EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0144

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/144 tat-2 ta’ Frar 2022 li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [“Ceylon Cinnamon” (IĠP)]

C/2022/488

OJ L 24, 3.2.2022, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/144/oj

3.2.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 24/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/144

tat-2 ta’ Frar 2022

li jdaħħal isem fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [“Ceylon Cinnamon” (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tas-Sri Lanka biex l-isem “Ceylon Cinnamon” jiġi rreġistrat fir-reġistru bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Fit-3 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni li kien jinkludi d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata mill-Ġermanja. Il-Kummissjoni għaddiet id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li bagħtet il-Ġermanja lis-Sri Lanka fis-16 ta’ Settembru 2020.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni li waslet fit-3 ta’ Settembru 2020 mibgħuta mill-Ġermanja u sabitha ammissibbli.

(4)

B’ittra datata t-22 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu ftehim bejniethom f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom.

(5)

Fl-14 ta’ Diċembru 2020, fuq talba tas-Sri Lanka, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-konsultazzjoni bi tliet xhur addizzjonali.

(6)

Il-konsultazzjoni bejn is-Sri Lanka u l-Ġermanja ntemmet fit-28 ta’ Diċembru 2020 mingħajr ma ntlaħaq ftehim. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(7)

Ir-raġuni għall-oppożizzjoni mill-Ġermanja hija li l-isem “Ceylon Cinnamon” ippreżentat għar-reġistrazzjoni jikkorrispondi għat-traduzzjoni Ġermaniża “Ceylon-Zimt” (Kanella minn Ceylon, li huwa l-isem preċedenti tas-Sri Lanka) u huwa f’kunflitt mal-isem botaniku Cinnamomum Ceylanicum li hija l-pjanta li minnha tinkiseb il-Kanella. Il-“Prinċipji ta’ Gwida tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Ikel għall-ħwawar u ingredjenti staġjonali oħra” jagħti d-definizzjoni ta’ “Ceylon cinnamon” bħala l-qoxra mnixxfa tas-Cinnamomum Ceylanicum.

(8)

Skont l-opponent, is-Cinnamomum Ceylanicum oriġinarjament kien ikkultivat f’Ceylon, li huwa l-isem li qabel kellha s-Sri Lanka. Madankollu, s-Cinnamomum Ceylanicum, fl-aħħar deċennji, evada ż-żona ġeografika oriġinali u ġie ikkultivat ukoll f’pajjiżi tropikali oħra. Fornituri ewlenin oħra huma s-Seychelles, Madagascar u ċ-Ċina, kif ukoll, sa ċertu punt, l-Indja, il-Vjetnam, l-Indoneżja, il-Ġamajka, Martinique, il-Guyana Franċiża u l-Brażil. Sehem sinifikanti tal-kannella disponibbli fis-suq miksub mill-pjanta Cinnamomum Ceylanicum ma joriġinax mis-Sri Lanka.

(9)

Mar-reġistrazzjoni tas-“Ceylon Cinnamon” bħala IĠP, il-Ġermanja kienet tal-fehma li l-protezzjoni testendi għat-traduzzjonijiet, bħala evokazzjonijiet ta’ dak l-isem, skont l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u jenħtieġ li ma jibqa’ jkun hemm l-ebda referenza għat-terminu “Ceylon” f’isem dawn il-prodotti. Għalhekk, ir-reġistrazzjoni tas-“Ceylon Cinnamon” bħala IĠP tipperikola l-eżistenza tal-isem “Ceylon Zimt” u l-eżistenza ta’ prodotti li ilhom fis-suq Ġermaniż legalment għal mill-inqas ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Ceylon Cinnamon”.

(10)

Bħala konklużjoni, fl-opinjoni tal-opponent, ir-reġistrazzjoni tal-isem “Ceylon Cinnamon” jipproteġi indebitament bħala indikazzjoni ġeografika isem ta’ pjanta, li jeħtieġ li jinżamm ħieles fl-użu. Barra minn hekk, wara dik ir-reġistrazzjoni, sehem sinifikanti tal-prodotti disponibbli fis-suq jenħtieġ li jingħata isem ġdid peress li ma jibqax jitħalla juża l-isem stabbilit tagħhom, magħruf sew mill-konsumaturi, inkluża r-referenza għall-ispeċi tal-pjanti Cinnamomum ceylanicum.

(11)

L-applikant indika li, fil-fehma tiegħu, ma kienx hemm kunflitt bejn “Ceylon cinnamon” u l-isem tal-pjanta peress li l-isem botaniku aċċettat internazzjonalment li minnu jintaħan “Ceylon cinnamon” ma huwiex Cinnamomum Ceylanicum kif afferma l-opponent iżda Cinnamomum verum. Cinnamomum Zeylanicum jew Cinnamomum Ceylanicum huma meqjusa bħala sinonimi għal Cinnamonum Verum. L-isem “Ceylon cinnamon” għalhekk ma tmurx kontra l-isem tal-pjanta li minnha jinkiseb l-isem tal-prodott. Barra minn hekk, l-applikant indika li l-isem li għandu jiġi protett mhuwiex isem ta’ pjanta u li l-isem Zeylanicum jew Ceylanicum huwa derivat mill-isem storiku ta’ Ceylon.

(12)

Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti pprovduti fid-dikjarazzjonijiet motivati ta’ oppożizzjoni u l-informazzjoni li rċeviet rigward il-konsultazzjonijiet bejn il-partijiet interessati.

(13)

L-isem “Ceylon cinnamon” jirreferi għal prodott li għandu kwalitajiet u karatteristiċi distintivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-karattru organolettiku qawwi tiegħu. Barra minn hekk, l-isem għandu reputazzjoni konsolidata. Għalhekk jissodisfa r-rekwiżit għar-reġistrazzjoni bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta.

(14)

Fil-bażi tad-data tal-varjetajiet tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), it-terminu “Ceylan” li jikkorrispondi għall-ispeċijiet li għandhom l-isem Latin Cinnamomum Verum J. Presl. huwa rreġistrat fil-Messiku. Diversi trademarks u denominazzjonijiet huma rreġistrati fil-bażi tad-data tal-varjetajiet li jinkludu t-terminu “Ceylon” jew it-terminu “Cinnamon” iżda l-ebda wieħed minnhom ma jirreferi għall-ispeċi Cinnamomum Ceylanicum.

(15)

Il-“Prinċipji ta’ Gwida tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Ikel għall-ħwawar u ingredjenti staġjonali oħra” għandu valur probatorju u legali limitat f’kunflitt bejn isem ta’ varjetà ta’ pjanta u isem li għandu jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-UE għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(16)

Il-prodott li għalih jirreferi l-isem li għalih saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, joriġina mis-Sri Lanka, li l-isem preċedenti tagħha ta’ Ceylon għadu magħruf sew illum. Għalhekk, l-isem “Ceylon cinnamon”per se ma jistax iqarraq bil-konsumaturi dwar l-oriġini tal-prodott. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-kundizzjonijiet tal-kunflitt bejn l-ismijiet u r-riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa huma interkonnessi. Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-reġistrazzjoni tal-isem “Ceylon cinnamon” bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) ma tistax tikser dik id-dispożizzjoni.

(17)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li r-reġistrazzjoni ta’ “Ceylon cinnamon” bħala indikazzjoni ġeografika protetta ma timpedix l-użu fuq it-tikkettar tal-isem botaniku Cinnamomum Zeylanicum jew Cinnamomum Ceylanicum jew sinonimi oħra tal-isem botaniku għal prodotti tal-kannella miksuba minn pjanti li għandhom dawn l-ismijiet botaniċi u kkultivati barra ż-żona ġeografika, sakemm il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ikunu konformi u, barra minn hekk, it-tikketta turi biċ-ċar l-indikazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini u ma turi l-ebda allużjoni oħra għas-Sri Lanka. Barra minn hekk, dan jiggarantixxi informazzjoni korretta għall-konsumaturi meta mqabbel mal-prodott ikkummerċjalizzat bl-IĠP irreġistrata

(18)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-isem “Ceylon Cinnamon” (IĠP) jiddaħħal fir-reġistru tad-denominazzjonijiet tal-oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(19)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Ceylon Cinnamon” (IĠP) huwa rreġistrat.

L-isem fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott mil-Klassi 1.8 – prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I tat-Trattat (ħwawar, eċċ.) u Klassi 2.10 Żjut essenzjali stabbiliti fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Fejn, f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, it-termini Cinnamomum Zeylanicum jew Cinnamomum Ceylanicum jew sinonimi oħra tal-ismijiet botaniċi jintużaw fuq it-tikkettar b’referenza għall-varjetà tal-pjanta li minnha tinkiseb il-kannella, il-pajjiż tal-oriġini barra mis-Sri Lanka għandu jiġi indikat ukoll fl-istess kamp viżiv, b’ittri mhux iżgħar minn dawk tal-isem.

F’każijiet bħal dawn, l-użu fuq it-tikketti ta’ kull tip ta’ bandiera, emblema, sinjal jew rappreżentazzjoni grafika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-karatteristiki, tal-oriġini jew tal-provenjenza tal-prodott, għandu jkun ipprojbit.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 208, 22.6.2020, p. 19.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


Top