EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0467

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/467 tat-23 ta’ Marzu 2022 li jipprevedi għajnuna ta’ aġġustament eċċezzjonali lill-produtturi fis-setturi agrikoli

C/2022/1872

OJ L 96, 24.3.2022, p. 4–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/467/oj

24.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 96/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/467

tat-23 ta’ Marzu 2022

li jipprevedi għajnuna ta’ aġġustament eċċezzjonali lill-produtturi fis-setturi agrikoli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 106(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022 qed ikollha impatt fuq il-bdiewa fl-Unjoni.

(2)

It-tħassib ewlieni fil-kummerċ bejn l-Ukrajna u l-Unjoni huwa d-disponibbiltà tat-trasport. L-ajruporti Ukreni kienu minn tal-ewwel li sofrew taħt l-attakk Russu u l-operazzjonijiet kollha ta’ tbaħħir kummerċjali fil-portijiet Ukreni ġew sospiżi.

(3)

Il-kriżi x’aktarx li jkollha konsegwenzi serji fuq il-provvista tal-qmuħ f’livell globali, li se twassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet li diġà qed jogħlew għall-enerġija u għall-fertilizzanti, u li qed jaffettwaw lill-bdiewa fl-Unjoni.

(4)

It-tieni tħassib huwa l-impossibbiltà li l-prodotti tal-Unjoni jkomplu jiċċirkolaw lejn l-Ukrajna u potenzjalment anke lejn ir-Russja u l-Belarussja għal raġunijiet loġistiċi u finanzjarji, u b’hekk jiġi ġġenerat tfixkil fil-kummerċ f’xi setturi li jissarraf fi żbilanċi fis-suq tas-suq intern. Dan jaffettwa prinċipalment is-setturi tal-inbejjed u l-ispirti, tal-ikel ipproċessat (inkluż il-frott u l-ħxejjex ipproċessati), l-ikel tat-trabi, u tal-ikel tal-annimali domestiċi fil-każ tar-Russja, il-frott u l-ħxejjex fil-każ tal-Belarussja, u tal-prodotti tal-annimali fil-każ tal-Ukrajna.

(5)

Għalhekk hemm theddida akuta ta’ tfixkil fis-suq ikkawżata minn żidiet sinifikanti fil-kostijiet u minn tfixkil sinifikanti fil-kummerċ li teħtieġ azzjoni effettiva u effiċjenti.

(6)

Il-miżuri ta’ intervent fis-suq disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fil-forma ta’ intervent pubbliku, għajnuna għall-ħżin privat jew irtirar mis-suq jistgħu jkunu effettivi biex jerġgħu jwasslu ċertu bilanċ fis-suq billi jneħħu temporanjament jew permanentement prodotti mis-suq, iżda mhumiex ta’ natura tali li jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra t-theddida ta’ tfixkil fis-suq ikkawżat miż-żieda fil-kostijiet. Filwaqt li s-suq jeħtieġ li jaġġusta gradwalment għal ċirkustanzi ġodda, huwa meħtieġ appoġġ għall-produtturi f’setturi fejn il-kostijiet tal-inputs qed jogħlew għal livelli mhux sostenibbli u fejn il-prodotti ma jistgħux isibu s-suq disponibbli normali tagħhom.

(7)

Sabiex ikun hemm reazzjoni effiċjenti u effettiva kontra t-theddida ta’ tfixkil fis-suq, huwa essenzjali li l-għajnuna tkun disponibbli għall-produtturi fis-setturi agrikoli fl-Unjoni affettwati mit-tali tfixkil fis-suq. L-Istati Membri għandhom jagħżlu wieħed jew aktar mis-setturi kkonċernati, jew parti minnhom, biex jappoġġaw lill-produtturi li jbatu l-aktar mit-tfixkil fis-suq.

(8)

Għalhekk huwa xieraq li l-Istati Membri jingħataw għotja finanzjarja biex jappoġġaw lill-produtturi involuti f’attivitajiet li jrawmu s-sigurtà tal-ikel jew li jindirizzaw l-iżbilanċi fis-suq, u b’hekk jippermettu l-aġġustament meħtieġ. L-ammont disponibbli għal kull Stat Membru għandu jiġi stabbilit, filwaqt li jitqies il-piż rispettiv ta’ kull Stat Membru fis-settur agrikolu tal-Unjoni, abbażi tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(9)

L-Istati Membri għandhom ifasslu miżuri li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel jew li jindirizzaw l-iżbilanċi fis-suq. Il-bdiewa għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ skont dawn il-miżuri diment li jkunu involuti f’waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin li jippruvaw jilħqu dawn l-għanijiet: l-ekonomija ċirkolari, il-ġestjoni tan-nutrijenti, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, u l-metodi ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima.

(10)

L-Istati Membri għandhom iqassmu l-għajnuna permezz tal-aktar mezzi effettivi abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jqisu l-firxa tat-tfixkil fis-suq fis-setturi differenti, filwaqt li jiżguraw li l-bdiewa jkunu l-benefiċjarji aħħarija tal-għajnuna, u jevitaw kwalunkwe distorsjoni tas-suq u tal-kompetizzjoni.

(11)

Peress li l-ammont allokat lil kull Stat Membru jikkumpensa biss parti mit-telf reali mġarrab mill-produtturi fis-setturi agrikoli, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu appoġġ addizzjonali lil dawk il-produtturi, bl-istess kundizzjonijiet ta’ oġġettività, ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ nuqqas ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Minħabba l-kobor tal-kriżi attwali, dan l-appoġġ nazzjonali addizzjonali jista’ eċċezzjonalment jammonta għal massimu tad-doppju tal-ammonti rispettivi stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Sabiex l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà biex jiddistribwixxu l-għajnuna kif meħtieġ miċ-ċirkustanzi ta’ tfixkil fis-suq, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jakkumulawha ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

(13)

L-għajnuna prevista f’dan ir-Regolament għandha tingħata bħala miżura ta’ appoġġ għas-swieq agrikoli f’konformità mal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, wara t-trasferiment ta’ fondi mir-riżerva għall-kriżi fis-settur agrikolu prevista fl-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament.

(14)

Peress li l-għajnuna tal-Unjoni hija stabbilita bl-euro, u sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi u simultanja, huwa meħtieġ li tiġi ffissata data għall-konverżjoni fil-munita nazzjonali tagħhom tal-ammont allokat lill-Istati Membri li ma adottawx l-euro. Huwa għalhekk xieraq li jiġi determinat l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju f’konformità mal-Artikolu 106 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Fid-dawl tal-prinċipju msemmi fil-paragrafu 2(b) ta’ dak l-Artikolu u fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 5(c) ta’ dak l-Artikolu, id-data tal-avveniment operattiv għandha tkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(15)

Għal raġunijiet baġitarji, l-Unjoni għandha tiffinanzja n-nefqa mġarrba mill-Istati Membri biss meta tali nefqa ssir sa ċerta data ta’ eliġibbiltà.

(16)

Sabiex ikunu żgurati t-trasparenza, l-monitoraġġ u l-amministrazzjoni kif suppost tal-ammonti li jsiru disponibbli għalihom, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu, il-kriterji użati biex jiġu stabbiliti, ir-raġunament għad-distribuzzjoni tal-għajnuna fost is-setturi differenti, il-miżuri meħuda sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati, l-impatt mixtieq tal-miżuri u l-metodi biex jiġi ċċekkjat li dan jinkiseb.

(17)

Id-diffikultajiet biex jiġu aċċessati l-inputs u l-problemi loġistiċi li jirriżultaw minn waqfien f’daqqa ta’ konsenji kummerċjali huma ta’ tfixkil immedjat fis-suq u għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni immedjata biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata b’mod effiċjenti u effettiv.

(18)

Sabiex ikun żgurat li l-produtturi jirċievu l-għajnuna malajr kemm jista’ jkun, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw dan ir-Regolament mingħajr dewmien. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika bil-kundizzjoni li t-trasferiment ta’ EUR 350 000 000 mir-riżerva għal-linji baġitarji li jiffinanzjaw il-miżura meħtieġa jsir f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4); mill-jum tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li t-trasferiment ikun sar,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna tal-Unjoni ta’ ammont totali ta’ EUR 500 000 000 għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri biex jipprovdu għajnuna eċċezzjonali ta’ aġġustament lill-produtturi fis-setturi elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jużaw l-ammonti disponibbli għalihom kif stabbilit fl-Anness għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 f’setturi affettwati minn tfixkil fis-suq minħabba żieda fil-kostijiet tal-inputs jew restrizzjonijiet kummerċjali. Il-miżuri għandhom jittieħdu fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li jqisu l-firxa tat-tfixkil fis-suq fis-setturi differenti, diment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni.

3.   Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel jew biex jindirizzaw l-iżbilanċi fis-suq u għandhom jappoġġaw lill-bdiewa li jinvolvu ruħhom f’waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin li jippruvaw jilħqu dawn l-għanijiet:

(a)

l-ekonomija ċirkolari;

(b)

il-ġestjoni tan-nutrijenti;

(c)

l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

(d)

l-applikazzjoni ta’ metodi ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-bdiewa ma jkunux il-benefiċjarji diretti tal-pagamenti tal-għajnuna tal-Unjoni, il-benefiċċju ekonomiku tal-għajnuna tal-Unjoni jiġi mgħoddi lilhom b’mod sħiħ.

5.   In-nefqa tal-Istati Membri fir-rigward tal-pagamenti għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jkunu eliġibbli għall-għajnuna tal-Unjoni biss jekk dawk il-pagamenti jkunu saru sat-30 ta’ Settembru 2022.

6.   Fir-rigward tal-Istati Membri li ma adottawx l-euro fil-muniti nazzjonali tagħhom, l-avveniment operattiv għar-rata tal-kambju msemmi fl-Artikolu 106 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-ammonti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament għandu jkun id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

7.   Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jistgħu jiġu akkumulati ma’ appoġġ ieħor iffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

Artikolu 2

L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna nazzjonali addizzjonali għall-miżuri meħuda skont l-Artikolu 1 sa massimuta’ 200 % tal-ammont korrispondenti stabbilit għal kull Stat Membru fl-Anness, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, diment li l-pagamenti li jirriżultaw ma jikkawżawx distorsjoni tal-kompetizzjoni.

L-Istati Membri għandhom iħallsu l-appoġġ addizzjonali sat-30 ta’ Settembru 2022.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan li ġej:

(a)

mingħajr dewmien u mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2022:

(1)

id-deskrizzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu;

(2)

il-kriterji użati biex jiġu ddeterminati l-metodi għall-għoti tal-għajnuna u r-raġunament għad-distribuzzjoni tal-għajnuna fost is-setturi differenti;

(3)

l-impatt mixtieq tal-miżuri fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel u tal-istabbilizzazzjoni fis-suq;

(4)

l-azzjonijiet meħuda biex jiġi ċċekkjat li jinkiseb l-impatt mixtieq;

(5)

l-azzjonijiet meħuda biex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(6)

il-livell ta’ appoġġ addizzjonali mogħti skont l-Artikolu 2;

(b)

sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju 2023, l-ammonti totali mħallsa għal kull miżura, fejn applikabbli, imqassma skont l-għajnuna tal-Unjoni u l-għajnuna nazzjonali addizzjonali, in-numru u t-tip ta’ benefiċjarji u l-valutazzjoni tal-effettività tal-miżura.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika bil-kundizzjoni li t-trasferiment ta’ EUR 350 000 000 mir-riżerva għal-linja baġitarja li tiffinanzja l-miżura eċċezzjonali jsir f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Għandu japplika mill-jum tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li t-trasferiment ikun sar.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

L-ammonti disponibbli għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 1(2)

Stat Membru

EUR

Il-Belġju

6 268 410

Il-Bulgarija

10 611 143

Iċ-Ċekja

11 249 937

Id-Danimarka

10 389 359

Il-Ġermanja

60 059 869

L-Estonja

2 571 111

L-Irlanda

15 754 693

Il-Greċja

26 298 105

Spanja

64 490 253

Franza

89 330 157

Il-Kroazja

5 354 710

L-Italja

48 116 688

Ċipru

632 153

Il-Latvja

4 235 161

Il-Litwanja

7 682 787

Il-Lussemburgu

443 570

L-Ungerija

16 939 316

Malta

69 059

In-Netherlands

8 097 139

L-Awstrija

8 998 887

Il-Polonja

44 844 365

Il-Portugall

9 105 131

Ir-Rumanija

25 490 649

Is-Slovenja

1 746 390

Is-Slovakkja

5 239 169

Il-Finlandja

6 872 674

L-Iżvezja

9 109 115


Top