EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0269

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/269 tat-23 ta’ Frar 2022 li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

C/2022/957

OJ L 43, 24.2.2022, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/269/oj

24.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/269

tat-23 ta’ Frar 2022

li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi,

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (“oġġetti li jintużaw fuq il-mejda”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (“ir-regolament oriġinali”) (3).

(2)

Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(3)

Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4).

(4)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(5)

Il-Kunsill impona rati individwali ta’ dazju antidumping li jvarjaw minn 13,1 % sa 18,3 % dwar importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 kif emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness I ta’ dak ir-Regolament billi tagħti lil produttur esportatur ġdid ir-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun jew li ma ngħatawx trattament individwali, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta dak il-produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jagħti biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni”);

(b)

mhux relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti minn dan ir-Regolament; kif ukoll

(c)

effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(7)

Il-kumpanija Hunan Jewelmoon Ceramics Co., Ltd.. (“Jewelmoon” jew “l-applikant”), ressqet talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (“NEPT”) u għalhekk tkun soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li huwa 17,9 %. L-applikant qal li kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(8)

Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata n-NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 (“il-kriterji NEPT”), il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li hu kien qed jissodisfa l-kriterji NEPT.

(9)

Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta.

(10)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-NEPT. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju, ikkonsultat diversi siti web inkluż is-sit web tal-applikant u Qichacha (5) u kkontroverifikat l-informazzjoni tal-kumpanija mal-informazzjoni ppreżentata f’każijiet preċedenti. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitu jipprovdi kwalunkwe kumment jekk ikun hemm bżonn. L-industrija tal-Unjoni pprovdiet kummenti dwar it-talba.

C.   ANALIŻI TAT-TALBA

(11)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilità fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant issodisfa din il-kundizzjoni. L-applikant ġie stabbilit fit-8 ta’ Novembru 2010 u beda jimmanifattura l-prodott ikkonċernat fl-2011. L-ewwel liċenzja ta’ esportazzjoni nħarġet fl-4 ta’ Mejju 2011. Il-bejgħ tal-esportazzjoni beda fl-2012, wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali. L-applikant ipprovda reġistru tal-bejgħ għall-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, li jindika li kien hemm biss bejgħ domestiku matul dan il-perjodu. Il-volum tal-bejgħ f’dan ir-reġistru tal-bejgħ jaqbel mal-introjtu operattiv indikat fir-rapport tal-introjtu. Intalbet u ġiet ipprovduta informazzjoni dwar il-fatturi matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

(12)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilità fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma jkunx relatat ma’ xi esportaturi jew produtturi li huma soġġetti għall-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma kellu l-ebda kumpanija relatata li tinnegozja fil-produzzjoni, l-ipproċessar, il-bejgħ jew ix-xiri tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

(13)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant kien esporta lejn l-Unjoni sa minn Lulju 2012 (jiġifieri wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali) u b’mod regolari minn dak iż-żmien ’l hemm. L-applikant issottometta fatturi, listi għall-ippakkjar, poloz tal-kargu u rċevuti tal-ħlas għal żewġ ordnijiet magħmula fl-2017 u fl-2018 minn kumpanija li tinsab fl-UE. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

(14)

Għaldaqstant, l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet li biex jingħata n-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, l-applikant għandu jkun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

D.   DIVULGAZZJONI

(15)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet skont liema tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Jewelmoon.

(16)

Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

(17)

Ir-Regolament huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2019/2131 li jelenka l-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Hunan Jewelmoon Ceramics Co., Ltd.

C764

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat-13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139).

(5)  Qichacha hija bażi ta’ data privata, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni ta’ kreditu, u analitika ta’ kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi/professjonisti.


Top