EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2101

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2101 tat-13 ta’ Ottubru 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

ST/12503/2022/INIT

OJ L 283, 3.11.2022, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2101/oj

3.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2101

tat-13 ta’ Ottubru 2022

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu.

(2)

Il-Ftehim ġie konkluż fis-17 ta’ Mejju 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2).

(3)

Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“il-Kunsill tal-Membri”) għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ Gvern mal-Ftehim.

(4)

Il-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija applika formalment biex jaċċedi għall-Ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kunsill tal-Membri jiġi mistieden, matul sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija, fir-rigward tal-ishma ta’ parteċipazzjoni fil-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni.

(5)

Billi r-Renju tal-Arabja Sawdija qed jiżviluppa s-settur taż-żebbuġ tiegħu fir-rigward tal-konsum u biħsiebu jiżviluppa l-produzzjoni tiegħu, l-adeżjoni tiegħu taħt ċerti kundizzjonijiet tista’ ssaħħaħ il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba ta’ uniformità fil-liġi nazzjonali u internazzjonali relatata mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ.

(6)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati se jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni billi jħallu impatt fuq il-bilanċ deċiżjonali fil-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ matul sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Gvern tar-Renju tas-Sawdi Arabja mal-Ftehim, hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

P. BLAŽEK


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1).


ANNESS

L-Unjoni għandha tappoġġa l-adeżjoni tal-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija mal-Ftehim, matul sessjoni futura tal-Kunsill tal-Membri, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, dment li l-ishma ta’ parteċipazzjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija jiġu kkalkulati skont il-formula speċifikata fl-Artikolu 11 tal-Ftehim. L-Unjoni ser tappoġġa kwalunkwe limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni li jippermetti lir-Renju tal-Arabja Sawdija jaderixxi mal-Ftehim malajr. Jekk id-depożitu tal-istrument jiġi jittardja, l-Unjoni, f’deċiżjonijiet sussegwenti li jridu jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri, tista’ tappoġġa l-estensjoni tal-perjodu għad-depożitu tal-istrument.


Top