EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022O1378

Linja Gwida (UE) 2022/1378 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta’ Lulju 2022 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2008/5 dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (BĊE/2022/28)

ECB/2022/28

OJ L 206, 8.8.2022, p. 55–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/08/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2022/1378/oj

8.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/55


LINJA GWIDA (UE) 2022/1378 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Lulju 2022

li temenda l-Linja Gwida 2008/596/KE dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (BĊE/2008/5) (BĊE/2022/28)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1 u l-Artikoli 12.1 u 30.6 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Linja Gwida 2008/596/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/5) (1) tirregola l-ġestjoni tar-riżervi barranin tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, kif ukoll id-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu tali assi. Bħala riżultat tar-reviżjoni regolari ta’ dik il-Linja Gwida, huma meħtieġa diversi emendi għaliha.

(2)

L-ewwel nett, meta l-kontropartijiet ma jikkonformawx mal-liġijiet applikabbli fir-rigward tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u/jew tal-finanzjament tat-terroriżmu, u/jew ikunu involuti fil-ħasil tal-flus u/jew fil-finanzjament tat-terroriżmu, il-BĊE għandu jkollu l-kapaċità li jittermina l-ftehimiet master dwar in-netting li jkun daħal fihom ma’ tali kontropartijiet mill-1 ta’ Awwissu 2022 jew li jkun daħal fihom il-BĊE qabel dik id-data u emendati warajh. Dan jirrifletti l-prattika attwali tal-BĊE fir-rigward tal-ftehimiet master l-oħra użati mill-BĊE. It-tieni nett, il-kontropartijiet fi tranżazzjonijiet li jinvolvu l-assi ta’ riżerva barranin tal-BĊE għandhom ikunu obbligati josservaw fuq bażi kontinwa kwalunkwe sanzjoni applikabbli imposta fil-livell tal-Unjoni Ewropea u/jew tan-Nazzjonijiet Uniti, jew imposta minn kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.

(3)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jsiru diversi aġġustamenti oħra ta’ natura operattiva jew teknika.

(4)

Għaldaqstant, il-Linja Gwida 2008/596/KE (BĊE/2008/5) għandha tiġi emendata f’dan is-sens,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida 2008/596/KE (BĊE/2008/5) hija emendata kif ġej:

1.

fl-Artikolu 1, it-tieni inċiż huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“‘Ġurisdizzjonijiet Ewropej’ tfisser il-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri kollha li adottaw l-euro skont it-Trattat, kif ukoll id-Danimarka, l-Iżvezja, l-Isvizzera, u l-Ingilterra u Wales.”;

2.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   Operazzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid, xiri mill-ġdid imreġġa’ lura, operazzjonijniet ta’ xiri/bejgħ lura u bejgħ/xiri lura li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE, għandhom jiġu dokumentati bl-użu tal-ftehimiet standard li ġejjin fl-edizzjoni jew verżjoni indikata, jew f’kull edizzjoni jew verżjoni aktar reċenti approvata mill-BĊE:

(a)

il-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe waħda mill-ġurisdizzjonijiet Ewropej u skont il-liġijiet tal-Irlanda ta’ Fuq u l-Iskozja;

(b)

Il-Ftehim Master ta’ Xiri mill-Ġdid tal-Assoċjazzjoni tas-Suq tal-Bonds (verżjoni ta’ Settembru 1996) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet federali jew statali tal-Istati Uniti; u

(c)

Il-Ftehim Master Globali ta’ Xiri mill-Ġdid tat-TBMA/ISMA (verżjoni tal-2000) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minbarra dawk imniżżla fil-punti (a) jew (b).”;

3.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 3 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Operazzjonijiet ta’ derivattivi over-the-counter li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE għandhom jiġu ddokumentati bl-użu tal-ftehimiet standard li ġejjin fl-edizzjoni jew il-verżjoni indikata, jew fi kwalunkwe edizzjoni jew verżjoni aktar reċenti approvata mill-BĊE:

(a)

Il-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni Ewropea;

(b)

Il-Ftehim Master tal-1992 tal-Assoċjazzjoni tal-Iswaps Internazzjonali u d-Derivattivi (Aktar minn valuta waħda — intra fruntieri, verżjoni tal-liġi ta’ New York) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġi federali jew statali tal-Istati Uniti; u

(c)

Il-Ftehim Master tal-1992 tal-Assoċjazzjoni tal-Iswaps Internazzjonali u d-Derivattivi (Aktar minn valuta waħda — intra fruntieri, verżjoni tal-liġi Ingliża) għandu jintuża għal operazzjonijiet ma’ kontropartijiet organizzati jew inkorporati skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni minbarra dawk imniżżla fil-punti (a) jew (b).”;

4.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 5 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“5.   Depożiti li jinvolvu l-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE ma’ kontropartijiet li: (i) huma eliġibbli għall-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u/jew 3 hawn fuq; u (ii) huma organizzati jew inkorporati taħt il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni Ewropea ħlief l-Irlanda, għandhom jiġu ddokumentati bl-użu tal-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji (Edizzjoni 2004, jew kwalunkwe edizzjoni aktar reċenti approvata mill-BĊE). F’każijiet li ma jaqgħux taħt il-punti (i) u (ii) hawn fuq, id-depożiti li jinvolvu l-assi ta’ riżervi barranin tal-BĊE għandhom jiġu ddokumentati bl-użu tal-ftehim master dwar in-netting kif speċifikat fil-paragrafu 7 hawn taħt.”;

5.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“6.   Dokument bl-Ingliż fil-format stabbilit fl-Anness I (iktar ’il quddiem l-“Anness tal-BĊE”) għandu jiġi anness ma’ u jifforma parti integrali minn kull ftehim standard li permezz tiegħu jitwettqu operazzjonijiet ta’ xiri mill-ġdid, xiri mill-ġdid imreġġa’ lura, xiri/bejgħ lura, bejgħ/xiri lura, self ta’ titoli, operazzjonijiet ta’ triparty repo jew ta’ derivattivi over-the-counter li jinvolvu l-assi barranin ta’ riżerva tal-BĊE sakemm tali operazzjonijiet ma jitwettqux skont il-Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji.”;

6.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 7, il-kliem introduttorju hu ssostitwit b’dan li ġej:

“7.   Ftehim master ta’ netting għandu jiġi konkluż mal-kontropartijiet kollha, ħlief mal-kontropartijiet: (i) li magħhom il-BĊE ffirma Ftehim Master tal-FBE għal Tranżazzjonijiet Finanzjarji; u (ii) li huma organizzati jew inkorporati taħt il-liġijiet ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni Ewropea, minbarra l-Irlanda, kif ġej:”;

7.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 9 li ġej huwa miżjud:

“9.   Il-ftehimiet master kollha konklużi mill-BĊE mill-1 ta’ Awwissu 2022 jew konklużi mill-BĊE qabel dik id-data u emendati wara dan għandu jkun fihom rappreżentazzjoni fuq bażi kontinwa minn kull kontroparti li: (a) il-kontroparti tkun f’konformità fl-aspetti materjali kollha mal-liġijiet applikabbli kollha (inklużi l-istruzzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti) relatati mal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; (b) il-kontroparti ma tkunx involuta fil-ħasil tal-flus u/jew fil-finanzjament tat-terroriżmu; u (c) il-kontroparti tikkonforma mal-miżuri restrittivi applikabbli kollha (komunement imsejħa “sanzjonijiet”) adottati fil-livell tal-Unjoni Ewropea u/jew tan-Nazzjonijiet Uniti, jew imposti minn kwalunkwe awtorità kompetenti oħra.”;

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Awwissu 2022.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-28 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida 2008/596/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 dwar l-immaniġġjar tal-assi barranin ta’ riżerva tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali u d-dokumentazzjoni legali għall-operazzjonijiet li jinvolvu dawn l-assi (BĊE/2008/5) (ĠU L 192, 19.7.2008, p. 63).


ANNESS

L-Anness I għal-Linja Gwida 2008/596/KE (BĊE/2008/5) huwa sostitwit minn dan li ġej:

ANNESS BĊE

1.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom ikunu termini u kundizzjonijiet supplimentari li japplikaw għal [isem il-ftehim standard li għalih japplika dan l-Anness] datat [id-data tal-ftehim] (il-“Ftehim”) bejn il-Bank Ċentrali Ewropew (il-“BĊE”) u [isem tal-kontroparti] (il-“Kontroparti”). Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom ikunu annessi ma’, inkorporati fi u jiffurmaw parti integrali mill-Ftehim. Jekk u sa fejn xi dispożizzjonijiet tal-Ftehim (minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness) jew il-Ftehim Master tan-Netting tal-BĊE datat minn [data] (il-“Ftehim Master tan-Netting”) bejn il-BĊE u l-Kontroparti, inkluż kwalunkwe termini u kundizzjonijiet supplimentari, anness jew skeda mal-Ftehim, ikun fihom dispożizzjonijiet inkonsistenti ma’ jew bl-istess effett jew simili għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness għandhom jipprevalu u japplikaw minflok dawk id-dispożizzjonijiet.

2.

Ħlief kif meħtieġ mil-liġi jew regolament, il-Kontroparti taqbel li għandha żżomm kunfidenzjali, u taħt l-ebda ċirkostanza ma tiżvela lil parti terza, kwalunkwe informazzjoni jew parir fornuti mill-BĊE jew kwalunkwe informazzjoni li tikkonċerna l-BĊE miksuba mill-Kontroparti bħala riżultat li tkun parti mill-Ftehim, inkluż mingħajr limitazzjoni informazzjoni dwar l-eżistenza jew it-termini tal-Ftehim (inkluż dan l-Anness) jew ir-relazzjoni bejn il-Kontroparti u l-BĊE maħluqa b’dan, u lanqas il-Kontroparti m’għandha tuża l-isem tal-BĊE fi kwalunkwe reklamar jew materjal promozzjonali.

3.

Il-Kontroparti taqbel li tinnotifika lill-BĊE bil-miktub malajr kemm jista’ jkun raġonevoli dwar: (i) kwalunkwe konsolidazzjoni jew amalgamazzjoni ma’, jew għaqda ma’ jew fi, jew trasferiment tal-assi kollha tagħha jew sostanzjalment kollha lil, entità oħra; (ii) il-ħatra ta’ xi likwidatur, riċevitur, amministratur jew uffiċjal analogu jew il-bidu ta’ xi proċedura għall-istralċ jew riorganizzazzjoni tal-Kontroparti jew kwalunkwe proċedura analoga oħra; jew (iii) bidla fl-isem tal-Kontroparti.

4.

M’għandu jkun hemm ebda rinunzja mill-BĊE ta’ immunità minn kawżi jew ġurisdizzjoni ta’ xi qorti, jew kwalunkwe eżenzjoni kontra l-BĊE permezz ta’ inġunzjoni, ordni għal eżekuzzjoni speċifika jew għall-irkupru ta’ kwalunkwe proprjetà tal-BĊE jew sekwestru tal-assi tiegħu (kemm jekk qabel jew wara s-sentenza), f’kull każ sal-limitu massimu permess mil-liġi applikabbli.

5.

M’għandux japplika fir-rigward tal-BĊE xi avveniment ta’ inadempjenza jew dispożizzjoni oħra ta’ kwalunkwe tip li fiha ssir referenza għall-falliment, insolvenza jew avveniment ieħor analogu tal-BĊE.

6.

Il-Kontroparti taqbel li daħlet fil-Ftehim (inkluż dan l-Anness) bħala prinċipali u mhux bħala aġent għal kwalunkwe entità oħra u li għandha tidħol fit-tranżazzjonijiet kollha bħala prinċipali”.

Top