EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0558

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/558 tas-6 ta’ April 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

C/2022/2072

OJ L 108, 7.4.2022, p. 20–50 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/04/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/558/oj

7.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/20


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/558

tas-6 ta’ April 2022

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Bidu

(1)

Fis-17 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”, “iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) abbażi tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

1.2.   Reġistrazzjoni

(2)

Billi l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni ma ġewx soġġetti għar-reġistrazzjoni.

1.3.   Miżuri provviżorji

(3)

Fis-17 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji provviżorji proposti u bid-dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u tal-marġnijiet adegwati sabiex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku (qabel id-divulgazzjoni). Tliet partijiet issottomettew il-kummenti tagħhom. Madankollu, il-kummenti kienu ta’ natura ġenerali u ma kinux relatati mal-preċiżjoni tal-kalkoli. Għalhekk, dawk il-kummenti ġew indirizzati biss fl-istadju definittiv.

(4)

Fl-14 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw miċ-Ċina bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1812 (3) (“ir-Regolament provviżorju”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(5)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping provviżorju (“id-divulgazzjoni provviżorja”), l-ilmentaturi, il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, il-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina (“CCCME”), bosta utenti inkluża l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“Eurofer”), bosta importaturi u l-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-GTĊ”) ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub li fihom taw il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet provviżorji sal-iskadenza pprovduta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament provviżorju.

(6)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, il-partijiet interessati li talbu dan ingħataw l-opportunità li jinstemgħu. Saru seduti ta’ smigħ mal-ilmentaturi, Eurofer, NLMK Europe (“NLMK”), Misano S.p.A. (“Misano”) u Imerys France (“Imerys”).

(7)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Għal dan il-għan, ġew organizzati kontroverifiki remoti addizzjonali (“RCCs”) ma’ żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, jiġifieri GrafTech France S.N.C. (“GrafTech France”) u Showa Denko Europe GmbH (“Showa Denko”), u produttur esportatur wieħed, jiġifieri Nantong Yangzi Co., Ltd (“Yangzi Group”).

(8)

Fid-19 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom hija kellha l-ħsieb li timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw miċ-Ċina (“id-divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(9)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-partijiet interessati li talbu li jinstemgħu ngħataw opportunità li jinstemgħu. Saru seduti ta’ smigħ mal-ilmentaturi, CCCME u Fangda Carbon New Material Co., Ltd (“Fangda Group”).

(10)

Il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu, fejn xieraq, f’dan ir-Regolament. Abbażi tal-kummenti sottomessi minn Liaoning Dantan Technology Group Co., Ltd. (“Liaoning Dantan”), il-Kummissjoni rrevediet is-sejbiet tagħha dwar il-kalkolu tal-marġni tad-dumping tagħha u ddivulgatu lill-parti.

1.5.   Pretensjoni ta’ użu eċċessiv ta’ informazzjoni kunfidenzjali

(11)

Is-CCCME ddikjarat li l-ilment kien jiddependi b’mod eċċessiv fuq ċifri kunfidenzjali u talbet lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa f’dawn il-proċedimenti u f’oħrajn futuri biex tiżgura li l-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu kummenti rilevanti u sinifikanti.

(12)

Il-Kummissjoni qieset li l-verżjoni tal-ilment, li kienet miftuħa għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, kien fiha l-evidenza essenzjali kollha u sommarji mhux kunfidenzjali tad-data mmarkata bħala kunfidenzjali sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jagħmlu kummenti sinifikanti u jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom matul il-proċediment.

(13)

Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6.5 tal-Ftehim tad-WTO rigward l-Anti-Dumping (“ADA”) jippermettu s-salvagwardja ta’ informazzjoni kunfidenzjali f’ċirkostanzi fejn id-divulgazzjoni tagħha tkun ta’ vantaġġ kompetittiv sinifikanti għal kompetitur, jew jista’ jkollha effett negattiv sinifikanti fuq persuna li tipprovdi l-informazzjoni jew fuq persuna li mingħandha dik il-persuna tkun akkwistat l-informazzjoni.

(14)

Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

1.6.   Talba li l-Kummissjoni tqis is-sospensjoni tal-miżuri anti-dumping skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku

(15)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja u dik finali, Misano, Fangda Group u s-CCCME argumentaw li l-miżuri anti-dumping jenħtieġ li jiġu sospiżi skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku minħabba l-bidliet fis-suq li jseħħu wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

(16)

Mingħajr preġudizzju għall-prerogattiva esklussiva tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku, f’dan l-istadju l-Kummissjoni nnotat li dawn il-partijiet ma pprovdew l-ebda evidenza biex jappoġġaw sejba li l-industrija tal-Unjoni ma għadhiex iġġarrab dannu. Minflok, il-partijiet irreferew għall-aspettattivi tat-tkabbir, għaż-żidiet fil-prezzijiet u għat-tnaqqis mistenni fil-volum tal-importazzjonijiet biex jaffermaw li d-dannu x’aktarx li ma jkomplix iseħħ jew li ma jerġax iseħħ. Kif spjegat fil-premessa (138) hawn taħt, il-Kummissjoni sabet li l-allegati żidiet fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina mhux bilfors ifissru li d-dannu kien waqaf iseħħ jew li kien se jieqaf milli jseħħ. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li ma kienet meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri f’dan l-istadju.

1.7.   Kampjunar

(17)

Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kampjunar, il-premessi (12) sa (17) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

1.8.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni

(18)

Kif iddikjarat fil-premessa (24) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni dwar id-dumping u d-dannu kienet tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “il-PI”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

(19)

Xi partijiet interessati, inkluż Trasteel International SA (“Trasteel”), indikaw li l-perjodu taħt kunsiderazzjoni kien jinkludi perjodu bi prezzijiet eċċezzjonalment għoljin marbuta ma’ nuqqas ta’ provvista u prezzijiet ogħla tal-materja prima ewlenija (2017-2018) u ntemm b’perjodu affettwat mill-pandemija tal-COVID-19 (2020). Huma talbu li l-perjodu taħt kunsiderazzjoni jinkludi l-2016 meta s-suq kien meqjus “normali”. Wara d-divulgazzjoni finali, Trasteel tenniet it-talba tagħhom.

(20)

Din it-talba ġiet miċħuda. Il-perjodu taħt kunsiderazzjoni ġie ddeterminat mal-bidu u kopra, skont prattika stabbilita sew, il-perjodu ta’ investigazzjoni u t-tliet snin kalendarji preċedenti. L-analiżi ta’ dan il-perjodu pprovdiet lill-Kummissjoni bid-data meħtieġa sabiex tasal għal sejbiet preċiżi, fejn setgħet titqies kwalunkwe ċirkostanza ta’ eċċezzjoni.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Pretensjonijiet rigward l-ambitu tal-prodott u l-esklużjoni tal-prodott

(21)

Fl-istadju provviżorju, ġew riċevuti erba’ pretensjonijiet rigward l-ambitu tal-prodott minn produttur tal-Unjoni (Sangraf Italy), utent (NLMK), importatur mhux relatat (CTPS Srl) u s-CCCME rispettivament. Kif spjegat fil-premessi (30) sa (38) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ċaħdet tlieta mit-talbiet għall-esklużjoni iżda aċċettat li teskludi n-nipples importati separatament mill-ambitu tal-investigazzjoni.

(22)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-GTĊ, Eurofer, NLMK, Imerys, Misano, Fangda group u Liaoning Dantan affermaw li l-Kummissjoni ma kinitx qieset bis-sħiħ id-differenzi fit-tipi ta’ prodotti ta’ elettrodi tal-grafit. Skont dawn il-partijiet interessati, minn naħa waħda, il-biċċa l-kbira tal-elettrodi tal-grafit esportati miċ-Ċina lejn l-Unjoni huma elettrodi ta’ potenza għolja b’dijametru żgħir (“HP”) jew ta’ potenza għolja ħafna (“SHP”) li jintużaw fil-fran tal-kuċċara, u numru żgħir ta’ elettrodi ta’ potenza għolja ħafna b’dijametru kbir (“UHP”). Min-naħa l-oħra, l-industrija tal-Unjoni tipproduċi fil-biċċa l-kbira elettrodi tal-UHP b’dijametru kbir li jintużaw fi fran bl-ark elettriku. Dawn il-partijiet interessati żiedu li l-elettrodi HP/SHP minn naħa, u l-elettrodu UHP min-naħa l-oħra, huma differenti fl-input tal-materjal (kokk), fit-teknoloġija tal-produzzjoni, fl-użu tal-prodott u fil-kwalità, u jappartjenu għal segmenti differenti tas-suq. Ma hemm l-ebda possibbiltà ta’ sostituzzjoni reċiproka. Huma talbu li l-elettrodi żgħar (b’definizzjonijiet differenti): b’dijametru ta’ 500 mm jew anqas għall-Eurofer, b’dijametru ta’ 350 mm jew anqas għal NLMK, b’dijametru ta’ 500 mm jew anqas għal Imerys, b’dijametru ta’ bejn 130 u 250 mm għal COMAP, b’dijametru ta’ 450 mm jew anqas għal Fangda Group u għas-CCCME, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu.

(23)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Eurofer, Fangda Group u s-CCCME tennew mill-ġdid il-pretensjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, CTPS Srl talbet li l-elettrodi b’dijametru ta’ 400 mm jew inqas jenħtieġ li jiġu esklużi. Madankollu, Trasteel talbet li l-elettrodi b’dijametru ta’ 450 mm jew inqas jenħtieġ li jiġu esklużi. Huma argumentaw li ma hemmx biżżejjed produzzjoni tal-Unjoni ta’ dawn l-elettrodi b’dijametru żgħir. Barra minn hekk, huma argumentaw li għadd kbir ta’ elettrodi tal-grafit b’dijametru ta’ aktar minn 350 mm huma elettrodi HP li jintużaw fil-fran tal-kuċċara u li jenħtieġ li jiġu esklużi bl-istess mod mill-ambitu. Il-Kummissjoni ċaħdet dawn il-pretensjonijiet fid-dawl tas-sejba fil-premessi (27) sa (31) hawn taħt.

(24)

Fl-istess ħin, wara d-divulgazzjoni finali, il-produtturi tal-Unjoni opponew l-esklużjoni tal-elettrodi tal-grafit b’dijametru ta’ 350 mm jew anqas mill-ambitu tal-prodott. Il-produtturi tal-Unjoni argumentaw li huma f’pożizzjoni li jżidu l-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit b’dijametru ta’ 350 mm. Fil-fehma tagħhom, it-tnaqqis fil-produzzjoni u fil-bejgħ tal-Unjoni tal-elettrodi tal-grafit b’dijametru ta’ 350 mm matul il-perjodu kkunsidrat kien ir-riżultat, u mhux il-kawża, tal-fluss dejjem akbar ta’ importazzjonijiet inġusti bi prezz baxx miċ-Ċina.

(25)

Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-produzzjoni tal-Unjoni tal-elettrodi tal-grafit b’dijametru ta’ 350 mm jew anqas bdiet tonqos fl-2018, fi żmien fejn is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kien qed jiżdied, u s-sehem mis-suq Ċiniż kien qed jonqos. Sussegwentement, meta s-sehem mis-suq Ċiniż beda jiżdied fl-2019 u fl-2020, il-produzzjoni tal-Unjoni tad-daqsijiet kollha tal-elettrodi naqset. Dawn ix-xejriet ma ppermettewx lill-Kummissjoni tikkonferma d-dikjarazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

(26)

Wara d-divulgazzjoni finali, Henschke GmbH talbet li tuża l-klassifikazzjoni RP/HP/SHP/UHP u li teskludi l-elettrodi tal-grafit RP/HP/SHP mill-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni. Kif spjegat fil-premessa (37) tar-Regolament provviżorju, ma hemm l-ebda standard uffiċjali tal-industrija li jippermetti distinzjoni ċara bejn id-diversi gradi ta’ elettrodi tal-grafit, b’mod partikolari bejn il-gradi HP/SHP u UHP.

(27)

Il-Kummissjoni sabet li l-elettrodi tal-grafit b’dijametru iżgħar huma prinċipalment elettrodi tal-grafit tal-grad HP/SHP, filwaqt li l-elettrodi tal-grafit akbar huma ta’ grad UHP. Madankollu, fin-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża tad-diversi gradi, deher li kien hemm trikkib fil-qisien tad-dijametri ta’ bejn 400 u 500 mm. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet ukoll li l-elettrodi tal-grafit tal-grad HP/SHP normalment jintużaw fil-fran tal-kuċċara, filwaqt li l-elettrodi tal-grafit tal-grad UHP jintużaw kważi esklussivament fi fran bl-ark elettriku. Filwaqt li l-ilmentaturi pprovdew eżempji fejn dan ma huwiex il-każ, madankollu deher li dan l-iskambju huwa limitat ħafna.

(28)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li elettrodi ta’ daqs iżgħar fil-biċċa l-kbira tagħhom jużaw kokk petroliferu ta’ grad aktar baxx fil-proċess tal-produzzjoni, filwaqt li kokk tal-labra ta’ kwalità għolja u għali jintuża sabiex jiġu prodotti elettrodi UHP ta’ daqs akbar. Deher ukoll li l-proċess tal-produzzjoni, filwaqt li varja minn produttur għall-ieħor, kien ġeneralment iqsar u aktar sempliċi għall-elettrodi HP/SHP milli għall-elettrodi UHP (eż. proċess iqsar tal-grafitizzazzjoni, numru aktar baxx ta’ imprenjazzjoni u ta’ ħami mill-ġdid). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm, sa ċertu punt, differenza kemm fil-karatteristiċi tekniċi kif ukoll fl-użi bejn elettrodi tal-grafit b’dijametru iżgħar u dawk b’dijametru akbar.

(29)

Xi utenti tal-Unjoni rrapportaw diffikultajiet sabiex jakkwistaw elettrodi tal-grafit b’dijametru żgħir mill-produtturi tal-Unjoni u argumentaw li l-industrija tal-Unjoni ma pproduċietx dan it-tip ta’ elettrodi fi kwantitajiet suffiċjenti, minħabba li ffokat fuq elettrodi b’dijametru akbar/ta’ grad ogħla. Huma argumentaw ukoll li, minbarra ċ-Ċina, hemm disponibbli ftit sorsi alternattivi ta’ provvista ta’ kwalità adegwata. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni nnotat li l-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI kien ta’ 55,8 % u li l-industrija tal-Unjoni għalhekk għandha kapaċità ta’ riżerva biex tipproduċi aktar kwantitajiet tad-dijametri kollha.

(30)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-produzzjoni tal-Unjoni ta’ elettrodi tal-grafit b’dijametru nominali ta’ 350 mm jew anqas kienet minima u rrappreżentat anqas minn 1 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-elettrodi tal-grafit. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-elettrodi tal-grafit b’dijametru nominali ta’ 400 mm jew aktar ġew prodotti fl-Unjoni fi kwantitajiet aktar sinifikanti.

(31)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li, filwaqt li ma hemm l-ebda limitu ċar f’termini ta’ daqs bejn l-elettrodi tal-grafit HP/SHP u l-elettrodi tal-grafit UHP, l-elettrodi tal-grafit b’dijametru nominali ta’ 350 mm jew anqas dehru b’mod predominanti, jekk mhux esklussivament, bħala elettrodi HP/SHP. Dawn għandhom użi, proċessi tal-produzzjoni u karatteristiċi tekniċi differenti meta mqabbla mal-elettrodi UHP. L-elettrodi UHP huma wkoll dawk prodotti mill-industrija tal-Unjoni u li fuqhom l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jista’ jkollhom xi effetti negattivi.

(32)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li huwa xieraq li l-elettrodi tal-grafit b’dijametru nominali ta’ 350 mm jew anqas jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott.

2.2.   Konklużjoni

(33)

Il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (32) sa (33) tar-Regolament provviżorju, li jeskludu n-nipples mill-ambitu tal-prodott.

(34)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet, kif spjegat hawn fuq, li teskludi mill-ambitu tal-prodott l-elettrodi tal-grafit b’dijametru nominali ta’ 350 mm (4) jew anqas.

3.   DUMPING

(35)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-Kummissjoni rċeviet kummenti bil-miktub mit-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, mill-GTĊ, mis-CCCME u mill-ilmentatur dwar is-sejbiet provviżorji tad-dumping.

3.1.   Valur normali

(36)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi minn (47) sa (168) tar-Regolament provviżorju.

3.1.1.   L-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(37)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, il-GTĊ, kif ukoll is-CCCME u Liaoning Dantan issottomettew kummenti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(38)

L-ewwel nett, il-GTĊ sostna li l-ewwel rapport tal-pajjiż li jikkonċerna r-RPĊ (minn hawn ’il quddiem “ir-Rapport”) (5) huwa difettuż u li d-deċiżjonijiet ibbażati fuqu ma għandhomx bażi fattwali u ġuridika. B’mod aktar speċifiku, il-GTĊ afferma li huwa għandu dubji dwar kemm ir-Rapport jista’ jirrappreżenta l-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni. Min-naħa fattwali, skont il-GTĊ, ir-Rapport huwa miżrappreżentattiv, ixaqleb lejn naħa waħda u maqtugħ mir-realtà. Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ħarġet rapporti tal-pajjiżi għal ftit pajjiżi magħżula jqajjem tħassib dwar it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit (“MFN”). Barra minn hekk, fil-fehma tal-GTĊ, li l-Kummissjoni tibbaża fuq l-evidenza fir-Rapport ma huwiex konformi mal-ispirtu ta’ liġi ġusta u xierqa, minħabba li dan effettivament jammonta għal ġudizzju tal-każ qabel il-proċess.

(39)

Fir-rigward tal-ewwel punt dwar l-istatus tar-Rapport skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku ma jippreskrivix format speċifiku għar-rapporti dwar distorsjonijiet sinifikanti, u lanqas ma dik id-dispożizzjoni tiddefinixxi mezz għall-pubblikazzjoni. Il-Kummissjoni fakkret li r-rapport huwa dokument tekniku bbażat fuq il-fatti, użat biss fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ. Għalhekk, ir-rapport inħareġ b’mod xieraq bħala dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, minħabba li huwa purament deskrittiv u ma jesprimix fehmiet, preferenzi jew ġudizzji politiċi. Dan ma jaffettwax il-kontenut tiegħu, jiġifieri s-sorsi oġġettivi ta’ informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija Ċiniża rilevanti għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tar-rimarki li r-Rapport huwa fattwalment difettuż u jxaqleb lejn naħa waħda, il-Kummissjoni nnotat li r-Rapport huwa dokument komprensiv ibbażat fuq evidenza oġġettiva estensiva, inklużi leġiżlazzjoni, regolamenti u dokumenti ta’ politika uffiċjali oħra ppubblikati mill-GTĊ, rapporti ta’ partijiet terzi minn organizzazzjonijiet internazzjonali, studji akkademiċi u artikli minn akkademiċi, u sorsi indipendenti affidabbli oħra. Minn meta dan sar disponibbli għall-pubbliku f’Diċembru tal-2017, kwalunkwe parti interessata kellha opportunità biżżejjed sabiex tirribatti, tissupplimenta jew tikkummenta dwaru u l-evidenza li fuqha huwa bbażat. Sa issa ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza minn xi parti li turi li s-sorsi użati fir-Rapport ikunu żbaljati.

(40)

B’rispons għall-pretensjoni tal-GTĊ dwar il-ksur tat-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit, il-Kummissjoni fakkret li, kif previst mill-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi prodott rapport tal-pajjiż għal kwalunkwe pajjiż biss meta l-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sewwa tal-eżistenza possibbli ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’pajjiż jew settur speċifiku f’dak il-pajjiż. Mad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku f’Diċembru tal-2017, il-Kummissjoni kellha tali indikazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti għaċ-Ċina. F’Ottubru tal-2020, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rapport dwar id-distorsjonijiet fir-Russja u, fejn xieraq, jistgħu jsegwu rapporti oħrajn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li r-rapporti ma humiex obbligatorji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a). L-Artikolu 2(6a)(c) jiddeskrivi l-kundizzjonijiet sabiex il-Kummissjoni toħroġ rapporti tal-pajjiżi u, skont l-Artikolu 2(6a)(d), l-ilmentaturi ma humiex obbligati jużaw ir-rapport, u l-eżistenza ta’ rapport tal-pajjiż lanqas ma hija kundizzjoni sabiex tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 2(6a) wara l-Artikolu 2(6a)(e). Skont l-Artikolu 2(6a)(e), evidenza suffiċjenti li tagħti prova ta’ distorsjonijiet sinifikanti fi kwalunkwe pajjiż miġjuba mill-ilmentaturi li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(6a)(b) hija biżżejjed sabiex tinbeda l-investigazzjoni fuq dik il-bażi. Għalhekk, ir-regoli li jikkonċernaw distorsjonijiet sinifikanti speċifiċi għall-pajjiż japplikaw għall-pajjiżi kollha mingħajr ebda distinzjoni, u irrispettivament mill-eżistenza ta’ rapport tal-pajjiż. B’riżultat ta’ dan, minnhom infushom, ir-regoli dwar id-distorsjonijiet tal-pajjiżi ma jiksrux it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit.

(41)

It-tieni, il-GTĊ u s-CCCME argumentaw li l-kostruzzjoni tal-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku hija inkonsistenti mal-ADA, b’mod partikolari mal-Artikolu 2.2. tal-ADA, li jipprovdi lista eżawrjenti ta’ sitwazzjonijiet fejn jista’ jinħadem il-valur normali, u d-“distorsjonijiet sinifikanti” ma humiex elenkati fost sitwazzjonijiet bħal dawn. Barra minn hekk, l-użu ta’ data minn pajjiż rappreżentattiv xieraq huwa, skont il-GTĊ, inkonsistenti mal-Artikolu VI.1(b) tal-GATT u mal-Artikolu 2.2.1.1. tal-ADA, li jirrikjedu l-użu tal-kostijiet tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini meta jinħadem il-valur normali.

(42)

It-tielet, il-GTĊ, kif ukoll is-CCCME u Liaoning Dantan affermaw li l-prattiki investigattivi tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma inkonsistenti mar-regoli tad-WTO, sa fejn il-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 2.2.1.1. tal-ADA, injorat ir-rekords tal-produtturi Ċiniżi mingħajr ma ddeterminat jekk dawk ir-rekords humiex f’konformità mal-prinċipji tal-kontabilità ġeneralment aċċettati fiċ-Ċina. F’dan ir-rigward, il-GTĊ fakkar li l-Korp tal-Appell fl-Unjoni Ewropea – Anti-Dumping Measures on Biodiesel from Argentina (“DS473”) u r-Rapport tal-Panel fl-Unjoni Ewropea – Cost Adjustment Methodologies II (ir-Russja) (“DS494”) asserixxew li, skont l-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA, sakemm ir-rekords miżmuma mill-esportatur jew mill-produttur taħt investigazzjoni jkunu jikkorrispondu – f’limiti aċċettabbli – b’mod preċiż u affidabbli, għall-kostijiet effettivi kollha mġarrba mill-produttur jew mill-esportatur partikolari għall-prodott taħt kunsiderazzjoni, huma jistgħu jitqiesu li “jirriflettu b’mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt kunsiderazzjoni”, u jenħtieġ li l-awtorità investigattiva tuża tali rekords sabiex tiddetermina l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi investigati.

(43)

Fir-rigward tat-tieni u t-tielet argumenti dwar l-allegata inkompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mal-liġi tad-WTO, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.2. u 2.2.1.1. tal-ADA, kif ukoll is-sejbiet f’DS473 u DS494, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (54) tar-Regolament provviżorju fejn kienu diġà ġew miċħuda pretensjonijiet simili mill-partijiet interessati. Barra minn hekk, fir-rigward tal-pretensjoni li l-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti inkluż fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma huwiex elenkat fost is-sitwazzjonijiet li fihom huwa permissibbli li l-valur normali jinħadem skont l-Artikolu 2.2 tal-ADA, il-Kummissjoni fakkret li d-dritt domestiku ma għandux bżonn juża l-istess termini eżatti bħall-Ftehimiet koperti sabiex ikun konformi ma’ dawk il-Ftehimiet, u li hija tqis li l-Artikolu 2(6a) huwa kompletament konformi mar-regoli rilevanti tal-ADA (u, b’mod partikolari, mal-possibbiltajiet li valur normali jinħadem kif previst fl-Artikolu 2.2 tal-ADA). Fi kwalunkwe każ, peress li dawn il-pretensjonijiet ma fihom l-ebda element ġdid, dawn ġew miċħuda.

(44)

Ir-raba’, il-GTĊ sostna li l-Kummissjoni jenħtieġ li tkun konsistenti u teżamina bis-sħiħ jekk hemmx l-hekk imsejħa distorsjonijiet tas-suq fil-pajjiż rappreżentattiv. Il-fatt li d-data tal-pajjiż rappreżentattiv tiġi aċċettata faċilment mingħajr tali evalwazzjoni jirrappreżenta “standards doppji”. Fil-fehma tal-GTĊ, l-istess japplika għall-evalwazzjoni tal-prezzijiet u tal-kostijiet tal-industrija tal-UE.

(45)

Fir-rigward tar-raba’ punt li jitlob lill-Kummissjoni taċċerta li d-data ta’ pajjiżi terzi użata fil-proċedimenti tal-Kummissjoni ma hijiex affettwata mid-distorsjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni fakkret li, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, hija tipproċedi sabiex taħdem il-valur normali abbażi ta’ data magħżula għajr il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur biss fejn tistabbilixxi li tali data hija l-aktar xierqa sabiex tirrifletti l-prezzijiet u l-kostijiet mingħajr distorsjoni. F’dan il-proċess, il-Kummissjoni hija marbuta li tuża biss data mingħajr distorsjoni. F’dak ir-rigward, il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar is-sorsi proposti għad-determinazzjoni tal-valur normali fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni. Id-deċiżjoni aħħarija tal-Kummissjoni dwar liema data mingħajr distorsjoni jenħtieġ li tintuża sabiex jiġi kkalkolat il-valur normali tqis bis-sħiħ dawk il-kummenti. Fir-rigward tat-talba tal-GTĊ lill-Kummissjoni sabiex tevalwa d-distorsjonijiet possibbli fis-suq intern tal-UE, il-Kummissjoni naqset milli tara r-rilevanza ta’ dan il-punt fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(46)

Il-ħames, Liaoning Dantan argumentat li l-Kummissjoni pprovdiet dikjarazzjoni ġenerali ħafna fil-premessa (54) tar-Regolament provviżorju u ma spjegatx b’mod espliċitu l-bażi ġuridika fil-Ftehimiet tad-WTO, inkluż il-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, b’appoġġ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Fin-nuqqas ta’ raġunament ċar ħafna dwar ir-raġuni għaliex il-Kummissjoni hija ta’ din il-fehma, id-divulgazzjoni tal-Kummissjoni ma tissodisfax l-istandards legali ta’ dikjarazzjoni adegwata tar-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha li tapplika l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(47)

Il-Kummissjoni ma qablitx mal-ħames argument li tqajjem minn Liaoning Dantan. Fil-premessa (54) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni stabbiliet għaliex il-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ hija kompatibbli mad-WTO. Fir-rigward tal-argument ta’ Liaoning Dantan rigward il-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina, il-Kummissjoni fakkret li fil-proċedimenti anti-dumping li jikkonċernaw prodotti miċ-Ċina, il-partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO li ma skadewx ikomplu japplikaw meta jiġi ddeterminat il-valur normali, kemm fir-rigward tal-istandard tal-ekonomija tas-suq, kif ukoll fir-rigward tal-użu ta’ metodoloġija li ma hijiex ibbażata fuq tqabbil strett mal-prezzijiet jew mal-kostijiet Ċiniżi. Barra minn hekk, Liaoning Dantan tidher li qiegħda tgħaqqad l-obbligu li jiġu ddikjarati r-raġunijiet għall-applikazzjoni sostantiva tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma’ allegat obbligu li tiġi spjegata l-bażi ġuridika tad-WTO li tappoġġa l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni spjegat fid-dettall fil-premessi minn (57) sa (113) tar-Regolament provviżorju r-raġunijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, u b’hekk tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligu legali tagħha dwar dikjarazzjoni adegwata tar-raġunijiet. B’konsegwenza, l-argument ta’ Liaoning Dantan ġie miċħud.

(48)

Minbarra l-argumenti tagħha dwar il-kompatibbiltà mad-WTO tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, is-CCCME affermat ukoll li l-pjanijiet ta’ ħames snin fiċ-Ċina huma sempliċiment dokumenti ta’ gwida li jesprimu fehmiet ta’ politika għall-futur. Bħala tali, fil-fehma tas-CCCME, il-pjanijiet ma humiex vinkolanti, anke minħabba li ma humiex adottati bl-istess mod bħal-liġijiet jew id-digrieti. Barra minn hekk, is-CCCME rrimarkat li jistgħu jinstabu wkoll dokumenti simili fl-Ewropa, inkluż, fost l-oħrajn, id-dokumenti ta’ politika tal-Kummissjoni.

(49)

Il-Kummissjoni fakkret li s-sistema Ċiniża tal-ippjanar tistabbilixxi prijoritajiet u tippreskrivi l-għanijiet li l-gvernijiet ċentrali u lokali jridu jiffokaw fuqhom. Jeżistu pjanijiet rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern u dawn ikopru virtwalment is-setturi ekonomiċi kollha u l-awtoritajiet f’kull livell amministrattiv jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet mil-livell inferjuri korrispondenti tal-gvern. Kif deskritt fid-dettall fir-Rapport, l-objettivi stabbiliti mill-istrumenti ta’ ppjanar għandhom, fil-fatt, saħħa vinkolanti, u s-sistema tal-ippjanar tirriżulta fl-allokazzjoni ta’ riżorsi għal setturi deżinjati bħala strateġiċi jew inkella politikament importanti mill-gvern, minflok fl-allokazzjoni tagħhom f’konformità mal-forzi tas-suq. (6) Għalhekk il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.

(50)

Barra minn hekk, Liaoning Dantan oġġezzjonat għall-fatt li l-Kummissjoni invokat numru ta’ fatturi trażversali eżistenti fiċ-Ċina sabiex turi l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti. B’mod partikolari, Liaoning Dantan argumentat li l-fatt li hija membru u direttur permanenti għall-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Karbonju taċ-Ċina ma jikkostitwixxix intervent mill-Istat fl-operat ta’ Liaoning Dantan, u wisq anqas ma jinfluwenza d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha. Bl-istess mod, Liaoning Dantan sostniet li, bħala kumpanija bi sjieda privata, hija kienet kompletament soġġetta għal regoli moderni ta’ governanza korporattiva orjentati lejn is-suq u l-attivitajiet operattivi tagħha kienu esklussivament responsabbli għall-azzjonisti privati tal-kumpanija skont id-Dritt tal-Kumpaniji tar-RPĊ. Barra minn hekk, Liaoning Dantan affermat li l-eżistenza ta’ intervent mill-Istat ma tkunx ugwali għal distorsjonijiet sinifikanti u li l-Kummissjoni għandha l-obbligu legali li tistabbilixxi l-effett distorsiv tal-allegati interventi mill-Istat fuq il-prezzijiet u l-kostijiet tagħha.

(51)

L-argumenti ta’ Liaoning Dantan dwar l-allegat nuqqas ta’ distorsjonijiet sinifikanti minkejja l-interventi eżistenti tal-gvern ma setgħux jiġu aċċettati. L-ewwel nett, Liaoning Dantan ma pprovdiet l-ebda informazzjoni li tpoġġi f’dubju l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-premessa (90) tar-Regolament provviżorju) dwar l-elettrodi tal-grafit li qegħdin jitqiesu bħala industrija mħeġġa u, għalhekk, soġġetti għal distorsjonijiet. L-istess japplika għad-distorsjonijiet li jikkonċernaw l-inputs meħtieġa għall-manifattura tal-prodott li qiegħed jiġi investigat (ara, b’mod partikolari, il-premessi (90) u (110) tar-Regolament provviżorju). It-tieni, filwaqt li Liaoning Dantan qieset li l-fatt li tkun membru u direttur permanenti għall-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Karbonju taċ-Ċina ma ssarrafx f’intervent mill-Istat, hija ma kkontestatx l-osservazzjoni li saret fil-premessa (86) tar-Regolament provviżorju li l-iskop tal-assoċjazzjoni kien “li timplimenta l-linja tal-partit, il-linji gwida, u l-politiki” u li l-assoċjazzjoni “taderixxi mat-tmexxija ġenerali tal-Partit Komunista taċ-Ċina”. It-tielet, fir-rigward tal-pretensjoni ta’ Liaoning Dantan li hija kumpanija bi sjieda privata b’governanza korporattiva moderna, il-Kummissjoni ddeskriviet fil-premessi (57) sa (111) tar-Regolament provviżorju l-interventi sostanzjali tal-gvern fir-RPĊ li jirriżultaw f’distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq. Dawk id-distorsjonijiet jaffettwaw lill-operaturi kummerċjali, irrispettivament mill-istruttura tas-sjieda jew mill-istruttura maniġerjali. Għalhekk, dawn l-il-pretensjonijiet ġew miċħudin.

(52)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTĊ, kif ukoll is-CCCME, Liaoning Dantan u Fangda Group issottomettew kummenti ulterjuri dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(53)

Il-GTĊ tenna l-fehma tiegħu li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa inkonsistenti mal-ADA u li r-Rapport għandu difetti fattwali u legali.

(54)

B’mod aktar speċifiku, il-GTĊ argumenta li l-kontenut tar-Rapport jaqbeż l-ambitu xieraq tal-investigazzjonijiet anti-dumping, li huwa jinterpreta ħażin l-istituzzjonijiet taċ-Ċina u jittratta l-vantaġġi kompetittivi leġittimi tal-kumpaniji Ċiniżi u d-differenzi istituzzjonali normali bejn iċ-Ċina u l-UE bħala l-bażi għall-konklużjoni li l-ekonomija Ċiniża hija affettwata minn distorsjonijiet sinifikanti tas-suq. F’dan ir-rigward, il-GTĊ ikkritika l-prattika tal-Kummissjoni li tagħti lill-partijiet kollha l-opportunità li jirribattu, jissupplimentaw jew jikkummentaw dwar ir-Rapport. Minflok, il-GTĊ argumenta li ċ-Ċina kienet talbet sa mill-bidu nett, li l-Kummissjoni jenħtieġ li tirtira r-Rapport, aktar milli tissupplimentah jew timmodifikah, u li l-GTĊ ma kellu l-ebda obbligu jew ħtieġa li jikkummenta dwar ir-Rapport.

(55)

Barra minn hekk, il-GTĊ qies il-prattika ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni inkonsistenti mal-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA u mar-rapporti tad-WTO dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim f’DS473 u f’DS494 minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ikkonformat mal-obbligu tagħha li turi li d-distorsjonijiet sinifikanti tas-suq jirriżultaw f’li r-rekords kontabilistiċi tal-intrapriżi Ċiniżi ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ relatati mal-prodotti li qegħdin jiġu investigati, peress li l-objettiv ta’ dik l-analiżi huwa intrapriżi individwali, mhux gvernijiet jew istituzzjonijiet. Konsegwentement, il-politiki makroekonomiċi ġenerali taċ-Ċina jew is-sħubija ta’ intrapriża f’assoċjazzjoni tal-industrija ma jistgħux jispjegaw kwistjonijiet speċifiċi bħan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data dwar il-kost tal-intrapriża.

(56)

Il-Kummissjoni ma qablitx. L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegati difetti fattwali tar-Rapport, il-GTĊ sempliċement jirrepeti l-argument imqajjem qabel u li ġie indirizzat fil-premessa (39). Fir-rigward tat-talba tal-GTĊ biex ir-Rapport jiġi rtirat minflok ma l-partijiet interessati jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar il-kontenut tiegħu, il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni mhux biss hija obbligata li tipproduċi u li tagħmel rapporti pubbliċi li jiddeskrivu ċ-ċirkostanzi rilevanti tas-suq meta jkun hemm indikazzjonijiet fondati ta’ distorsjonijiet sinifikanti – kif inhu l-każ għar-RPĊ – iżda l-Kummissjoni trid tipprovdi wkoll lill-partijiet interessati b’biżżejjed opportunità biex jirribattu, jissupplimentaw, jikkummentaw jew jibbażaw fuq dawn ir-rapporti u fuq l-evidenza sottostanti. Il-Kummissjoni ħadet nota dovuta tal-għażla tal-GTĊ li ma jagħmilx użu minn dik l-opportunità, u konsegwentement innotat li t-talba tal-GTĊ biex ir-Rapport jiġi rtirat mingħajr ma wieħed jidħol fis-sustanza u l-evidenza tiegħu ma tistax tiġi aċċettata. It-tieni, fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-WTO tal-prattiki ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni diġà indirizzat b’mod estensiv l-argument tal-GTĊ fil-premessa (54) tar-Regolament provviżorju, kif ukoll fil-premessa (43), inkluża l-fehma tal-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huma konsistenti bis-sħiħ mal-obbligi tad-WTO tal-Unjoni. Il-Kummissjoni fakkret li l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti tagħmel il-kostijiet u l-prezzijiet fil-pajjiż esportatur mhux xierqa għall-kostruzzjoni tal-valur normali u li l-liġi tad-WTO, kif interpretata mill-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim u mill-Korp tal-Appell f’DS473, tippermetti, fil-prinċipju, l-użu ta’ data minn pajjiż terz, aġġustata kif xieraq meta tali aġġustament ikun meħtieġ u sostanzjat.

(57)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, is-CCCME qajmet argumenti relatati mar-Rapport u tenniet il-fehmiet tagħha espressi preċedentement li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma kienx kompatibbli mal-ADA. Dan l-argument ġie mtenni fis-sottomissjoni ta’ Fangda Group. Fangda Group, bħala membru tas-CCCME, approva b’mod espliċitu l-opinjoni tas-CCCME.

(58)

Fir-rigward tar-Rapport, is-CCCME tenniet li billi bbażat fuq ir-Rapport, il-Kummissjoni kompliet targumenta b’mod ċirkolari fejn l-esportaturi jeħtieġ li jiċħdu l-allegazzjonijiet magħmula fir-Rapport, li fi kwalunkwe każ kien imħejji bl-għan speċifiku li jservi bħala bażi għall-produtturi tal-Unjoni biex jibdew investigazzjonijiet ta’ difiża kummerċjali u li, f’dan il-każ, lanqas biss isemmi s-settur li qiegħed jiġi investigat. Għalhekk, is-CCCME fakkret li l-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-awtorità investigattiva.

(59)

Barra minn hekk, is-CCCME tenniet l-argument tagħha li l-pjanijiet ta’ ħames snin fiċ-Ċina huma biss dokumenti ta’ gwida, għall-kuntrarju ta’ “liġijiet”, “regolamenti” jew “digrieti” li għandhom saħħa vinkolanti. F’dan ir-rigward, is-CCCME indikat li fl-Ewropa jeżistu wkoll dokumenti ta’ gwida simili.

(60)

Rigward il-kompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mad-WTO, is-CCCME sostniet li, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “distorsjonijiet sinifikanti” inkluż fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma jidher fl-ebda regola tal-ADA tad-WTO jew tal-GATT tal-1994. B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “distorsjonijiet sinifikanti” ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji pprovduti fl-Artikolu 2.2 tal-ADA. Rigward l-użu tad-data minn pajjiż terz, is-CCCME sostniet li minkejja li skont il-Korp tal-Appell f’DS473 l-użu tad-data minn sors barra l-pajjiż esportatur ma huwiex ipprojbit, il-Kummissjoni tidher li tinjora l-fatt li l-Korp tal-Appell enfasizza wkoll li dan, madankollu, ma jfissirx li awtorità investigattiva tista’ sempliċement tissostitwixxi l-kost minn barra l-pajjiż tal-oriġini bil-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini, kif ukoll li meta tibbaża fuq kwalunkwe informazzjoni barra mill-pajjiż biex tiddetermina l-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini skont l-Artikolu 2.2 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping, awtorità investigattiva għandha tiżgura li tali informazzjoni tintuża biex tasal għall-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini u dan jista’ jirrikjedi li l-awtorità tal-investigazzjoni tadatta dik l-informazzjoni. Għalhekk, l-approċċ tal-Kummissjoni jidher, fil-fehma tas-CCCME, li huwa inkonsistenti mal-obbligi tal-Unjoni skont l-Artikolu 2.2 tal-ADA tad-WTO. It-tieni, is-CCCME qieset li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jikser l-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA u d-deċiżjoni f’DS437 minħabba li skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, ladarba l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “distorsjonijiet sinifikanti”, ma huwiex meħtieġ li wieħed jgħaddi miż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA, jiġifieri jekk ir-rekords humiex f’konformità mal-GAAP tal-pajjiż esportatur, u jekk ir-rekords jirriflettux b’mod raġonevoli l-kostijiet assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt kunsiderazzjoni.

(61)

Barra minn hekk, is-CCCME tenniet l-argument li kienet issottomettiet preċedentment li skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tad-distorsjonijiet sinifikanti allegati trid issir għal kull esportatur u produttur separatament, u li l-Kummissjoni jenħtieġ li, kif xieraq, tissostanzja l-valutazzjoni tagħha għal mill-inqas kull produttur esportatur inkluż fil-kampjun. L-istess argument tqajjem ukoll minn Fangda Group.

(62)

L-argumenti tas-CCCME ma setgħux jiġu aċċettati. L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegat mod ċirkolari tal-argumentazzjoni tal-Kummissjoni u l-oneru tal-provi, il-Kummissjoni fakkret – kif diġà ddikjarat fil-premessi (53) u (55) tar-Regolament provviżorju – li t-taqsima 3.3.1 tar-Regolament provviżorju fiha l-valutazzjoni sħiħa tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Il-Kummissjoni ma rat l-ebda ċirkolarità fil-mod kif twettqet dik il-valutazzjoni, jiġifieri li l-Kummissjoni bbażat fuq l-evidenza disponibbli, inkluż ir-Rapport, u li l-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar dik l-evidenza. It-tieni, fir-rigward tan-natura tal-pjanijiet ta’ ħames snin, filwaqt li nnotat li l-eżistenza u n-natura tad-dokumenti tal-ippjanar fl-Unjoni ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni fakkret li, kif diġà huwa spjegat fid-dettall fil-premessi (73) u (74) tar-Regolament provviżorju u fil-premessa (49), in-natura speċifika tal-ippjanar industrijali fiċ-Ċina ma hijiex biss komprensiva, u tkopri virtwalment il-produzzjoni industrijali kollha fil-pajjiż, iżda taffettwa wkoll direttament id-deċiżjonijiet kummerċjali tal-operaturi tas-suq minħabba mekkaniżmi finanzjarji u oħrajn, li jwasslu lil dawn l-operaturi biex jikkonformaw mal-pjanijiet ta’ ħames snin (“FYPs”). Bħala eżempju, il-Kummissjoni fakkret, skont it-13-il FYP li l-gvernijiet lokali u d-dipartimenti tal-gvern kollha jridu jaħdmu bis-sħiħ biex jorganizzaw, jikkoordinaw, u jiggwidaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan. Se nwettqu monitoraġġ u evalwazzjoni dinamiċi tal-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan. Il-proċeduri ta’ approvazzjoni relatati mal-proġetti u l-inizjattivi inklużi f’dan il-pjan se jiġu ssimplifikati u se tingħata prijorità lilhom fl-għażla tas-siti, fid-disponibbiltà tal-art, u fl-arranġamenti ta’ finanzjament. Se jiġi żgurat li l-uffiċċji tal-awditjar ikollhom rwol fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni (7). It-tielet, fir-rigward tal-allegata inkompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mal-liġi tad-WTO, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.2. u 2.2.1.1. tal-ADA, kif ukoll is-sejbiet f’DS473, il-Kummissjoni tenniet il-fehma tagħha espressa fil-premessa (54) tar-Regolament provviżorju, kif ukoll fil-premessa (56), li 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa konformi bis-sħiħ mal-obbligi tal-UE skont il-liġi tad-WTO, u dik il-liġi tad-WTO, kif interpretata mill-Bord tas-Soluzzjoni tat-Tilwim u mill-Korp tal-Appell f’DS473, tippermetti l-użu ta’ data minn pajjiż terz, aġġustata kif xieraq meta tali aġġustament ikun meħtieġ u sostanzjat. Barra minn hekk, rigward il-pretensjoni li l-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti inklużi fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma huwiex elenkat fost is-sitwazzjonijiet fejn huwa permissibbli li jinħadem il-valur normali skont l-Artikolu 2.2. tal-ADA, dan l-argument diġà ġie indirizzat fil-premessa (43). Ir-raba’, fir-rigward tal-valutazzjoni individwali ta’ distorsjonijiet sinifikanti għal kull produttur esportatur, il-Kummissjoni fakkret li ladarba jiġi ddeterminat li, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għall-produttur esportatur f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-produttur esportatur, il-Kummissjoni tista’ taħdem il-valur normali bl-użu ta’ prezzijiet mingħajr distorsjoni jew parametri referenzjarji f’pajjiż rappreżentattiv xieraq għal kull produttur esportatur skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Tali determinazzjoni saret abbażi tal-valutazzjoni mwettqa fil-premessi (57) sa (111) tar-Regolament provviżorju u ġiet applikata individwalment għal kull produttur esportatur. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jippermetti l-użu tal-kostijiet domestiċi biss jekk ikun stabbilit b’mod pożittiv li huma mingħajr distorsjoni. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza fil-fajl li turi li dan ikun il-każ.

(63)

Liaoning Dantan issottomettiet kummenti relatati mal-kompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mad-WTO, kif ukoll rigward l-istandards legali ta’ dikjarazzjoni adegwata tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(64)

B’mod aktar speċifiku, Liaoning Dantan argumentat li (i) il-Kummissjoni, billi sempliċement tenniet li l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku huwa kompatibbli mad-WTO, naqset milli tipprovdi elaborazzjoni ulterjuri dwar il-bażi ġuridika eżatta li tipprevedi l-kompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) mad-dritt tad-WTO u (ii) ma ġiet ipprovduta l-ebda spjegazzjoni dwar liema parti tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO titqies li qed tkompli tapplika, wisq inqas ir-raġunament biex tiġi appoġġata din il-fehma. Konsegwentement, Liaoning Dantan kienet tal-fehma li l-użu ta’ data minn pajjiż terz fil-kostruzzjoni tal-valur normali fuq il-bażi tal-allegata eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti huwa inkompatibbli mal-Artikolu 2.2 u mal-Artikolu 2.2.1.1 tal-ADA u mar-rapporti dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim f’DS473.

(65)

Barra minn hekk, Liaoning Dantan tenniet li l-Kummissjoni għandha l-obbligu legali li tistabbilixxi l-effett distorsiv tal-allegati interventi mill-Istat u li, konsegwentement, ma huwiex f’idejn Liaoning Dantan li tipproduċi evidenza li turi l-kuntrarju. Għalhekk, fl-opinjoni ta’ Liaoning Dantan, il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li tivvaluta l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għal kull esportatur u produttur separatament f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(66)

L-argumenti ta’ Liaoning Dantan iridu jiġu miċħuda. L-ewwel nett, l-argument dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mad-WTO ġie indirizzat fid-dettall preċedentement. Għalhekk, il-Kummissjoni tenniet il-fehma tagħha espressa fil-premessa (54) tar-Regolament provviżorju, kif ukoll fil-premessi (43) u (56). Fir-rigward tal-argument ta’ Liaoning Dantan dwar it-Taqsima 15 tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO, il-Kummissjoni tfakkar il-pożizzjoni tagħha espressa fil-premessa (47). It-tieni, fir-rigward tal-argument dwar il-valutazzjoni individwali għal kull produttur esportatur, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa (62), fejn ġie indirizzat dan l-argument.

3.1.2.   Konklużjoni

(67)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, is-sejbiet li saru fil-premessi (57) sa (113) tar-Regolament provviżorju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, f’dan il-każ ġew ikkonfermati.

3.1.3.   Pajjiż rappreżentattiv

(68)

Filwaqt li s-CCCME tenniet id-dubji tagħha dwar jekk il-Messiku jistax jitqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq sabiex jiġu ddeterminati l-valuri normali tal-esportaturi Ċiniżi, hija rrikonoxxiet ukoll l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tagħżel ammont raġonevoli ta’ SG&A u profitt, li jirriflettu r-rekwiżiti fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(69)

Billi ma ġie ppreżentat l-ebda argument ġdid u fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-Kummissjoni kkonfermat l-għażla tal-Messiku bħala pajjiż rappreżentattiv li saret fil-premessi (114) sa (148) tar-Regolament provviżorju.

3.1.4.   Sorsi użati sabiex jiġu stabbiliti kostijiet mingħajr distorsjoni għall-fatturi ta’ produzzjoni

(70)

Il-Kummissjoni stabbiliet id-dettalji dwar is-sorsi użati sabiex jiġi stabbilit il-valur normali fil-premessi (139) sa (168) tar-Regolament provviżorju. Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju, diversi partijiet għamlu affermazzjonijiet dwar is-sorsi differenti użati sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali.

3.1.4.1.   Materja prima użata fil-proċess ta’ produzzjoni

(71)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karbonju u l-Grafit (“ECGA”) tenniet il-pretensjoni tagħha li l-Kummissjoni jenħtieġ li tibbaża fuq prezzijiet rappreżentattivi tal-kokk petroliferu (il-kodiċi HS 2713 12) sabiex tibni l-valur normali u li l-prezzijiet użati fl-istadju provviżorju kienu baxxi b’mod artifiċjali peress li dawk il-prezzijiet koprew prinċipalment materjali ta’ kwalità baxxa li ma jistgħux jintużaw għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit.

(72)

Kif inhu msemmi fil-premessi (140) u (145) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddeċidiet b’mod provviżorju li tistabbilixxi l-parametru referenzjarju bbażat fuq il-prezz tal-importazzjoni Messikan, aggregat fil-livell tal-pajjiż. Is-sors tal-informazzjoni kien l-Atlas tal-Kummerċ Globali (il-“GTA”). Wara l-pretensjoni tal-ECGA, il-Kummissjoni analizzat il-kwistjoni u sabet, abbażi tal-istess bażi tad-data użata fl-istadju provviżorju (jiġifieri l-GTA), informazzjoni aktar dettaljata dwar l-importazzjoni li tiddistingwi bejn il-punti differenti ta’ importazzjonijiet fil-Messiku li l-kokk petroliferu (il-kodiċi HS 2713 12) ġie importat fil-Messiku bil-baħar u fuq l-art mill-Istati Uniti. L-istatistika doganali Messikana li tinsab fil-GTA pprevediet li l-prezz tal-importazzjoni kien ta’ madwar USD 2 144 għal kull tunnellata meta l-importazzjoni seħħet permezz tal-belt fruntiera Messikana Nuevo Laredo (fuq l-art mill-Istati Uniti) filwaqt li l-importazzjonijiet f’partijiet oħra tal-Messiku taw prezz ta’ madwar USD 200 għal kull tunnellata. Abbażi ta’ informazzjoni disponibbli għall-pubbliku (8), il-Kummissjoni qieset li l-prezz ta’ USD 200 għal kull tunnellata ma setax jirrifletti l-kost tal-kokk petroliferu ta’ grad għoli meħtieġ għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit, iżda kien jirrifletti l-grad sostanzjalment aktar baxx ta’ fjuwil użat għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u fil-fran tas-siment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-produttur Messikan tal-elettrodi tal-grafit GrafTech Mexico jinsab qrib Nuevo Laredo u l-fornitur prinċipali tiegħu tal-kokk petroliferu wkoll jinsab qrib dik il-belt min-naħa tal-Istati Uniti. Il-produttur Messikan ikkonferma li l-kokk petroliferu tiegħu kien importat fi kwantitajiet sinifikanti mill-belt ta’ Nuevo Laredo u kien jintuża għall-produzzjoni ta’ elettrodi tal-grafit. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża fuq il-prezz tal-importazzjoni li jinsab fi Nuevo Laredo għall-istabbiliment tal-parametru referenzjarju tal-kokk petroliferu tagħha bħala rappreżentattiv għall-kokk petroliferu ta’ grad għoli li jintuża speċifikament għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit.

(73)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni provviżorja, Liaoning Dantan affermat li l-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ konverżjoni FOB/CIF żbaljat għad-data tal-importazzjoni tal-FOB Messikan mill-GTA. B’mod partikolari, il-parti ddikjarat li l-kostijiet tat-trasport kienu ddikjarati żżejjed u li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża koeffiċjent speċifiku għall-importazzjonijiet Messikani peress li l-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet ikkunsidrati saru mill-Istati Uniti.

(74)

Kif spjegat fil-premessa (151) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima abbażi ta’ prezz medju ponderat tal-importazzjoni (CIF). Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jirrapportaw il-valur tal-importazzjonijiet tagħhom fil-livell tal-fruntiera doganali (pereżempju s-CIF f’każ ta’ konsenja bil-baħar), il-Messiku jirrapporta l-valur tal-importazzjonijiet tiegħu mingħajr ma jqis il-kostijiet tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar (jiġifieri, fil-livell tal-FOB). Għalhekk, għall-kalkoli provviżorji, il-Kummissjoni aġġustat il-valuri rrapportati mill-Messiku sabiex tilħaq il-valur doganali tal-fruntiera (jiġifieri, fil-livell tas-CIF).

(75)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba u qieset li l-koeffiċjent ta’ konverżjoni FOB/CIF użat ma kienx jirrifletti b’mod raġonevoli l-oriġini tal-merkanzija importata fil-Messiku. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-koeffiċjent FOB/CIF abbażi tal-oriġini reali tal-merkanzija importata. Meta ġew importati minn Nuevo Laredo, ma ġie applikat l-ebda koeffiċjent peress li l-merkanzija ġiet importata fuq l-art.

(76)

It-tabella tal-fatturi tal-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit imsemmija fil-premessa (150) tar-Regolament provviżorju għalhekk ġiet sostitwita bit-tabella li ġejja:

Fatturi tal-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit

Fattur tal-Produzzjoni

Kodiċi tal-Merkanzija

Valur mingħajr distorsjoni (RMB)

Unità ta’ kejl

Materja prima

Kokk petroliferu (kalċinat)

2713 12

14 789

Tunnellata

Kokk petroliferu (mhux kalċinat)

2713 11

396

Tunnellata

Żift mill-qatran tal-faħam

2708 10

7 840

Tunnellata

Kokk taż-żift mill-qatran mill-faħam

2708 20

3 917

Tunnellata

Kokk u semikokk tal-faħam

2704 00

1 860

Tunnellata

Asfalt tal-faħam

2715 00

5 965

Tunnellata

Faħam

2701 12

836

Tunnellata

Frammenti tal-grafit

3801 10 , 3801 90

12 320

Tunnellata

Oġġetti tal-konsum

Manodopera

Pagi tal-ħaddiema fis-settur tal-manifattura

[MHUX APPLIKABBLI]

13,37

Siegħa

Enerġija

Elettriku

[MHUX APPLIKABBLI]

0,48  (9)

kWh

Gass Naturali

[MHUX APPLIKABBLI]

0,70

m3

Prodott sekondarju/skart

Ruttam tal-grafit

3801 90

12 320

Tunnellata

Ruttam tal-karbur tas-siliċju

2849 20

7 472

Tunnellata

3.1.4.2.   Elettriku

(77)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Fangda Group u Liaoning Dantan indikaw li, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie ddikjarat fil-premessa (155) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ma stabbilitx il-prezz tal-elettriku abbażi tal-prezzijiet ippubblikati mill-Kummissjoni Federali Messikana tal-Elettriku (“Comisión Federal de Electricidad” jew “CFE”).

(78)

Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni u biddlet il-prezz referenzjarju għall-elettriku f’konformità mal-premessa (155) tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni użat is-CFE stabbilit għall-utenti industrijali tan-network ta’ vultaġġ għoli msejjaħ “DIT” (10).

(79)

Barra minn hekk, Liaoning Dantan tenniet il-pretensjoni tagħha li diġà kienet għamlet wara t-tieni Nota li l-prezzijiet tal-elettriku fil-Messiku huma distorti ’l fuq minħabba li l-amministrazzjoni l-ġdida Messikana allegatament xekklet il-produzzjoni u l-investiment tal-enerġija rinnovabbli, billi ffavoriet lill-ġeneratur tal-enerġija tal-Istat CFE għad-detriment tal-operaturi tal-enerġija rinnovabbli ta’ sjieda privata fl-2019. Il-parti affermat ukoll li l-konsegwenzi diretti ta’ din id-distorsjoni huma li t-tariffi tat-trażmissjoni fil-prezz referenzjarju tal-elettriku jridu jiġu aġġustati sabiex jirriflettu l-valur mingħajr distorsjoni qabel l-intervent tal-Istat Messikan fis-suq, jiġifieri qabel l-2019 meta l-amministrazzjoni l-ġdida Messikana ħadet is-setgħa f’idejha.

(80)

Il-Kummissjoni osservat li l-parti ma ssottomettiet l-ebda evidenza ġdida. Barra minn hekk, kif huwa diġà indikat fil-premessa (157) tar-Regolament provviżorju, il-parti preċedentement irreferiet biss għal bosta artikli tal-istampa li jargumentaw li l-enerġija rinnovabbli hija allegatament imxekkla fil-Messiku. Madankollu, ma ġiet provduta l-ebda evidenza konkreta li turi li dan tabilħaqq kien il-każ u, aktar importanti minn hekk, li l-prezzijiet tal-elettriku fil-Messiku ġew affettwati minn din l-allegata politika tal-Gvern Messikan. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni kif ukoll it-talba sabiex taġġusta t-tariffi tat-trażmissjoni b’valuri ta’ qabel l-2019.

3.1.4.3.   Il-perċentwal tal-SG&A

(81)

Liaoning Dantan tenniet il-pretensjoni tagħha li l-perċentwal tal-SG&A miksub mir-rapport annwali tal-2020 ta’ GrafTech International Ltd ma kienx xieraq sabiex jintuża bħala parametru referenzjarju peress li ġie mid-data finanzjarja konsolidata ta’ diversi kumpaniji stabbiliti f’pajjiżi b’livell differenti ta’ introjtu, inklużi pajjiżi b’introjtu għoli bħall-Istati Uniti.

(82)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-metodoloġija deskritta ġiet applikata abbażi tal-unika data finanzjarja reali disponibbli faċilment fil-pajjiż rappreżentattiv u li xejn fil-fajl ma indika li l-livell tal-SG&A użat ma kienx raġonevoli. Il-partijiet interessati ġew informati b’dan il-fatt permezz ta’ żewġ Noti dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali. Għalhekk, il-kumpanija kellha biżżejjed opportunitajiet sabiex tipprovdi evidenza li l-livell tal-SG&A ta’ GrafTech International Ltd ma kienx raġonevoli jew sabiex tipproponi parametru referenzjarju alternattiv sabiex jissostitwixxi l-perċentwal distort tal-SG&A, iżda naqset milli tagħmel dan. Għalhekk, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(83)

L-istess parti affermat ukoll li xi spejjeż irrapportati fir-rapport annwali tal-2020 ta’ GrafTech International Ltd jenħtieġ li jitneħħew mil-lista tal-ispejjeż tal-SG&A użati għall-istabbiliment tal-perċentwal tal-SG&A (jiġifieri kumpens ibbażat fuq l-istokk u l-aġġustament tal-valwazzjoni skont is-suq).

(84)

Il-Kummissjoni eżaminat il-pretensjoni u qieset li din kienet iġġustifikata. Għalhekk, wara t-tneħħija ta’ dawn l-ispejjeż, l-SG&A ġie stabbilit għal 10,4 % abbażi tal-kostijiet tal-manifattura.

3.1.4.4.   Oġġetti tal-konsum, spejjeż ġenerali tal-manifattura u kostijiet tat-trasport għall-provvista ta’ materja prima

(85)

Liaoning Dantan affermat li l-Kummissjoni kellha tidentifika l-parametru referenzjarju tal-ispejjeż ġenerali tal-oġġetti tal-konsum u tal-manifattura separatament minn inputs oħra. Hija affermat li, minflok, il-Kummissjoni kellha tuża l-kostijiet attwali tagħha tal-oġġetti tal-konsum u tal-ispejjeż ġenerali. Liaoning Dantan u s-CCCME argumentaw ukoll li l-istess kwistjoni kienet valida wkoll rigward il-kalkolu tal-kostijiet tat-trasport għall-provvista ta’ materja prima, fejn il-Kummissjoni esprimiet dan il-kost tat-trasport bħala perċentwal tal-kost reali tal-materja prima u mbagħad applikat l-istess perċentwal għall-kost mingħajr distorsjoni tal-istess materja prima sabiex jinkiseb il-kost mingħajr distorsjoni tat-trasport. Il-partijiet argumentaw li minħabba li l-kost tal-materja prima ġie kkalkolat mill-ġdid bl-applikazzjoni ta’ prezzijiet mingħajr distorsjoni, dan kien jammonta għar-rabta tal-kostijiet tat-trasport ukoll maż-żieda fil-valur tal-materja prima, li huma affermaw li ma kinitx korretta, minħabba li ma kien hemm l-ebda rabta bħal din.

(86)

Il-Kummissjoni nnotat li għal kull produttur esportatur li kkoopera, il-kostijiet aggregati taħt oġġetti tal-konsum kienu jirrappreżentaw bejn 0,01 % u 2,1 % tal-kostijiet totali tal-manifattura. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-oġġetti tal-konsum kellhom impatt limitat ħafna fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni fit-totalità tagħhom, u b’hekk, fuq il-kalkolu tal-valur normali. B’riżultat ta’ dan, hija ddeċidiet li ma tiksibx parametru referenzjarju individwali għal kull wieħed mill-oġġetti tal-konsum, iżda li tesprimihom bħala perċentwal tal-kost totali tal-materja prima fuq il-bażi tad-data tal-kost irrapportata mill-produtturi esportaturi u mbagħad li tapplika dan il-perċentwal għall-kost ikkalkolat mill-ġdid tal-materjali meta jintużaw il-prezzijiet mingħajr distorsjoni stabbiliti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li ġew stabbiliti distorsjonijiet sinifikanti fit-Taqsima 3.3.1. tar-Regolament provviżorju. F’dak il-każ, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, jistgħu jintużaw il-kostijiet domestiċi, iżda biss sal-punt li jiġu stabbiliti b’mod pożittiv bħala mhux distorti, abbażi ta’ evidenza akkurata u xierqa. Ma tressqet l-ebda evidenza bħal din fir-rigward tal-fatturi ta’ produzzjoni raggruppati taħt oġġetti tal-konsum mill-partijiet interessati, u lanqas ma nstabet mill-Kummissjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tuża d-data rrapportata minn Liaoning Dantan. Il-Kummissjoni qieset li l-metodoloġija tagħha għall-kalkolu ta’ valur mingħajr distorsjoni għall-oġġetti tal-konsum kienet xierqa, u li ma kienx hemm informazzjoni aħjar disponibbli fil-fajl. Liaoning Dantan la pprovdiet alternattiva għall-użu tal-valuri tal-importazzjoni tal-GTA fil-pajjiż rappreżentattiv, u lanqas ma pprovdiet parametru referenzjarju alternattiv mingħajr distorsjoni għall-oġġetti tal-konsum. Għalhekk, l-affermazzjoni fir-rigward tal-oġġetti tal-konsum ġiet irrifjutata.

(87)

Fir-rigward tal-pretensjoni ta’ Liaoning Dantan li tikkonċerna l-metodoloġija tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-valur mingħajr distorsjoni tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura tagħha kif stabbilit fil-premessa (166) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni nnotat li d-data dwar il-kostijiet ġenerali ma kinitx faċilment disponibbli separatament fir-rapporti finanzjarji tal-produttur fil-pajjiż rappreżentattiv. Barra minn hekk, ladarba jiġu stabbiliti distorsjonijiet sinifikanti, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, jistgħu jintużaw il-kostijiet domestiċi, iżda biss sal-punt li jiġu stabbiliti b’mod pożittiv bħala mhux distorti, abbażi ta’ evidenza akkurata u xierqa. Ma tressqet l-ebda evidenza bħal din fir-rigward tal-ispejjeż ġenerali minn Liaoning Dantan, u lanqas ma nstabet mill-Kummissjoni. B’hekk, il-Kummissjoni qieset li l-metodoloġija tagħha għall-kalkolu ta’ valur mingħajr distorsjoni għall-ispejjeż ġenerali kienet xierqa, u li ma kien hemm l-ebda informazzjoni aħjar disponibbli. Liaoning Dantan ma ssuġġeriet l-ebda parametru referenzjarju mingħajr distorsjoni alternattiv għall-ispejjeż ġenerali. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(88)

Fir-rigward tal-pretensjoni ta’ Liaoning Dantan u tas-CCCME dwar il-metodoloġija tal-Kummissjoni sabiex jiġu stabbiliti l-kostijiet tat-trasport intern Ċiniżi mingħajr distorsjoni, għall-provvista ta’ materja prima kif stabbilit fil-premessa (153) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni nnotat li Liaoning Dantan u s-CCCME ma ppreżentaw l-ebda evidenza li l-kostijiet tat-trasport ma kinux affettwati mid-distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ, lanqas ma ressqu approċċ alternattiv dwar kif il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkalkola individwalment il-kost tat-trasport mingħajr distorsjoni għal kull materja prima. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

3.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(89)

Id-dettalji tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi (169) u (170) tar-Regolament provviżorju. Billi ma wasal l-ebda kumment, dawn il-premessi ġew ikkonfermati.

3.3.   Tqabbil

(90)

Liaoning Dantan affermat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tikkalkula mill-ġdid il-perċentwal tal-SG&A abbażi ta’ diżaggregazzjoni dettaljata tal-ispejjeż (bħat-trasport u l-kostijiet anċillari kollha), li tippermetti l-istabbiliment ta’ perċentwal speċifiku tal-SG&A għall-bejgħ domestiku f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(91)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-metodoloġija deskritta ġiet applikata minħabba li d-data finanzjarja disponibbli fil-pajjiż rappreżentattiv ma kienx fiha informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż tal-SG&A, u b’hekk teskludi l-kostijiet tat-trasport u dawk anċillari. Il-partijiet interessati ġew informati b’dan il-fatt permezz ta’ żewġ Noti dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali. B’hekk, il-kumpanija kellha biżżejjed opportunitajiet sabiex tipproponi parametru referenzjarju adatt sabiex jiġu sostitwiti l-ispejjeż allegatament distorti tal-SG&A. Madankollu, hija naqset milli tagħmel dan. Konsegwentement, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

3.4.   Kummenti sottomessi wara d-divulgazzjoni finali

(92)

Yangzi Group afferma li l-Kummissjoni ma użatx l-informazzjoni mill-pajjiż rappreżentattiv magħżul, jiġifieri l-Messiku, iżda użat il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti. Il-parti affermat li l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jindika b’mod ċar li, ladarba jintgħażel il-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni trid iżżomm dik l-għażla, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali ħafna u mmotivati kif xieraq. Bl-użu tal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti bħala l-parametru referenzjarju xieraq, il-Kummissjoni ma rrispettax dik ir-regola.

(93)

Kif spjegat fil-premessa (72), il-Kummissjoni stabbiliet il-parametru referenzjarju tal-kokk petroliferu bbażat fuq l-istatistika dwar l-importazzjoni tal-Messiku dwar l-importazzjonijiet fi Nuevo Laredo u mhux abbażi tal-istatistika dwar l-esportazzjoni tal-Istati Uniti. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(94)

Yangzi Group u Liaoning Dantan ukoll affermaw li l-Kummissjoni jenħtieġ li ma tillimitax is-sors tal-informazzjoni għal punt wieħed tad-dħul fil-Messiku u li l-port tal-importazzjoni u l-mezz tat-trasport ma jistgħux jitqiesu bħala kriterju oġġettiv peress li jwasslu għal prezz distort ħafna u mhux rappreżentattiv prezz tal-kokk petroliferu.

(95)

L-Artikolu 2(6a)(a) jiddikjara li sabiex jiġu stabbiliti l-kostijiet tal-produzzjoni, il-Kummissjoni tista’ tuża l-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u l-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, sakemm id-data rilevanti tkun disponibbli faċilment. Għalhekk, sakemm l-informazzjoni tkun disponibbli faċilment, il-Kummissjoni għandha ammont ta’ diskrezzjoni fl-għażla tagħha li tagħżel l-aktar sors xieraq ta’ informazzjoni li għandha tintuża biex jiġi stabbilit il-parametru referenzjarju f’pajjiż rappreżentattiv xieraq. Il-Kummissjoni qieset li xejn ma jipprevjeni l-użu ta’ data tal-importazzjoni speċifika għall-kumpanija (bħal pereżempju għall-istabbiliment tal-profitt jew tal-kostijiet tal-SG&A) jew l-użu ta’ statistika dwar l-importazzjoni li tikkonċerna punt wieħed tad-dħul meta dan ikun l-aktar xieraq. Għalhekk, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(96)

Yangzi Group argumenta li l-Kummissjoni ma stabbilitx li GrafTech Mexico hija l-uniku produttur tal-elettrodi tal-grafit fil-Messiku u li kumpaniji oħra jistgħu jkunu qed jipproduċu elettrodi tal-grafit ta’ kwalità aktar baxxa bl-użu ta’ kokk petroliferu importat ta’ kwalità aktar baxxa.

(97)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni identifikat lil GrafTech Mexico bħala l-uniku produttur tal-prodott li qiegħed jiġi investigat fil-Messiku. Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan il-fatt permezz ta’ żewġ Noti dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali msemmi fil-premessi (43) u (44) tar-Regolament provviżorju u ġew mistiedna jikkummentaw. Ma wasal l-ebda kumment, la wara l-ewwel Nota u lanqas wara t-tieni waħda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-partijiet interessati ma ppreżentaw l-ebda evidenza tal-eżistenza ta’ produtturi oħra tal-elettrodi tal-grafit fil-Messiku. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qieset li l-għadd ta’ produtturi tal-elettrodi tal-grafit ma kellu l-ebda impatt fuq l-istabbiliment tal-parametru referenzjarju tal-kokk petroliferu użat għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit, peress li l-parametru referenzjarju huwa stabbilit fil-livell tal-istatistika tal-importazzjoni u mhux fil-livell ta’ produttur. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(98)

Yangzi Group afferma li l-Kummissjoni ma kellhiex evidenza ta’ sostenn li turi li l-prezzijiet ta’ madwar USD 200 għal kull tunnellata kienu jikkonċernaw gradi u użi differenti tal-kokk petroliferu li ma ntużawx fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, Fangda Group u s-CCCME affermaw li l-kokk petroliferu użat għall-produzzjoni tal-enerġija ma huwiex iddikjarat taħt il-kodiċi HS 2713 12, iżda taħt il-kodiċi HS 2713 11.

(99)

Ta’ min jinnota li Yangzi Group ma pprovda l-ebda evidenza biex jissostanzja l-pretensjoni tiegħu. Il-Kummissjoni rreferiet għall-pretensjoni sottomessa mill-ECGA li l-prezzijiet tal-kokk petroliferu (il-kodiċi HS 2713 12) użat fl-istadju provviżorju kienu baxxi b’mod artifiċjali (jiġifieri madwar USD 750 għal kull tunnellata) u li dawk il-prezzijiet ma kinux rappreżentattivi tal-prezzijiet tal-kokk petroliferu mħallas minn diversi kumpaniji għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit madwar id-dinja. B’mod partikolari, l-ECGA argumentat li l-aktar kwotazzjoni baxxa fil-prezz għal tali grad dejjem kienet ferm ogħla minn USD 750 għal kull tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Kif spjegat fil-premessa (72), meta eżaminat din il-pretensjoni, il-Kummissjoni nnotat li l-istatistika dwar l-importazzjoni Messikana li tinsab fil-GTA wriet differenza sinifikanti bejn il-prezz medju tal-importazzjoni tal-kokk petroliferu (il-kodiċi HS 2713 12) importat permezz tal-belt fruntiera Messikana Nuevo Laredo (fuq l-art mill-Istati Uniti) u l-importazzjonijiet f’partijiet oħra tal-Messiku fejn dawn tal-aħħar urew, għall-istess input, prezz medju li kien 10 darbiet aktar baxx għal kull tunnellata.

(100)

Il-Kummissjoni qabblet il-prezz tal-importazzjoni ta’ USD 200 għal kull tunnellata mal-evidenza miksuba matul l-investigazzjoni. Fost l-oħrajn, l-evidenza inkludiet: (i) il-lista ta’ xiri ta’ kokk petroliferu importat mill-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun; (ii) il-kopji tal-fatturi tax-xiri tal-produtturi Indjani pprovduti mill-ECGA li juru li l-prezz tal-kokk petroliferu ma kienx inqas minn USD 800 għal kull tunnellata; (iii) l-informazzjoni pprovduta mill-ECGA bil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali fejn huma rreferew għal sit web Ċiniż (11) bl-istatistika dwar l-importazzjoni. Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni finali, Fangda Group u Liaoning Dantan ipprovdew prezzijiet tal-importazzjoni fir-RPĊ abbażi tal-istess sit web Ċiniż fejn il-prezzijiet tal-grad tal-kokk petroliferu użat għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ġew irrapportati f’firxa ta’ bejn USD 900 u USD 3 200 għal kull tunnellata. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-prezz baxx ta’ USD 200 għal kull tunnellata ma setax jirrifletti l-kost tal-grad ta’ kokk petroliferu meħtieġ għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit. Kif indikat fil-premessa (72), dan il-prezz tal-importazzjoni unitarju ta’ USD 200 għal kull tunnellata huwa qrib il-prezz tal-importazzjoni ta’ gradi aktar baxxi ta’ kokk petroliferu, li jintuża esklussivament għall-produzzjoni tal-enerġija (kokk petroliferu mhux kalċinat tal-kodiċi HS 2713 11), bi prezz ta’ USD 60 għal kull tunnellata.

(101)

Fl-aħħar nett, l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma pprovdiet evidenza li l-kokk petroliferu importat bi prezz ta’ USD 200 għal kull tunnellata jista’ jintuża għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjoni u kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li teskludi l-importazzjonijiet fl-uffiċċji doganali Messikani fejn il-prezz medju ponderat tal-importazzjoni kien ta’ madwar USD 200 għal kull tunnellata.

(102)

Fangda Group u s-CCCME affermaw ukoll li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza pożittiva jew spjegazzjoni raġonevoli għaliex l-importazzjonijiet minn Nuevo Laredo intużaw b’mod sostantiv bħala materjal ta’ input għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit. Filwaqt li l-Kummissjoni għandha d-diskrezzjoni li tiżgura li l-użu tad-data tal-importazzjoni jirrifletti b’mod aktar akkurat is-sitwazzjoni tal-produzzjoni tal-produttur esportatur, sabiex tiżgura li tali informazzjoni tintuża biex wieħed jasal għall-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini, tali użu selettiv tad-data tal-importazzjoni jrid ikun oġġettiv u ġust, u appoġġat minn evidenza pożittiva.

(103)

Barra minn hekk, il-GTĊ argumenta li l-prattika tal-Kummissjoni li tevalwa ulterjorment il-kummenti tal-partijiet kollha kienet orjentata lejn ir-riżultati, speċjalment fir-rigward tad-data tal-kokk petroliferu (kalċinat). Jekk il-Kummissjoni qieset li kien meħtieġ li tkompli taqsam id-data doganali tal-importazzjoni tal-Messiku taħt il-kodiċi HS 2713 12, il-Kummissjoni jew l-ilmentaturi kellhom jipproponu metodu u bażi ta’ diviżjoni xjentifika biex issir distinzjoni bejn il-kokk petroliferu (kalċinat) użat għall-elettrodi tal-grafit u dak għal użi oħra. Ma kienx affidabbli li ssir distinzjoni skont il-prezz jew il-post tad-dikjarazzjoni doganali. Barra minn hekk, il-GTĊ afferma li dan l-approċċ huwa inkonsistenti mad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni tal-Elementi tal-Irbit (12), fejn il-Kummissjoni ma aċċettatx l-evidenza tas-CCCME u tal-produtturi tal-elementi tal-irbit biex turi li d-data tal-importazzjoni minn xi pajjiżi jenħtieġ li tiġi eskluża. Għalhekk, il-GTĊ jeħtieġ li l-UE żżomm newtralità oġġettiva u li tadotta metodu ta’ trattament konsistenti fil-każijiet kollha, aktar milli tuża l-metodu li jrendi l-ogħla marġni tad-dumping.

(104)

Kif indikat fil-premessi (140) u (145) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi l-parametru referenzjarju bbażat fuq il-prezz tal-importazzjoni Messikan, aggregat fil-livell tal-pajjiż ibbażat fuq il-GTA, peress li ma kien hemm disponibbli l-ebda sors ieħor ta’ informazzjoni għall-pajjiż rappreżentattiv, u lanqas ma kien hemm parametru referenzjarju internazzjonali disponibbli faċilment. Għall-kodiċi HS 2713 12, ma hemm l-ebda suddiviżjoni bejn tipi differenti ta’ gradi fl-iskeda tariffarja tal-Messiku u l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma pprovdiet metodoloġija li tippermetti distinzjoni bejn il-grad ta’ kokk petroliferu użat għall-produzzjoni ta’ elettrodi tal-grafit u gradi oħra. Il-Kummissjoni stabbiliet li l-importazzjonijiet fil-livell tal-punti tad-dħul doganali Messikani pprovdew id-distinzjoni meħtieġa bejn it-tipi differenti ta’ gradi li bihom dawk li jidħlu fi Nuevo Laredo jirriflettu kemm jista’ jkun qrib, il-kokk petroliferu li jista’ jintuża għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit. Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet fil-punti tad-dħul l-oħra kienu jew negliġibbli (ara l-premessa (113)) jew bi prezz ta’ USD 200 għal kull tunnellata. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, kif spjegat fil-premessa (101), l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma pprovdiet evidenza li dan il-grad bi prezz aktar baxx jista’ jintuża għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit. B’hekk, il-Kummissjoni stabbiliet li l-importazzjonijiet li jidħlu fi Nuevo Laredo biss jistgħu jitqiesu għall-fini tal-istabbiliment ta’ prezz referenzjarju għall-kokk petroliferu użat għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat il-livell tal-prezzijiet tal-importazzjoni fi Nuevo Laredo u sabet li l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni, stabbilit fuq volum sinifikanti ta’ importazzjonijiet, kien fil-firxa ta’ prezzijiet għall-kokk petroliferu użat għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, sottomessi mill-produtturi esportaturi kif spjegat fil-premessa (108). Barra minn hekk, l-uniku produttur identifikat tal-prodott li qed jiġi investigat fil-pajjiż rappreżentattiv, jiġifieri GrafTech Mexico, iddikjara li l-maġġoranza tal-ħtiġijiet tiegħu ġew importati minn Nuevo Laredo. Għalhekk, b’mod simili għall-investigazzjoni tal-Elementi tal-Irbit, il-Kummissjoni qieset l-elementi kollha deskritti hawn fuq u ma bbażatx biss fuq id-differenza fil-prezz bejn il-punti tad-dħul doganali differenti Messikani. B’hekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjonijiet li l-prezzijiet tal-importazzjoni tal-kokk petroliferu fil-Messiku ma kinux rappreżentattivi jew ma kinux raġonevoli.

(105)

Fangda Group afferma li l-ittra ta’ GrafTech International datata l-21 ta’ Diċembru 2021 rigward l-importazzjonijiet tal-kokk aċikulari ta’ GrafTech Mexico ma għandhiex titqies peress li GrafTech International ma kinitx irreġistrata bħala parti interessata. Barra minn hekk, l-ittra ġiet ipprovduta wara l-iskadenza għall-kummenti u l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-akkuratezza u l-adegwatezza tal-informazzjoni pprovduta.

(106)

Skont ir-Regolament bażiku, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(6a)(e) tiegħu, il-Kummissjoni għandha tiġbor id-data meħtieġa għall-fini tad-determinazzjoni tal-valur normali skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ifisser li l-Kummissjoni hija obbligata tfittex b’mod attiv informazzjoni minflok ma tqis biss l-informazzjoni sottomessa lilha mill-partijiet interessati. Barra minn hekk, ma hemm xejn fir-Regolament bażiku li jipprevjeni lill-Kummissjoni bħala awtorità investigattiva milli tibbaża fuq informazzjoni li ma ġietx sottomessa minn parti interessata, sakemm kwalunkwe evidenza li fuqha tibbaża l-Kummissjoni tkun inkluża fil-fajl li għalih il-partijiet interessati jingħataw aċċess, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni hija intitolata bis-sħiħ, bħala awtorità investigattiva, anke obbligata, li tqis u li teżamina l-informazzjoni kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni qieset li l-ittra msemmija fil-premessa preċedenti kienet tinkludi informazzjoni rilevanti u ma hemm l-ebda dubju li l-ittra tqiegħdet fil-fajl mhux kunfidenzjali li l-partijiet interessati kellhom aċċess għalih. Barra minn hekk, l-informazzjoni fl-ittra kienet biss supplimentari għall-elementi l-oħrajn li l-Kummissjoni qieset sabiex tasal għall-konklużjoni li l-punt ta’ importazzjoni ta’ Nuevo Laredo jenħtieġ li jintuża bħala parametru referenzjajru għall-input inkwistjoni; b’mod partikolari: li d-data hija konformi mal-kost tal-input tal-kwalità u tal-grad użati għall-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat fil-pajjiż rappreżentattiv magħżul, u li kienet disponibbli faċilment fil-pajjiż rappreżentattiv magħżul.

(107)

Fangda Group, is-CCCME, Liaoning Dantan u Yangzi Group affermaw li l-prezz tal-importazzjoni ta’ Nuevo Laredo kien distort u mhux rappreżentattiv għall-kokk petroliferu primjum tal-grad rilevanti. Dawn il-prezzijiet tal-importazzjoni kienu ogħla mill-prezz normali tas-suq u ma setgħux jitqiesu bħala prezzijiet ta’ distakkament. Huma affermaw ukoll li l-prezz għoli kien dovut għall-inċentiv għall-fornitur relatat tal-Istati Uniti biex iżid il-prezzijiet tiegħu minħabba d-differenza fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu bejn l-Istati Uniti u l-Messiku. Il-prezz tal-importazzjoni jista’ jirrifletti wkoll il-prezz għall-kokk petroliferu super primjum, filwaqt li l-produtturi Ċiniżi jużaw gradi aktar baxxi. Liaoning Dantan u Yangzi Group issottomettew li r-rapport annwali ta’ GrafTech International għall-2020 kien jipprevedi li GrafTech użat taħlitiet ta’ kokk aċikulari ta’ kwalità ogħla. Ir-Rapport Annwali ta’ Graftech International semma’ li l-produzzjoni tagħha ta’ kokk aċikulari petroliferu speċifikament għall-elettrodi tal-grafit jagħtiha l-opportunità li tipproduċi kokk aċikulari petroliferu super primjum tal-ogħla kwalità. Dan jispjega (parzjalment) l-prezz estremament għoli għall-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti lejn il-Messiku. Hija osservat ukoll li l-prezzijiet tal-importazzjoni fil-Messiku kienu pjuttost stabbli fil-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet fir-RPĊ urew tnaqqis.

(108)

Il-Kummissjoni qieset li l-parametru referenzjarju għall-kokk petroliferu użat għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit jenħtieġ li jirrifletti l-kostijiet tal-pajjiż rappreżentattiv u mhux il-prezzijiet tal-importazzjoni li jistgħu jinstabu f’pajjiżi oħra. Hija nnotat li l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni ta’ USD 2 144 għal kull tunnellata kien fil-firxa ta’ prezzijiet sottomessi minn Fangda Group u minn Liaoning Dantan, kif imsemmi fil-premessa (100).

(109)

Kif spjegat fil-premessa (104) hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet li dan il-parametru referenzjarju jirrifletti kemm jista’ jkun qrib, l-input użat mill-produtturi esportaturi tal-elettrodi tal-grafit. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni li saret mill-partijiet b’appoġġ għall-pretensjoni tagħhom li l-prezzijiet kienu stabbli, il-Kummissjoni sabet varjazzjoni fil-prezz ta’ madwar 20 % bejn l-ogħla u l-aktar prezzijiet medji ponderati baxxi tal-importazzjoni fix-xahar fi Nuevo Laredo. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni sabet li r-Rapport Annwali ta’ GrafTech International ma kien fih l-ebda evidenza rigward il-proporzjon ta’ gradi differenti ta’ kokk petroliferu mixtri minn GrafTech Mexico jew li l-grad prodott minn Graftech International huwa ogħla mill-grad għoli tas-soltu użat fil-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat li l-prezz tal-importazzjoni fi Nuevo Laredo kien prezz referenzjarju xieraq fil-pajjiż rappreżentattiv.

(110)

Fangda Group u s-CCCME affermaw li l-Kummissjoni eskludiet l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet.

(111)

Għall-kuntrarju ta’ din il-pretensjoni, il-Kummissjoni qieset l-oriġini kollha (jiġifieri l-Istati Uniti u l-Ġermanja). Madankollu, l-importazzjonijiet Ġermaniżi tqiesu negliġibbli peress li dawn l-importazzjonijiet kienu jirrappreżentaw madwar 0,009 % tal-kwantità totali importata minn Nuevo Laredo (13). Għalhekk, il-pretensjonijiet ġew miċħuda.

(112)

Barra minn hekk, Liaoning Dantan affermat li l-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda evidenza li tindika li l-importazzjonijiet f’ħames punti tad-dħul oħra (14) ma kinux rappreżentattivi tal-kokk petroliferu adattat għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit.

(113)

Il-ħames punti tad-dħul l-oħra msemmija mill-partijiet kienu jirrappreżentaw total ta’ 255 tunnellata, jew 2,6 % tal-importazzjonijiet totali Messikani. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li dawn il-kwantitajiet kienu baxxi wisq biex ikunu rappreżentattivi. Fi kwalunkwe każ, anki jekk dawk il-ħames punti tad-dħul l-oħra kellhom jiġu kkunsidrati, il-prezz referenzjarju kien jibqa’ kważi l-istess (0,1 % biss aktar baxx). Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(114)

Liaoning Dantan affermat li l-Kummissjoni ma kellhiex tqis l-importazzjonijiet minn Nuevo Laredo biss, peress li GrafTech International iddikjarat li l-maġġoranza iżda mhux il-kokk petroliferu kollu kien importat minn Nuevo Laredo.

(115)

Il-Kummissjoni fakkret li ma stabbilitx il-parametru referenzjarju bbażat fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni ta’ GrafTech Mexico, iżda pjuttost ibbażatu fuq l-istatistika dwar l-importazzjoni Messikana. Kif spjegat hawn fuq, punti oħra tad-dħul ġew injorati peress li l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni għal kull tunnellata ma kienx jirrifletti l-prezz tal-kwalità użata għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit, u l-ammonti importati ma kinux rappreżentattivi. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(116)

Fangda Group, Liaoning Dantan u s-CCCME affermaw li l-Kummissjoni kellha tqis in-natura, il-karatteristiċi jew l-ispeċifikazzjonijiet tal-materjal, u l-użu tal-merkanzija biex jiġu stabbiliti l-kostijiet tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni. B’mod partikolari, il-partijiet enfasizzaw li l-kokk petroliferu kalċinat użat għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit għandu gradi differenti, u li d-differenzi fil-prezzijiet bejn il-gradi differenti huma sinifikanti. Barra minn hekk, Fangda Group u s-CCCME affermaw li l-użu tal-importazzjonijiet tal-Messiku ta’ kokk petroliferu ta’ livell għoli bi prezzijiet għoljin (medja ta’ USD 2 144 għal kull tunnellata, li huwa bejn wieħed u ieħor l-istess jew saħansitra ogħla mill-prezz tas-suq tal-kokk petroliferu ta’ livell għoli), ma qiesx il-fatt li l-kumpaniji Ċiniżi jużaw kemm kokk petroliferu kalċinat ordinarju, kif ukoll kokk petroliferu kalċinat ta’ livell għoli.

(117)

Il-Kummissjoni fakkret li l-partijiet kellhom għadd ta’ okkażjonijiet biex jikkummentaw dwar il-parametri referenzjarji proposti u l-ebda waħda mill-partijiet ikkonċernati ma pprovdiet data affidabbli u disponibbli faċilment rigward il-prezzijiet referenzjarji fil-pajjiż rappreżentattiv li tirrifletti l-allegati gradi differenti ta’ kokk petroliferu kalċinat jew kokk petroliferu ta’ livell għoli. Il-Kummissjoni osservat li l-partijiet interessati li għamlu l-pretensjoni naqsu milli jipprovdu evidenza li turi li hemm differenzi tekniċi u/jew kimiċi bejn l-allegati gradi differenti ta’ kokk petroliferu u kif dawk id-differenzi huma riflessi fix-xiri rrapportat mill-partijiet ikkonċernati. Il-pretensjonijiet tagħhom kienu purament ibbażati fuq id-differenzi fil-prezzijiet tax-xiri tagħhom stess. Barra minn hekk, wieħed mill-produtturi esportaturi kkonċernati naqas milli jirrapporta l-użu tiegħu ta’ tip ieħor ta’ kokk petroliferu li l-prezz tax-xiri tiegħu kien ogħla b’mod sinifikanti mill-parametru referenzjarju użat. Barra minn hekk, kif inhu rikonoxxut mill-partijiet interessati kollha, ma hemm l-ebda parametru referenzjarju internazzjonali disponibbli faċilment għal dan l-input. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq u kif indikat fil-premessa (104) hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet parametru referenzjarju affidabbli għall-kokk petroliferu li huwa disponibbli faċilment u li jirrifletti bl-aktar mod akkurat possibbli l-fattur tal-produzzjoni użat għall-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit fil-pajjiż rappreżentattiv magħżul. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(118)

Fangda Group, is-CCCME u Liaoning Dantan tennew il-pretensjoni tagħhom imsemmija hawn fuq fil-premessa (88) rigward il-kostijiet tat-trasport Ċiniżi. Madankollu, il-partijiet ma pprovdew l-ebda evidenza li ssostni l-pretensjoni tagħhom. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(119)

Wara d-divulgazzjoni finali, Liaoning Dantan affermat li l-Kummissjoni kellha tistabbilixxi l-kostijiet għall-konsum tal-gass abbażi tal-prezz mingħajr distorsjoni u ma tinkludihx fl-oġġetti tal-konsum. Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni u rrevediet il-kalkolu. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (9), il-Kummissjoni żvelat il-kalkolu finali lill-parti u ma wasal l-ebda kumment.

(120)

Yangzi Group afferma li l-Kummissjoni kellha tuża proporzjon differenti tal-konverżjoni tar-ruttam wara l-kontroverifiki remoti addizzjonali li saru f’Diċembru 2021. Il-Kummissjoni eżaminat din il-pretensjoni u sabet li l-proporzjon propost ma kienx ibbażat fuq il-proċess sħiħ tal-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit tal-kumpanija iżda kien ikopri biss għadd limitat minn ħafna stadji tal-produzzjoni. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

3.5.   Marġnijiet tad-dumping

(121)

Kif spjegat fil-premessi (35) sa (90), il-Kummissjoni qieset il-kummenti tal-partijiet interessati sottomessi wara d-divulgazzjoni provviżorja, u wara d-divulgazzjoni finali kif deskritt fil-premessa (119), u kkalkulat mill-ġdid il-marġnijiet tad-dumping kif xieraq.

(122)

Kif inhu indikat fil-premessa (179) tar-Regolament provviżorju, f’dan il-każ, il-livell ta’ kooperazzjoni kien baxx, minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu biss madwar 62 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu applikabbli għall-produtturi esportaturi kollha l-oħrajn li ma kkooperawx fil-livell tal-ogħla marġni tad-dumping stabbilit għal tip ta’ prodott mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi mill-produttur esportatur bl-ogħla marġni tad-dumping misjub. Il-marġni tad-dumping stabbilit b’dan il-mod kien ta’ 74,9 %.

(123)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġini tad-dumping definittiv

Fangda Group huwa magħmul minn erba’ produtturi

36,1  %

Liaoning Dantan Technology Group Co., Ltd.

23,0  %

Nantong Yangzi Group huwa magħmul minn tliet produtturi

51,7  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

33,8  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

74,9  %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(124)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (181) sa (185) tar-Regolament provviżorju.

4.2.   Il-konsum tal-Unjoni

(125)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-industrija tal-Unjoni u l-volumi ta’ importazzjonijiet (fil-livell TARIC) irrapportati fil-Eurostat. Fid-dawl tal-bidla fl-ambitu tal-prodott (il-premessa (34)), iċ-ċifri ġew emendati iżda x-xejriet kif stabbiliti fir-Regolament provviżorju baqgħu l-istess.

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni (f’tunnellati)

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-konsum totali tal-Unjoni

170 528

175 944

148 753

127 573

Indiċi

100

103

87

75

Sors: il-Eurostat (Comext) u Union industry

(126)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-konsum fl-Unjoni ta’ elettrodi tal-grafit naqas b’25 %. Is-snin 2017 u 2018 urew konsum għoli xprunat minn domanda għolja tal-industrija tal-azzar tal-Unjoni, li kienet fil-proċess tal-irkupru mill-kriżi tal-azzar. Barra minn hekk, f’sitwazzjoni ta’ żieda f’daqqa fil-prezzijiet tal-elettrodi tal-grafit, il-produtturi tal-azzar kienu qegħdin jibnu ħażniet tal-elettrodi tal-grafit minħabba biża’ ta’ żieda addizzjonali. Fl-2019, il-produzzjoni tal-azzar minn fran bl-ark elettriku laħqet punt baxx (-6,6 %) meta mqabbla mal-2018, skont iċ-ċifri tal-Eurofer. Id-domanda għall-elettrodi tal-grafit naqset. Peress li l-prezz tal-elettrodi tal-grafit niżel b’mod sinifikanti, il-bini ta’ ħażniet ma kienx għadu meħtieġ għall-industrija downstream. B’konsegwenza ta’ dan, il-produtturi tal-azzar kienu qegħdin ineħħu l-istokk tagħhom tal-inventarji tal-elettrodi tal-grafit. Id-domanda naqset saħansitra aktar fl-2020 bħala konsegwenza tat-tifqigħa tal-COVID-19.

(127)

Parti interessata partikolari, Misano, ikkontestat il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni sabiex taġġusta l-importazzjonijiet taħt il-kodiċi TARIC 8545110090 sabiex teskludi minn dawk l-importazzjonijiet l-elettrodi tal-grafit b’densità apparenti ta’ anqas minn 1,5 g/cm3 jew reżistenza elettrika ta’ aktar minn 7,0 μ.Ω.m, li ma kinux koperti minn din l-investigazzjoni. Madankollu, Misano ma ressqet l-ebda metodoloġija alternattiva li tista’ tintuża mill-Kummissjoni. Minkejja dan, il-Kummissjoni qieset, bħala alternattiva għall-użu tad-data tal-2019, li tuża l-medja għall-2017 sal-2019, iżda nnotat li d-differenza mill-metodoloġija użata oriġinarjament tkun marġinali u ma tbiddilx ix-xejra ġenerali. Fil-fatt, dan l-aġġustament tal-metodoloġija alternattiva jikkonsisti fit-tnaqqis ta’ 8 % minflok ta’ 7,5 % tal-importazzjoni totali fil-volum, u ta’ 2,8 % minflok ta’ 3,3 % tal-importazzjoni totali fil-valur. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat il-metodoloġija tagħha użata fir-Regolament provviżorju għall-aġġustament tal-importazzjonijiet taħt il-kodiċi TARIC 8545110090 kif deskritt fil-premessa (187) tar-Regolament provviżorju.

4.3.   L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.3.1.   Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(128)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tal-bażi tad-data Comext tal-Eurostat. Sabiex titqies l-esklużjoni ta’ elettrodi tal-grafit iżgħar mill-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni naqqset 9,1 % mill-volum totali tal-importazzjonijiet Ċiniżi kif iddeterminat abbażi tal-metodoloġija stabbilita fil-premessa preċedenti. Din l-istima tas-sehem (f’volum) tal-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ dijametru nominali ta’ 350 mm jew anqas kienet ibbażata fuq id-data tal-esportazzjoni pprovduta mill-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun.

(129)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fangda Group ikkontesta l-preċiżjoni tal-aġġustament tal-volum totali tal-importazzjonijiet Ċiniżi, li naqas b’9,1 % wara l-esklużjoni ta’ elettrodi tal-grafit iżgħar, u talab lill-Kummissjoni tikkunsidra f’aktar dettall il-volum reali tal-importazzjoni miċ-Ċina tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, Fangda Group ma speċifikax b’liema mod il-metodoloġija tal-Kummissjoni ma hijiex raġonevoli jew mhux preċiża, u lanqas ma ppropona metodoloġija alternattiva u aktar akkurata. Fil-fatt, lanqas ma kien ċar jekk Fangda Group ikkunsidrax jekk il-Kummissjoni stmatx l-importazzjonijiet ta’ elettrodi tal-grafit iżgħar, aktar jew inqas milli suppost. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(130)

Ix-xejriet kif stabbiliti fir-Regolament provviżorju ma nbidlux bħala konsegwenza ta’ dan l-aġġustament.

(131)

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tad-data tal-importazzjoni u tad-data tal-industrija tal-Unjoni għall-bejgħ fis-suq tal-Unjoni.

(132)

L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Il-volum tal-importazzjonijiet (f’tunnellati) u s-sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina

38 410

39 250

41 752

43 113

Indiċi

100

102

109

112

Is-sehem mis-suq (%)

22,5

22,3

28,1

33,8

Indiċi

100

99

125

150

Sors: il-Eurostat (Comext), Union industry

(133)

F’kuntest ta’ konsum li qiegħed jonqos, l-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni. Il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdied bi 12 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u s-sehem mis-suq tagħhom żdied b’50 %, waqt li laħaq 33,8 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni: (+ 11,3 punti perċentwali). Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’5,9 punti perċentwali, minn 61,1 % fl-2017 għal 55,2 % fl-2020 (it-Tabella 5).

4.3.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(134)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet abbażi tal-bażi tad-data Comext tal-Eurostat. Sabiex titqies il-bidla fl-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni naqqset 6,5 % mill-valur totali tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Din l-istima tas-sehem (f’valur) tal-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ dijametru nominali ta’ 350 mm jew anqas kienet ibbażata fuq id-data tal-esportazzjoni pprovduta mill-produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun.

(135)

Ix-xejriet kif stabbiliti fir-Regolament provviżorju ma nbidlux bħala konsegwenza ta’ dan l-aġġustament.

(136)

Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 3

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet (EUR/tunnellata)

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Iċ-Ċina

4 271

9 988

4 983

2 136

Indiċi

100

234

117

50

Sors: il-Eurostat (Comext)

(137)

Filwaqt li nnotat li ma kien hemm l-ebda differenza sinifikanti fix-xejriet fit-Tabella 3 wara l-aġġustament tal-ambitu tal-prodott u fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (194) sa (196) tar-Regolament provviżorju.

(138)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fangda Group u s-CCCME nnotaw li – skont il-kalkolu tagħhom - bejn tmiem il-PI u Settembru 2021, il-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina żdiedu b’37,5 %. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li s-sejbiet tad-dumping u tad-dannu kienu bbażati fuq il-PI. Barra minn hekk, żieda fil-prezz fiha nnifisha ma tfissirx neċessarjament li l-importazzjonijiet ma għadhomx isiru bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping jew li d-dannu ma għadux iseħħ, speċjalment f’kuntest fejn, kif magħruf ukoll minn Fangda Group u mis-CCCME, iż-żieda globali fil-prezz taż-żejt irriżultat f’żieda fil-prezzijiet tal-materjal prinċipali tal-input, fil-kokk aċikulari petroliferu, u b’hekk żdied ukoll il-kost tal-produzzjoni tal-elettrodi tal-grafit. Għalhekk, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Rimarki ġenerali

(139)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (197) sa (201) tar-Regolament provviżorju.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.4.2.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(140)

Fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni aġġustat il-volumi tal-produzzjoni f’konformità mal-bidla fl-ambitu tal-prodott. Ix-xejriet kif stabbiliti fir-Regolament provviżorju ma nbidlux bħala konsegwenza ta’ dan l-aġġustament.

(141)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (202) sa (205) tar-Regolament provviżorju.

(142)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 4

Produttività

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum tal-produzzjoni (tunnellati)

229 045

240 787

216 259

164 503

Indiċi

100

105

94

72

Sors: Union Industry

4.4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(143)

F’konformità mal-bidla fl-ambitu tal-prodott, il-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ġew aġġustati. Dan l-aġġustament kien ibbażat fuq data pprovduta mill-industrija tal-Unjoni. Ix-xejriet kif stabbiliti fir-Regolament provviżorju ma nbidlux bħala konsegwenza ta’ dan l-aġġustament.

(144)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 5

Il-volum ta’ bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2017

2018

2019

Il-perjodu ta’ investigazzjoni

Il-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

104 156

116 828

91 175

70 405

Indiċi

100

112

88

68

Is-sehem mis-suq (%)

61,1

66,4

61,3

55,2

Indiċi

100

109

100

90

Sors: Union industry

(145)

Il-bejgħ żdied bejn l-2017 u l-2018 u mbagħad naqas matul il-perjodu bejn l-2018 u l-2020. Ix-xejra ġenerali hija konformi mal-iżvilupp tal-konsum. Madankollu, it-tnaqqis fil-bejgħ (-32 %) kien aktar evidenti mit-tnaqqis fil-konsum (-25 %) matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(146)

B’konsegwenza ta’ dan, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’5,9 punti perċentwali. Is-sehem mis-suq ta’ pajjiżi terzi għajr ir-RPĊ naqas b’5,4 punti perċentwali. L-industrija tal-Unjoni tilfet sehem mis-suq għall-importazzjonijiet Ċiniżi, li żiedu s-sehem mis-suq tagħha bi 11,3-il punt perċentwali matul l-istess perjodu (it-Tabella 2).

(147)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fangda Group u s-CCCME argumentaw li l-konsum tal-Unjoni naqas (42 955 tunnellata bejn l-2017 u tmiem il-PI) u li l-konsum tal-Unjoni huwa akbar f’termini assoluti mit-tnaqqis korrispondenti fil-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni (33 751 tunnellata bejn l-2017 u tmiem il-PI). Il-Kummissjoni qieset li t-tnaqqis fil-bejgħ jenħtieġ li ma jitteħidx f’termini assoluti iżda għandu jitqies fir-rigward tat-tnaqqis fil-konsum. Is-sehem mis-suq huwa l-indikatur rilevanti f’dan ir-rigward, li wera li l-industrija tal-Unjoni tilfet is-sehem mis-suq fil-perjodu kkunsidrat. Din il-pretensjoni, għalhekk, ġiet miċħuda.

4.4.2.3.   It-tkabbir

(148)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (209) tar-Regolament provviżorju.

4.4.2.4.   L-impjiegi u l-produttività

(149)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fangda Group u s-CCCME nnotaw li ċ-ċifri tal-impjiegi żdiedu matul il-perjodu kkunsidrat sabiex jappoġġaw il-fehma li l-industrija tal-Unjoni se tikber fil-futur qarib. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-impjiegi segwew ix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum fis-suq tal-Unjoni. Wara ż-żieda inizjali bejn is-snin 2017 u 2018, l-impjiegi baqgħu jonqsu mis-sena 2018 sa tmiem il-perjodu kkunsidrat. B’konsegwenza ta’ dan, ma jistax jiġi konkluż miċ-ċifri tal-impjiegi li l-industrija tal-Unjoni stenniet tkabbir futur, u l-pretensjoni ġiet miċħuda.

(150)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (210) sa (212) tar-Regolament provviżorju.

4.4.2.5.   Il-kobor tal-marġini tad-dumping u l-irkupru minn dumping fil-passat

(151)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (213) sa (215) tar-Regolament provviżorju.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

(152)

Il-bidla fl-ambitu tal-prodott ma kellha l-ebda impatt fuq il-mikroindikaturi. Ir-raġuni hija li l-ebda wieħed mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun ma pproduċa elettrodi ta’ dijametru nominali ta’ 350 mm jew anqas fil-perjodu kkunsidrat. Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (216) sa (240) tar-Regolament provviżorju.

4.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

(153)

Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni l-ewwel innotat li x-xejriet kif stabbiliti fir-Regolament provviżorju ma nbidlux bħala konsegwenza tal-aġġustament fl-ambitu tal-prodott.

(154)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet interessati nnotaw li xi indikaturi (il-kapaċità, l-impjiegi, il-prezzijiet tal-bejgħ, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus) urew xejra pożittiva matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u, minħabba l-livell ta’ profitt tal-industrija tal-Unjoni kkunsidrat b’mod ġenerali, argumentaw li ma kien hemm l-ebda dannu. Din il-pretensjoni li d-data makroekonomika u mikroekonomika disponibbli ma pprovdietx bażi biex l-industrija tal-Unjoni titqies bħala li ġarrbet dannu materjali ġiet ripetuta, wara d-divulgazzjoni finali, minn Trasteel, Fangda u s-CCCME.

(155)

L-ewwel nett, huwa mfakkar li l-makroindikaturi ewlenin kollha ppreżentaw xejra negattiva sinifikanti: Is-sehem mis-suq (minn 61,1 % għal 55,2 %), il-bejgħ tal-UE (-32 %) u l-produzzjoni (-28 %) matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni vvalutat il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi rilevanti kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija, f’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, u, filwaqt li nnotat li mhux l-indikaturi kollha tad-dannu wrew xejra negattiva, ikkonkludiet li l-indikaturi ġeneralment urew dannu materjali.

(156)

It-tieni, kif spjegat bir-reqqa fil-premessi (216) sa (218) tar-Regolament provviżorju, parti mill-industrija (il-kumpanija GrafTech) sa ċertu punt tqieset bħala protetta temporanjament mill-kompetizzjoni tas-suq dirett u, fl-analiżi, saret distinzjoni bejn il-partijiet differenti tal-industrija. B’mod ġenerali, il-mikroindikaturi għajr GrafTech urew stampa negattiva ħafna.

(157)

Għadd ta’ partijiet interessati kkummentaw fuq il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni għall-analiżi ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, fejn il-Kummissjoni tat attenzjoni partikolari għall-prestazzjoni ta’ GrafTech.

(158)

L-ewwel nett, parti waħda, Misano, qieset li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat il-bejgħ ta’ GrafTech France bħala protett minn kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet. Il-bejgħ ta’ GrafTech France taħt kuntratti fit-tul (“LTAs”) ma sarx f’kundizzjonijiet fejn ma seħħitx kompetizzjoni, iżda ġie offrut lill-klijenti mhux relatati ta’ GrafTech France fi żmien meta dawn il-klijenti xtraw elettrodi tal-grafit mill-industrija tal-Unjoni u minn fornituri mhux tal-UE, inklużi l-produtturi esportaturi Ċiniżi.

(159)

Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-LTAs kellhom bħala objettiv, u b’riżultat ta’ dan, jiżguraw ċerti volumi ta’ bejgħ b’ċerti prezzijiet. L-LTAs ipprovdew lill-klijenti b’xi ċertezza tal-provvista/l-ipprezzar meta d-domanda u l-ipprezzar kienu għoljin, filwaqt li pproteġew lil GrafTech kontra tnaqqis possibbli fid-domanda fil-futur kif ukoll kontra prattiki inġusti possibbli minn pajjiżi terzi mill-mument li dawn l-LTAs ġew konklużi mal-klijenti tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li GrafTech France kellha livell ta’ profitt differenti ħafna meta mqabbla maż-żewġ kumpaniji l-oħrajn inklużi fil-kampjun, u li differenza kbira u fattur ta’ spjegazzjoni ewlieni għal din id-differenza kienet l-eżistenza ta’ dawn l-LTAs.

(160)

It-tieni, xi partijiet, inkluża l-Eurofer, argumentaw li, għall-kuntrarju ta’ dak li ġie indikat fir-Regolament provviżorju, dawn l-LTAs mhux se jiskadu sa tmiem l-2022 peress li xi wħud minn dawn se jiġu estiżi jew imġedda.

(161)

Il-Kummissjoni investigat ulterjorment din il-kwistjoni u tabilħaqq deher li GrafTech estendiet l-LTAs eżistenti ma’ xi wħud mill-klijenti tagħha għal sena jew sentejn wara diskussjonijiet ma’ dawk il-klijenti. L-eżistenza ta’ dawn l-LTAs estiżi, bħala tali, ma kinitx indikazzjoni li l-kundizzjonijiet favorevoli li kienu jeżistu għal din il-kumpanija fl-IP kienu se jkomplu minħabba li l-estensjonijiet kienu jinkludu modifiki fil-kuntratt li jirriżultaw minn diskussjonijiet mal-klijenti tagħhom. Analiżi dettaljata tal-informazzjoni ulterjuri pprovduta minn GrafTech fuq bażi kunfidenzjali fir-rigward ta’ dawn il-modifiki fil-kuntratt fl-LTAs, inklużi dettalji relatati mal-volumi u l-prezzijiet, ippermettiet lill-Kummissjoni tikkonferma s-sejbiet provviżorji tagħha kif stabbilit fil-premessi (253) u (254), u li GrafTech kienet soġġetta għall-istess pressjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bħall-produtturi l-oħrajn tal-Unjoni fiż-żmien tan-negozjar mill-ġdid tal-LTAs tagħha. Barra minn hekk, l-LTAs estiżi koprew biss parti żgħira mill-bejgħ totali ta’ GrafTech. Anke jekk jiġu inklużi l-LTAs estiżi, il-maġġoranza l-kbira tal-volum tal-bejgħ fi tmiem l-2023 mhux se tibqa’ koperta mil-LTAs attwali. Dan il-proporzjon se jkompli jiżdied fi tmiem l-2024. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li xi LTAs kienu skadew fl-2021 u ma ġewx imġedda. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ GrafTech għall-ewwel nofs tal-2021 naqsu meta mqabbla mal-PI (inkluż il-bejgħ skont l-LTAs), li indika li GrafTech kienet affettwata mill-importazzjonijiet tal-elettrodi tal-grafit miċ-Ċina bi prezzijiet baxxi. Għalhekk, l-estensjoni u t-tiġdid ta’ xi LTAs ma biddlux il-konklużjoni dwar id-dannu.

(162)

It-tielet, parti waħda, Trasteel, importatur tal-elettrodi tal-grafit, affermat li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-analiżi settorjali bħala għodda analitika ma kinux issodisfati f’dan il-każ u li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet “eżami oġġettiv”. Madankollu, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq kriterju oġġettiv, jiġifieri l-eżistenza tal-LTAs.

(163)

Wara d-divulgazzjoni finali, Trasteel opponiet il-metodoloġija billi argumentat li minoranza biss tal-produtturi tal-Unjoni tista’ titqies bħala li ġarrbet dannu u mhux l-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi.

(164)

F’konformità mal-approċċ stabbilit fil-premessa (218) tar-Regolament provviżorju u kif spjegat fil-premessi (253) sa (254) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni sabet li GrafTech kienet affettwata wkoll mill-importazzjonijiet bi prezz baxx taċ-Ċina u li l-parti profittabbli tal-industrija ma tkunx tista’ tinfluwenza l-parti mhux profittabbli. B’hekk, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni rreferiet għall-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi. Trasteel naqset milli tispjega għaliex din l-eżaminazzjoni ma kinitx oġġettiva, u ma pproponietx metodoloġija alternattiva. Għalhekk, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(165)

Abbażi ta’ dak li ssemma hawn fuq u għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (241) sa (254) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   L-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(166)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet ikkontestaw il-kawżalità billi argumentaw li l-Unjoni u l-industrija Ċiniża qegħdin jipproduċu prodotti differenti: elettrodi kbar/ta’ grad għoli għall-Unjoni, elettrodi żgħar/ta’ grad baxx għall-industrija Ċiniża. Madankollu, l-investigazzjoni wriet trikkib kbir bejn is-sistemi tal-elettrodu tal-grafit importati miċ-Ċina u dawk prodotti mill-industrija tal-Unjoni. Filwaqt li nnotat li ma hemm l-ebda standard tal-industrija u li l-gradi huma awtodikjaratorji, il-Kummissjoni nnotat li [80-90] % tal-esportazzjonijiet tal-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun kienu ta’ grad UHP. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li [70-80] % tal-elettrodi tal-grafit esportati mill-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun kienu ta’ dijametru ta’ 500 mm jew aktar. Għalhekk hemm trikkib kbir bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u l-produzzjoni tal-UE. L-argument li ma hemm l-ebda kompetizzjoni diretta u li l-Unjoni u l-industrija Ċiniża qegħdin jipproduċu prodotti differenti għalhekk ġie miċħud.

(167)

Barra minn hekk, uħud mill-prodotti importati miċ-Ċina li ma kinux prodotti, jew kienu prodotti biss fi kwantitajiet żgħar, mill-industrija tal-Unjoni ġew esklużi mill-ambitu tal-prodott. Dan qiegħed ikompli jsaħħaħ ir-rabta kawżali.

(168)

Wara d-divulgazzjoni finali, Trasteel indikat iż-żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ fl-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat u argumentat li r-rispons normali tas-suq għad-dumping Ċiniż kien jinvolvi li l-industrija tal-Unjoni tnaqqas il-prezzijiet tagħha sabiex ma titlifx is-sehem mis-suq tagħha. Fl-opinjoni ta’ Trasteel, dan wera li ma kien hemm l-ebda dannu. Kieku l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu, kienet tnaqqas il-prezzijiet tagħha sabiex ma titlifx is-sehem mis-suq. Il-Kummissjoni diġà indikat it-tnaqqis fil-prezzijiet matul il-PI fil-premessi (219) u (220) tar-Regolament provviżorju. Kif spjegat fil-premessi (221) u (223) ta’ dak ir-Regolament, it-tnaqqis kien saħansitra aktar sinifikanti għall-bejgħ fis-“suq ħieles”, li kien soġġett għall-pressjoni kompetittiva tal-importazzjonijiet. Madankollu, anki tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha ma waqqafx lill-industrija tal-Unjoni milli titlef is-sehem mis-suq, bħala riżultat taż-żieda fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ.

(169)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (256) u (257) tar-Regolament provviżorju.

5.2.   L-effetti ta’ fatturi oħrajn

(170)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, bosta partijiet tennew kummenti rigward l-analiżi tan-nonattribuzzjoni u speċjalment rigward il-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tal-LTAs ta’ GrafTech. Wara d-divulgazzjoni finali, Trasteel, Fangda Group u s-CCCME tennew dawk il-kummenti u saħqu li d-diffikultajiet li qed tiffaċċja l-industrija tal-Unjoni kienu marbuta mal-impatt tal-COVID-19 u mat-tnaqqis li jirriżulta fid-domanda għas-sistemi ta’ elettrodi tal-grafit mill-industrija tal-azzar.

5.2.1.   Il-pandemija tal-COVID-19

(171)

Il-pandemija tal-COVID-19 ġiet indirizzata fil-premessa (258) tar-Regolament provviżorju. Il-Kummissjoni ttenni li l-importazzjonijiet Ċiniżi bdew jiżdiedu qabel il-pandemija minkejja t-tnaqqis fil-konsum fl-UE, u li kien hemm żieda konsistenti fis-sehem mis-suq Ċiniż mill-2018.

(172)

B’hekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (258) tar-Regolament provviżorju.

5.2.2.   L-impatt tal-LTAs ta’ GrafTech

(173)

Xi partijiet argumentaw li l-LTAs ta’ GrafTech - bl-iżgurar tal-lealtà ta’ wħud mill-klijenti tagħhom - ikkontribwew għad-diżorganizzazzjoni ekonomika tal-bqija tal-industrija. Fi kliem ieħor, dawn l-LTAs allegatament impedew li d-domanda għall-elettrodi tal-grafit tinxtered fost il-produtturi differenti tal-Unjoni, speċjalment fi żminijiet diffiċli (tnaqqis fid-domanda marbuta mal-pandemija).

(174)

Wara d-divulgazzjoni finali, Trasteel affermat li jekk tinstab xi kawżalità, din tkun biss fir-rigward ta’ minoranza tal-bejgħ tal-Unjoni (dak li ma huwiex soġġett għal LTAs) u mhux fir-rigward tal-maġġoranza tal-industrija tal-Unjoni.

(175)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn il-pretensjonijiet. L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li affermat Trasteel, il-“maġġoranza kbira” tal-bejgħ fl-Unjoni matul il-PI ma kinitx “protetta” mil-LTAs. Għall-kuntrarju, il-maġġoranza tal-bejgħ fl-Unjoni matul il-PI sar barra l-LTAs, skont iċ-ċifri pprovduti mill-industrija tal-Unjoni. It-tieni, l-LTAs ma jistgħux jitqiesu bħala sors ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni. Pjuttost l-investigazzjoni wriet li kienu l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping li kienu l-kawża tad-dannu mġarrab mill-industrija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li, matul il-PI, il-bejgħ ta’ GrafTech lil klijenti mhux relatati naqas b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-2019. Il-bejgħ ta’ produtturi oħrajn tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mingħajr LTAs mal-klijenti tagħhom naqas anqas fl-istess perjodu. Barra minn hekk, kif huwa nnotat fil-premessa (161), il-prezzijiet medji tal-bejgħ ta’ GrafTech għall-ewwel nofs tal-2021 naqsu meta mqabbla mal-PI, u dan jindika li GrafTech kienet affettwata mill-importazzjonijiet tal-elettrodi tal-grafit miċ-Ċina bi prezzijiet baxxi.

(176)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping imsemmija hawn fuq ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u li r-rabta ta’ kawżalità ma kinitx ittaffiet mil-LTAs ta’ GrafTech sa tali punt li l-importazzjonijiet ma kinux qegħdin jikkawżaw dannu materjali.

5.2.3.   L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(177)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (261) u (264) tar-Regolament provviżorju.

5.2.4.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(178)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fangda Group u s-CCCME affermaw li sehem kbir mill-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni jintuża għall-esportazzjoni, li dan għandu impatt fuq il-prestazzjoni operazzjonali ġenerali tal-industrija tal-Unjoni, u li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni kisret ir-rabta ta’ kawżalità. Madankollu, il-Kummissjoni qieset il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u fakkret li, kif spjegat fil-premessa (267) tar-Regolament provviżorju, il-prestazzjoni ġenerali tal-esportazzjoni wriet xejriet simili għal dawk għall-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, iżda l-bejgħ għall-esportazzjoni, f’termini relattivi, naqas inqas mill-bejgħ fis-suq tal-Unjoni.

(179)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (265) u (267) tar-Regolament provviżorju.

5.2.5.   Konsum

(180)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (268) tar-Regolament provviżorju.

5.2.6.   Użu kaptiv

(181)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (269) tar-Regolament provviżorju.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(182)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda wieħed mill-fatturi, analizzati b’mod individwali jew b’mod kollettiv, ma taffa r-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-sens li tali rabta ma tibqax ġenwina u sostanzjali. Għalhekk hija kkonfermat il-konklużjoni fil-premessi (270) sa (274) tar-Regolament provviżorju.

6.   INTERESS TAL-UNJONI

6.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(183)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Trasteel, importatur tal-elettrodi tal-grafit, affermat li l-industrija tal-Unjoni ma għandhiex bżonn protezzjoni minħabba li l-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat qegħdin jiżdiedu. Madankollu, l-investigazzjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u, fi kwalunkwe każ, il-pretensjoni ma kinitx issostanzjata minn evidenza li turi li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija Unjoni kienet inbidlet. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda bħala infondata.

(184)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (276) sa (280) tar-Regolament provviżorju.

6.2.   L-interess tal-importaturi u tan-negozjanti mhux relatati

(185)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Trasteel u Misano affermaw li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping tippreġudika l-pożizzjoni tal-importaturi fis-suq peress li l-klijenti jistgħu ma jkunux iridu jixtru bi prezz ogħla. Parti indikat li 50 % tal-fatturat tagħha huwa ġġenerat mill-bejgħ tal-elettrodi tal-grafit importati miċ-Ċina.

(186)

Fir-rigward tal-konsegwenzi ekonomiċi fuq l-importaturi, kif deskritt fil-premessa (281) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni stabbiliet li l-importaturi inklużi fil-kampjun kellhom negozju profittabbli, bi profitt medju ponderat ta’ 4 %, u li l-impożizzjoni ta’ miżuri jkollha biss impatt limitat fuq il-profittabbiltà tagħhom.

(187)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li r-rati tad-dazju anti-dumping definittiv għall-kumpaniji Ċiniżi li kkooperaw kienu taħt ir-rata tat-twaqqigħ tal-prezz. Għalhekk huwa mistenni li l-importaturi u n-negozjanti mhux relatati xorta jkunu jistgħu jimportaw l-elettrodi tal-grafit miċ-Ċina bi prezz kompetittiv iżda ġust. Għalhekk, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(188)

Trasteel u Misano għamlu wkoll kummenti dwar l-interess tal-importaturi u tan-negozjanti relatati man-nuqqas ta’ kapaċità tal-industrija tal-Unjoni u r-riskju ta’ nuqqas speċjalment għal elettrodi b’dijametri żgħar. Dawn il-kummenti kienu simili għal dawk ta’ xi utenti u huma indirizzati fit-Taqsima 6.3 ta’ hawn taħt.

(189)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-importaturi mhux relatati, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (281) sa (284) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati.

6.3.   L-interess tal-utenti

(190)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, xi partijiet affermaw li d-dazji anti-dumping jheddu l-profittabbiltà u l-kompetittività tal-utenti. Huma affermaw ukoll li l-industrija downstream ma tistax tikseb b’mod affidabbli l-elettrodi tal-grafit li teħtieġ sabiex tkompli l-operazzjonijiet tagħha mingħajr importazzjonijiet miċ-Ċina. Wara d-divulgazzjoni finali, il-Eurofer, Fangda Group u s-CCCME tennew li hemm riskju sinifikanti ta’ nuqqas ta’ provvista, speċjalment għall-elettrodi tal-grafit b’dijametru żgħir.

(191)

L-utenti jirrappreżentaw prinċipalment l-industrija tal-azzar, iżda wkoll, kif indikat minn Imerys, xi utenti iżgħar bħall-produtturi ta’ ossidi minerali mdewba bħall-alumina mdewba u ż-żirkonju mdewweb.

(192)

Fir-rigward ta’ Imerys, il-Kummissjoni nnotat li sehem kbir mill-elettrodi li qiegħda tuża huma elettrodi tal-enerġija regolari li – minħabba l-karatteristiċi fiżiċi tagħhom – jaqgħu barra mill-ambitu ta’ din l-investigazzjoni. Wara li analizzat is-sottomissjonijiet kollha, inkluż dik minn Imerys, il-Kummissjoni nnotat ukoll li Imerys qiegħda tuża elettrodi żgħar u żgħar ħafna, li ġew esklużi mill-ambitu tal-prodott, kif imsemmi fil-premessa (32) ta’ hawn fuq.

(193)

Għalhekk, taħt is-suppożizzjoni li, minħabba l-proprjetajiet fiżiċi ta’ ossidi minerali mdewba, il-produtturi ta’ ossidi minerali mdewba ffaċċjaw restrizzjonijiet simili billi għandhom faċilitajiet ta’ produzzjoni simili, il-Kummissjoni stenniet li l-esklużjoni tal-ambitu tal-prodott tal-elettrodi tal-grafit ta’ dijametru nominali ta’ 350 mm jew anqas tillimita l-konsegwenzi negattivi possibbli fuq tali utenti.

(194)

Fir-rigward tal-industrija tal-azzar, is-sejbiet relatati tal-premessi (285) sa (289) tar-Regolament provviżorju ġew ikkonfermati, filwaqt li ġie nnotat ukoll, kif muri fil-kummenti tal-Eurofer wara d-divulgazzjoni finali, id-diffikultajiet fl-akkwist għal sistemi ta’ elettrodi tal-grafit b’dijametru żgħir li xi produtturi tal-azzar tal-UE bħalissa qed jiffaċċjaw.

(195)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-ilmentaturi fil-kummenti tagħhom għad-divulgazzjoni finali tennew l-eżistenza tal-kapaċitajiet disponibbli tal-produtturi tal-Unjoni biex jipproduċu elettrodi tal-grafit b’dijametri żgħar.

(196)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni fakkret li l-miżuri se jippermettu biss l-istabbiliment mill-ġdid ta’ kompetizzjoni ġusta bejn l-Unjoni u l-produtturi Ċiniżi tal-elettrodu tal-grafit, u mhux se jipprevjenu lill-utenti milli jkomplu jakkwistaw miċ-Ċina.

(197)

Il-pretensjonijiet li d-dazji anti-dumping jheddu l-profittabbiltà u l-kompetittività tal-utenti u li l-industrija downstream ma tistax tikseb b’mod affidabbli l-elettrodi tal-grafit għalhekk ġew miċħuda.

6.4.   Fatturi oħrajn

(198)

Fin-nuqqas ta’ kummenti fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (290) u (291) tar-Regolament provviżorju.

(199)

Wara d-Divulgazzjoni Finali, Fangda Group u s-CCCME talbu lill-Kummissjoni tikkunsidra l-effett negattiv potenzjali tal-miżuri fuq l-objettivi ambjentali tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri mhux se joħolqu riskju f’termini ta’ sigurtà tal-provvista, kif spjegat fil-premessa (288) tar-Regolament provviżorju u fil-premessi (196) u (197), u għalhekk mhux se jfixklu l-ilħuq tal-objettivi ambjentali tal-Unjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika. Għall-kuntrarju, l-objettiv tal-miżuri huwa li jerġgħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwivalenti għall-produtturi tal-Unjoni u se jikkontribwixxu biex tiġi żgurata diversità ta’ provvista għall-utenti, li tiffavorixxi l-produzzjoni tal-azzar tal-fran bl-ark elettriku fl-Unjoni.

6.5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(200)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessa (292) tar-Regolament provviżorju.

7.   Miżuri anti-dumping definittivi

7.1.   Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu

(201)

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni vvalutat l-iżvilupp tal-volumi tal-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni sabiex jiġi rifless id-dannu addizzjonali f’każ li jkun hemm żieda sostanzjali oħra fl-importazzjonijiet soġġetti għall-investigazzjoni matul dak il-perjodu. Skont il-bażi tad-data Surveillance 2, tqabbil tal-volumi tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fil-perjodu ta’ investigazzjoni ma’ dawk tal-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni ma weriex żidiet sostanzjali oħrajn fl-importazzjonijiet (kien hemm biss żieda ta’ 5,5 %). Għalhekk ir-rekwiżiti għal żieda fid-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku ma ntlaħqux u ma sar l-ebda aġġustament għall-marġni tad-dannu.

(202)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (168) sa (177) tar-Regolament provviżorju, kif modifikati fit-tabella fil-premessa (206).

(203)

F’termini tal-marġni residwu, meta jitqies li l-kooperazzjoni tal-esportaturi Ċiniżi kienet baxxa kif spjegat fil-premessa (179) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li jiġi stabbilit marġni residwu fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Dan il-marġni ġie stabbilit fil-livell tal-ogħla marġni ta’ bejgħ taħt il-prezz stabbilit għal tipi ta’ prodott mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi mill-produttur esportatur bl-ogħla marġni ta’ bejgħ taħt il-prezz misjub. Il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz residwu kkalkolat b’dan il-mod ġie stabbilit f’livell ta’ 187,1 %.

7.2.   Id-distorsjoni fil-materja prima

(204)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-premessi (308) sa (309) tar-Regolament provviżorju, u peress li l-marġnijiet adegwati sabiex jitneħħa d-dannu baqgħu ogħla mill-marġnijiet tad-dumping li nstabu wkoll fi stadju definittiv, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku ma huwiex applikabbli fil-każ inkwistjoni u li minflok kien japplika l-Artikolu 7(2).

7.3.   Miżuri definittivi

(205)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(206)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati li bihom se jiġu imposti tali dazji huma stabbiliti kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping

Marġini tad-dannu

Dazju anti-dumping definittiv

Il-Grupp Fangda

36,1  %

139,7  %

36,1  %

Liaoning Dantan Technology Group Co., Ltd.

23,0  %

98,5  %

23,0  %

Nantong Yangzi Carbon Group

51,7  %

150,5  %

51,7  %

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

33,8  %

121,6  %

33,8  %

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

74,9  %

187,1  %

74,9  %

(207)

Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Dawn jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal xi rata individwali ta’ dazju anti-dumping.

(208)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (15). It-talba trid tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti lill-kumpanija turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament li jikkonċerna l-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(209)

Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(210)

Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, ma hijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jridu jwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u sabiex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju aktar baxxa tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(211)

Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

7.4.   Il-ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

(212)

Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju, imposti mir-Regolament provviżorju, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv.

8.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

(213)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), meta ammont ikollu jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jkollu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(214)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Nantong Yangzi Carbon Group indika li l-grupp huwa magħmul minn tliet produtturi: jiġifieri Nantong Yangzi Carbon Co., Ltd., Nantong Jiangdong Carbon Co. Ltd. u Wulanchabu Xufeng Carbon Technology Co. Ltd. Għalhekk, huwa meħtieġ li r-Regolament provviżorju jiġi emendat sabiex jiġu indikati l-ismijiet tal-produtturi kollha fi ħdan Nantong Yangzhi Carbon Group għall-fini tal-ġbir tad-dazju anti-dumping provviżorju. Barra minn hekk, l-ismijiet tagħhom jeħtieġ li jiġu indikati wkoll għall-fini tal-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping definittiv.

(215)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qiegħed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ elettrodi tal-grafit tat-tip użat għall-fran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar u b’reżistenza elettrika ta’ 7,0 μ.Ω.m jew anqas, kemm jekk mgħammra bin-nipples kif ukoll jekk le, b’dijametru nominali ta’ aktar minn 350 mm, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8545 11 00 (il-kodiċijiet TARIC 8545110010 u 8545110015), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Dazju anti-dumping definittiv

Kodiċi addizzjonali TARIC

RPĊ

Fangda Group huwa magħmul minn erba’ produtturi:

Fangda Carbon New Material Co., Ltd.;

Fushun Carbon Co., Ltd.;

Chengdu Rongguang Carbon Co., Ltd.;

Hefei Carbon Co., Ltd.

36,1  %

C 731

RPĊ

Liaoning Dantan Technology Group Co., Ltd.

23,0  %

C 732

RPĊ

Nantong Yangzhi Carbon Group huwa magħmul minn tliet produtturi:

Nantong Yangzi Carbon Co., Ltd.;

Nantong Jiangdong Carbon Co. Ltd.;

Wulanchabu Xufeng Carbon Technology Co. Ltd.

51,7  %

C 733

RPĊ

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness

33,8  %

 

RPĊ

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

74,9  %

C 999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmijin fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jiena, is-sottoskritt(a), niċċertifika li (l-volum) ta’ (il-prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti bid-dazju anti-dumping provviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1812 għandhom jinġabru b’mod definittiv minn fuq il-prodott kif definit fl-Artikolu 1(1) ta’ hawn fuq. L-ammonti garantiti b’rabta mal-importazzjonijiet tal-prodotti esklużi (jiġifieri, l-importazzjonijiet ta’ elettrodi tal-grafit ta’ tip użat għall-fran elettriċi, b’densità apparenti ta’ 1,5 g/cm3 jew aktar, u reżistenza elettrika ta’ 7,0 μ.Ω.m jew anqas, kemm jekk mgħammra bin-nipples kif ukoll jekk le, b’dijametru nominali ta’ 350 mm jew anqas) għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat sabiex jiżdiedu produtturi esportaturi ġodda miċ-Ċina u jsiru soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2020);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

li effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 4

1.   L-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1812 huwa emendat kif ġej:

“Nantong Yangzi Carbon Co., Ltd.”

huwa sostitwit bi

“Nantong Yangzhi Carbon Group huwa magħmul minn tliet produtturi: Nantong Yangzi Carbon Co., Ltd.; Nantong Jiangdong Carbon Co. Ltd.; Wulanchabu Xufeng Carbon Technology Co. Ltd.”

2.   Dan l-Artikolu għandu jkun applikabbli għall-finijiet tal-Artikolu 2 mis-16 ta’ Ottubru 2021.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta’ Bidu ta’ proċedura anti-dumping rigward l-importazzjoni ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 57, 17.2.2021, p. 3).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1812 tal-14 ta’ Ottubru 2021 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 366, 15.10.2021, p. 62).

(4)  Fid-dawl tad-dijametri standard u t-tolleranza ġenerali osservata fl-industrija, l-esklużjoni tal-elettrodi tal-grafit b’dijametru nominali ta’ 350 mm jew anqas fil-prattika se jiżguraw li xi elettrodi ta’ daqs kemxejn akbar xorta jaqgħu taħt l-esklużjoni.

(5)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, l-20 ta’ Diċembru 2017, SWD(2017) 483 final/2.

(6)  Ir-Rapport – il-Kapitolu 4, p. 41-42, 83.

(7)  Ara t-Taqsima 2 tal-Kapitolu 80 tat-13-il FYP.

(8)  Sors: “Petroleum coke: essential to manufacturing” ippubblikat mill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Manifatturi, disponibbli fuq www.api.org/~/media/files/news/2014/14-november/petcoke-one-pager.pdf; “Petcoke markets and the cement industry” ippubblikat minn CemNET, disponibbli fuq www.cemnet.com/News/story/169503/petcoke-markets-and-the-cement-industry.html; aċċessati fis-17 ta’ Diċembru 2021.

(9)  Jekk jogħġbok innota li fil-premessa (150) tar-Regolament provviżorju, l-elettriku ma ġiex espress f’kWh iżda f’MWh.

(10)  Data disponibbli fuq is-sit web tal-Comisión Federal de Electricidad fuq: https://app.cfe.mx/Aplicaciones/CCFE/Tarifas/TarifasCREIndustria/Tarifas/DemandaIndustrialTran.aspx., aċċessat fit-8 ta’ Diċembru 2021.

(11)  www.iccsino.com.cn

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/191 tas-16 ta’ Frar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti elementi tal-irbit tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 36, 17.2.2022, p. 1), premessi (229)-(233).

(13)  L-importazzjonijiet totali Messikani li joriġinaw mill-Ġermanja kienu jirrappreżentaw 2,5 % tal-kwantità totali, 97,5 % tal-importazzjonijiet kienu joriġinaw mill-Istati Uniti.

(14)  Jiġifieri l-importazzjonijiet fil-ħames punti tad-dħul li jifdal, bl-esklużjoni ta’ dawk fi Nuevo Laredo u ż-żewġ punti l-oħra fejn il-prezz medju kien ta’ madwar USD 200 għal kull tunnellata.

(15)  Il-Kummissjoni Ewropea, Id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat G, Wetstraat 170 Rue de la Loi, 1040 Brussell, Il-Belġju.

(16)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


Top