DLT kif imsemmi fl-Artikolu 7(3);

(b)

deskrizzjoni tal-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata, kif imsemmi fl-Artikolu 7(2);

(c)

deskrizzjoni tal-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tal-applikant kif imsemmi fl-Artikolu 7(4);

(d)

il-provi li juru li l-applikant għandu stabbiliti biżżejjed salvagwardji prudenzjali biex jissodisfa l-obbligazzjonijiet tiegħu u jikkumpensa lill-klijenti tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(6), it-tielet subparagrafu;

(e)

fejn ikun applikabbli, deskrizzjoni tal-arranġamenti ta’ kustodja għall-istrumenti finanzjarji tad-DLT tal-klijenti kif imsemmi fl-Artikolu 7(5);

(f)

deskrizzjoni tal-arranġamenti biex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri u deskrizzjoni tal-mekkaniżmi għat-trattament tal-ilmenti tal-klijenti u r-rimedju fir-rigward tal-klijenti, kif imsemmi fl-Artikolu 7(6), it-tieni subparagrafu;

(g)

l-istrateġija ta’ tranżizzjoni tal-applikant; u

(h)

l-eżenzjonijiet li l-applikant qiegħed jitlob skont l-Artikolu 6, il-ġustifikazzjoni għal kull eżenzjoni mitluba u kwalunkwe miżura ta’ kumpens proposta u l-mezzi li bihom biħsiebu jikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn l-eżenzjonijiet.

5.   Flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-applikant li biħsiebu jħaddem TSS tad-DLT bħala ditta tal-investiment jew operatur tas-suq għandu jippreżenta l-informazzjoni dwar il-modi li bihom biħsiebu jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 imsemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament, għajr għall-informazzjoni li tkun neċessarja biex turi l-konformità mar-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom l-applikant ikun talab eżenzjoni f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

Flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-applikant li biħsiebu jħaddem TSS tad-DLT bħala CSD għandu jippreżenta l-informazzjoni dwar il-modi li bihom biħsiebu jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tad-Direttiva 2014/65/UE msemmija fl-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-Regolament, għajr għall-informazzjoni li tkun neċessarja biex turi l-konformità mar-rekwiżiti li fir-rigward tagħhom l-applikant ikun talab eżenzjoni f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

6.   Sat-23 ta’ Marzu 2023, l-ESMA għandha telabora linji gwida biex tistabbilixxi forom, formati u templates standard għall-iskopijiet tal-paragrafu 4.

7.   Fi żmien 30 jum ta’ xogħol mid-data li tasal l-applikazzjoni għal permess speċifiku biex titħaddem TSS tad-DLT, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih l-applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni nieqsa jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali. Meta l-awtorità kompetenti tqis li l-applikazzjoni hija kompluta, għandha tinforma b’dan lill-applikant.

Malli l-awtorità kompetenti tqis li l-applikazzjoni hija kompluta, għandha tibgħat kopja ta’ tali applikazzjoni:

(a)

lill-ESMA; u

(b)

lill-awtoritajiet kompetenti speċifikati fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

8.   Meta jkun neċessarju għall-promozzjoni tal-konsistenza u tal-proporzjonalità tal-eżenzjonijiet, jew meta neċessarju biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, l-ESMA għandha tagħti lill-awtorità kompetenti opinjoni mhux vinkolanti rigward l-eżenzjonijiet mitluba jew l-adegwatezza tat-tip ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, fi żmien 30 jum ta’ kalendarju mir-riċeviment tal-kopja ta’ tali applikazzjoni.

Qabel ma toħroġ opinjoni mhux vinkolanti, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u għandha tieħu l-ogħla kont tal-fehmiet tagħhom meta toħroġ l-opinjoni tagħha.

Meta l-ESMA toħroġ opinjoni mhux vinkolanti, l-awtorità kompetenti għandha tqis b’mod dovut tali opinjoni u, fuq talba tal-ESMA, għandha tagħti lil din tal-aħħar dikjarazzjoni dwar kwalunkwe devjazzjoni sinifikanti minn tali opinjoni. L-opinjoni tal-ESMA u d-dikjarazzjoni tal-awtorità kompetenti ma għandhomx isiru pubbliċi.

L-awtoritajiet rilevanti speċifikati fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għandhom jagħtu lill-awtorità kompetenti opinjoni mhux vinkolanti dwar il-karatteristiċi tat-TSS tad-DLT imħaddma mill-applikant fi żmien 30 jum ta’ kalendarju mir-riċeviment ta’ tali applikazzjoni.

9.   Fi żmien 90 jum ta’ xogħol mid-data li tasal applikazzjoni kompluta għal permess speċifiku biex titħaddem TSS tad-DLT, l-awtorità kompetenti għandha twettaq valutazzjoni tal-applikazzjoni u tiddeċiedi jekk tagħtix il-permess speċifiku. Meta l-applikant japplika simultanjament għal awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE jew skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u għal permess speċifiku skont l-Artikolu, il-perijodu ta’ valutazzjoni jista’ jiġi estiż għal perijodu ulterjuri sa dak speċifikat fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2014/65/UE jew fl-Artikolu 17(8) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 rispettivament.

10.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 44 tad-Direttiva 2014/65/UE u għall-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tagħti permess speċifiku għat-tħaddim ta’ TSS tad-DLT jekk ikun hemm raġunijiet biex temmen li:

(a)

hemm riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja li mhumiex indirizzati u mitigati kif xieraq mill-applikant;

(b)

il-permess speċifiku biex titħaddem TSS tad-DLT u l-eżenzjonijiet mitluba huma mfittxija bl-iskop li jiġu evitati r-rekwiżiti ġuridiċi jew regolatorji; jew

(c)

l-operatur tat-TSS tad-DLT mhux se jkun jista’ jikkonforma, jew mhux se jħalli lill-utenti tiegħu jikkonformaw, mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

11.   Permess speċifiku għandu jkun validu fl-Unjoni kollha sa sitt snin mid-data tal-ħruġ. Il-permess speċifiku għandu jispeċifika l-eżenzjonijiet li jingħataw f’konformità mal-Artikolu 6, kwalunkwe miżura ta’ kumpens u kwalunkwe limitu aktar baxx stabbilit mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 3(6).

L-awtorità kompetenti għandha tinforma mill-aktar fis lill-ESMA u lill-awtoritajiet rilevanti speċifikati fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 bl-għoti, bir-rifjut jew bl-irtirar ta’ permess speċifiku skont dan l-Artikolu, inkluża kwalunkwe informazzjoni speċifikata skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha:

(a)

il-lista ta’ TSSs tad-DLT, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-permessi speċifiċi tagħhom, il-lista ta’ eżenzjonijiet mogħtija lil kull waħda minnhom, u kwalunkwe limitu aktar baxx stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti għal kull waħda minnhom; u

(b)

l-għadd totali ta’ talbiet għal eżenzjonijiet li saru skont l-Artikolu 6, li jindikaw l-għadd u t-tipi ta’ eżenzjonijiet mogħtija jew irrifjutati, flimkien mal-ġustifikazzjonijiet għar-rifjuti eventwali.

L-informazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu, il-punt (b), għandha tkun ippubblikata fuq bażi anonima.

12.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8 u 44 tad-Direttiva 2014/65/UE u għall-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-awtorità kompetenti għandha tirtira permess speċifiku jew kwalunkwe waħda mill-eżenzjonijiet relatati, f’każ li:

(a)

ikun instab difett fil-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata, jew fis-servizzi u fl-attivitajiet ipprovduti mill-operatur tat-TSS tad-DLT, li joħloq riskju għall-protezzjoni tal-investituri, għall-integrità tas-suq jew għall-istabbiltà finanzjarja, u li r-riskju jegħleb il-benefiċċji tas-servizzi u tal-attivitajiet fil-fażi ta’ sperimentazzjoni;

(b)

l-operatur tat-TSS tad-DLT ikun kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-eżenzjonijiet;

(c)

l-operatur tat-TSS tad-DLT ikun ammetta għan-negozjar jew irreġistra strumenti finanzjarji li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1);

(d)

l-operatur tat-TSS tad-DLT ikun qabeż il-limitu msemmi fl-Artikolu 3(2);

(e)

l-operatur tat-TSS tad-DLT ikun qabeż il-limitu msemmi fl-Artikolu 3(3) u ma jkunx attiva l-istrateġija ta’ tranżizzjoni; jew

(f)

l-operatur tat-TSS tad-DLT ikun kiseb il-permess speċifiku jew l-eżenzjonijiet relatati abbażi ta’ informazzjoni qarrieqa jew ommissjoni materjali.

13.   Meta operatur tat-TSS tad-DLT biħsiebu jintroduċi bidla materjali għall-funzjonament tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata, jew għas-servizzi jew għall-attivitajiet ta’ tali operatur, u li tali bidla materjali teħtieġ permess speċifiku ġdid, eżenzjoni ġdida, jew il-modifika ta’ waħda jew aktar mill-eżenzjonijiet eżistenti tal-operatur jew ta’ kwalunkwe kundizzjoni marbuta ma’ eżenzjoni, l-operatur tat-TSS tad-DLT għandu jitlob permess speċifiku ġdid, eżenzjoni ġdida jew modifika.

Meta operatur tat-TSS tad-DLT jitlob permess ġdid, eżenzjoni ġdida jew modifika, għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 6. Tali talba għandha tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 11

Kooperazzjoni bejn l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA

1.   Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 909/2014 u għad-Direttiva 2014/65/UE, l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti.

B’mod partikolari, l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom wara li jsiru konxji ta’ kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet ta’ hawn taħt, mingħajr dewmien:

(a)

kwalunkwe bidla materjali proposta fil-pjan tan-negozju tagħhom inkluż bidliet relatati mal-persunal kritiku, mar-regoli tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT u mat-termini legali;

(b)

kwalunkwe evidenza ta’ aċċess mhux awtorizzat, ħsara materjali, telf, attakki ċibernetiċi jew theddid ċibernetiku ieħor, frodi, serq jew malprassi serja oħra li jkun sofra l-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT;

(c)

kwalunkwe bidla materjali fl-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti;

(d)

kwalunkwe diffikultà teknika jew operazzjonali fit-twettiq tal-attivitajiet jew fil-forniment tas-servizzi li huma soġġetti għall-permess speċifiku, inklużi diffikultajiet relatati mal-iżvilupp jew mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u mal-istrumenti finanzjarji tad-DLT; jew

(e)

kwalunkwe riskju li jolqot il-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja li jkun irriżulta u li ma kienx antiċipat fl-applikazzjoni li titlob il-permess speċifiku jew li ma kinux antiċipati fiż-żmien meta ngħata l-permess speċifiku.

Il-bidliet imsemmija fit-tieni subparagrafu, il-punt (a) għandhom ikunu notifikati tal-anqas erba’ xhur qabel ma tkun ippjanata l-bidla, indipendentement mill-fatt jekk il-bidla materjali proposta tkunx teħtieġ bidla fil-permess speċifiku jew fl-eżenzjonijiet relatati jew fil-kundizzjonijiet mehmuża ma’ tali eżenzjonijiet, f’konformità mal-Artikoli 8, 9 jew 10.

F’każ ta’ notifika tal-kwistjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu, il-punti (a) sa (e), l-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT jippreżenta applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 8(13), l-Artikolu 9(13) jew l-Artikolu 10(13), jew tista’ titlob lill-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT jieħu l-miżuri korrettivi msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li din teħtieġ.

3.   L-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ kwalunkwe miżura korrettiva fir-rigward tal-pjan tan-negozju tal-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT, għar-regoli tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT u t-termini legali biex tiżgura l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja. L-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandha tirrapporta dwar il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura korrettiva meħtieġa mill-awtorità kompetenti, fir-rapporti tagħha kif imsemmija fil-paragrafu 4.

4.   Kull sitt xhur mid-data tal-permess speċifiku, l-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jissottometti rapport lill-awtorità kompetenti. Dan ir-rapport għandu jinkludi:

(a)

sommarju tal-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu;

(b)

l-għadd u l-valur ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT ammessi għan-negozjar fl-MTF tad-DLT jew fit-TSS tad-DLT u l-għadd u l-valur ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT irreġistrati minn operatur tal-SS tad-DLT jew tat-TSS tad-DLT;

(c)

l-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet innegozjati fl-MTF tad-DLT jew f’TSS tad-DLT u saldati mill-operatur tal-SS tad-DLT jew tat-TSS tad-DLT;

(d)

valutazzjoni motivata ta’ kwalunkwe diffikultà fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji jew tal-liġi nazzjonali; u

(e)

kwalunkwe azzjoni meħuda biex jiġu implimentati il-kundizzjonijiet ta’ kumpens jew miżuri korrettivi mitluba mill-awtorità kompetenti.

5.   L-ESMA għandha taqdi rwol ta’ koordinazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti, bil-għan li jinbena fehim komuni tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT, li tinħoloq kultura superviżorja komuni u l-konverġenza ta’ prattiki superviżorji, u li jiġu żgurati approċċi konsistenti u konverġenza fir-riżultati superviżorji.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu b’mod puntwali lill-ESMA l-informazzjoni u r-rapporti rċevuti mill-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT skont il-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu u għandhom jinformaw lill-ESMA bil-miżuri meħuda f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

L-ESMA għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti fuq bażi regolari dwar:

(a)

kwalunkwe rapport imressaq skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

kwalunkwe permess speċifiku u eżenzjoni mogħtija skont dan ir-Regolament kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta magħhom;

(c)

kwalunkwe rifjut minn awtorità kompetenti li tagħti permess speċifiku jew eżenzjoni, kwalunkwe rtirar ta’ permess speċifiku jew eżenzjoni u kwalunkwe waqfien ta’ negozju ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT.

6.   L-ESMA għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-permessi speċifiċi u kwalunkwe eżenzjoni relatata u kundizzjoni marbuta ma’ tali eżenzjonijiet, kif ukoll kwalunkwe miżura ta’ kumpens jew korrettiva meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti. L-ESMA għandha tressaq rapport annwali lill-Kummissjoni dwar kif tali permessi speċifiċi, eżenzjonijiet, kundizzjonijiet u miżuri ta’ kumpens jew korrettivi jiġu applikati fil-prattika.

Artikolu 12

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għal ditta tal-investiment li tħaddem MTF tad-DLT jew TSS tad-DLT għandha tkun l-awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 4(1), il-punti (55)(a)(ii) u (iii) tad-Direttiva 2014/65/UE.

2.   L-awtorità kompetenti għal operatur tas-suq li jħaddem MTF tad-DLT jew TSS tad-DLT għandha tkun l-awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT jew it-TSS tad-DLT jew, jekk f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru l-operatur tas-suq ma għandu l-ebda uffiċċju rreġistrat, l-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT jew it-TSS tad-DLT.

3.   L-awtorità kompetenti għal CSD li jħaddem SS tad-DLT jew TSS tad-DLT għandha tkun l-awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 2(1), il-punt (23) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Artikolu 13

Notifika tal-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil kwalunkwe awtorità kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punt (21)(c), lill-ESMA u lill-Kummissjoni. L-ESMA għandha tippubblika lista ta’ tali awtoritajiet kompetenti fis-sit web tagħha.

Artikolu 14

Rapport u rieżami

1.   Sal-24 ta’ Marzu 2026, l-ESMA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar:

(a)

il-funzjonament tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT fl-Unjoni kollha;

(b)

l-għadd ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT;

(c)

it-tipi ta’ eżenzjoni mitluba mill-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u t-tipi ta’ eżenzjoni mogħtija;

(d)

l-għadd u l-valur tal-istrumenti finanzjarji tad-DLT ammessi għan-negozjar li huma rreġistrati fl-infrastrutturi tas-suq tad-DLT;

(e)

l-għadd u l-valur tat-tranżazzjonijiet innegozjati jew saldati fl-infrastrutturi tas-suq tad-DLT;

(f)

it-tip ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit użata u kwistjonijiet tekniċi relatati mal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, inklużi l-kwistjonijiet elenkati fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(1), u rigward l-impatt tal-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit fuq l-objettivi tal-politika dwar il-klima tal-Unjoni;

(g)

il-proċeduri stabbiliti mill-operaturi tal-SSs tad-DLT jew tat-TSSs tad-DLT f’konformità mal-Artikolu 5(3), il-punt (b);

(h)

kwalunkwe riskju, vulnerabbiltà jew ineffiċjenza li jinħolqu bl-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit għall-protezzjoni tal-investituri, għall-integrità tas-suq jew għall-istabbiltà finanzjarja, inklużi eventwali tipi ġodda ta’ riskji ġuridiċi, sistemiċi u operazzjonali, li mhumiex indirizzati biżżejjed mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, u kwalunkwe effett mhux intenzjonat ieħor fuq il-likwidità, il-volatilità, il-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja;

(i)

kwalunkwe riskju ta’ arbitraġġ regolatorju jew kwistjonijiet li jolqtu l-kundizzjonijiet ekwivalenti bejn infrastrutturi tas-suq tad-DLT taħt ir-reġim pilota previst f’dan ir-Regolament u bejn infrastrutturi tas-suq tad-DLT u infrastrutturi tas-suq oħra li jużaw sistemi miruta;

(j)

kwalunkwe kwistjoni relatata mal-interoperabbiltà bejn l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u infrastrutturi oħra li jużaw sistemi miruta;

(k)

kwalunkwe benefiċċju u kost li jirriżulta mill-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit f’termini ta’ likwidità u finanzjament addizzjonali għal negozji ġodda u impriżi żgħar u ta’ daqs medju, titjib fis-sikurezza u fl-effiċjenza, konsum enerġetiku u mitigazzjoni tar-riskju fil-katina kollha tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar, inkluż fir-rigward tar-reġistrazzjoni u tal-kustodja ta’ strumenti finanzjarji tad-DLT, it-traċċabbiltà tat-tranżazzjonijiet u l-konformità msaħħa mal-proċessi ta’ “kun af lill-klijent tiegħek” u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, azzjonijiet korporattivi u l-eżerċizzju dirett tad-drittijiet tal-investituri permezz ta’ kuntratti intelliġenti, funzjonijiet ta’ rapportar u superviżjoni fil-livell tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT;

(l)

kwalunkwe rifjut li tagħti permessi speċifiċi jew eżenzjonijiet, kwalunkwe modifika jew irtirar ta’ tali permessi speċifiċi jew eżenzjonijiet kif ukoll kwalunkwe miżura ta’ kumpens jew korrettiva;

(m)

kwalunkwe waqfien tan-negozju minn infrastruttura tas-suq tad-DLT u r-raġunijiet għal tali waqfien;

(n)

l-adegwatezza tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Artikolu 5(8), inklużi l-implikazzjonijiet potenzjali li jirriżultaw minn żieda f’tali limiti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari kunsiderazzjonijiet sistemiċi u tipi differenti ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit; u

(o)

valutazzjoni ġenerali tal-kostijiet u tal-benefiċċji tar-reġim pilota previst f’dan ir-Regolament u rakkomandazzjoni dwar jekk għandux jitkompla dan ir-reġim pilota u taħt liema kundizzjonijiet.

2.   Abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, fi żmien tliet xhur minn meta jasal tali rapport, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Tali rapport għandu jinkludi analiżi kost-benefiċċji dwar jekk ir-reġim pilota previsti f’dan ir-Regolament jenħtieġx li:

(a)

jiġi estiż għal perijodu ieħor sa massimu ta’ tliet snin;

(b)

jiġi estiż għal tipi oħra ta’ strument finanzjarju li jistgħu jinħarġu, jiġu rreġistrati, jiġu ttrasferiti jew jinħażnu bl-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit;

(c)

jiġi emendat;

(d)

isir permanenti permezz ta’ emendi xierqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji; jew

(e)

jintemm, inklużi l-permessi speċifiċi kollha mogħtija skont dan ir-Regolament.

Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista’ tipproponi kwalunkwe emenda xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji jew kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li tkun tiffaċilita l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit fis-settur finanzjarju, kif ukoll kwalunkwe miżura meħtieġa biex issir it-tranżizzjoni tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT barra mir-reġim pilota previst f’dan ir-Regolament.

Fil-każ li dan ir-reġim pilota jiġi estiż għal perijodu ulterjuri kif previst fl-ewwel subparagrafu, il-punt (a), ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha titlob lill-ESMA tippreżenta, mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ estensjoni, rapport addizzjonali f’konformità mal-paragrafu 1. Malli tirċievi dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport addizzjonali f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

Artikolu 15

Rapporti intermedji

L-ESMA għandha tippubblika rapporti intermedji annwali sabiex tipprovdi lill-parteċipanti fis-suq informazzjoni dwar il-funzjonament tas-swieq, tindirizza l-imġiba mhux korretta tal-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT, tagħti kjarifiki dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u taġġorna l-indikazzjonijiet preċedenti abbażi tal-evoluzzjoni tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Dawk ir-rapporti għandhom jipprovdu wkoll deskrizzjoni ġenerali tal-applikazzjoni tar-reġim pilota previst f’dan ir-Regolament li jiffoka fuq ix-xejriet u r-riskji emerġenti u għandhom jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-ewwel rapport bħal dan għandu jiġi ppubblikat sal-24 ta’ Marzu 2024.

Artikolu 16

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

Fl-Artikolu 54(2) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit bis-segwenti:

“Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemmx bżonn li d-derivattivi nnegozjati fil-borża jiġu esklużi mill-ambitu tal-Artikoli 35 u 36 f’konformità mal-Artikolu 52(12), CCP jew ċentru tan-negozjar jistgħu, qabel it-22 ta’ Ġunju 2022, japplikaw mal-awtorità kompetenti tagħha għal permess biex jagħmlu użu minn arranġamenti ta’ tranżizzjoni. L-awtorità kompetenti, filwaqt li tqis ir-riskji għall-funzjonament b’mod ordnat tas-CCP jew taċ-ċentri tan-negozjar rilevanti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess skont l-Artikolu 35 jew 36 fir-rigward tad-derivattivi nnegozjati fil-borża, tista’ tiddeċiedi li l-Artikolu 35 jew 36 ma japplikax għas-CCP jew għaċ-ċentru tan-negozjar rilevanti, rispettivament, fir-rigward tad-derivattivi nnegozjati fil-borża, għal perijodu ta’ tranżizzjoni sat-3 ta’ Lulju 2023. Meta l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li japprovaw tali perijodu ta’ tranżizzjoni, is-CCP jew iċ-ċentru tan-negozjar ma għandhomx jibbenefikaw mid-drittijiet ta’ aċċess skont l-Artikolu 35 jew 36, fir-rigward tad-derivattivi nnegozjati fil-borża matul id-durata tal-perijodu ta’ tranżizzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-ESMA u fil-każ ta’ CCP, lill-kulleġġ tal-awtoritajiet kompetenti għal dik is-CCP, kull meta tapprova perijodu ta’ tranżizzjoni.”.

Artikolu 17

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 909/2014

Fl-Artikolu 76(5) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit bis-segwenti:

“Kull waħda mill-miżuri dixxiplinari tas-saldu msemmija fl-Artikolu 7(1) sa (13) għandha tapplika mid-data ta’ applikazzjoni speċifikata għal kull miżura dixxiplinari tas-saldu fl-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(15).".

Artikolu 18

Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE

Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(1), il-punt 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(15)

“strument finanzjarju” tfisser dawk l-istrumenti speċifikati fit-Taqsima C tal-Anness I, inklużi tali strumenti maħruġa permezz tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit;";

(2)

fl-Artikolu 93, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Sat-23 ta’ Marzu 2023, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jikkonformaw mal-punt (15) tal-Artikolu 4(1) u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni. Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-23 ta’ Marzu 2023.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri li ma jistgħux jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jikkonformaw mal-punt (15) tal-Artikolu 4(1) sat-23 ta’ Marzu 2023, peress li l-proċeduri leġiżlattivi tagħhom jieħdu iktar minn disa’ xhur, għandhom jibbenefikaw minn estensjoni ta’ massimu ta’ sitt xhur li jiddekorru mit-23 ta’ Marzu 2023, dment li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-bżonn li jagħmlu użu minn tali estensjoni sat-23 ta’ Marzu 2023.”.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mit-23 ta’ Marzu 2023, ħlief għal:

(a)

l-Artikoli 8(5), 9(5), 10(6) u 17, li għandhom japplikaw mit-22 ta’ Ġunju 2022; u

(b)

l-Artikolu 16, li għandu japplika mill-4 ta’ Lulju 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2022.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  ĠU C 244, 22.6.2021, p. 4.

(2)  ĠU C 155, 30.4.2021, p. 31.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2022 (għadha ma hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ April 2022.

(4)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12).

(9)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(10)  Id-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64).


Top