EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022L0283
Commission Delegated Directive (EU) 2022/283 of 13 December 2021 amending, for the purposes of adapting to scientific and technical progress, Annex III to Directive 2011/65/EU of the European Parliament and of the Council as regards an exemption for the use of mercury in High Pressure Sodium (vapour) lamps with improved colour rendering index for general lighting purposes (Text with EEA relevance)
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/283 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi tas-Sodju (gass) taħt Pressjoni Għolja b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb għal finijiet ta’ tidwil ġenerali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/283 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi tas-Sodju (gass) taħt Pressjoni Għolja b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb għal finijiet ta’ tidwil ġenerali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2021/8963
OJ L 43, 24.2.2022, p. 54–56
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
24.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 43/54 |
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/283
tat-13 ta’ Diċembru 2021
li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi tas-Sodju (gass) taħt Pressjoni Għolja b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb għal finijiet ta’ tidwil ġenerali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) u (b) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2011/65/UE tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih is-sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. Dik ir-restrizzjoni ma tapplikax għal ċerti applikazzjonijiet eżentati li huma elenkati fl-Anness III ta’ dik id-Direttiva. |
(2) |
Il-kategoriji tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva. |
(3) |
Il-merkurju hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. |
(4) |
Permezz tad-Deċiżjoni 2010/571/UE (2), il-Kummissjoni tat, fost affarijiet oħra, eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi (gass) tas-Sodju Taħt Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali li ma jaqbżux (għal kull burner) f’lampi b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb ta’ Ra > 60 (“l-eżenzjoni”), li issa hija elenkata bħala l-eżenzjoni 4(b)–I, 4(b)–II u 4(b)–III fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. L-eżenzjoni kellha tiskadi fil-21 ta’ Lulju 2016, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ dik id-Direttiva. |
(5) |
Il-merkurju jintuża f’lampi tas-Sodju (gass) ta’ Pressjoni Għolja għall-proprjetajiet tal-kulur tad-dawl u tal-għoti tal-kulur. |
(6) |
F’Jannar 2015, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għat-tiġdid tal-eżenzjoni għall-applikazzjonijiet fl-entrati 4(b)–I, 4(b)–II u 4(b)–III (“l-applikazzjoni għat-tiġdid”), jiġifieri fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE. F’Jannar 2020, l-istess applikant ressaq applikazzjoni għat-tiġdid aġġornata rigward l-entrata 4(b)–I biss. F’konformità mal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2011/65/UE, l-eżenzjoni tibqa’ valida sa meta tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għat-tiġdid. |
(7) |
L-evalwazzjoni tal-applikazzjoni għat-tiġdid, li qieset id-disponibbiltà ta’ sostituti u l-impatt soċjoekonomiku tas-sostituzzjoni, ikkonkludiet li s-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni tal-merkurju fl-applikazzjonijiet ikkonċernati kienu prattikabbli xjentifikament u teknikament fir-rigward ta’ parti tal-entrata 4(b)–I, kif ukoll l-entrati 4(b)–II u 4(b)–III tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. Madankollu, l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-eżenzjoni jenħtieġ li tiġġedded għall-parti tal-entrata 4(b)–I rigward il-lampi b’apparenza tal-kulur għolja iktar minn 80, ugwali għal 105 W jew inqas u li, filwaqt li l-użu tal-merkurju għadu meħtieġ, li tista’ titnaqqas iktar. L-evalwazzjoni kienet tinkludi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2011/65/UE. Il-kummenti li waslu matul dawk il-konsultazzjonijiet saru disponibbli għall-pubbliku fuq sit web apposta. |
(8) |
Għalhekk jixraq li tiġġedded parti mill-eżenzjoni 4(b)–I, b’numerazzjoni mill-ġdid bħala l-entrata tal-eżenzjoni 4(b), għal perjodu massimu ta’ ħames snin f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2011/65/UE. Din l-eżenzjoni mġedda għandu jkollha formulazzjoni reveduta li tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni iktar limitat tal-eżenzjoni. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi kontinwi biex jinstab sostitut affidabbli, it-tul ta’ żmien tal-eżenzjoni x’aktarx li ma jkollux impatti avversi fuq l-innovazzjoni. |
(9) |
L-eżenzjoni mġedda hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa mogħtija minnu. |
(10) |
Peress li l-kundizzjonijiet għat-tiġdid tal-eżenzjoni, stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/65/UE, mhumiex issodisfati iktar għall-applikazzjonijiet elenkati fil-kumplament tal-entrata 4(b)–I kif ukoll fl-entrati 4(b)–II u 4(b)–III tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva, l-eżenzjoni għal dawk l-applikazzjonijiet jenħtieġ li tiġi rrevokata. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dati tal-iskadenza għall-eżenzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2011/65/UE. |
(11) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2022 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Ottubru 2022.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/571/UE tal-24 ta’ Settembru 2010 li temenda, għal skopijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness għad-Direttiva 2002/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal applikazzjonijiet li jkun fihom iċ-ċomb, il-merkurju, il-kadmju, il-kromju eżavalenti, il-bifenili polibrominati u l-eteri tad-difenil polibrominati (ĠU L 251, 25.9.2010, p. 28).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
ANNESS
Fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE, l-entrati 4(b), 4(b)–I, 4(b)–II u 4(b)–III huma sostitwiti b’dan li ġej:
Eżenzjoni |
Kamp ta’ applikazzjoni u dati tal-applikabbiltà |
|
“4(b) |
Merkurju fil-lampi (gass) tas-Sodju Taħt Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali li ma jaqbżux (għal kull burner) f’lampi b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb Ra > 80: P ≤ 105 W: 16 mg jistgħu jintużaw għal kull burner |
Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2027 |
4(b)–I |
Merkurju fil-lampi (gass) tas-Sodju Taħt Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali li ma jaqbżux (għal kull burner) f’lampi b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb Ra > 60: P ≤ 155 W: 30 mg jistgħu jintużaw għal kull burner |
Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023 |
4(b)–II |
Merkurju fil-lampi (gass) tas-Sodju Taħt Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali li ma jaqbżux (għal kull burner) f’lampi b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb Ra > 60: 155 W < P ≤ 405 W: 40 mg jistgħu jintużaw għal kull burner |
Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023 |
4(b)–III |
Merkurju fil-lampi (gass) tas-Sodju Taħt Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali li ma jaqbżux (għal kull burner) f’lampi b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb Ra > 60: P > 405 W: 40 mg jistgħu jintużaw għal kull burner |
Tiskadi fl-24 ta’ Frar 2023” |