EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0504

Regolament(UE) 2022/504 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/445 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni (BÈ/2016/4) (BĊE/2022/14)

ECB/2022/14

OJ L 102, 30.3.2022, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/504/oj

30.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/11


REGOLAMENT(UE) 2022/504 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta’ Marzu 2022

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/445 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni (BÈ/2016/4) (BĊE/2022/14)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6, u l-Artikolu 9(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2)u b'mod partikolari l-Artikoli 400(2), 415(3), 420(2), 428p(10), 428q(2), 428aq(10), 428ar(2), 467(3), 468(3) u 471(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (3), u b'mod partikolari l-Artikoli 12(3) u 23(2), u l-Artikolu 24(4) u (5) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-leġiżlazzjoni adottata mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/4) (4) introduċiet ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet ġodda fil-liġi tal-Unjoni u emendat jew ħassret ukoll ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet previsti fil-liġi tal-Unjoni li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) eżerċita fir-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4). Għalhekk, emendi konsegwenzjali għar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) huma meħtieġa biex jirriflettu dawk il-bidliet.

(2)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4), l-iskoperturi intragrupp huma eżentati mil-limiti rilevanti tal-iskoperturi l-kbar, dment li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jissodisfaw ċerti kriterji. Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) il-livell tat-tħassib prudenzjali tal-BĊE dwar il-prattiki ta’ prenotazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinvolvu entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi żdied. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) għandu għalhekk ikun limitat għal skoperturi intragrupp għal entitajiet stabbiliti fl-Unjoni.

(3)

L-Artikolu 9(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) għandu jiġi emendat biex jippermetti li, minbarra l-eżenzjoni sħiħa disponibbli bħalissa, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkonformaw mal-kriterji rilevanti billi josservaw limitu kwantitattiv fuq il-valur tal-iskoperturi rilevanti jkunu jistgħu jagħmlu użu minn eżenzjoni parzjali.

(4)

Fir-rigward ta’ prodotti relatati mal-finanzjament tal-kummerċ li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ, il-BĊE jqis li huwa meħtieġ li tiġi introdotta flessibbiltà akbar fid-determinazzjoni tar-rati tal-flussi ta’ ħruġ għall-finijiet tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/61 (5). Għalhekk, l-ispeċifikazzjoni ta’ rata standardizzata ta’ flussi ta’ ħruġ ta’ 5 % fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) għandha titneħħa. Minflok, kif inhu l-każ għall-prodotti u s-servizzi l-oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/61, il-BĊE għandu jiddetermina r-rati tal-flussi ta’ ħruġ għal prodotti relatati mal-finanzjament tal-kummerċ li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ billi jew jaċċetta r-rati tal-flussi ta’ ħruġ applikati mill-istituzzjoni ta’ kreditu rilevanti jew billi jistabbilixxi rata ogħla tal-flussi ta’ ħruġ, limitata għal 5 %.

(5)

Sabiex jiġi appoġġat l-objettiv ta’ applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għandha tiġi stabbilita politika ġenerali għall-identifikazzjoni ta’ indiċijiet tal-borża ewlenin fi Stat Membru jew f’pajjiż terz għall-finijiet tal-Artikolu 12(1)(c)(i) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/61.

(6)

Bl-introduzzjoni tar-rekwiżit tal-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (NSFR) kif stabbilit fit-Titolu IV tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħa li jeżerċitaw diversi opzjonijiet u diskrezzjonijiet ġodda relatati mar-rekwiżit tal-NSFR. Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(7)

Sabiex jiġi appoġġat il-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-NSFR minn istituzzjonijiet żgħar u mhux kumplessi, kif deskritt fil-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li jiġu eżerċitati bl-istess mod bħall-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet korrispondenti relatati mal-applikazzjoni tar-rekwiżit tal-NSFR minn istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn, kif stabbilit fil-Kapitoli 1 sa 4 tat-Titolu IV tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(8)

Ċerti fatturi impedixxew l-applikazzjoni prattika tad-diskrezzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet biex japplikaw rata ta’ fluss ta’ ħruġ ta’ 3 % għal depożiti stabbli fil-livell tal-konsumatur koperti minn skema ta’ garanzija tad-depożiti (DGS), soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 24(4) u (5) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61. Hemm bżonn ta’ aktar evidenza u analiżi sabiex jintwera li r-rati ta’ run-off għal depożiti stabbli fil-livell tal-konsumatur koperti minn DGS kif imsemmi fl-Artikolu 24(5) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/61 ikunu inqas minn 3 % matul kwalunkwe perjodu ta’ stress esperjenzat b’mod konsistenti max-xenarji msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/61. Fin-nuqqas ta’ tali evidenza u analiżi, il-politika ġenerali li tawtorizza l-applikazzjoni ta’ rata ta’ fluss ta’ ħruġ ta’ 3 % jenħtieġ li titneħħa mir-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4).

(9)

Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE wettaq konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar dan ir-Regolament.

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Bord Superviżorju tal-BĊE li japprova l-proposta biex jiġi adottat dan ir-Regolament ittieħdet skont l-Artikolu 26(7) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(11)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 5 huwa mħassar;

2.

Fl-Artikolu 9, il-paragrafi 3 u 5 huma ssostitwiti b'dan li ġej:

“3.   L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 imġarrba minn istituzzjoni ta’ kreditu għall-impriżi msemmija fih għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta’ dak ir-Regolament, sakemm dawk l-impriżi jkunu stabbiliti fl-Unjoni u sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 400(3) ta’ dak ir-Regolament, kif speċifikat ulterjorment fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, jiġu ssodisfatti u sa fejn dawk l-impriżi jkunu koperti bl-istess superviżjoni fuq bażi konsolidata f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew bi standards ekwivalenti fis-seħħ f'pajjiż terz, kif speċifikat ulterjorment fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament, kif speċifikat ulterjorment fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

5.   L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(e) sa (l) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati għal kollox, jew fil-każ tal-Artikolu 400(2)(i) għandhom ikunu eżentati sal-ammont massimu permess, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament, sakemm ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament.

(*1)  Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplimentari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).”;"

3.

Fil-Kapitolu IV, wara l-intestatura “Likwidità”, tiddaħħal l-intestatura li ġejja:

Taqsima I

Rekwiżit ta' Kopertura tal-Likwidità

4.

L-Artikoli 10 u 11 huma mħassra.

5.

L-Artikolu 11a li ġej huwa miżjud:

“Artikolu 11a

Artikolu 12(1)(c)(i) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/61: Identifikazzjoni tal-indiċijiet tal-borża ewlenin ta’ Stat Membru jew pajjiż terz

L-indiċijiet li ġejjin jikkwalifikaw bħala indiċijiet tal-borża ewlenin għall-fini tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ishma li jistgħu jikkwalifikaw bħala assi tal-Livell 2B skont l-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61:

(a)

l-indiċijiet elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/1646 (*2);

(b)

kwalunkwe indiċi tal-borża ewlieni, mhux inkluż taħt il-punt (a), fi Stat Membru jew f’pajjiż terz, identifikat bħala tali għall-finijiet ta’ dan il-punt mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti jew l-awtorità pubblika tal-pajjiż terz;

(c)

kwalunkwe indiċi tal-borża ewlieni, mhux inkluż taħt il-punti (a) jew (b), li jinkludi kumpaniji ewlenin fil-ġurisdizzjoni rilevanti.

(*2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1646 tat-13 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar indiċijiet ewlenin u boroż rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment (ĠU L 245, 14.9.2016, p. 5).”;"

6.

Fil-Kapitolu IV, wara l-Artikolu 12, tiddaħħal it-Taqsima II li ġejja:

Taqsima II

Proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (net stable funding ratio - NSFR)

Artikolu 12a

Artikolu 428p(10) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: Fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġ għal skoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ

Sakemm l-BĊE ma jiddeterminax fatturi differenti ta’ finanzjament stabbli meħtieġ, għall-iskoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 428p(10) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw għal skoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ mhux imsemmija fil-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġa li jikkorrispondu għar-rati tal-flussi ta’ ħruġ li huma japplikaw għal prodotti u servizzi relatati fil-kuntest tal-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/61 fir-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità.

Artikolu 12b

Artikolu 428q(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: Determinazzjoni tat-terminu ta’ aggravar ta’ assi li ġew issegregati

Meta l-assi jkunu ġew issegregati f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) u l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jiddisponu liberament minn tali assi, l-istituzzjonijiet għandhom iqisu tali assi bħala aggravati għal perjodu korrispondenti għat-terminu tal-obbligazzjonijiet lejn il-klijenti tal-istituzzjonijiet li magħhom ikun relatat dak ir-rekwiżit ta’ segregazzjoni.

Artikolu 12c

Artikolu 428aq(10) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: Fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġ għal skoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ

L-istituzzjonijiet li għalihom il-BĊE jkun ta l-permess biex japplikaw ir-rekwiżit ta’ finanzjament stabbli nett simplifikat imsemmi fil-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, għandhom isegwu l-approċċ kif stipulat fl-Artikolu 12a.

Artikolu 12d

Artikolu 428ar(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: Determinazzjoni tat-terminu ta’ aggravar ta’ assi li ġew issegregati

L-istituzzjonijiet li lilhom il-BĊE jkun ta permess li jikkalkulaw il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett kif imsemmi fil-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom isegwu l-approċċ stabbilit fl-Artikolu 12b.

(*3)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).’;"

7.

L-Artikoli 13 sa 16 huma mħassra;

8.

L-Anness I huwa emendat skond l-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1.

(4)  Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni (BĊE/2016/4) (ĠU L 78, 24.3.2016, p. 60).

(5)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 2016/445 (BĊE/2016/4) huwa emendat kif ġej:

1.

il-punt (ii) tas-subparagrafu (a) tal-paragrafu 2 huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(ii)

l-iskoperturi intragrupp huma ġġustifikati mill-istruttura u l-istrateġija ta' finanzjament tal-grupp;”;

2.

il-punt (ii) tas-subparagrafu (c) tal-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

l-iskoperturi intragrupp huma ġġustifikati mill-istruttura u l-istrateġija ta' finanzjament tal-grupp;”.


Top