EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0350

Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/350 tal-1 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

OJ L 65, 2.3.2022, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/350/oj

2.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/350

tal-1 ta’ Marzu 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/351 tal-1 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 833/2014 (2).

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK (3).

(3)

Fl-1 ta’ Marzu 2022 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/351, li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK u li timponi miżuri restrittivi ġodda kontra mezzi tal-media Russi involuti f’azzjonijiet ta’ propoganda.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta’ pakkett ta’ sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja u lill-formazzjonijiet armati appoġġati mir-Russja biex iwaqqfu l-kampanja ta’ diżinformazzjoni tagħhom.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2021, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiġġieldu theddid ibridu, inkluża d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat l-użu koordinat u integrat ta’ għodod eżistenti u ġodda possibbli għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, u risponsi possibbli fil-qasam tat-theddid ibridu inkluż, inter alia, għal operazzjonijiet ta’ interferenza u influwenza barranija, li jistgħu jkopru miżuri preventivi kif ukoll l-impożizzjoni ta’ kostijiet fuq atturi statali u mhux statali ostili.

(6)

Il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’kampanja sistematika u internazzjonali ta’ manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta’ destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. B’mod partikolari, il-propaganda mmirat ripetutament u konsistentement lill-partiti politiċi Ewropej, speċjalment matul il-perijodi elettorali, kif ukoll immirat lis-soċjetà ċivili, lil dawk il-persuni li jfittxu l-ażil, lill-minoranzi etniċi Russi, lill-minoranzi tal-ġeneru u lill-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha.

(7)

Sabiex tiġġustifika u tappoġġa l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f’azzjonijiet ta’ propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, li jgħawwġu u jimmanipulaw b’mod gravi l-fatti.

(8)

Dawk l-azzjonijiet ta’ propaganda għaddew minn għadd ta’ mezzi tal-media taħt il-kontroll permanenti dirett jew indirett tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa. Tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni.

(9)

Dawk il-mezzi tal-media huma essenzjali u strumentali biex imexxu ‘l quddiem u jappoġġaw l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha.

(10)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, u b’reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, huwa meħtieġ, b’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif rikonoxxut fl-Artikolu 11 tagħha, li jiġu introdotti aktar miżuri restrittivi biex jiġu sospiżi b’mod urġenti l-attivitajiet tax-xandir ta’ tali mezzi tal-media fl-Unjoni, jew diretti lejn l-Unjoni. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jinżammu sakemm tintemm l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u sakemm il-Federazzjoni Russa, u l-mezzi tal-media assoċjati tagħha, jieqfu jwettqu azzjonijiet ta’ propaganda kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(11)

B’mod konsistenti mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà kif rikonoxxut fl-Artikoli 11, 16 u 17 tagħha, dawn il-miżuri ma jżommux lil dawk il-mezzi tal-media u l-persunal tagħhom milli jwettqu attivitajiet oħra fl-Unjoni minbarra x-xandir, bħar-riċerka u l-intervisti. B’mod partikolari, dawn il-miżuri ma jimmodifikawx l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inluż fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom.

(12)

Il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(13)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 833/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu li ġej jinżdied wara l-Artikolu 2e:

“Artikolu 2f

1.   Għandu jkun ipprojbit għall-operaturi li jxandru jew jgħinu, jiffaċilitaw jew inkella li jagħtu kontribut biex jixxandar kwalunkwe kontenut mill-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness XV, inkluż permezz tat-trażmissjoni jew id-distribuzzjoni bi kwalunkwe mezz bħal cable, satellita, IP-TV, fornituri ta’ servizzi tal-internet, pjattaformi jew applikazzjonijiet ta’ video-sharing tal-internet, kemm jekk ġodda kif ukoll jekk installati minn qabel.

2.   Kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni tax-xandir, trażmissjoni u arranġament ta’ distribuzzjoni mal-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness XV għandhom jiġu sospiżi.”;

(2)

l-Artikolu 11(1), il-punt (a), huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness III, IV, V, VI, XII, XIII, XIV jew XV, jew imsemmija fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 5(1), fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 5(2), fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 5(3), fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 5(4), fil-punt (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 5a, jew fl-Artikolu 5h;”;

(3)

l-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet f’dan ir-Regolament inkluż l-aġir bħala sostitut għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fl-Artikolu 2e(3) jew l-Artikolu 2f, 5, 5a, 5b, 5e, 5f jew 5h, jew bl-aġir għall-benefiċċju tagħhom bl-użu tal-eċċezzjonijiet fl-Artikolu 2e(4), 5(6), 5a(2), 5a(5), 5b(2), 5b(3), 5e(2) jew 5f(2).”;

(4)

it-test li jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament jinżdied bħala Anness XV għar-Regolament (UE) Nru 833/2014.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f”Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Ara paġna 2022/351 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).


ANNESS

“ANNESS XV

LISTA TA’ PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2F

RT - Russia Today English

RT - Russia Today UK

RT - Russia Today Germany

RT - Russia Today France

RT- Russia Today Spanish

Sputnik


Top