EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0423

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/423 tal-14 ta’ Marzu 2022 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u rekwiżiti oħrajn għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2022/1417

OJ L 87, 15.3.2022, p. 9–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/423/oj

15.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 87/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/423

tal-14 ta’ Marzu 2022

li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u rekwiżiti oħrajn għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi stabbilita s-sistema tal-IT deċentralizzata, huwa meħtieġ li jiġu definiti u adottati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u r-rekwiżiti l-oħrajn għall-implimentazzjoni ta’ dik is-sistema.

(2)

Hemm għodod li ġew żviluppati għall-iskambju diġitali ta’ data relatata mal-kawżi, mingħajr ma ġew sostitwiti jew meħtieġa modifiki għaljin għas-sistemi tal-IT eżistenti diġà stabbiliti fl-Istati Membri. Il-Komunikazzjoni tal-e-Ġustizzja permezz tal-Iskambju ta’ Data Online (e-CODEX) hija l-għodda ewlenija ta’ dan it-tip żviluppata sal-lum.

(3)

Is-sistema tal-IT deċentralizzata jenħtieġ li tkun tinkludi s-sistemi back-end tal-Istati Membri u punti ta’ aċċess interoperabbli, li permezz tagħhom ikunu interkonnessi. Il-punti ta’ aċċess tas-sistema tal-IT deċentralizzata jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-e-CODEX.

(4)

Ladarba s-sistema tal-IT deċentralizzata tkun ġiet żviluppata, il-kumitat ta’ tmexxija se jiżgura t-tħaddim u l-manutenzjoni tagħha. Il-kumitat ta’ tmexxija jenħtieġ li jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’att separat.

(5)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u ta opinjoni fl-24 ta’ Jannar 2022.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ekstraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Speċifikazzjonijiet tekniċi tas-sistema tal-IT deċentralizzata

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-miżuri u r-rekwiżiti l-oħrajn għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT deċentralizzata msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2020/1784 għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 405, 2.12.2020, p. 40.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Speċifikazzjonijiet tekniċi, miżuri u rekwiżiti oħrajn tas-sistema deċentralizzata tal-IT imsemmija fl-artikolu 1

1.   Introduzzjoni

Is-sistema ta’ skambju tan-Notifika ta’ Dokumenti (SoD) hija sistema tal-IT deċentralizzata bbażata fuq e-CODEX li tista’ twettaq skambji ta’ dokumenti u data relatati man-notifika ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri differenti f’konformità mar-Regolament (UE) 2020/1784. In-natura deċentralizzata tas-sistema tal-IT tkun tippermetti skambji ta’ data esklużivament bejn Stat Membru u ieħor, mingħajr tkun involuta ebda istituzzjoni tal-Unjoni f’dawk l-iskambji.

2.   Definizzjonijiet

2.1.

“HyperText Transport Protocol Secure” jew “HTTPS” tfisser komunikazzjoni kriptata u kanali ta’ konnessjoni sikuri;

2.2.

“Portal” tfisser is-soluzzjoni tal-Implimentazzjoni ta’ Referenza jew is-soluzzjoni Back-end Nazzjonali konnessa mas-sistema tal-IT deċentralizzata;

2.3.

“Nonripudju tal-oriġini” tfisser il-miżuri li jipprovdu l-prova tal-integrità u l-prova tal-oriġini tad-data permezz ta’ metodi bħalma huma ċ-ċertifikazzjoni diġitali, l-infrastruttura tal-kjavi pubblika u l-firem diġitali;

2.4.

“Nonripudju tal-wasla” tfisser il-miżuri li jipprovdu l-prova tal-wasla tad-data għand ir-riċevitur intiż tad-data lill-oriġinatur permezz ta’ metodi bħalma huma ċ-ċertifikazzjoni diġitali, l-infrastruttura tal-kjavi pubblika u l-firem diġitali;

2.5.

“SOAP” tfisser, f’konformità mal-istandards tal-Konsorzju tal-World Wide Web, speċifikazzjoni ta’ protokoll ta’ messaġġi għall-iskambju ta’ informazzjoni strutturata fl-implimentazzjoni ta’ servizzi tal-web f’networks tal-kompjuter;

2.6.

“Servizz web” tfisser sistema ta’ software ddiżinjata biex tkun tiflaħ interazzjoni interoperabbli bejn magna u oħra fuq network; huwa jkollu interfaċċa deskritta f’format li jista’ jiġi pproċessat minn magna;

2.7.

“skambju ta’ data” tfisser l-iskambju ta’ messaġġi u dokumenti permezz tas-sistema tal-IT deċentralizzata.

3.   Metodi ta’ komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi

Is-sistema ta’ skambju tal-SoD għandha tuża metodi ta’ komunikazzjoni bbażati fuq is-servizzi, bħal Servizzi web jew Infrastrutturi ta’ Servizzi Diġitali riutilizzabbli oħrajn, għall-fini ta’ skambju ta’ messaġġi u dokumenti.

B’mod speċifiku, se tuża l-infrastruttura e-CODEX, li hija magħmula minn żewġ komponenti ewlenin, il-Konnettur u l-Gateway.

Il-Konnettur huwa responsabbli biex jittratta l-komunikazzjoni mas-soluzzjoni ta’ Implementazzjoni ta’ Referenza jew l-implimentazzjonijiet nazzjonali. Huwa jista’ jipproċessa l-iskambju tal-messaġġi bil-Gateway fiż-żewġ direzzjonijiet, jirrintraċċa l-messaġġi u jirrikonoxxihom bl-użu ta’ standards bħal evidenzi tal-ETSI-REM, jivvalida l-firem tad-dokumenti tan-negozju, joħloq token li jżomm l-eżitu tal-validazzjoni fil-format PDF u XML u joħloq kontenitur bl-użu ta’ standards bħal ASIC-S fejn il-kontenut tan-negozju ta’ messaġġ ikun ippakkjat u ffirmat.

Il-Gateway hija responsabbli għall-iskambju ta’ messaġġi u hija indifferenti għall-kontenut tal-messaġġ. Hija tista’ tibgħat messaġġi lill-Konnettur u tirċievi messaġġi mingħandu, tivvalida l-informazzjoni tal-intestatura, tidentifika l-modalità tal-ipproċessar korretta, tiffirma u tikkripta messaġġi u tittrasferixxi messaġġi lil Gateways oħrajn.

4.   Protokolli ta’ komunikazzjoni

Is-sistema ta’ skambju tal-SoD għandha tuża protokolli tal-Internet siguri, bħall-HTTPS għall-komunikazzjoni tal-portal u tal-komponenti tas-sistema tal-IT deċentralizzata u l-protokolli ta’ komunikazzjoni standard, bħal SOAP, għat-trażmissjoni ta’ data u metadata strutturata.

B’mod speċifiku, l-e-CODEX jipprovdi sigurtà tal-informazzjoni b’saħħitha billi jieħu vantaġġ mill-awtentikazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u l-protokoll kriptografiku b’diversi strati.

5.   L-istandards tas-sigurtà

Għall-komunikazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni permezz tas-sistema ta’ skambju tal-SoD, il-miżuri tekniċi li jiżguraw l-istandards ta’ sigurtà minimi tat-teknoloġija tal-informazzjoni għandhom jinkludu:

(a)

miżuri għall-iżgurar tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, inkluż billi jintużaw kanali sikuri (HTTPS);

(b)

miżuri għall-iżgurar tal-integrità tad-data waqt li tkun qed tiġi skambjata;

(c)

miżuri għall-iżgurar ta’ nonripudju tal-oriġini tal-mittent tal-informazzjoni fi ħdan is-sistema ta’ skambju tal-SoD u n-nonripudju tal-wasla tal-informazzjoni;

(d)

miżuri għall-iżgurar ta’ lloggjar ta’ avvenimenti ta’ sigurtà f’konformità ma’ rakkomandazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti għal standards tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni;

(e)

miżuri għall-iżgurar tal-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ kull utent irreġistrat u miżuri għall-verifika tal-identità tas-sistemi konnessi mas-sistema ta’ skambju tal-SoD;

(f)

is-sistema ta’ skambju tal-SoD se tiġi żviluppata f’konformità mal-prinċipju tal-protezzjoni tad-data mid-disinn u b’mod awtomatiku.

6.   Id-disponibbiltà tas-servizzi

6.1.

Iż-żmien li fih jingħata servizz għandu jkun 24 siegħa, 7 ijiem fil-ġimgħa, b’rata ta’ disponibbiltà teknika tas-sistema ta’ mill-inqas 98 % eskluża l-manutenzjoni skedata.

6.2.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet ta’ manutenzjoni kif ġej:

(a)

5 ijiem tax-xogħol minn qabel għal operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw perjodu ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sa 4 sigħat;

(b)

10 ijiem tax-xogħol minn qabel għal operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw perjodu ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sa 12-il siegħa;

(c)

30 jum tax-xogħol bil-quddiem għal operazzjonijiet ta’ manutenzjoni, li jistgħu jikkawżaw perjodu ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sa sitt ijiem fis-sena.

6.3.

Kemm ikun possibbli, matul il-jiem tax-xogħol, l-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni għandhom ikunu ppjanati bejn it-20:00 u s-7:00 CET.

6.4.

Meta l-Istati Membri jkollhom ħinijiet tas-servizz fissi għal kull ġimgħa, dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-ħin u l-ġurnata tal-ġimgħa meta jkunu ppjanati dawn il-ħinijiet tas-servizz. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fil-punt 6.2, jekk is-sistemi tal-Istati Membri ma jibqgħux disponibbli matul dawn il-ħinijiet fissi, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jinnotifikawx lill-Kummissjoni f’kull okkażjoni.

6.5.

F’każ ta’ ħsara teknika mhux mistennija tas-sistemi tal-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bin-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sistema tagħhom, u, jekk ikun magħruf, meta jaħsbu li se jitkompla s-servizz.

6.6.

F’każ ta’ ħsara mhux mistennija fil-bażi tad-data tal-Awtoritajiet Kompetenti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri mingħajr dewmien bin-nuqqas ta’ disponibbiltà, u jekk ikun magħruf, meta jaħsbu li se jitkompla s-servizz.

Top