Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022O0508

Linja Gwida (UE) 2022/508 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2022 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2017/697 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti (BĊE/2017/9) (BĊE/2022/12)

ECB/2022/12

ĠU L 102, 30.3.2022, pp. 34–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2022/508/oj

30.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/34


LINJA GWIDA (UE) 2022/508 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta’ Marzu 2022

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2017/697 tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti (BĊE/2017/9) (BĊE/2022/12)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(5)(a) u (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-4 ta’ April 2017, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) adotta l-Linja Gwida (UE) Nru 2017/697 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/9) (2) (minn hawn ’il quddiem ‘il-Linja Gwida O&D’), li fiha stabbilixxa politiki ġenerali għall-eżerċizzju ta’ ċerti opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti. Il-leġiżlazzjoni introdotta mill-adozzjoni tal-Linja Gwida O&D emendat jew ħassret xi wħud mill-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet previsti fid-dritt tal-Unjoni li kienu inklużi fil-Linja Gwida O&D. Għalhekk, ċerti emendi konsegwenzjali għal-Linja Gwida O&D huma meħtieġa.

(2)

Fir-rigward tar-rati tal-flussi ta’ ħruġ li għandhom jiġu applikati għal depożiti stabbli fil-livell tal-konsumatur, ċerti fatturi impedixxew l-applikazzjoni prattika tad-diskrezzjoni msemmija fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/4) (3) u fl-Artikolu 7 tal-Linja Gwida O&D li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw lill-istituzzjonijiet biex japplikaw rata ta’ fluss ta’ ħruġ ta’ 3 % għal depożiti stabbli fil-livell tal-konsumatur koperti minn skema ta’ garanzija tad-depożiti (DGS), soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 24(4) u (5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 (4). Hemm bżonn ta’ aktar evidenza u analiżi sabiex jintwera li r-rati ta’ run-off għal depożiti stabbli fil-livell tal-konsumatur koperti minn DGS kif imsemmi fl-Artikolu 24(5) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 ikunu inqas minn 3% matul kwalunkwe perjodu ta’ stress esperjenzat b’mod konsistenti max-xenarji msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61. Fin-nuqqas ta’ tali evidenza u analiżi, il-politika ġenerali li tawtorizza l-applikazzjoni ta’ rata ta’ fluss ta’ ħruġ ta’ 3 % jenħtieġ li titneħħa mir-Regolament (UE) 2016/445 u għalhekk mil-Linja Gwida O&D.

(3)

L-opzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 12(1)(c)(i) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 dwar l-identifikazzjoni ta’ indiċijiet tal-borża ewlenin għall-finijiet tal-identifikazzjoni l-ishma li jistgħu jikkwalifikaw bħala assi tal-Livell 2B fil-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità jenħtieġ li tiġi eżerċitata b’mod konsistenti għall-istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti. Id-diskrezzjoni għandha l-għan li tiżġura li istituzzjonijiet ta' kreditu jinkludu fir-riżerva ta’ likwidità dawk l-ishma li huma inklużi f’indiċi li għalihom likwidità tas-suq tal-ishma sottostanti jista’ jiġi assunt. Peress li la s-sinifikanza u lanqas id-daqs ta’ istituzzjoni ta’ kreditu ma għandhom impatt dirett fuq il-likwidità tas-suq tal-ishma sottostanti fl-indiċi rilevanti, ma jkunx xieraq li jiġi applikat trattament differenzjat għal istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti.

(4)

Id-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 li jidderogaw mill-punti (ii) u (iii) tal-paragrafu 1(b) tal-istess Artikolu fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li skont l-istatuti ta’ inkorporazzjoni tagħhom ma jkunux jistgħu għal raġunijiet ta’ osservanza reliġjuża jżommu assi li jrendu l-imgħax għandha tiġi eżerċitata b’mod konsistenti għal istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti, sabiex jiġu armonizzati l-kriterji biex jiġu identifikati l-assi tal-livell 2B fir-rigward tat-titoli tad-dejn korporattiv.

(5)

Id-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 428p(10) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) b’rabta mar-rekwiżit tal-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett (NSFR), skont liema l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeterminaw il-fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġa li għandhom jiġu applikati għal skoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ li mhumiex imsemmija xi mkien ieħor fil-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tal-Parti Sitta ta’ dak ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu eżerċitati b’mod konsistenti kemm għall-istituzzjonijiet sinifikanti kif ukoll għal dawk inqas sinifikanti. Il-politika fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sinifikanti torbot il-fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġa fl-NSFR mar-rati tal-flussi ta’ ħruġ applikati fil-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità (LCR), filwaqt li tħalli flessibbiltà għall-BĊE biex jiddetermina fatturi differenti ta’ finanzjament stabbli meħtieġa. Dan l-approċċ joħloq bilanċ, għal raġunijiet ta’ sempliċità u prudenza, bejn l-allinjament tal-fatturi li għandhom jiġu applikati fil-kalkolu tal-NSFR mal-fatturi ddeterminati għall-finijiet tal-LCR, filwaqt li xorta jippermetti trattament differenti f’każijiet fejn dan l-irbit ma jirriflettix sew ir-riskju ta’ finanzjament assoċjat. Mhuwiex meħtieġ jew xieraq li wieħed jiddevja minn dak l-approċċ fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti, peress li l-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġa għal dawn l-iskoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ ma għandhiex, fil-prinċipju, tvarja minn istituzzjoni ta’ kreditu għal oħra. Għall-istess raġuni, id-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 428aq(10) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 b’rabta mal-NSFR ikkalkulata skont l-approċċ simplifikat għandha tiġi eżerċitata b’mod simili.

(6)

Id-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 428q(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li biha jiddeterminaw it-terminu ta’ aggravar fir-rigward ta’ assi segregati skont l-iskopertura sottostanti ta’ dawk l-assi għandha tiġi eżerċitata bl-istess mod għal istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti. Assi li jkunu ġew segregati u li ma jkunux liberament disponibbli jenħtieġ li jitqiesu bħala aggravati għal perjodu li jikkorrispondi mat-terminu tal-obbligazzjonijiet lejn il-klijenti tal-istituzzjonijiet li magħhom huwa relatat ir-rekwiżit ta’ segregazzjoni, u għalhekk ikunu ffinanzjati kif xieraq matul dak il-perjodu. Dan ir-raġunament japplika irrispettivament mid-daqs tal-istituzzjoni kkonċernata. Id-diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 428ar(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 b’rabta mal-NSFR ikkalkulat skont l-approċċ simplifikat għandha tiġi eżerċitata b’mod simili għall-istess raġunijiet deskritti hawn fuq u wkoll minħabba li ma hemm l-ebda raġuni prudenzjali li tiġġustifika differenza fl-approċċ fir-rigward tal-NSFR ikkalkulat skont l-approċċ simplifikat. Id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ skoperturi intragrupp mill-applikazzjoni tal-limiti ta’ skoperturi kbar stabbiliti fl-Artikolu 400(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f’din il-Linja Gwida għandhom jiġu emendati u eżerċitati b’mod konsistenti għal istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti. Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/445 (BĊE/2016/4) il-livell tat-tħassib prudenzjali tal-BĊE dwar il-prattiki ta’ prenotazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinvolvu entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi żdied. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-opzjoni għandu għalhekk ikun limitat għal skoperturi intragrupp għal entitajiet stabbiliti fl-Unjoni, bl-effett li l-iskoperturi intragrupp għal entitajiet f’pajjiżi terzi jistgħu jiġu eżentati mil-limiti rilevanti tal-iskoperturi l-kbar biss wara valutazzjoni superviżorja minn qabel każ b’każ.

(7)

Barra minn hekk, il-Linja Gwida O&D għandha tiġi emendata biex tippermetti li, minbarra l-eżenzjoni sħiħa disponibbli bħalissa, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jikkonformaw mal-kriterji rilevanti billi josservaw limitu kwantitattiv fuq il-valur tal-iskoperturi rilevanti jkunu jistgħu jagħmlu użu minn eżenzjoni parzjali. Tali applikazzjoni estiża tad-diskrezzjoni għandha tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri parteċipanti, kif ukoll tillimita r-riskji ta’ konċentrazzjoni li jirriżultaw minn skoperturi speċifiċi u tiżgura li l-istess standards minimi jiġu applikati fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.

(8)

Għaldaqstant, il-Linja Gwida (UE) 2017/697 (BĊE/2017/9) għandha tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2017/697 (BĊE/2017/9) hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 5 huwa mħassar;

2.

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Artikolu 400(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eżenzjonijiet

L-ANK għandhom jeżerċitaw l-opzjoni fir-rigward ta' eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 400(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti skont dan l-Artikolu u l-Annessi relatati.

(a)

L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament għal 80% tal-valur nominali tal-bonds koperti, iżda għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament.

(b)

L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament għal 80% tal-valur ta' skopertura tagħhom, iżda għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament.

(c)

L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 imġarrba minn istituzzjoni ta’ kreditu għall-impriżi msemmija fih għandhom ikunu eżentati għal kollox mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta’ dak ir-Regolament, sakemm dawk l-impriżi jkunu stabbiliti fl-Unjoni u sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 400(3) ta’ dak ir-Regolament, kif speċifikat ulterjorment fl-Anness I ta’ din il-Linja Gwida jiġu ssodisfatti u sa fejn dawk l-impriżi jkunu koperti bl-istess superviżjoni fuq bażi konsolidata f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew bi standards ekwivalenti fis-seħħ f'pajjiż terz, kif speċifikat ulterjorment fl-Anness I ta’ din il-Linja Gwida.

(d)

L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament, kif speċifikat ulterjorment fl-Anness II ta' din il-Linja Gwida.

(e)

L-iskoperturi elenkati fl-Artikolu 400(2)(e) sa (l) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandhom ikunu eżentati għal kollox, jew fil-każ tal-Artikolu 400(2)(i) għandhom ikunu eżentati sal-ammont massimu permess, mill-applikazzjoni tal-Artikolu 395(1) ta' dak ir-Regolament, sakemm ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 400(3) ta' dak ir-Regolament.

(f)

L-ANK għandhom jeżiġu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti jivvalutaw jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 400(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif ukoll l-Anness rilevanti ta' din il-Linja Gwida applikabbli għall-iskopertura speċifika. ANK jista' jivverifika din il-valutazzjoni fi kwalunkwe żmien u jitlob lill-istituzzjonijiet ta' kreditu jissottomettu d-dokumentazzjoni msemmija fl-Anness rilevanti għal dan l-iskop.

(g)

Dan l-Artikolu għandu japplika biss meta l-Istat Membru relevanti ma jkunx eżerċita l-opzjoni taħt l-Artikolu 493(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jagħti eżenzjoni sħiħa jew parzjali għall-iskopertura speċifika.

(*1)  Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplimentari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi tal-assigurazzjoni u ditti tal-investiment f’konglomerat finanzjarju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 79/267/KEE, 92/49/KEE, 92/96/KEE, 93/6/KEE u 93/22/KEE, u d-Direttivi 98/78/KE u 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).”;"

3.

L-Artikolu 7 huwa mħassar;

4.

Fit-Taqsima IV, wara l-intestatura “Likwidità”, jiddaħħlu l-intestaturi u l-Artikoli 7a sa 7f li ġejjin:

“Artikolu 7a

Artikolu 12(1)(c)(i) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61: proporzjon tal-kopertura tal-likwidità — identifikazzjoni tal-indiċijiet tal-borża ewlenin tal-Istati Membri jew ta’ pajjiż terz

L-ANK għandhom iqisu li l-indiċijiet li ġejjin jikkwalifikaw bħala indiċijiet tal-borża ewlenin għall-fini tad-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ishma li jistgħu jikkwalifikaw bħala assi tal-Livell 2B skont l-Artikolu 12(1)(c) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 (*2):

(i)

l-indiċijiet elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1646 (*3);

(ii)

kwalunkwe indiċi tal-borża ewlieni, mhux inkluż taħt il-punt (i), fi Stat Membru jew f’pajjiż terz, identifikat bħala tali għall-finijiet ta’ dan il-punt mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti jew l-awtorità pubblika tal-pajjiż terz;

(iii)

kwalunkwe indiċi tal-borża ewlieni, mhux inkluż taħt il-punti (i) jew (ii), li jinkludi kumpaniji ewlenin fil-ġurisdizzjoni rilevanti.

Artikolu 7b

Artikolu 12(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61: proporzjon tal-kopertura tal-likwidità — assi tal-livell 2B

1.   L-ANK għandhom jippermettu lill-istituzzjonijiet inqas sinifikanti li f’konformità mal-istatuti ta’ inkorporazzjoni tagħhom ma jistgħux għal raġunijiet ta' osservanza reliġjuża jżommu assi li jrendu imgħax biex jinkludu titoli ta’ dejn korporattiv bħala assi likwidi tal-livell 2B f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61.

2.   L-ANK jistgħu jirrevedu perjodikament ir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1 u jippermettu eżenzjoni mill-Artikolu 12(1)(b)(ii) u (iii) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(3) ta’ dak ir-Regolament Delegat ikunu ġew issodisfatti.

Artikolu 7c

Artikolu 428p(10) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: NSFR — fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġ għal skoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ

Sakemm l-ANK ma tiddeterminax fatturi differenti ta’ finanzjament stabbli meħtieġ, għall-iskoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 428p(10) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-ANK għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti japplikaw għal skoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ mhux imsemmija fil-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġa li jikkorrispondu għar-rati tal-flussi ta’ ħruġ li huma japplikaw għal prodotti u servizzi relatati fil-kuntest tal-Artikolu 23 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/61 fir-rekwiżit ta’ kopertura tal-likwidità.

Artikolu 7d

Artikolu 428q(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: NSFR — determinazzjoni tat-terminu ta’ aggravar ta’ assi li ġew issegregati

Meta l-assi jkunu ġew issegregati f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) u l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jiddisponu liberament minn tali assi, l-ANK għandhom jirrikjedu li istituzzjonijiet inqas sinifikanti jqisu tali assi bħala aggravati għal perjodu korrispondenti għat-terminu tal-obbligazzjonijiet lejn il-klijenti tal-istituzzjonijiet li magħhom ikun relatat dak ir-rekwiżit ta’ segregazzjoni.

Artikolu 7e

Artikolu 428aq(10) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: NSFR — fatturi ta’ finanzjament stabbli meħtieġ għal skoperturi li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ

L-ANK għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti li għalihom ikun ingħata l-permess biex japplikaw ir-rekwiżit ta’ finanzjament stabbli nett simplifikat imsemmi fil-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, isegwu l-approċċ kif speċifikat fl-Artikolu 7c.

Artikolu 7f

Artikolu 428ar(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: NSFR — determinazzjoni tat-terminu ta’ aggravar ta’ assi li ġew issegregati

L-ANK għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti li għalihom ikun ingħata l-permess biex jikkalkulaw il-proporzjon ta’ finanzjament stabbli nett simplifikat imsemmi fil-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tal-Parti Sitta tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, isegwu l-approċċ speċifikat fl-Artikolu 7d.

(*2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1)."

(*3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1646 tat-13 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar indiċijiet ewlenin u boroż rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment (ĠU L 245, 14.9.2016, p. 5)."

(*4)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).’;"

5.

L-Artikolu 8 huwa mħassar;

6.

L-Anness huwa emendat skont l-Anness I ta’ din il-Linja Gwida.

7.

L-Anness II huwa miżjud skond l-Anness II ta’ din il-Linja Gwida.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-ANK għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Ottubru 2022.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Linja Gwida (UE) 2017/697 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ April 2017 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni Ewropea minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet inqas sinifikanti (BĊE/2017/9) (ĠU L 101, 13.4.2017, p. 156).

(3)  Regolament (UE) 2016/445 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta' Marzu 2016 dwar il-mod kif jiġu eżerċitati l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni (BĊE/2016/4) (ĠU L 78, 24.3.2016, p. 60).

(4)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu (ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


ANNESS I

L-Anness tal-Linja Gwida (UE) Nru 2017/697 (BĊE/2017/9) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ANNESS I

Kundizzjonijiet għall-valutazzjoni ta' eżenzjoni mil-limitu ta' skopertura kbira skont l-Artikolu 400(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 6(c) ta' din il-Linja Gwida

1.   

Dan l-Anness japplika fir-rigward ta' eżenzjonijiet mil-limitu ta' skopertura kbira skont l-Artikolu 6(c) ta' din il-Linja Gwida. Għall-finijiet tal-Artikolu 6(c), pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/908 (*1) jitqiesu li huma ekwivalenti.

2.   

L-ANK għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti jqisu l-kriterji li ġejjin meta jivvalutaw jekk skopertura msemmija fl-Artikolu 400(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni mil-limitu ta’ skopertura kbira, f’konformità mal-Artikolu 400(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(a)

Sabiex jiġi vvalutat jekk in-natura speċifika tal-iskopertura, il-kontroparti jew ir-relazzjoni bejn l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-kontroparti jeliminawx jew inaqqsux ir-riskju tal-iskopertura, kif previst fl-Artikolu 400(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti għandhom iqisu jekk:

(i)

humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 113(6)(b), (c) u (e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 b'mod partikolari jekk il-kontroparti hija suġġetta għall-istess valutazzjoni tar-riskju, proċeduri ta' kalkolu u kontroll bħall-istituzzjoni ta' kreditu u jekk is-sistemi IT humiex integrati jew, tal-inqas, allinjati għal kollox. Barra minn hekk, għandhom iqisu jekk hemmx ostakli materjali, prattiċi jew legali kurrenti jew antiċipati li jistgħu jtellfu l-ħlas lura f'waqtu tal-iskopertura mill-kontroparti lill-istituzzjoni ta’ kreditu, ħlief fil-każ ta’ sitwazzjoni ta’ rkupru jew riżoluzzjoni meta jkun meħtieġ li jiġu implimentati r-restrizzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) huma meħtieġa li jiġu implimentati;

(ii)

l-iskoperturi intragrupp proposti humiex iġġustifikati mill-istruttura u l-istrateġija ta' finanzjament tal-grupp

(iii)

il-proċess li permezz tiegħu tittieħed deċiżjoni għall-approvazzjoni ta' skopertura lill-kontroparti intragrupp, u l-proċess ta' monitoraġġ u reviżjoni applikabbli għal dawn l-iskoperturi, fil-livell individwali u kkonsolidat, meta jkun rilevanti, humiex simili għal dawk li huma applikati għal self lil terzi;

(iv)

il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju, is-sistema tal-IT u r-rapportar intern ta' istituzzjoni ta' kreditu jippermettulhiex li tivverifika kontinwament u tiżgura li skoperturi kbar lil impriżi ta' grupp jiġu allinjati mal-istrateġija ta' riskju tagħha fil-livell tal-entità legali u fil-livell konsolidat, meta jkun rilevanti.

(b)

Sabiex jiġi vvalutat jekk kwalunkwe riskju ta' konċentrazzjoni li fadal jistax jiġi indirizzat b'mezzi oħrajn daqstant ieħor effettivi bħall-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi previsti fl-Artikolu 81 tad-Direttiva 2013/36/UE, kif previst fl-Artikolu 400(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti għandhom iqisu jekk:

(i)

l-istituzzjoni ta' kreditu għandhiex proċessi, proċeduri u kontrolli robusti, fil-livell individwali u fil-livell konsolidat, fejn ikun rilevanti, sabiex jiġi żgurat li l-użu tal-eżenzjoni ma jirriżultax f'riskju ta’ konċentrazzjoni li huwa barra l-istrateġija tar-riskju tagħha u kontra l-prinċipju ta' ġestjoni ta' likwidità interna soda fi ħdan il-grupp;

(ii)

l-istituzzjoni ta' kreditu qisitx formalment ir-riskju ta’ konċentrazzjoni li jirriżulta minn skoperturi intragrupp bħala parti mill-qafas ta' valutazzjoni tar-riskju ġenerali tagħha;

(iii)

l-istituzzjoni ta' kreditu għandhiex qafas ta' kontroll tar-riskju, fil-livell ta' entità ġuridika u fil-livell konsolidat meta jkun rilevanti, li jimmonitorja b'mod adegwat l-iskoperturi proposti;

(iv)

ir-riskju ta' konċentrazzjoni li jinqala' kienx jew huwiex se jkun identifikat b'mod ċar fil-Proċess ta' Valutazzjoni Inerna dwar l-Adegwatezza tal-Kapital (ICAAP) tal-istituzzjoni ta' kreditu u huwiex se jkun ġestit b'mod attiv. L-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi għal-ġestjoni tar-riskju ta' konċentrazzjoni humiex se jiġu vvalutati fil-proċess ta' reviżjoni u ta' evalwazzjoni superviżorju.

(v)

Hemmx dokumentazzjoni li turi li l-ġestjoni tar-riskju ta' konċentrazzjoni hija konsistenti mal-pjan ta' rkupru tal-grupp.

3.   

Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1 u 2 humiex sodisfatti, l-ANK jistgħu jitolbu lil istituzzjonijiet inqas sinifikanti biex jissottomettu d-dokumentazzjoni li ġejja.

(a)

Ittra ffirmata mir-rappreżentant legali ta' istituzzjoni ta' kreditu, approvata mill-korp maniġerjali, fejn jingħad li l-istituzzjoni ta' kreditu tikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha għal eżenzjoni kif stipulat fl-Artikolu 400(2)(c) u l-Artikolu 400(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(b)

Opinjoni legali, maħruġa jew minn terza persuna indipendenti esterna jew minn dipartiment legali intern, u approvat mill-korp maniġerjali, fejn jintwera li ma hemmx ostakoli li jistgħu jfixklu l-ħlas lura f’waqtu tal-iskoperturi minn kontroparti lill-istituzzjoni ta' kreditu li jirriżultaw jew mill-applikazzjoni ta' regolamenti, inklużi regolamenti fiskali, jew ftehim vinkolanti.

(c)

Stqarrija ffirmata mir-rappreżentant legali u approvata mill-korp maniġerjali li tgħid li:

(i)

ma hemmx impedimenti prattiċi għall-ħlas lura f’waqtu tal-iskoperturi minn kontroparti lill-istituzzjoni ta' kreditu;

(ii)

l-iskoperturi intragrupp huma ġġustifikati mill-istruttura u l-istrateġija ta' finanzjament tal-grupp;

(iii)

il-proċess li permezz tiegħu tittieħed deċiżjoni biex tiġi approvata skopertura għal kontroparti intragrupp, u l-proċess ta' monitoraġġ u reviżjoni applikabbli għal dawn l-iskoperturi, fil-livell tal-entità ġuridika u fil-livell konsolidat, huma simili għal dawk li huma applikati għal self lil terzi;

(iv)

riskju ta' konċentrazzjoni li jirriżulta minn skoperturi intragrupp ġie kkunsidrat bħala parti mill-qafas ta' valutazzjoni tar-riskju globali tal-istituzzjoni ta' kreditu.

(d)

Dokumentazzjoni ffirmata mir-rappreżentant legali u approvata mill-korp maniġerjali li tiċċertifika li l-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju, tal-kejl u tal-kontroll tal-istituzzjoni ta' kreditu huma l-istess bħal dawk tal-kontroparti u li l-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju, is-sistema tal-IT u r-rapportar intern tal-istituzzjoni ta' kreditu jippermettu lill-korp maniġerjali biex jimmonitorja kontinwament il-livell tal-iskopertura kbira u l-kumpatibbiltà tagħha mal-istrateġija tar-riskju tal-istituzzjoni tal-kreditu fil-livell tal-entità ġuridika u fil-livell konsolidat, fejn rilevanti, u mal-prinċipji ta' ġestjoni soda tal-likwidità interna fi ħdan il-grupp.

(e)

Dokumentazzjoni li turi li l-ICAAP tidentifika b'mod ċar ir-riskju ta' konċentrazzjoni li jirriżulta minn skoperturi intragrupp kbar u li dan ir-riskju huwa ġestit b'mod attiv.

(f)

Dokumentazzjoni li turi li l-ġestjoni tar-riskju ta' konċentrazzjoni hija konsistenti mal-pjan ta' rkupru tal-grupp.


(*1)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/908/UE tat-12 ta' Diċembru 2014 dwar l-ekwivalenza ta' rekwiżiti superviżorji u regolatorji ta' ċerti pajjiżi u territorji terzi għall-finijiet tat-trattament ta' skoperturi skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 155).

(*2)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).”


ANNESS II

L-Anness li ġej jiżdied mal-Linja Gwida (UE) 2017/697 (BĊE/2017/9):

“ANNESS II

Kundizzjonijiet għall-valutazzjoni ta' eżenzjoni mil-limitu ta' skopertura kbira, skont l-Artikolu 400(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u mal-Artikolu 6(d) ta' din il-Linja Gwida

1.   

L-ANK għandhom jirrikjedu li l-isituzzjonijiet inqas sinifikanti jqisu l-kriterji li ġejjin meta jivvalutaw jekk skopertura msemmija fl-Artikolu 400(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni mil-limitu ta' skopertura kbira, f’konformità mal-Artikolu 400(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(a)

Sabiex jiġi vvalutat jekk in-natura speċifika tal-iskopertura, il-korp reġjonali jew ċentrali jew ir-relazzjoni bejn l-istituzzjoni ta' kreditu u l-korp reġjonali jew ċentrali jeliminawx jew inaqqsux ir-riskju tal-iskopertura, kif previst fl-Artikolu 400(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti għandhom iqisu jekk:

(i)

hemmx ostakoli materjali prattiċi jew legali kurrenti jew antiċipati li jistgħu jfixklu l-ħlas lura f’waqtu tal-iskopertura mill-kontroparti lill-istituzzjoni ta' kreditu, ħlief fil-każ ta' sitwazzjoni ta' rkupru jew riżoluzzjoni, meta jkun meħtieġ li jiġu implimentati r-restrizzjonijiet msemmija fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(ii)

l-iskoperturi proposti humiex konformi mal-perkors normali tan-negozju tal-istituzzjoni tal-kreditu u l-mudell tan-negozju tagħha jew humiex iġġustifikati mill-istruttura tal-finanzjament tan-network;

(iii)

il-proċess li permezz tiegħu tittieħed deċiżjoni biex tiġi approvata skopertura għall-korp ċentrali tal-istituzzjoni ta’ kreditu, u l-proċess ta’ monitoraġġ u reviżjoni applikabbli għal tali skoperturi, fil-livell individwali u konsolidat, meta jkun rilevanti, humiex simili għal dawk li huma applikati għal self lil terzi;

(iv)

il-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju, is-sistema tal-IT u r-rapportar intern tal-istituzzjoni ta' kreditu jippermettulhiex tivverifika u tiżgura b’mod kostanti li l-iskoperturi kbar għall-korp reġjonali jew ċentrali tagħha jkunu kompatibbli mal-istrateġija tar-riskju tagħha;

(b)

sabiex jiġi vvalutat jekk kwalunkwe riskju ta’ konċentrazzjoni li jifdal jistax jiġi indirizzat b’mezzi oħrajn daqstant effettivi bħall-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi previsti fl-Artikolu 81 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) kif previst fl-Artikolu 400(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti għandhom iqisu jekk:

(i)

l-istituzzjoni ta' kreditu għandhiex proċessi, proċeduri u kontrolli robusti biex jiġi żgurat li l-użu tal-eżenzjoni ma jirriżultax f'riskju ta' konċentrazzjoni li huwa barra l-istrateġija tar-riskju tagħha;

(ii)

l-istituzzjoni ta' kreditu ikkunsidratx formalment il-konċentrazzjoni tar-riskju li jirriżulta mill-iskoperturi għall-korp reġjonali jew ċentrali tagħha bħala parti mill-qafas ta' valutazzjoni tar-riskju ġenerali tagħha;

(iii)

l-istituzzjoni ta' kreditu għandhiex qafas ta' kontroll tar-riskju li jimmonitorja b'mod adegwat l-iskoperturi proposti;

(iv)

ir-riskju ta' konċentrazzjoni li jirriżulta kienx jew huwiex se jkun identifikat b'mod ċar fil-Proċess ta' Valutazzjoni Interna tal-Adegwatezza tal-Kapital (ICAAP) ta' instituzzjoni ta' kreditu u huwiex se jkun ġestit b'mod attiv. L-arranġamenti, il-proċessi u l-mekkaniżmi għall-ġestjoni tar-riskju ta' konċentrazzjoni humiex se jiġu vvalutati fil-proċess ta' reviżjoni u ta' evalwazzjoni superviżorju.

2.   

Minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, l-ANK għandhom jirrikjedu li l-istituzzjonijiet inqas sinifikanti jqisu, sabiex jiġi vvalutat jekk il-korp reġjonali jew ċentrali li miegħu tkun assoċjata l-istituzzjoni ta’ kreditu f’network huwiex responsabbli għal operazzjonijiet tal-ikklerjar ta’ flus kontanti, kif previst fl-Artikolu 400(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jekk il-liġijiet sussidjarji jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-korp reġjonali jew ċentrali jinkludux espliċitament, imma mhux biss, dawn ir-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

il-finanzjament tas-suq għan-network kollu;

(b)

l-ikklerjar ta’ likwidità fi ħdan in-network, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

il-provvista ta’ likwidità lil istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati;

(d)

l-assorbiment ta’ likwidità eċċessiva ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu affiljati.

3.   

Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1 u 2 humiex sodisfatti, l-ANK jistgħu jitolbu lil istituzzjonijiet inqas sinifikanti biex jissottomettu d-dokumentazzjoni li ġejja.

(a)

Ittra ffirmata mir-rappreżentant legali tal-istituzzjoni ta' kreditu, approvata mill-korp maniġerjali, fejn jingħad li l-istituzzjoni ta’ kreditu tikkonforma mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fl-Artikolu 400(2)(d) u l-Artikolu 400(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex tingħata eżenzjoni;

(b)

opinjoni legali, maħruġa jew minn parti terza indipendenti esterna jew minn dipartiment legali intern, u approvata mill-korp maniġerjali, fejn jintwera li ma hemmx ostakli li jistgħu jfixklu l-ħlas lura f'waqtu tal-iskoperturi minn korp reġjonali jew ċentrali lill-istituzzjoni ta’ kreditu li jirriżulta jew mir-regolamenti applikabbli, inklużi regolamenti fiskali, jew ftehimiet vinkolanti;

(c)

Stqarrija ffirmata mir-rappreżentant legali u approvata mill-korp maniġerjali li tgħid li:

(i)

ma hemmx impedimenti prattiċi għall-ħlas lura f’waqtu tal-iskoperturi minn korp reġjonali jew ċentrali lill-istituzzjoni ta' kreditu;

(ii)

l-iskoperturi tal-korp reġjonali jew ċentrali huma ġġustifikati mill-istruttura ta' finanzjament tan-network;

(iii)

il-proċess li permezz tiegħu tittieħed deċiżjoni biex tiġi approvata skopertura għal korp reġjonali jew ċentrali, u l-proċess ta’ monitoraġġ u reviżjoni applikabbli għal tali skoperturi, fil-livell tal-entità ġuridika u fil-livell konsolidat, huma simili għal dawk li huma applikati għal self lil terzi;

(iv)

ir-riskju ta' konċentrazzjoni li jirriżulta minn skoperturi għall-korp reġjonali jew ċentrali ġie kkunsidrat bħala parti mill-qafas ta' valutazzjoni tar-riskju globali ta' istituzzjoni ta' kreditu;

(d)

dokumentazzjoni ffirmata mir-rappreżentant legali u approvata mill-korp maniġerjali li tiċċertifika li l-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju, tal-kejl u l-kontroll tal-istituzzjoni ta’ kreditu huma l-istess bħal tal-korp reġjonali jew ċentrali u li l-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju, is-sistema tal-IT u r-rapportar intern tal-istituzzjoni ta’ kreditu jippermettu lill-korp maniġerjali biex jimmonitorja kontinwament il-livell tal-iskopertura l-kbira u l-kompatibbiltà tagħha mal-istrateġija tar-riskju tal-istituzzjoni tal-kreditu fil-livell tal-entità ġuridika u fil-livell konsolidat, fejn rilevanti, u mal-prinċipji ta’ ġestjoni interna soda tal-likwidità fi ħdan in-network;

(e)

dokumentazzjoni li turi li l-ICAAP jidentifika b'mod ċar ir-riskju ta' konċentrazzjoni li jirriżulta minn skoperturi kbar għall-korp reġjonali jew ċentrali u li dan huwa ġestit b'mod attiv.

(f)

dokumentazzjoni li turi li l-ġestjoni tar-riskju ta' konċentrazzjoni hija konsistenti mal-pjan ta' rkupru tan-network.


(*1)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).”


Top