Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022G1207(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023-2026 2022/C 466/01

ST/15381/2022/INIT

ĠU C 466, 7.12.2022, pp. 1–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/1


RIŻOLUZZJONI TAL-KUNSILL DWAR IL-PJAN TA' ĦIDMA TAL-UE GĦALL-KULTURA 2023-2026

(2022/C 466/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI

li l-kultura hija sors infinit ta' ispirazzjoni u innovazzjoni, riflessjoni tal-umanità u l-estetika, il-lingwa u l-patrimonju komuni tagħna, u parti fundamentali tal-identitajiet u l-komunitajiet tagħna;

ir-rwol tal-kultura bħala element integrali fl-iżvilupp sostenibbli u t-trasformazzjoni pożittiva tas-soċjetà;

is-sinifikat dejjem jikber tal-valuri tal-UE, inkluż il-libertà tal-espressjoni u tal-kreazzjoni;

il-kontribut tas-setturi kulturali u kreattivi għall-impjiegi u l-ekonomija tal-UE;

ir-rwol tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u l-kooperazzjoni ma' korpi internazzjonali oħra, speċjalment il-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO;

il-pjanijiet ta' ħidma għall-kultura preċedenti tal-Kunsill u r-riżultati miksuba;

FID-DAWL

tal-gwerra Russa li għaddejja kontra l-Ukrajna, pajjiż kandidat tal-UE, li tikkostitwixxi ksur flagranti tad-dritt internazzjonali u attakk fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-UE, li jhedded li jeqred il-ħajja u l-patrimonju kulturali rikki tal-Ukrajna, u li wasslet għall-akbar spostament taċ-ċittadini fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn u kriżi allarmanti tal-enerġija;

tal-impatt serju tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-soċjetà kollha kemm hi, fuq kull individwu u fuq ħafna setturi ekonomiċi, speċjalment is-setturi kulturali u kreattivi, li ħafna minnhom għadhom ibatu mill-konsegwenzi tagħha;

tal-pass mgħaġġel tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u l-ħtieġa konsegwenti li tiżdied it-trasformazzjoni tas-sostenibbiltà li l-kultura tista' tħaffef permezz tas-sensibilizzazzjoni, il-kreattività u l-innovazzjoni;

tal-proċessi kontinwi bħad-diġitalizzazzjoni u sfidi persistenti bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol speċifiċi tal-artisti, il-kreaturi u professjonisti kulturali oħra;

FILWAQT LI JFAKKAR

fir-referenzi politiċi prinċipali kif stabbiliti fl-Anness II għal din ir-Riżoluzzjoni;

fl-importanza tal-integrazzjoni tad-dimensjoni kulturali fl-oqsma ta' politika, il-programmi u l-inizjattivi rilevanti kollha, u l-ħtieġa għal aktar sinerġiji;

fl-isforzi li saru biex jiġi żviluppat u implimentat approċċ strateġiku tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali;

JAQBEL

dwar il-prijoritajiet ġenerali li ġejjin fir-rigward tal-kontribut tagħhom għat-titjib tal-kooperazzjoni kulturali Ewropea, il-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-provvista ta' valur miżjud Ewropew, u fid-dawl tal-ħtieġa għal azzjoni konġunta matul l-erba' snin li ġejjin, b'kont meħud tal-isfidi ewlenin u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità:

a)

Artisti u professjonisti kulturali: insaħħu s-setturi kulturali u kreattivi

b)

Il-kultura għan-nies: intejbu l-parteċipazzjoni kulturali u r-rwol tal-kultura fis-soċjetà

c)

Il-kultura għall-pjaneta: nisfruttaw il-qawwa tal-kultura

d)

Il-kultura għal sħubijiet kokreattivi: insaħħu d-dimensjoni kulturali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI U LIR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA' SIGURTÀ, FL-ISFERI TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U B'KUNSIDERAZZJONI XIERQA GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ

biex iħejju dokument ta' ħidma dwar is-sejbiet ewlenin preliminari dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE, abbażi ta' kontributi volontarji bil-miktub mill-Istati Membri, sa April 2026, u jadottaw ir-rapport finali sa Ġunju 2026;

abbażi ta' konsultazzjonijiet minn qabel mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, jikkunsidraw li jipproponu qafas strateġiku tal-UE għall-kultura li ser jirrifletti l-prinċipji gwida stabbiliti fl-Anness I u ser ikollu l-għan li jintegra b'mod strateġiku l-perspettiva tal-politika kulturali u l-assi tal-kultura fil-politiki, il-programmi u l-inizjattivi rilevanti kollha tal-UE. Il-Pjanijiet ta' Ħidma tal-UE għall-Kultura ser ikomplu jipprijoritizzaw u jidentifikaw azzjonijiet speċifiċi għall-kooperazzjoni kulturali fil-livell Ewropew.


ANNESS I

I.   PRINĊIPJI GWIDA

Il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Kultura huwa bbażat fuq il-prinċipji gwida li ġejjin:

Il-kultura, inkluż il-patrimonju kulturali, għandha valur intrinsiku u tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-identità Ewropea.

Id-diversità kulturali u lingwistika huma assi fundamentali tal-UE u għandhom jiġu rrispettati, promossi u mtejba, inkluż permezz tal-mobbiltà u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet.

Il-libertà tal-espressjoni artistika u l-kreattività huma fundamentali għall-kapaċità tal-bniedem biex jindirizza l-isfidi, jaħseb b'mod kritiku, ikun innovattiv u jivvinta, u jridu jiġu mħeġġa u appoġġati bil-modi rilevanti kollha.

Id-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali huma essenzjali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, irawmu fehim reċiproku, jgħinu fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni, il-paċi u l-istabbiltà internazzjonali, u kwalunkwe użu ħażin tal-kultura bl-għan li tinfirex il-propaganda u d-diżinformazzjoni relatati mal-gwerra u li tiġi instigata l-mibegħda huwa inkompatibbli mal-valuri u l-prinċipji fundamentali tal-UE.

Il-kultura tagħti kontribut sinifikanti lill-iżvilupp sostenibbli, l-ekonomija u l-inklużjoni soċjali, filwaqt li ssaħħaħ il-koeżjoni territorjali.

Il-kultura għandha l-potenzjal li tippromwovi l-ugwaljanza u r-rispett reċiproku, u li tiġġieled kontra l-forom kollha ta' vjolenza, diskriminazzjoni, intolleranza u preġudizzju.

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni tkun appoġġata minn użu ottimizzat ta' data u statistika ta' kwalità.

II.   OQSMA TA’ PRIJORITÀ

a)   Artisti u professjonisti kulturali: insaħħu s-setturi kulturali u kreattivi

L-ekosistema kulturali u kreattiva hija inkonċepibbli mingħajr in-nies li joħolqu kontenut kulturali f'diversi forom: artisti, u professjonisti kulturali u kreattivi oħra, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet. Għalhekk, is-setturi kulturali u kreattivi (CCS) b'saħħithom huma indispensabbli. Madankollu, huma kkaratterizzati minn impjieg indipendenti, intrapriżi żgħar u mikro, kompetittività għolja u swieq frammentati. L-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi għandhom it-tendenza li jkollhom karrieri bbażati fuq il-proġetti u jesperjenzaw grad għoli ta' mobbiltà. Spiss ikollhom introjtu irregolari u imprevedibbli u jikkombinaw diversi impjiegi biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.

Matul il-pandemija tal-COVID-19, is-CCS urew ħafna adattabbiltà u innovazzjoni. Madankollu, dawn intlaqtu serjament u għadhom qed jiġu affettwati mill-konsegwenzi tal-pandemija.

L-invażjoni Russa li għaddejja fl-Ukrajna u l-effetti tagħha fuq l-ekosistema kulturali u kreattiva, jenfasizzaw ir-rwol integrali tal-atturi kulturali fis-soċjetajiet demokratiċi u l-importanza li tiġi ssalvagwardjata l-libertà tal-espressjoni artistika, li qed titpoġġa taħt pressjoni dejjem akbar.

Issa aktar minn qatt qabel, hemm ħtieġa urġenti li tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tas-CCS, li jiġu appoġġati l-irkupru u d-diversità tagħhom, li jitħeġġeġ l-involviment tagħhom mal-objettivi tas-sostenibbiltà, li jiġu sfruttati xejriet ġodda aċċellerati mill-pandemija, inkluż fl-ambjent diġitali, u li jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għall-professjonisti kulturali u kreattivi kollha sabiex ikunu jistgħu jinstemgħu aktar vuċijiet minn dan is-settur indipendenti u dinamiku.

b)   Il-kultura għan-nies: intejbu l-parteċipazzjoni kulturali u r-rwol tal-kultura fis-soċjetà

Il-kultura, inkluż il-patrimonju kulturali, għandha rwol kruċjali fid-demokraziji tagħna u fil-ħajja tal-individwi. Il-parteċipazzjoni fil-kultura u l-patrimonju kulturali, il-kreattività u l-arti għandha impatt pożittiv fuq il-persuni ta' kull età u kuntest; dan itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, u jtejjeb is-saħħa u l-benesseri ġenerali tal-individwi u tal-komunitajiet. Il-parteċipazzjoni kulturali tiffaċilita l-koeżjoni soċjali u territorjali, filwaqt li trawwem ir-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika u tipprovdi pjattaforma għal djalogu miftuħ fi ħdan is-soċjetajiet ċivili.

Id-diversità kulturali u dik lingwistika huma fost l-assi ewlenin tal-Ewropa u, bħala tali, għandhom jiġu rispettati u promossi, b'attenzjoni partikolari għal-lingwi li jintużaw l-inqas. Hija meħtieġa attenzjoni speċjali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fil-ħajja kulturali u l-kapaċità tal-qari tagħhom, filwaqt li titrawwem il-kreattività tagħhom u tissaħħaħ l-esperjenza tagħhom. Approċċ inklużiv għal gruppi vulnerabbli u żvantaġġati huwa importanti b'mod ugwali.

L-istituzzjonijiet kulturali għandhom rwol vitali fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-benesseri soċjali billi jilħqu l-komunità kollha, jipprovdu aċċess affordabbli jew liberu għall-għarfien u l-informazzjoni, b'rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, itejbu l-litteriżmu medjatiku, joħolqu bażi komuni għad-djalogu u d-dibattitu, u b'hekk isaħħu l-integrazzjoni soċjali u l-involviment tal-komunità, u fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u l-aħbarijiet foloz. Dan ir-rwol tal-istituzzjonijiet kulturali għandu jitrawwem aktar.

F'dan ir-rigward, il-pjan ta' ħidma attwali jagħti attenzjoni speċjali lit-trawwim tal-iżvilupp ta' libreriji. Ħafna libreriji jipprovdu wkoll ambjent paċifiku u sikur għall-persuni vulnerabbli, li bħalissa huwa ta' rilevanza speċifika fir-rigward tal-ħafna persuni spostati mill-Ukrajna u l-ħtieġa tagħhom għal kenn fiżiku u mentali.

c)   Il-kultura għall-pjaneta: nisfruttaw il-qawwa tal-kultura

L-ekosistemi kulturali u kreattivi fl-Ewropa u lil hinn minnha qed jiffaċċaw theddid serju kemm ta' oriġini naturali kif ukoll umana, fejn t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari, qed iħalli impatt fit-tul fuq is-setturi kulturali u kreattivi Ewropej. Huwa essenzjali li l-patrimonju kulturali u s-CCS ikunu mħejjija għal sfidi futuri. Wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni dwar it-tħejjija għar-riskji fil-patrimonju kulturali u dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-patrimonju kulturali għat-tibdil fil-klima. L-UE ser tkompli, u ser tintensifika, il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' oġġetti kulturali.

Il-kultura, inkluż il-patrimonju kulturali, tikkontribwixxi għat-trasformazzjoni tas-sostenibbiltà meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Aġenda 2030. F'dan il-kuntest, it-teknoloġiji diġitali wkoll għandhom rwol ewlieni. Għalhekk, l-innovazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi, it-trasformazzjoni diġitali u l-aċċessibbiltà tal-kultura u tal-patrimonju kulturali fl-ispazju diġitali jridu jissaħħu aktar. Il-KKI tal-Kultura u l-Kreattività tal-EIT (1) ser ikollha rwol ewlieni f'dan ir-rigward. Jeħtieġ ukoll li jkun hemm approċċ ibbilanċjat għall-ambjent mibni. Il-promozzjoni fuq skala wiesgħa tal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB) tista' tgħin biex titqajjem sensibilizzazzjoni tal-importanza ta' arkitettura u ambjent mibni ta' kwalità.

Barra minn hekk, ir-riċerka u l-istatistika kulturali għandhom jittejbu sabiex tkun tista' tiġi mmonitorjata aħjar il-prestazzjoni tas-CCS u jiġu żviluppati politiki effiċjenti bbażati fuq l-evidenza biex jappoġġawhom. Jenħtieġ li l-Eurostat ikollu rwol ċentrali u dejjem akbar f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u indipendenti oħra li jaħdmu fil-qasam tar-riċerka u l-istatistika fis-CCS.

d)   Il-kultura għal sħubijiet kokreattivi: insaħħu d-dimensjoni kulturali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE

Ir-rikkezza u l-libertà kulturali tal-Ewropa, l-approċċ minn isfel għal fuq tal-UE msejjes fis-soċjetà ċivili u l-impenn qawwi tal-UE fil-kokreazzjoni huma assi b'saħħithom għar-relazzjonijiet internazzjonali mill-perspettiva tal-bini ta' sħubijiet sostenibbli fuq bażi ugwali. Huwa importanti ħafna li jsir użu sħiħ minn dan il-potenzjal mhux biss billi jiżdied l-għadd ta' attivitajiet u proġetti ta' kooperazzjoni kulturali iżda wkoll il-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni tagħhom.

Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna hija indikazzjoni ċara kemm ta' realtajiet ġeopolitiċi li qed jinbidlu gradwalment kif ukoll tal-użu ħażin tal-kultura u tal-patrimonju biex jgħin fil-ġustifikazzjoni tal-aggressjoni militari. F'dan l-isfond, il-kokreazzjoni kulturali tista' tirfed u tikkomunika b'mod awtentiku l-valuri Ewropej tagħna, inkluż il-libertajiet artistiċi u d-drittijiet kulturali, f'partijiet kbar tad-dinja, u b'hekk tgħin biex jitrażżan it-tifrix ta' sistemi awtoritarji.

B'kont meħud tal-futur tal-pjaneta tagħna u l-għan komuni tas-sostenibbiltà, hija meħtieġa aktar ambizzjoni kulturali għall-bidla u d-djalogu intellettwali li jwittu t-triq għal approċċi konġunti fl-ispirtu tal-NEB (sostenibbiltà, inklużività, estetika). Il-koordinazzjoni mill-qrib fil-livell tal-UE u l-integrazzjoni tal-kultura fl-oqsma rilevanti kollha tal-azzjoni esterna tal-UE u fi strumenti finanzjarji xierqa ser ikunu kruċjali għat-tisħiħ tar-rwol tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE.

III.   IMPLIMENTAZZJONI U METODI TA’ ĦIDMA

1.

Il-Kunsill jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u, għall-aspetti tal-azzjoni esterna, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, biex jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet taħt il-Pjan ta’ Ħidma abbażi ta’ aġenda kontinwa kif tinsab fil-Kapitolu IV u l-Anness A. L-iskeda ta’ żmien fl-Anness A hija min-natura tagħha indikattiva u ser tiġi implimentata minn Presidenzi sussegwenti kif xieraq.

2.

Id-djalogu u l-kooperazzjoni regolari fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-sħab minn pajjiżi terzi huma mistennija li joħolqu approċċ olistiku li jappoġġa s-sinerġiji u, fejn xieraq, il-koerenza politika, jinkoraġġixxi t-tagħlim reċiproku u jista’ jwassal għal riżultati aħjar.

3.

It-twettiq tal-Pjan ta’ Ħidma u l-implimentazzjoni tal-Programm Ewropa Kreattiva permezz tal-pjanijiet ta’ ħidma annwali tiegħu u programmi u attivitajiet oħra relatati mal-kultura jenħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin b’mod sinerġetiku.

4.

Jenħtieġ li l-pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Kultura jiġi mmonitorjat mill-Presidenza tal-Kunsill u, jekk meħtieġ, jista’ jiġi aġġustat mill-Kunsill fid-dawl tar-riżultati miksuba u/jew żviluppi ta’ politika rilevanti fil-livell Ewropew jew internazzjonali.

5.

Is-suġġetti f’kull qasam ta’ prijorità huma indirizzati permezz ta’ diversi azzjonijiet (Kapitolu IV), bl-użu tal-aktar metodu/i ta’ ħidma xieraq/xierqa. L-eżitu finali ta’ kull azzjoni, flimkien ma’ rapport korrispondenti li jiddeskrivi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq, ser jiġi ppreżentat lill-Kumitat tal-Affarijiet Kulturali (CAC) u, fejn xieraq, lill-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Settur Awdjoviżiv u l-Media (AVMWP) għal diskussjoni u deċiżjoni possibbli dwar passi futuri.

6.

Il-flessibbiltà fid-dispożizzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Kultura hija essenzjali sabiex ikun jista’ jirreaġixxi għall-isfidi attwali u futuri u ambjent ta’ politika li qed jinbidel.

7.

Jistgħu jintużaw il-metodi ta’ ħidma li ġejjin, (2) fost l-oħrajn: il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK); gruppi ta’ esperti u diskussjonijiet madwar mejda ad hoc jew immexxija mill-Kummissjoni; attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari; azzjonijiet sperimentali u tat-tip pilota; laqgħat tal-grupp ta’ riflessjoni; studji; konferenzi; seminars ta’ rendikont jew formati oħra ta’ rendikont; djalogu mas-soċjetà ċivili; workshops formali u informali; inizjattivi konġunti mal-Kunsill tal-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; konklużjonijiet tal-Kunsill; u laqgħat informali ta’ uffiċjali mill-Ministeri tal-Kultura u, fejn xieraq, ministeri oħra.

IV.   AZZJONIJIET

Fir-rigward tal-oqsma ta' prijorità u l-metodi ta' ħidma kif deskritt fil-Kapitoli II u III, ser jitwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

a)   Artisti u professjonisti kulturali: insaħħu s-setturi kulturali u kreattivi

—    Status u kondizzjonijiet ta’ ħidma ta’ artisti u professjonisti kulturali u kreattivi

Metodi ta' ħidma: Segwitu għall-grupp tal-MMK li għaddej bħalissa; Workshops tematiċi; possibbiltà ta' konferenza.

Raġunament: Bħala segwitu għall-grupp ta' esperti tal-MMK, qed tiġi proposta pjattaforma online biex tipprovdi informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u tal-professjonisti kulturali u kreattivi fl-Istati Membri tal-UE. Il-pjattaforma ser tkun ibbażata fuq data u materjal ta' valur miġbura wkoll f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali rappreżentati f'diversi setturi kulturali u jenħtieġ li tqis kontinwament aġġornamenti u miżuri ġodda. Barra minn hekk, ser jiġu kkunsidrati wkoll suġġetti bħad-diversità, il-mobbiltà u l-perspettiva tal-ġeneru. Dan jgħin biex tinkiseb informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol madwar l-UE u biex jiġu indirizzati aħjar ir-rekwiżiti amministrattivi, fir-rigward tas-sigurtà soċjali u aspetti oħra bħat-tassazzjoni. Għandu jitqies ukoll l-iskambju ta' esperjenza fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) għal dan is-suġġett.

Riżultati mmirati: Pjattaforma online li tippermetti l-iskambju kontinwu ta' informazzjoni u prattiki tajba fost il-partijiet ikkonċernati fir-rigward tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u tal-professjonisti kreattivi; rendikont tal-progress u l-ħidma fuq rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar l-Istatus tal-Artist (3).

—    Libertà artistika

Metodi ta' ħidma: Konferenza, segwita minn konklużjonijiet tal-Kunsill relatati.

Raġunament: Il-libertà artistika hija parti fundamentali tax-xogħol kulturali, u l-protezzjoni tal-libertà artistika wriet li hija element importanti fir-rigward tat-tisħiħ tar-rabta bejn il-kultura u d-demokrazija. L-artisti u l-partijiet ikkonċernati fis-settur kulturali qed jiffaċċaw sfidi ġodda u dejjem aktar diffiċli. Għalhekk, l-isforzi konġunti biex l-artisti u l-atturi kulturali jkunu jistgħu jeżerċitaw liberament il-professjonijiet tagħhom fl-UE kollha huma ta' importanza kbira. Din il-kwistjoni ma tikkonċernax biss it-termini u l-kondizzjonijiet għall-artisti, iżda tiddetermina wkoll min jinstema'.

Riżultati mmirati: L-iskambju ta' ideat u l-aħjar prattiki billi jiġu diskussi perspettivi u żvilupp ta' politika differenti biex tiġi stimulata bidla pożittiva.

—   L-istimular tat-trasformazzjoni diġitali tas-setturi kulturali u kreattivi

Metodi ta' ħidma: Konferenza, possibbilment segwita minn konklużjonijiet tal-Kunsill relatati.

Raġunament: Id-diġitalizzazzjoni rriżultat fi trasformazzjoni profonda tas-setturi kulturali u kreattivi f'dan l-aħħar deċennju. Dan ġab miegħu bidliet fundamentali fil-mod kif joperaw il-professjonisti f'dawn is-setturi u fir-relazzjonijiet bejniethom u mal-udjenzi tagħhom. Madankollu, il-frammentazzjoni tal-isforzi u n-nuqqas ta' kollaborazzjoni fuq skala akbar ifixklu approċċ b'saħħtu u aġli għat-trasformazzjoni diġitali.

Riżultati mmirati: L-iskambju ta' esperjenza biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki trasferibbli sabiex tiġi promossa trasformazzjoni diġitali koerenti u sostenibbli fis-CCS kollha.

—   L-istimular tat-tranżizzjoni ekoloġika tas-setturi kulturali u kreattivi, b’enfasi speċifika fuq il-kriżi tal-enerġija

Metodi ta' ħidma: Workshop(s) / MMK; eżerċizzju ta' rendikont dwar il-kriżi tal-enerġija għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki.

Raġunament: Is-CCS ma jridux jitħallew lura fit-tranżizzjoni ekoloġika. Dawn iridu jsaħħu l-kontribut tagħhom għal futur sostenibbli u jkollhom rwol attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika, fl-azzjoni klimatika u fl-irkupru tal-Ewropa, b'enfasi speċifika fuq il-kriżi tal-enerġija attwali, filwaqt li jqisu d-diversità u l-karatteristiċi ġeografiċi tal-Unjoni. Diġà ġew ippruvati varjetà ta' prattiki u inizjattivi. Il-ħidma taħt din l-azzjoni għandha tirrifletti l-eżiti tal-gruppi tal-MMK dwar id-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp sostenibbli u dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-patrimonju kulturali għat-tibdil fil-klima. Għandu jitqies ukoll l-iskambju ta' esperjenza fir-rigward tal-RRF għal dan is-suġġett.

Riżultati mmirati: L-iskambju ta' esperjenzi u l-identifikar tal-aħjar prattiki trasferibbli fis-CCS (speċjalment fl-arti tal-ispettaklu, il-mużika, il-mużewijiet, il-produzzjoni tal-films), inkluż dwar il-kalkulaturi tas-CO2; appoġġ għall-isforzi tas-CCS biex jadattaw għat-tranżizzjoni ekoloġika.

—   It-titjib tad-dimensjoni kulturali u kreattiva fis-settur Ewropew tal-logħob vidjo

Metodu ta' ħidma: Sensiela ta' diskussjonijiet madwar mejda u/jew laqgħa ta' gruppi ta' riflessjoni.

Raġuni fundamentali: Bħala segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Strateġija Ewropea għall-Ekosistema tal-Industriji Kulturali u Kreattivi u r-rapport ta' inizjattiva tal-Parlament Ewropew u l-proġett pilota dwar il-logħob vidjo, id-diskussjonijiet fil-livell Ewropew jistgħu jidentifikaw toroq li jappoġġaw id-dimensjoni kulturali u kreattiva fis-settur Ewropew tal-logħob tal-kompjuter, li huwa fuq quddiem nett ta' prattiki kulturali ġodda fl-ambjent diġitali. Dawn id-diskussjonijiet jistgħu jesploraw ukoll kwistjonijiet relatati mal-mekkaniżmi ta' finanzjament, speċjalment għall-SMEs u n-negozji ġodda; l-indipendenza, il-libertà tal-kreazzjoni u d-diversità tal-espressjonijiet kulturali; il-ħiliet u t-taħriġ; l-innovazzjoni kreattiva u teknoloġika; użi ġodda ta' logħob vidjo għall-appoġġ tal-aċċess tal-kultura; ir-rwol tal-logħob vidjo għal skopijiet edukattivi, eċċ.

Riżultati mmirati: Rakkomandazzjonijiet biex jappoġġaw id-dimensjoni kulturali u kreattiva tas-settur Ewropew tal-logħob vidjo u t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati Ewropej f'dan il-qasam.

b)   Il-kultura għan-nies: intejbu l-parteċipazzjoni kulturali u r-rwol tal-kultura fis-soċjetà

—   Il-kultura u l-promozzjoni tad-demokrazija: lejn ċittadinanza kulturali fl-Ewropa

Metodi ta' ħidma: Tagħlim bejn il-pari u possibbiltà ta' konferenza li tlaqqa' flimkien lil dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fis-setturi kulturali u edukattivi.

Raġunament: Fl-ispirtu tal-Karta ta' Porto Santo u abbażi tal-istudju kkummissjonat fil-qafas tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019–2022, huwa meħtieġ li tiġi intensifikata u estiża l-parteċipazzjoni taċ-ċittadin, b'mod partikolari fost il-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ, u li jiġu leġittimizzati l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, bl-involviment tal-komunità kollha fit-teħid ta' deċiżjonijiet, it-tfassil, il-produzzjoni, il-komunikazzjoni, il-medjazzjoni u r-riżultat. Għandhom jiġu stabbiliti sinerġiji transsettorjali bejn l-iskejjel, l-organizzazzjonijiet kulturali, is-soċjetà ċivili u atturi oħra, sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal trasformattiv tal-kultura għat-titjib tad-demokrazija.

Riżultati mmirati: Il-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-għażla ta' eżempji tal-aħjar prattika.

—   Kultura u saħħa

Metodi ta' ħidma: possibbiltà ta' konferenza; possibbiltà ta' laqgħat informali ta' uffiċjali mill-ministeri tal-kultura u l-ministeri għas-saħħa; grupp tal-MMK fuq terminu qasir dwar l-inklużjoni tal-kultura fil-politiki tas-saħħa – l-iskambju ta' prattiki tajbin b'enfasi speċjali fuq is-saħħa mentali.

Raġunament: L-attivitajiet kulturali jistgħu jappoġġaw il-prevenzjoni tal-mard, il-promozzjoni tas-saħħa, u l-ġestjoni u t-trattament tal-mard. L-attivitajiet kulturali joffru approċċ olistiku u għandhom impatt pożittiv fuq persuni ta' kull età u sfond soċjali, itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u jżidu s-saħħa u l-benesseri ġenerali tal-individwi u l-komunitajiet. Hemm ukoll impatt ekonomiku sinifikanti. Il-MMK jista' jibni fuq ir-riżultati tal-azzjoni preparatorja tal-2022 “Il-Kultura għas-Saħħa” u fuq ir-riċerka u l-ħidma preċedenti mwettqa dwar dan is-suġġett.

Riżultati mmirati: Is-sensibilizzazzjoni dwar l-effetti pożittivi tal-kultura u l-ħolqien ta' aktar kooperazzjoni transsettorjali fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet; Rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' prattiki kulturali parteċipattivi, b'enfasi fuq is-saħħa mentali; it-tkomplija tal-immappjar ta' prattiki tajbin.

—   Il-bini ta’ konnessjonijiet: it-tisħiħ tar-rwoli multipli tal-libreriji bħala passarelli u trażmettituri ta’ xogħlijiet kulturali, ħiliet u valuri Ewropej

Metodi ta' ħidma: grupp tal-MKK; workshops; konferenza.

Raġunament: Il-libreriji għandhom rwol ewlieni fix-xenarju demokratiku, soċjali, kulturali u edukattiv tal-Ewropa fil-livelli kollha. Dawn jagħtu kontribut sinifikanti għall-bini tad-demokrazija, l-involviment taċ-ċittadini u l-attivitajiet ta' parteċipazzjoni pubblika madwar l-UE, inkluż f'żoni rurali u remoti, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi. Huma jilqgħu gruppi diversi, jiżviluppaw programmi u attivitajiet li jirriflettu l-isfidi attwali tas-soċjetà, u jipprovdu aċċess għal informazzjoni pluralista u affidabbli u kontenut kulturali varjat f'ambjenti sikuri u aċċessibbli. Dawn huma gateways essenzjali għad-data lokali u indiġena, l-għarfien, ir-riċerka u l-kultura.

Riżultati mmirati: Jinbeda dibattitu komprensiv u jiġu esplorati oqsma għall-promozzjoni u t-tisħiħ tal-libreriji; l-identifikar ta' dimensjonijiet u oqsma differenti b'potenzjal, u l-esplorar ta' linji ta' finanzjament taħt programmi tal-UE; jitlaqqgħu flimkien dawk li jfasslu l-politika u l-professjonisti tal-libreriji; jiġu esplorati possibbiltajiet għal taħriġ u attivitajiet ulterjuri għall-professjonisti.

—   Il-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn kontenut ta’ ħsara fuq pjattaformi diġitali

Metodi ta' ħidma: Workshop(s)/diskussjoni (jiet) madwar mejda.

Raġunament: Illum, it-tfal u ż-żgħażagħ huma preżenti f'għadd kbir fuq pjattaformi diġitali, li joffru potenzjal pożittiv enormi. Madankollu, dan iżid ukoll ir-riskju li gruppi vulnerabbli jiġu esposti għal kontenut ta' ħsara jew informazzjoni ħażina, u ta' dipendenza. Huwa possibbli li wieħed jibni fuq l-istrateġija Ewropea għal internet aħjar għat-tfal, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-minorenni fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD). Barra minn hekk, sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ jiġu protetti minn kontenut ta' ħsara, il-litteriżmu medjatiku u l-fehim kritiku tal-media u l-pjattaformi huma partikolarment importanti u rilevanti.

Riżultati mmirati: L-identifikar u l-appoġġar tal-aħjar prattiki u l-appoġġ għalihom biex jiġu żgurati l-protezzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ online, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE.

—   L-iskopribbiltà ta’ kontenut kulturali Ewropew varjat fl-ambjent diġitali

Metodi ta' ħidma: Studju tekniku u/jew workshop.

Raġunament: L-iskopribbiltà ta' kontenut kulturali tiddependi fuq kif id-data tkun ġiet prodotta u ddokumentata, kif ukoll fuq il-ġestjoni tal-kontenut mill-pjattaformi l-kbar, li jaġixxu bħala gwardjani. Il-kontenut Ewropew għandu jkun jista' jiġi skopert, lil hinn mis-sempliċi disponibbiltà tiegħu online. Huwa essenzjali li nibnu fuq il-ħidma u l-konsultazzjonijiet eżistenti (eż. Media Outlook, l-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, Europeana), biex nifhmu aħjar l-impatt li l-prattiki ta' prijoritizzazzjoni tal-kontenut, ir-rakkomandazzjonijiet tal-algoritmi u l-istrateġiji ta' ġestjoni għandhom fuq id-diversità kulturali u lingwistika, u nsibu soluzzjonijiet komuni biex jiżdied l-esponiment ta' kontenut Ewropew ta' kwalità għolja online, inkluż mudelli ta' introjtu xierqa xprunati mid-data.

Riżultati mmirati: Rakkomandazzjonijiet; ir-rieżami ta' proġetti innovattivi u għodod speċifiċi, iżda wkoll ta' diffikultajiet rigward l-aċċess għall-kontenut (inkluż persuni b'diżabilità jew b'introjtu aktar baxx), b'enfasi fuq setturi inqas esplorati u inqas regolati bħall-mużika jew il-kotba.

c)   Il-kultura għall-pjaneta: nisfruttaw il-qawwa tal-kultura

—   Statistika kulturali – biex tinbena r-reżiljenza fil-kultura u permezz tagħha

Metodi ta' ħidma: Serje ta' workshops u/jew attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari; diskussjonijiet mal-Eurostat u l-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri tal-UE.

Raġunament: Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat diversi sfidi strutturali u vulnerabbiltajiet fis-setturi kulturali u kreattivi. Diġà ttieħdu miżuri ta' appoġġ importanti fil-livell nazzjonali u tal-UE, iżda għad iridu jittieħdu aktar passi, bħal żieda fl-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u l-iżvilupp ta' sett ta' statistika kulturali affidabbli, komparabbli madwar l-UE, inkluż dwar l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fis-CCS. Huwa importanti li nibnu fuq ir-riżultati tal-proġett pilota tal-2022 Inkejlu s-setturi kulturali u kreattivi fl-Ewropa” u naħdmu f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Eurostat.

Riżultati mmirati: L-iskambju tal-aħjar prattiki tajba fost l-Istati Membri; l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' sett ta' statistika armonizzata u komparabbli madwar l-UE, li tkopri l-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-dimensjoni tax-xogħol, l-appoġġ ekonomiku għas-settur, u l-parteċipazzjoni kulturali, bi tqassim soċjodemografiku rilevanti.

—   Governanza kulturali

Metodi ta' ħidma: Laqgħa tal-grupp ta' riflessjoni, possibbilment segwita minn konklużjonijiet tal-Kunsill relatati.

Raġunament: Id-dinja bħalissa qed tiffaċċa għadd kbir ta' bidliet rapidi. Għalhekk huma meħtieġa modi ġodda ta' ħsieb u approċċi innovattivi, kif ukoll approċċi trażversali u integrati dwar il-governanza kulturali, ibbażati fuq żviluppi reċenti, ir-riċerka u l-innovazzjoni, huma meqjusa neċessarji sabiex il-kultura titqiegħed fil-qalba tal-ħajja pubblika.

Riżultati mmirati: L-iżvilupp ta' mudell ġdid ta' governanza kulturali li jipproponi approċċi orjentati lejn il-futur biex jiġu indirizzati b'mod olistiku l-isfidi attwali.

—   Azzjoni klimatika permezz tal-kultura, inkluż l-arti u l-patrimonju kulturali

Metodi ta' ħidma: Segwitu tar-rapporti tal-MMK għall-2022; workshops, possibbilment segwiti minn konklużjonijiet tal-Kunsill relatati.

Raġunament: Il-kultura, inkluż l-arti u l-patrimonju kulturali, jista' jkollha rwol ewlieni fl-iskattar tal-azzjoni klimatika u fil-promozzjoni ta' xejriet ta' konsum u produzzjoni sostenibbli. Il-kultura tista' tieħu rwol attiv fl-azzjoni klimatika u tistimula bidla fil-mentalità lejn il-kriżi klimatika. Il-patrimonju kulturali tagħna jista' jiġi ssalvagwardjat permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki dwar miżuri ta' protezzjoni mmirati u, fl-istess ħin, dan jista' jkun sors ta' prattika tajba u għarfien dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Jenħtieġ li l-kooperazzjoni tibni fuq ir-rapporti tal-MMK dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-patrimonju kulturali għat-tibdil fil-klima u dwar id-dimensjoni kulturali tal-iżvilupp sostenibbli.

Riżultati mmirati: L-iskambju ta' għarfien dwar approċċi artistiċi u kulturali innovattivi, inkluż miżuri fl-ambitu tal-RRF, biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika u tiġi megħjuna t-trasformazzjoni tal-imġiba biex tiġi indirizzata l-kriżi klimatika; l-avvanz tar-riċerka ffinanzjata mill-UE dwar is-suġġett.

—   Ambjent mibni ta’ kwalità għolja għal kulħadd

Metodi ta' ħidma: Laqgħat tad-Diretturi Ewropej għall-Politiki Arkitettoniċi (EDAP); il-promozzjoni tal-inizjattiva tal-NEB permezz ta' skambji ta' networks ta' esperti ta' wara l-MMK; il-possibbiltà ta' organizzazzjoni ta' konferenza Ewropea dwar il-politiki arkitettoniċi.

Raġunament: F'konformità mal-ħidma u r-rapport tal-grupp tal-MMK ta' esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-investiment f'arkitettura u ambjent tal-għajxien ta' kwalità għolja għal kulħadd (2021) u mal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kultura, arkitettura u ambjent mibni ta' kwalità għolja bħala elementi ewlenin tal-inizjattiva tal-NEB (2021), l-EDAP jiltaqa' taħt kull presidenza tal-Kunsill sabiex jikkunsidra inizjattivi possibbli biex jinkiseb ambjent tal-għajxien ta' kwalità għolja għal kulħadd, inkluż dawk li jgħixu f'żoni rurali u remoti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi. Il-laqgħat tal-EDAP jistgħu jiffukaw b'mod partikolari fuq suġġetti bħall-kwalità tal-akkomodazzjoni ta' għada, ir-restawr, ir-rinnovazzjoni u l-użu mill-ġdid adattat tal-patrimonju kulturali, u t-titjib tal-kompetizzjonijiet tal-arkitettura u l-akkwist pubbliku. Huwa essenzjali li jinbnew sinerġiji man-network tal-NEB.

Riżultati mmirati: L-iskambju ta' prattiki tajba fost l-EDAP; jittieħed kont tal-oqfsa leġiżlattivi eżistenti u l-inizjattivi rilevanti fil-qasam u possibbilment jinbeda proċess għall-monitoraġġ u l-promozzjoni tal-inklużjoni ta' standards ta' kwalità għolja f'politiki u programmi ġodda u riveduti; Azzjonijiet relatati mal-NEBs.

—   Is-salvagwardja tal-patrimonju minn diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem

Metodi ta' ħidma: Attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari (workshops, żjarat) u/jew konferenza.

Raġunament: Diżastri u kriżijiet naturali u kkawżati mill-bniedem (bħat-tibdil fil-klima, il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra Russa kontra l-Ukrajna) jeħtieġu ħiliet ta' valutazzjoni tar-riskju msaħħa, tħejjija mtejba għad-diżastri, u azzjonijiet ikkoordinati f'approċċ trażversali sabiex jiġi ssalvagwardjat il-patrimonju kulturali, inkluż il-patrimonju kulturali intanġibbli. Huwa meħtieġ, filwaqt li nibnu fuq il-ħidma eżistenti, li l-patrimonju kulturali jiġi integrat aktar f'politiki u inizjattivi usa' fil-livelli kollha, u li jintużaw pjattaformi Ewropej komuni eżistenti u li jiġu żviluppati proġetti (eż. Cloud Kollaborattiv Ewropew għall-Patrimonju Kulturali, HEREIN) għall-iskambju, id-diskussjoni u l-kondiviżjoni ta' għarfien u għarfien espert dwar it-tħejjija u l-ġestjoni tar-riskji, l-irkupru u r-riabilitazzjoni tal-patrimonju kulturali.

Riżultati mmirati: It-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-ħiliet ta' partijiet ikkonċernati; it-tħejjija ta' inventarju komprensiv ta' manwali, linji gwida u metodoloġija rilevanti fil-livell Ewropew biex jiġu ffaċilitati t-tfassil u l-implimentazzjoni effettivi ta' miżuri ta' tħejjija għar-riskji u għall-emerġenzi fl-Istati Membri u minnhom.

—   L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-professjonisti tal-patrimonju kulturali u l-awtoritajiet kompetenti għall-beni kulturali dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ beni kulturali

Metodi ta' ħidma: Serje ta' workshops komplementari għall-Pjan ta' Azzjoni tal-UE li jmiss kontra it-Traffikar ta' Oġġetti Kulturali għall-2023–2027 u/jew attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari.

Raġunament: Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' beni kulturali tittratta l-isfidi fit-traffikar transfruntier fir-rigward tal-protezzjoni tal-patrimonju kulturali. L-awtoritajiet kompetenti qed iħabbtu wiċċhom ma' diversi sfidi (metodi ta' verifika, dokumentazzjoni, analiżi tad-data, fehim ta' kif jaħdem is-suq tal-arti, inkluż l-ispostament tiegħu lejn l-internet, eċċ.). Huwa essenzjali li tiġi żgurata kooperazzjoni effiċjenti bejn l-atturi kollha involuti, inkluż il-ministeri għall-kultura, l-istituzzjonijiet reġjonali u lokali, il-professjonisti tal-patrimonju kulturali, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, il-forzi tal-pulizija speċjali, l-awtoritajiet doganali u ġudizzjarji, u l-professjonisti tas-suq tal-arti.

Riżultati mmirati: Il-valutazzjoni u t-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-atturi involuti; il-kisba tal-għarfien dwar il-metodi ta' ħidma ta' xulxin; l-identifikar tar-riskji u l-problemi; u l-ħidma fuq rakkomandazzjonijiet possibbli għal titjib.

d)   Il-kultura għal sħubijiet kokreattivi: insaħħu d-dimensjoni kulturali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE

—   Governanza tal-approċċ strateġiku tal-UE għal relazzjonijiet u qafas kulturali internazzjonali

Metodi ta' ħidma: MMK fuq perjodu qasir, laqgħat tal-uffiċjali għolja.

Raġunament: Ir-rwol tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni ġie minqux f'għadd ta' dokumenti importanti reċenti tal-UE. Madankollu, il-koordinazzjoni u t-tnaqqis tal-lakuni bejn il-partijiet ikkonċernati differenti involuti fl-implimentazzjoni jibqgħu sfida fil-livelli kollha, kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri. L-istrutturar tal-kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti kollha u t-tisħiħ tal-interessi fuq bażi ugwali, inkluż l-artisti u l-professjonisti kulturali, huma għalhekk meħtieġa. B'kont meħud tal-prinċipju tal-kokreazzjoni fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, il-metodi ta' ħidma jeħtieġ li jiġu adattati għat-tfassil ta' deċiżjonijiet koeżivi fuq bażi kontinwa, inkluż għad-definizzjoni ta' prijoritajiet reġjonali u tematiċi (eż. fil-kuntest ta' sħubijiet ma' pajjiżi kandidati) jew it-tħejjija ta' azzjonijiet ewlenin tal-UE (eż. fieri tal-kotba, wirjiet dinjija, fieri u festivals, eċċ.).

Riżultati mmirati: Metodoloġija trażversali u inklużiva, inkluż proposti għal strutturi u metodi ta' ħidma futuri li jiżguraw proċess ta' kooperazzjoni kulturali msaħħaħ, koerenti u fit-tul fir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali, li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

—   Il-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali u t-tisħiħ tas-CCS lokali fl-Ukrajna

Metodi ta' ħidma: Laqgħat ta' gruppi ta' esperti jew gruppi ta' riflessjoni mmexxija mill-Kummissjoni u attivitajiet ta' tagħlim/taħriġ bejn il-pari; laqgħat mar-Rappreżentanzi Permanenti.

Raġunament: Il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna qerdet u għamlet ħsara lill-patrimonju kulturali u lill-istituzzjonijiet kulturali Ukreni u poġġiethom taħt theddida konsiderevoli ta' qerda u ħsara ulterjuri, kif ukoll għamlithom vittmi tat-traffikar. Għaldaqstant l-isforzi ta' preservazzjoni u protezzjoni għandhom jiġu appoġġati. Il-proċess ta' rikostruzzjoni u rkupru jenħtieġ li jitwettaq billi jissaħħu l-kapaċità u l-għarfien espert tal-Ukrajna u jenħtieġ li jkun ibbażat fuq normi nazzjonali, internazzjonali u Ewropej, fuq testi li jistabbilixxu l-istandards, prinċipji (bħall-NEB) u t-tagħlimiet meħuda, u jkun konsistenti mal-prinċipji Ewropej tal-kwalità għal interventi ffinanzjati mill-UE b'impatt potenzjali fuq il-patrimonju kulturali (4). Bl-istess mod, l-atturi u l-professjonisti kulturali u kreattivi Ukreni jeħtieġu appoġġ hekk kif ikomplu jiffaċċaw ħafna diffikultajiet fl-attivitajiet tagħhom. Fl-ispirtu ta' kokreazzjoni, il-kooperazzjoni kulturali mal-Ukrajna għandha għalhekk tkun immirata lejn it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-CCS, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jżommu xena kulturali u artistika vivaċi.

Riżultati mmirati: Il-valutazzjoni ta' miżuri konġunti possibbli, sinerġiji u l-aħjar prattiki għall-preservazzjoni, il-protezzjoni u r-rikostruzzjoni tal-patrimonju kulturali u tal-istituzzjonijiet kulturali tal-Ukrajna, u għall-appoġġ tal-atturi kulturali u kreattivi Ukreni.

—   Ir-rwol tal-kultura u tal-professjonisti tal-kultura fil-promozzjoni u d-difiża tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem f’kuntesti fraġli

Metodi ta' ħidma: laqgħat konġunti possibbli ma' Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill rilevanti; konferenza/seminar konġunt ta' rendikont mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ewropa, l-UNESCO u s-soċjetà ċivili.

Raġunament: Ir-Rapport Annwali tas-SEAE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja għall-2021 jindika kuntest globali ta' rigress demokratiku u ksur mifrux tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem. Dan jaffettwa wkoll il-professjonisti kulturali u kreattivi f'pajjiżi terzi li jimpenjaw ruħhom fid-difiża tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni artistika, eċċ. Filwaqt li l-UE diġà tippromwovi r-rispett għad-drittijiet kulturali u d-diversità f'pajjiżi terzi, jista' jiġi esplorat appoġġ aktar iffukat u sistematiku, filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa, l-UNESCO u l-Parlament Ewropew f'dan il-qasam.

Riżultati mmirati: Ħarsa ġenerali komprensiva lejn is-sitwazzjonijiet, il-ħtiġijiet, eċċ. tad-difensuri kulturali tad-drittijiet tal-bniedem.


(1)  Il-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (https://eit.europa.eu/eit-community/eit-culture-creativity)

(2)  Il-linji gwida ġenerali relatati mal-metodi ta' ħidma jinsabu fl-Anness B.

(3)  https://en.unesco.org/creativity/governance/status-artist.

(4)  https://www.icomos.org/en/about-icomos/committees/regional-activities-europe/58799-european-quality-principles-for-eu-funded-interventions-with-potential-impact-upon-cultural-heritage


ANNESS A

Skeda ta' żmien indikattiva tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Kultura 2023–2026

Prijorità

Azzjoni

2023

2024

2025

2026

l-ewwel nofs

it-tieni nofs

l-ewwel nofs

it-tieni nofs

l-ewwel nofs

it-tieni nofs

l-ewwel nofs

it-tieni nofs

a)

Artisti u professjonisti kulturali: insaħħu s-CCS

Status u kundizzjonijiet ta’ ħidma ta’ artisti u professjonisti kulturali u kreattivi

Pjattaforma (KE)

 

Workshop

tematiku

 

Workshop

tematiku

 

Workshop tematiku

jew

Possibbiltà ta' konferenza

 

Libertà artistika

Konferenza tal-PRES

Konklużjonijiet tal-Kunsill

 

 

 

 

 

 

 

L-istimolu tat-trasformazzjoni diġitali tas-CCS

 

 

Konferenza tal-PRES

Possibbiltà ta' konklużjonijiet tal-Kunsill

 

 

 

 

 

L-istimular tat-tranżizzjoni ekoloġika tas-CCS, b’enfasi speċifika fuq il-kriżi tal-enerġija

Rendikont – kriżi tal-enerġija

 

MMK jew Workshops

 

 

 

It-titjib tad-dimensjoni kulturali u kreattiva fis-settur Ewropew tal-logħob vidjo

 

Diskussjonijiet madwar mejda u/jew laqgħa ta’ gruppi ta’ riflessjoni

 

 

 

 

 

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi

Rendikont

 

 

 

 

 

 

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-iskambji interkulturali permezz tal-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi, u permezz tal-multilingwiżmu fl-era diġitali

 

 

 

 

Rendikont

 

 

b)

Il-kultura għan-nies: intejbu l-parteċipazzjoni kulturali u r-rwol tal-kultura fis-soċjetà

Il-kultura u l-promozzjoni tad-demokrazija: lejn ċittadinanza kulturali fl-Ewropa

(Preżentazzjoni tal-istudju tal-KE 2022 - Grupp ta’ Ħidma preċedenti)

 

 

tagħlim bejn il-pari

Possibbiltà ta’ konferenza

 

Kultura u saħħa

 

Possibbiltà ta' konferenza

Possibbiltà ta' laqgħa informali tal-uffiċjali

grupp tal-MMK (fil-qosor)

 

 

 

 

Il-bini ta’ konnessjonijiet: it-tisħiħ tar-rwol multiplu tal-libreriji bħala gateways u trażmettituri ta’ xogħlijiet kulturali, ħiliet u valuri Ewropej

Workshop

Grupp tal-MKK

Workshop

Konferenza

 

Il-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ minn kontenut ta’ ħsara fuq pjattaformi diġitali

 

 

 

 

 

Workshop

 

 

L-iskopribbiltà ta’ kontenut Ewropew varjat fl-ambjent diġitali

Studju

Possibbiltà ta’ workshop

 

 

 

c)

Il-kultura għall-pjaneta: nisfruttaw il-qawwa tal-kultura

Statistika kulturali – biex tinbena r-reżiljenza fil-kultura u permezz tagħha

Workshops/tagħlim bejn il-pari u diskussjonijiet mal-Eurostat u l-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri tal-UE

Governanza kulturali

 

 

 

 

 

 

Laqgħa tal-grupp ta' riflessjoni

Possibiltà ta' konklużjonijiet tal-Kunsill

 

Azzjoni klimatika permezz tal-kultura, inkluż l-arti u l-patrimonju kulturali

 

 

Possibbiltà ta’ workshop

 

Possibbiltà ta’ workshop

 

Workshop

Possibbiltà ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill

L-avvanz tar-riċerka ffinanzjata mill-UE dwar is-suġġett

Ambjent mibni ta’ kwalità għolja għal kulħadd

Laqgħat tal-EDAP

Il-promozzjoni tal-inizjattiva NEB

Possibbiltà ta’ konferenza

Is-salvagwardja tal-patrimonju minn diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem

 

 

Tagħlim bejn il-pari

Possibbiltà ta’ konferenza

 

 

 

L-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-professjonisti tal-patrimonju kulturali u l-awtoritajiet kompetenti għall-beni kulturali dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ beni kulturali

 

Workshop / tagħlim bejn il-pari

Workshop / tagħlim bejn il-pari

Workshop / tagħlim bejn il-pari

 

 

 

 

d)

Il-kultura għal sħubijiet kokreattivi: insaħħu d-dimensjoni kulturali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE

Governanza tal-approċċ strateġiku tal-UE għal relazzjonijiet u qafas kulturali internazzjonali

Laqgħat tal-uffiċjali għolja

 

MKK fil-qosor

 

 

 

 

 

Il-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali u t-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi lokali fl-Ukrajna

Laqgħat tal-gruppi ta' esperti jew gruppi ta' riflessjoni mmexxija mill-Kummissjoni

Attività ta' tagħlim / taħriġ bejn il-pari

 

 

 

 

Laqgħat mar-Rappreżentanzi Permanenti

Ir-rwol tal-kultura u tal-professjonisti tal-kultura fil-promozzjoni u d-difiża tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem f’kuntesti fraġli

 

 

Konferenza / seminar konġunt ta’ rendikont (mal-PE, il-KtE, l-UNESCO, is-soċjetà ċivili)

 

 

 

 

Laqgħa konġunta mal-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill


ANNESS B

Linji gwida relatati mal-metodi ta' ħidma kollha

Linji gwida ġenerali

Il-metodi ta' ħidma skont il-Pjan ta' Ħidma huma flessibbli u mhumiex limitati għal dawk elenkati fil-Kapitolu III, punt 7.

Il-Kummissjoni ser tipprovdi għarfien espert (inkluż studji u forom oħra ta' kontribut espert) u appoġġ loġistiku fir-rigward tal-metodi ta' ħidma proposti skont dan il-Pjan ta' Ħidma, kif rilevanti.

Il-parteċipazzjoni hija volontarja u, fejn rilevanti, ibbażata fuq in-nomini tal-Istat Membru. Japplikaw regoli speċifiċi għall-gruppi ta' esperti u d-diskussjonijiet madwar mejda tal-Kummissjoni (ara hawn taħt).

Il-Kummissjoni ser tipprovdi spazju virtwali (għall-komunikazzjoni u l-kondiviżjoni tad-dokumenti) għal metodi ta' ħidma magħżula, jekk rilevanti, fattibbli u mitluba, biex tippermetti lill-esperti jżommu kuntatt u jiddibattu l-kwistjonijiet rilevanti. Dan l-ispazju virtwali ser ikun miftuħ għal persuni nominati mill-Istati Membri kollha u, fejn rilevanti, minn pajjiżi parteċipanti oħra.

Fuq talba, is-CAC ser jiġi infurmat dwar il-progress li sar dwar l-azzjonijiet tal-Pjan ta' Ħidma.

Għal kull eżitu finali ta' kull metodu ta' ħidma fil-Pjan ta' Ħidma, ser jiġi propost kif xieraq pjan għad-distribuzzjoni u l-komunikazzjoni fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali.

Ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn kull metodu ta' ħidma ser jiġu diskussi mis-CAC u, fejn rilevanti, minn korpi preparatorji rilevanti oħra u, kif xieraq, ippreżentati lill-Kunsill.

Ir-rapporti finali dwar kull metodu ta' ħidma ser jiġu ppubblikati u, kif xieraq, sommarju eżekuttiv – li ma jaqbiżx l-erba' paġni – ser jiġi tradott mill-Kummissjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK)

Il-MMK jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni, l-iskambju u l-kondiviżjoni ta' prattiki tajba fost l-Istati Membri dwar ċerti suġġetti komuni u jippermetti l-iżvilupp ta' rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti.

Il-mandat tal-MMK ser jiġi ffinalizzat fis-CAC – b'kontribut mill-AVMWP, fejn rilevanti – abbażi ta' abbozz ta' mandat propost mill-Kummissjoni.

Il-mandat jista' jipproponi li partijiet terzi, inkluż pajjiżi terzi, jiġu mistiedna għal grupp tal-MMK (1).

Kull grupp tal-MMK ser ikun responsabbli li jaħtar il-president jew il-kopresidenti fl-ewwel laqgħa tal-grupp tal-esperti.

Skont is-suġġett, il-grupp tal-MMK jista' jiġi mħeġġeġ jifforma gruppi fokali iżgħar u juża metodi parteċipattivi, fejn xieraq.

Attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari

Jenħtieġ li l-attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari jippermettu lil dawk li jfasslu l-politika, lill-prattikanti u/jew lill-partijiet ikkonċernati rilevanti jiskambjaw ideat u għarfien dwar il-prattiki, l-għodod u l-metodi ta' ħidma fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Dawn għandhom isiru f'kuntest prattiku bl-użu ta' approċċ prattiku b'saħħtu.

L-Istati Membri individwali jew grupp ta' Stati Membri jistgħu jieħdu l-inizjattiva u jipprovdu jew jitolbu għarfien espert dwar dan il-metodu ta' ħidma.

Il-Kummissjoni tista' torganizza wkoll attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari għall-prattikanti nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Laqgħat tal-grupp ta' riflessjoni

Il-laqgħat tal-gruppi ta' riflessjoni għandhom jipprovdu l-ispazju biex jiġu diskussi suġġetti ġodda, topiċi jew innovattivi, kif ukoll biex isir skambju ta' ideat dwar pjanijiet jew strateġiji. Id-dibattitu għandu jkun miftuħ u strettament informali.

L-Istati Membri individwali jew grupp ta' Stati Membri, f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, jistgħu jieħdu l-inizjattiva u jipprovdu għarfien espert u appoġġ loġistiku dwar dan il-metodu ta' ħidma.

Il-metodu jista' jinvolvi laqgħa waħda jew sensiela ta' laqgħat, kif propost mill-korp inizjatur.

Eżerċizzji ta' rendikont

L-għan tal-eżerċizzji ta' rendikont huwa li jiġu rieżaminati u vvalutati l-iżviluppi fi, u l-kisbiet dwar, suġġett maqbul fis-CAC. Barra minn hekk, ser jipprovdi forum għal dawk kollha involuti fid-diskussjoni.

L-eżerċizzji ta' rendikont jistgħu jieħdu kwalunkwe forma xierqa, eż. laqgħa ta' esperti online, kwestjonarju, konferenza, eċċ.

Gruppi ta' esperti mmexxija mill-Kummissjoni u diskussjonijiet madwar mejda

Il-gruppi ta' esperti mmexxija mill-Kummissjoni huma korpi konsultattivi stabbiliti mill-Kummissjoni biex jipprovdu pariri fir-rigward tat-tħejjija ta' atti leġiżlattivi u inizjattivi ta' politika (2). L-esperti parteċipanti jintgħażlu skont ir-regoli interni tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tista' torganizza wkoll diskussjonijiet madwar mejda ma' parteċipanti magħżula dwar suġġett maqbul fil-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Kultura.


(1)  Għall-finijiet ta' dan il-Pjan ta' Ħidma, “pajjiżi terzi” huma dawk imsemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 10 tal-Programm Ewropa Kreattiva (ir-Regolament (UE) 2021/818 – ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34).

(2)  Ir-reġistru tal-Gruppi ta' Esperti tal-Kummissjoni: https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/home


ANNESS II

Referenzi politiċi ewlenin

Aġenda Strateġika Ġdida għall-UE 2019–2024 (adottata fl-20 ta' Ġunju 2019)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ġdida Ewropea għall-Kultura, 22 ta' Mejju 2018 (COM/2018/267 final)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Media tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta' Azzjoni li jappoġġa l-Irkupru u t-Trasformazzjoni (COM/2020/784 final)

Kunċett dwar il-patrimonju kulturali f'kunflitti u kriżijiet. Komponent għall-paċi u s-sigurtà fl-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea (April 2021)

Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, Rapport dwar l-eżitu finali (Mejju 2022)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b'attenzjoni speċjali għall-Artikoli 8, 10 u 167 TFUE (ĠU C 202, 7 ta’ Ġunju 2016, p. 47)

Konvenzjoni dwar ir-Reati marbutin mal-Proprjetà Kulturali (2017)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "Il-Media tal-Ewropa fid-Deċennju Diġitali: Pjan ta' Azzjoni b'Appoġġ għall-Irkupru u t-Trasformazzjoni (ĠU C 210, 3.6.2021; p. 1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar approċċ strateġiku tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali u qafas għal azzjoni (ĠU C 192, 7.6.2019, p. 6)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Bini ta' Strateġija Ewropea għall-Ekosistema tal-Industriji Kulturali u Kreattivi (ĠU C 160, 13.4.2022, p. 13)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Governanza Kulturali (ĠU C 393/03, 19.12.2012, p. 8)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kultura, l-arkitettura ta' kwalità għolja u l-ambjent mibni bħala elementi ewlenin tal-inizjattiva Bauhaus Ewropea Ġdida (ĠU CI 501, 13.12.2021, p. 13)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ tal-UE għall-wirt kulturali f'konflitti u kriżijiet (id-dokument 9837/21)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-iskambji interkulturali permezz tal-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi, u permezz tal-multilingwiżmu fl-era diġitali (ĠU C 160, 13.4.2022, p. 20)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tar-riskju fil-qasam tal-wirt kulturali (ĠU C 186, 5.6.2020. p. 1)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi (ĠU C 209, 2.6.2021, p. 3)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (ĠU C 460, 21.12.2018; p. 12) u Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (COM/2022/317 final)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Ġenerazzjonijiet ta' żgħażagħ kreattivi (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 34)

Dikjarazzjoni ta' Davos “Lejn Baukultur ta' kwalità għolja għall-Ewropa”, 20-22 ta' Jannar 2018

Deċiżjoni (UE) 2017/864 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta Mejju 2017 dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, (ĠU L 131, 20.5.2017, p. 1)

Dikjarazzjoni tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Kultura, l-Awdjoviżiv u l-Media, fil-laqgħa li saret f'Angers fis-7 u t-8 ta' Marzu 2022

Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024, (JOIN/2020/5 final)

Green Paper dwar il-Wirt Kulturali Ewropew, “Putting Europe's Shared Heritage at the Heart of the European Green Deal” (Inpoġġu l-patrimonju kondiviż tal-Ewropa fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew), (Marzu 2021)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (2020/2708(RSP))

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE (2020/2261(INI))

Konvenzjoni Qafas dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (Konvenzjoni ta' Faro, 2005)

Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-Mexxejja tal-G20

Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Lejn strateġija tal-UE għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali (JOIN/2016/029 final)

Dikjarazzjoni ministerjali dwar il-kultura fiż-żminijiet tal-kriżi tal-COVID-19 (April 2020)

Il-Karta ta' Porto Santo (2021)

Rakkomandazzjoni CM/Rec (2017) lill-Istati Membri dwar l-Istrateġija Ewropea tal-Wirt Kulturali għas-seklu 21 (2017)

Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021 - 2027) (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill dwar id-Dimensjoni Kulturali tal-Iżvilupp Sostenibbli (ĠU C 410, 6.12.2019, p. 1)

Il-Karta ta' Ruma (2020)

Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli (A/RES/70/1)

Il-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali

Il-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat, b'regolamenti għall-eżekuzzjoni tal-Konvenzjoni (The Hague, 14 ta' Mejju 1954)

Dikjarazzjoni ta' Mondiacult tal-UNESCO għall-Kultura (Belt tal-Messiku, 30 ta' Settembru 2022)

Riżoluzzjoni 2347 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (Librerija Diġitali tal-UNESCO, 2017, CL/4210)


Top